IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.6.2024
COM(2024) 626 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Finlandja
{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 626 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.6.2024
COM(2024) 626 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Finlandja
{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 626 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Finlandja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(2)Ir-Regolament REPowerEU 3 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi gradwalment. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Il-Finlandja żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.
(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 4 , sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 5 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xprunaturi tal-kompetittività identifikati.
(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024 6 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2024, li fih ma identifikatx lill-Finlandja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat minn żbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2024 tal-Finlandja. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.
(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Barra minn hekk fih ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u għad-Direttiva 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 7 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Jenħtieġ li kull Stat Membru jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru orizzont ta’ ppjanar ta’ 4 snin jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, il-perkors tan-nefqa netta 8 jenħtieġ li jikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inklużi r-rekwiżiti biex id-dejn tal-gvern estiż jitpoġġa jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u d-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika, fejn applikabbli). L-Istati Membri jenħtieġ li jissottomettu l-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u tal-partijiet ikkonċernati nazzjonali oħrajn, kif xieraq.
(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.
(7)Fis-27 ta’ Mejju 2021, il-Finlandja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fid-29 ta’ Ottubru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Finlandja 9 , li ġiet emendata fl-14 ta’ Marzu 2023 għall-konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 għall-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll fit-8 ta’ Diċembru 2023 biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 10 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Finlandja laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(8)Fil-25 ta’ April 2024 il-Finlandja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2024 tagħha, u l-Programm ta’ Stabbiltà 2024 fil-25 ta’ April 2024, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Finlandja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(9)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Finlandja 11 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Huwa vvaluta l-progress tal-Finlandja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-Finlandja tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Finlandja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(10)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 12 , id-defiċit tal-gvern estiż tal-Finlandja żdied minn 0,4 % tal-PDG fl-2022 għal 2,7 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 73,5 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 75,8 % fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-gwida tal-politika fiskali għall-2024 ( 13 ), il-Kummissjoni qed tieħu l-ewwel pass għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE ( 14 ). Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja tal-Finlandja, billi fl-2024 id-defiċit ippjanat tal-gvern estiż tagħha jaqbeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif stabbilit skont l-Artikolu 126(4) tat-TFUE, f’Lulju l-Kummissjoni biħsiebha ma tipproponix li tiftaħ proċedura ta’ defiċit eċċessiv għall-Finlandja.
(11)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 15 li l-Finlandja tieħu azzjoni biex fl-2023 tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali jkun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika newtrali ġenerali 16 u tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Il-Finlandja jenħtieġ li tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Il-Finlandja ngħatat ukoll ir-rakkomandazzjoni li tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 17 kienet espansjonarja, b’0,9 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (nett minn miżuri diskrezzjonali ta’ dħul) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,8 % tal-PDG għall-pożizzjoni fiskali. Dan jinkludi kostijiet ogħla biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lil persuni spostati mill-Ukrajna (b’0,2 % tal-PDG). Il-kontribuzzjoni espansjonarja ta’ nefqa kurrenti primarja netta ffinanzjata fuq livell nazzjonali fl-2023 għalhekk kienet biss parzjalment dovuta għall-persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment (nett minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali) kien dovut ukoll għal żieda persistenti u rapida fil-prezzijiet u fil-kostijiet — speċjalment ta’ servizzi mixtrija u spejjeż tal-persunal fil-gvern lokali — kif ukoll għal żieda fi spejjeż relatati mat-tħejjija li nħolqu b’rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Fil-qosor, it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata f’livell nazzjonali fl-2023 ma kienx konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE ammontat għal 0,4 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali ammonta għal 4,0 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 0,2 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. Il-Finlandja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħrajn tal-UE. Il-Finlandja ffinanzjat investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħal infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli u idroġenu b’emissjonijiet baxxi, li huma parzjalment iffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.
(12)Il-projezzjonijiet ewlenin tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2024 jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprevedi tkabbir tal-PDG reali ta’ 0 % fl-2024 u 1,6 % fl-2025, filwaqt li jipproġetta inflazzjoni tal-HICP ta’ 1,3 % fl-2024 u 1,9 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 3,4 % tal-PDG fl-2024 u jonqos għal 2,7 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 80,8 % sa tmiem l-2024 u 82,3 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025 id-defiċit tal-gvern estiż huwa pproġettat li jonqos għal 1,9 % tal-PDG fl-2026. Għalhekk, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jkun taħt il-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG fl-2025. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa pproġettat li jiżdied gradwalment għal 82,4 % fl-2026.
