European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/5132

22.9.2025

Notifika taż-żoni disponibbli għall-għoti tal-liċenzji għall-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-idrokarburi fuq l-art kontinentali

(C/2025/5132)

Skont l-Artikolu 20 tal-Att dwar l-Esplorazzjoni u l-Isfruttament tal-Idrokarburi (NN, (Narodne Novine, Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja) Nri 52/18, 52/19 u 30/21), il-Ministeru tal-Ekonomija, f’isem ir-Repubblika tal-Kroazja, jippubblika dan li ġej

Il-Gvern tar-Repubblika tal-Kroazja jistieden lill-partijiet interessati kollha biex jissottomettu offerti għall-kisba ta’ liċenzja għall-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-idrokarburi fir-rigward tal-blokok ta’ esplorazzjoni disponibbli fuq l-art kontinentali.

1.   INFORMAZZJONI DWAR IL-BLOKOK TA ESPLORAZZJONI

Iż-żoni għall-esplorazzjoni u għall-isfruttament tal-idrokarburi fuq l-art kontinentali li għalihom huma disponibbli liċenzji għall-esplorazzjoni u għall-isfruttament tal-idrokarburi huma:

1.

Il-blokka ta’ esplorazzjoni SZH-01

2.

Il-blokka ta’ esplorazzjoni DR-02/2

3.

Il-blokka ta’ esplorazzjoni SA-10/1

Il-mapep u l-koordinati tal-blokok ta’ esplorazzjoni huma pprovduti fid-dokumentazzjoni tal-offerta.

Il-blokok ta’ esplorazzjoni li għalihom huma disponibbli liċenzji għall-esplorazzjoni u għall-isfruttament huma żoni abbandunati minn investituri fil-proċess tal-esplorazzjoni tal-idrokarburi skont l-Artikolu 36 tal- Att dwar l-Esplorazzjoni u l-Isfruttament tal-Idrokarburi.

2.   KRITERJI GĦALL-GĦAŻLA TAL-OFFERENTI

Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi (ĠU L 164, 30.6.1994) relatati mas-sigurtà nazzjonali u skont l-Artikolu 19 tal-Att dwar l-Esplorazzjoni u l-Isfruttament tal-Idrokarburi, il-kriterji li għandhom jitqiesu għall-għażla tal-aktar offerent vantaġġuż huma:

1.

il-kompetenza teknika, finanzjarja u professjonali tal-offerent;

2.

il-mezzi li bihom l-offerent biħsiebu jwettaq l-attivitajiet li huma s-suġġett tal-liċenzja għall-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-idrokarburi,

3.

il-kwalità ġenerali tal-offerta sottomessa;

4.

il-kundizzjonijiet finanzjarji offruti mill-offerent għall-fini tal-liċenzja għall-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-idrokarburi, u

5.

kwalunkwe nuqqas ta’ effiċjenza jew responsabbiltà fi kwalunkwe forma mill-offerent murija f’pajjiżi oħra f’attivitajiet preċedenti koperti minn liċenzja għall-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-idrokarburi.

Il-kriterju tal-għoti għall-għażla tal-offerent huwa wkoll it-tariffa għall-aċċess ta’ kuntratt ta’ esplorazzjoni u sfruttament tal-idrokarburi, li l-ammont minimu tagħha huwa stabbilit fid-digriet imsemmi fl-Artikolu 51 Att dwar l-Esplorazzjoni u l-Isfruttament tal-Idrokarburi.

Jekk, wara evalwazzjoni abbażi tal-kriterji skont l-Att dwar l-Esplorazzjoni u l-Isfruttament tal-Idrokarburi, ikun hemm żewġ offerti jew aktar bl-istess mertu, se jitqiesu kriterji oħra rilevanti, oġġettivi u mhux diskriminatorji għad-deċiżjoni finali.

3.   IL-PROĊEDURA TA’ KIF JIĠU SOTTOMESSI L-OFFERTI

L-offerti jridu jiġu sottomessi f’konformità mad-dokumenti tal-offerta ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija tal-Idrokarburi Kroata www.azu.hr u sottomessi lill-Aġenzija tal-Idrokarburi f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Esplorazzjoni u l-Isfruttament tal-Idrokarburi u d-dokumenti tal-offerta.

L-informazzjoni u l-avviżi rilevanti l-oħra kollha jinsabu fis-sit web tal-Aġenzija għall-Idrokarburi — www.azu.hr.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5132/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)