11.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 260/65


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1713

tad-9 ta’ Ottubru 2019

li tistabbilixxi l-format tal-informazzjoni li għandhom jagħmlu disponibbli l-Istati Membri għall-finijiet tar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/2193 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2019) 7133)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/2193 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti sustanzi niġġiesa fl-arja minn impjanti tal-kombustjoni medji (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2193 jeħtieġ li sal-1 ta’ Jannar 2021, l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni rapport li jagħti stima tal-emissjonijiet annwali ta’ monossidu tal-karbonju (CO) mill-impjanti tal-kombustjoni medji.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 11(3) (l-ewwel subparagrafu) tad-Direttiva (UE) 2015/2193, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel disponibbli lill-Istati Membri għodda elettronika għar-rapportar.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 11(3) (it-tieni subparagrafu) tad-Direttiva (UE) 2015/2193, jenħtieġ li l-formati tekniċi ta’ rapportar ikunu speċifikati mill-Kummissjoni sabiex tissimplifika l-obbligu ta’ rapportar għall-Istati Membri.

(4)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat, stabbilit mill-Artikolu 75(1) tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) kif imsemmi fl-Artikolu 15 tad-Direttiva (UE) 2015/2193.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tar-rapportar lill-Kummissjoni ta’ stima tat-totali annwali tal-emissjonijiet tal-monossidu tal-karbonju (CO) f’konformità mal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2193, l-Istati Membri għandhom jużaw il-kwestjonarju stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

L-Istati Membri għandhom jużaw l-għodda elettronika ta’ rapportar li tagħmel disponibbli l-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 11(3)(l-ewwel subparagrafu) tad-Direttiva (UE) 2015/2193 sabiex jirrapportaw l-informazzjoni stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-informazzjoni speċifikata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi sottomessa għas-sena ta’ rappurtar 2019 sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor f’dak l-Anness.

L-informazzjoni stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2021.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 313, 28.11.2015, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).


ANNESS

Informazzjoni dwar l-impjanti tal-kombustjoni medji koperti mid-Direttiva (UE) 2015/2193

Nota: L-obbligu li tiġi fornuta l-informazzjoni meħtieġa sa Jannar 2021 jiġi qabel il-ħtieġa li l-Impjanti tal-Kombustjoni Medji jiġu permessi jew irreġistrati. Fid-dawl ta’ dan, huma u jimlew ir-rapport, l-Istati Membri se jkollhom jiddependu fuq id-data li jkollhom disponibbli dakinhar. F’każijiet fejn ma jkollhomx data disponibbli għandhom jimlew ir-rapport bl-aħjar stimi tagħhom. Għal dawn ir-raġunijiet qed issir distinzjoni bejn l-impjanti l-ġodda u dawk eżistenti u bejn l-impjanti li jaqbżu l-20MWth u dawk li ma jaqbżuhomx.

Parti 1

Kategoriji ta’ impjanti

Din it-tabella tipprovdi l-kategoriji ta’ impjanti li jridu jintużaw biex tiġi pprovduta l-informazzjoni meħtieġa taħt il-partijiet 2 u 3 (1).

1.1. Ġodda jew eżistenti

Kif definiti skont l-Artikolu 3(6) u (7) tad-Direttiva (UE) 2015/2193

1.2. Gradi tal-kapaċità (kapaċità termali kklassifikata) (2)

—

ugwali għal jew ikbar minn 1 MWth u iżgħar minn jew ugwali għal 5 MWth

—

akbar minn 5 MWth u iżgħar minn jew ugwali għal 20 MWth

—

akbar minn 20 MWth

1.3. Tipi ta’ impjant

—

impjanti li mhumiex magni u turbini tal-gass

—

magni

—

turbini tal-gass

1.4. Tipi ta’ karburant

—

bijomassa solida

—

karburanti solidi oħrajn

—

żejt tal-gass

—

karburanti likwidi li mhumiex żejt tal-gass

—

gass naturali

—

karburanti gassużi li mhumiex gass naturali

—

karburant imħallat

Parti 2

Metadata

2.1. Pajjiż

Identifikazzjoni tal-pajjiż li jissottometti r-rapport

2.2. Awtorità Kompetenti

Identifikazzjoni tal-awtorità kompetenti responsabbli għar-rapport (dipartiment, indirizz, numru tat-telefon u email)

2.3. Numru ta’ impjanti

Numru ta’ impjanti għal kull kategorija ta’ impjanti

2.4. Sena ta’ rappurtar

Is-sena kalendarja li għaliha jirreferi r-rappurtar (3)

Parti 3

Emissjonijiet, input ta’ enerġija u kapaċità

3.1. Konċentrazzjonijiet ta’ CO

Stima tal-konċentrazzjoni medja ta’ monossidu tal-karbonju espressa f’mg/Nm3 fil-livell ta’ ossiġenu ta’ referenza użat biex jiġu espressi l-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet (VLE) tas-sustanza niġġiesa rregolata u l-arja niexfa għal kull kategorija ta’ impjanti

3.2. Emissjonijiet ta’ CO

Stima ta’ emissjonijiet tal-monossidu tal-karbonju espressi bħala l-kwantità totali f’tunnellati għal kull sena kalendarja li tintrema mill-impjanti għal kull kategorija ta’ impjanti

3.3. Input ta' enerġija

Stima tal-karburant totali użat mill-impjanti f’Tera Joules fis-sena għal kull kategorija ta’ impjanti.

3.4. Kapaċità aggregata totali

Stima tal-kapaċità installata totali espressa bħala s-somma ta’ input termiku nominali tal-impjanti kollha għal kull kategorija ta’ impjanti


(1)  Eżempju tal-kategorija: Bojlers ġodda li jkunu ikbar minn 5 MWth u iżgħar minn jew ugwali għal 20 MWth li jaħarqu karburanti likwidi minbarra ż-żejt tal-gass.

(2)  Għal impjanti tal-kombustjoni medji ġodda, jista’ jintuża l-input termiku nominali totali.

(3)  Preferibbilment l-2019. Jekk mhux possibbli, l-2018.