(13)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber b’0,0 % fl-2024 u 1,4 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 1,4 % fl-2024 u 2,1 % fl-2025.
(14)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 3,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG mistenni jiżdied għal 80,5 % sa tmiem l-2024. Iż-żieda fid-defiċit fl-2024 tirrifletti prinċipalment tkabbir baxx fin-naħa tad-dħul, kemm f’termini ta’ taxxi kif ukoll ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, imma wkoll żidiet fin-nefqa, speċjalment fuq benefiċċji soċjali u pagi. Fuq il-bażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun espansjonarja b’0,7 % tal-PDG fl-2024.
(15)In-nefqa li tammonta għal 0,2 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,1 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. L-infiq iffinanzjat mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq id-defiċit u d-dejn tal-gvern estiż tal-Finlandja.
(16)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda 18 li l-Finlandja tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 19 fl-2024 għal mhux aktar minn 2,2 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tal-Finlandja hija pproġettata li tiżdied b’4,0 % fl-2024, li hija ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata. Dan l-infiq eċċessiv fuq ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata fin-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment jikkorrispondi għal 0,9 % tal-PDG fl-2024. Hemm ir-riskju li dan ma jkunx konformi ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill.
(17)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Finlandja tieħu azzjoni biex tnaqqas il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza fis-seħħ, billi tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, malajr kemm jista’ jkun fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li, jekk iż-żidiet imġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ġodda jew kontinwi ta’ appoġġ, jenħtieġ li l-Finlandja tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, fiskalment affordabbli, u tippreserva l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett 20 tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat li jkun 0,2 % tal-PDG fl-2023 u pproġettat li jkun 0,0 % fl-2024 u fl-2025. Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawn il-projezzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta’ 0,2 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li n-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment 21 tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,7 % tal-PDG f’dik is-sena. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huma proġettati li jiġu eliminati gradwalment malajr kemm jista’ jkun fl-2023 u l-2024. Dan huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill. Madankollu, l-iffrankar relatat mhuwiex ipproġettat li jintuża bis-sħiħ biex inaqqas id-defiċit tal-gvern. Dan iwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
(18)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Finlandja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat nazzjonalment huwa pproġettat li jiżdied għal 4,1 % tal-PDG fl-2024, minn 4,0 % tal-PDG fl-2023. Dan huwa konformi ma’ dak li rrakkomanda l-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, fosthom l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija tibqa’ stabbli b’0,4 % tal-PDG fl-2024.
(19)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir u fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 2,8 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis fid-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment iż-żieda fir-rata tal-VAT ġenerali kif ukoll tnaqqis fin-nefqa. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mistenni li jiżdied għal 82,4 % fi tmiem l-2025, wara tkabbir ekonomiku iktar bil-mod u nefqa fuq l-imgħax li qed tiżdied.
(20)Il-Finlandja għandha sistema ta’ protezzjoni soċjali effettiva u inklużiva b’livell għoli ta’ protezzjoni soċjali, iżda hija kumplessa u tista’ toħloq diżinċentiv għax-xogħol. Fl-2020, kumitat parlamentari ddedikat ingħata l-kompitu li jfassal ir-riforma tas-sistema tas-sigurtà soċjali sal-2027. F’Marzu 2023, il-kumitat ippreżenta r-rapport interim tiegħu, li kien fih 31 proposta għal studji, abbozzi ta’ leġiżlazzjoni u proġetti ta’ żvilupp għal gvernijiet futuri. Ir-riforma għandha l-għan li tissimplifika s-sistema ta’ protezzjoni soċjali u żżid l-inċentivi għax-xogħol, filwaqt li tippreserva l-protezzjoni soċjali effettiva u inklużiva u żżid ir-rata tal-impjieg. Ir-riforma tas-sistema tas-sigurtà soċjali mistennija ttejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.
(21)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Finlandja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Sabiex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, hu essenzjali li l-Finlandja tkompli bl-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investimenti billi tindirizza d-dewmien li qed jitfaċċa. B’mod partikolari huwa importanti li tkun żgurata s-sottomissjoni fil-ħin tat-tieni u tat-tielet talba għall-pagament. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.
