|
29.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 170/69 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1049
tas-27 ta' Ġunju 2016
li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għan-nefqa mġarrba minn Ċipru fl-2013 għall-finanzjament tal-miżuri ta' emerġenza kontra l-marda ta' Newcastle
(innotifikata bid-dokument C(2016) 3857)
(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(4) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (2), u b'mod partikolari l-Artikoli 84(2), 121(1) u 133(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 (3) jistipula r-regoli għall-ħlas ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta' emerġenza għall-qerda ta' ċertu mard tal-annimali, inkluża l-marda ta' Newcastle. L-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament jistabbilixxi d-dokumenti li għandhom jintbagħtu mill-Istat Membru li jitlob il-kontribuzzjoni finanzjarja u d-dati ta' skadenza biex jintbagħtu dawn id-dokumenti. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/724/UE (4) tistipula dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni li għandha tingħata lil Ċipru għall-ispejjeż imġarrba minn dak l-Istat Membru fit-teħid tal-miżuri fil-ġlieda tiegħu kontra l-marda ta' Newcastle fl-2013 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE (5). Għaldaqstant, l-ewwel ħlas parzjali ta' EUR 250 000,00 tħallas lil dak l-Istat Membru għall-ispejjeż imġarrba fl-2013 bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni. Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/724/UE tistipula wkoll li l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandu jiġi ffissat f'deċiżjoni sussegwenti li trid tiġi adottata skont il-proċedura msemmija fiha. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 jistipula dwar ħlasijiet li jridu jsiru lill-Istati Membri f'dawk iċ-ċirkustanzi. Għalhekk, ir-regolament jistipula dwar l-adozzjoni ta' atti ta' implimentazzjoni u jistabbilixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja. Dak ir-Regolament ħassar ukoll id-Deċiżjoni 2009/470/KE u r-referenzi għal dik id-Deċiżjoni għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għar-Regolament (UE) Nru 652/2014. |
|
(4) |
Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/724/UE, ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, b'mod partikolari l-Artikolu 84 tiegħu, ġew sodisfatti. |
|
(5) |
Fit-13 ta' Frar 2014, Ċipru bgħat talba uffiċjali għar-rimborż lill-Kummissjoni, akkumpanjata minn rapport finanzjarju, dokumenti ta' sostenn u rapport epidemjoloġiku dwar kull stabbiliment fejn l-annimali nqatlu u nqerdu. It-talba għar-rimborż tammonta għal EUR 355 361,23. |
|
(6) |
Wara r-riżultat tal-verifika fuq il-post ex ante, ġestita mis-servizz ta' verifika kompetenti, instabet mhux eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni nefqa li tammonta għal EUR 81 156,54. Għalhekk il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita għal EUR 274 204,69. Minbarra l-ewwel ħlas parzjali diġà mħallas, għandu jingħata ħlas parzjali supplimentari u finali ta' EUR 24 204,69. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għan-nefqa mġarrba minn Ċipru fl-2013 għall-finanzjament ta' miżuri ta' emerġenza għall-ġlieda kontra l-marda ta' Newcastle hija ffissata għal EUR 274 204,69.
2. Il-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni li għad trid titħallas lil Ċipru qiegħed b'dan jiġi stabbilit għal EUR 24 204,69.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' Ċipru.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Ġunju 2016.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 189, 27.6.2014, p. 1.
(2) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta' Frar 2005 li jistabilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12).
(4) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/724/UE tal-5 ta' Diċembru 2013 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta' emerġenza fil-ġlieda kontra l-marda ta' Newcastle f'Ċipru fl-2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 121).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta' Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30).