(22)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Finlandja hija meħtieġa tirrieżamina kull programm sa Marzu 2025, filwaqt li tqis, fost affarijiet oħrajn, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha għall-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluż f’kull programm. Il-Finlandja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad fadal sfidi. B’mod partikolari, għad hemm disparitajiet bejn ir-reġjuni kapitali u l-bqija tal-Finlandja fir-rigward tal-PDG per capita u tal-produttività tax-xogħol. Hu kruċjali li tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Il-prijoritajiet maqbula fil-programmi għadhom rilevanti, b’mod partikolari għar-reġjuni tat-Tramuntana u tal-Lvant b’popolazzjoni baxxa. Jenħtieġ li tingħata wkoll attenzjoni partikolari lit-tisħiħ tar-R&Ż u lill-innovazzjoni, lid-diġitalizzazzjoni u lill-kompetittività tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, biex titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u ġusta. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-enfasi jibqa’ fuq l-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet, it-tisħiħ tal-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni attiva fis-suq tax-xogħol, partikolarment għal gruppi vulnerabbli, u fuq is-sostenn tal-miżuri ta’ innovazzjoni soċjali u t-titjib tas-servizzi ta’ protezzjoni tat-tfal. Il-Finlandja tista’ tuża l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex issostni t-trasformazzjoni tal-industrija, pereżempju fl-oqsma tal-intelliġenza artifiċjali, taċ-ċibersigurtà u tar-robotika, tal-enerġija u tal-effiċjenza fir-riżorsi, u tat-teknoloġiji mediċi li huma vitali għas-sigurtà tas-saħħa.
(23)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u minn fondi oħrajn tal-UE, il-Finlandja tiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati man-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet, u mal-implimentazzjoni tar-riforma fis-servizzi soċjali u fil-kura tas-saħħa.
(24)L-okkupazzjoni baqgħet fuq 78 % fl-2023, iżda l-qgħad żdied minn 6,8 % fl-2022 għal 7,2 % fl-2023, u għadu jippersisti l-qgħad strutturali. L-ispariġġ fil-ħiliet, jiġifieri li ma jkunx possibbli li pożizzjonijiet vakanti jimtlew b’ħaddiema li jkollhom il-ħaddiema mitlubin mill-impjegaturi, hu sfida, partikolarment fl-edukazzjoni, fil-kura tas-saħħa u fil-kura soċjali. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ ħaddiema fl-oqsma rilevanti għat-tranżizzjoni ekoloġika jirriskja li jillimita l-progress biex tintlaħaq il-mira klimatika tal-Finlandja ta’ newtralità karbonika sal-2035. In-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet jhedded ukoll il-kompetittività tal-Finlandja u t-tkabbir fit-tul, u huma aggravati aktar minn tixjiħ tal-popolazzjoni.
(25)Is-sehem ta’ persuni fil-Finlandja li jirrapportaw ħtieġa mhux issodisfata għall-kura medika hu għoli. Ir-riforma li għaddejja tas-saħħa pubblika u tas-servizzi soċjali timmira li tiżgura aċċess ugwali għas-servizzi filwaqt li jiġu ristretti l-kostijiet li qed jiżdiedu għall-provvista ta’ servizz. Ir-riforma amministrattiva tlestiet, imma l-kontej differenti ta’ servizzi ta’ benesseri jinsabu fi stadji varji ta’ tħejjija f’termini ta’ riorganizzazzjoni u ottimizzazzjoni tal-provvista tagħhom ta’ servizzi.
(26)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Finlandja, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) jgħinu għall-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Finlandja fl-2024 u fl-2025 tieħu azzjoni biex:
1.Tissottometti l-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta 22 fl-2025 għal rata konsistenti mat-tqegħid tad-dejn tal-gvern estiż fuq trajettorja ta’ tnaqqis plawżibbli fuq terminu medju u t-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Tkompli r-riforma tas-sistema tas-sigurtà soċjali sabiex tiżdied l-effiċjenza tas-sistema tal-benefiċċji soċjali, li ttejjeb l-inċentivi għax-xogħol u tappoġġa s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.
2.Tindirizza d-dewmien emerġenti biex tkun tista’ tkompli implimentazzjoni rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività.
3.Tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet billi tħarreġ mill-ġdid u ttejjeb il-ħiliet tal-forza tax-xogħol u tkabbar l-offerta tal-edukazzjoni għolja, b’mod partikolari għall-oqsma ta’ studju li l-aktar hemm domanda għalihom fis-suq tax-xogħol. Tiżgura li r-riforma tas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa ttejjeb l-aċċess għas-servizzi u l-provvista tagħhom, u tiġġieled l-ineffiċjenzi.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President