Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tas-Slovenja għall-2012 u li twassal l-Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tas-Slovenja għall-perjodu 2012-2015 /* COM/2012/0327 final - 2012/ () */
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma
tas-Slovenja għall-2012
u li twassal l-Opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tas-Slovenja
għall-perjodu 2012-2015 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2)
u 148(4) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar
it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u
s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 5(2)
tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament (UE)
Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi
makroekonomiċi[2], u
b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni Ewropea[3], Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet
tal-Parlament Ewropew[4], Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet
tal-Kunsill Ewropew, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Impjiegi, Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u
Finanzjarju, Billi: (1) Fis-26 ta’ Marzu 2010,
il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiġi
mnedija strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, bl-isem ta'
Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki
ekonomiċi u li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tinħtieġ azzjoni
li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività
sostenibbli. (2) Fit-13 ta’ Lulju 2010,
il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali
għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010
sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, huwa adotta
deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar
l-impjiegi[5], li
flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri
ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u
okkupazzjonali nazzjonali tagħhom. (3) Fit-12 ta' Lulju 2011,
il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma
tas-Slovenja għall-2011 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta'
stabbiltà aġġornat tas-Slovenja għall-perjodu bejn l-2011 u
l-2014. (4) Fit-23 ta' Novembru 2011,
il-Kummissjoni adottat it-tieni Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li
kien il-bidu tat-tieni Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex
ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.
Fl-14 ta’ Frar 2012, abbażi tar-Regolament (UE)
Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu
ta' Twissija[6], li
fih hija identifikat lis-Slovenja bħala wieħed mill-Istati Membri li
dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. (5) Fit-2 ta’ Marzu 2012,
il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jiggarantixxi l-istabbiltà
finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li
tħeġġeġ it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li
tinżamm konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir,
biex l-ekonomija jerġa' jkollha kundizzjonijiet normali għas-self,
biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu
indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex
tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika. (6) Fit-2 ta’ Marzu 2012,
il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt
Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin
għall-inklużjoni fil-programmi ta’ stabbiltà jew ta’ konverġenza
tagħhom u fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom. (7) Fis-26 ta' April 2012,
is-Slovenja ressqet il-programm ta' stabbiltà aġġornat tagħha,
li jkopri l-perjodu bejn l-2012 u l-2015, u
fit-13 ta' April 2012 ressqet il-Programm Nazzjonali ta' Riforma
tagħha għall-2012. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom,
iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.
Il-Kummissjoni vvalutat ukoll, permezz ta’ reviżjoni bir-reqqa skont
l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, jekk is-Slovenja hix
affettwata mill-iżbilanċi makroekonomiċi. Fir-reviżjoni
bir-reqqa tagħha[7] l-Kummissjoni
kkonkludiet li s-Slovenja qed tesperjenza żbilanċi interni li,
notevolment, jaffettwaw it-tnaqqis fil-livell tad-dejn tas-settur korporattiv u
l-istabbiltà tal-banek. Dawn
l-iżbilanċi interni u kull żbilanċ estern potenzjali
għandhom jiġu mmonitorjati mill-qrib u jiġu inklużi
fil-kunsiderazzjonijiet tal-politika ekonomika, biex b’hekk jitnaqqas ir-riskju
li jkun hemm effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija. Ir-rikapitalizzazzjoni u l-bejgħ tal-ikbar
bank u l-impenn sod lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv
sal-iskadenza tal-2013, huma żewġ elementi importanti u rilevanti
tar-rispons previst attwalment. Ir-riskju
tal-iżbilanċi eċċessivi jista’ jitnaqqas permezz ta’
implimentazzjoni minnufih u bir-reqqa f’dawn l-oqsma. (8) Fuq il-bażi
tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Stabbilità tal-2012, aġġornat skont
ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni
li x-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati l-projezzjonijiet
baġitarji fil-programm, huwa ottimistiku meta mqabbel mal-previżjoni
tal-Kumissjoni tar-rebbiegħa 2012. L-objettiv tal-istrateġija
baġitarja spjegata fil-programm, huwa li d-defiċit
tal-amministrazzjoni pubblika jitnaqqas għal taħt it-3 % tal-PDG
fl-2013, li hija l-iskadenza stabbilita mill-Kunsill, u li wara li jsir dan
ikompli jitnaqqas id-defiċit biex b’hekk sal-2015, b’mod ġenerali, jintlaħaq
l-objettiv baġitarju ta' terminu medju (OTM) tas-Slovenja. L-OTM huwa
definit bħala pożizzjoni bbilanċjata f’termini strutturali, mhux
mibdula mill-programm preċedenti, iżda li ma jistax jitqies
bħala adegwat skont id-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u
Tkabbir billi, skont il-politiki u l-projezzjonijiet attwali, ma jiżgurax
progress rapidu biżżejjed lejn is-sostenibbiltà għat-tul. Hemm
riskju li r-riżultati tad-defiċit ikunu agħar minn dawk
previsti, minħabba (i) nuqqas ta’ speċifikazzjoni tal-miżuri
previsti għall-perjodu mill-2013-15; (ii) rekord ta’ nfiq primarju
żejjed kurrenti; (iii) dħul iktar baxx fid-dawl tax-xenarju
makroekonomiku relattivament ottimistiku u l-inċertezza dwar l-impatt
tal-miżuri tat-taxxa li ġew deċiżi reċentement; u (iv)
operazzjonijiet possibbli ta’ appoġġ permezz ta' kapital addizzjonali
u t-talba għall-garanziji. Fuq bażi tal-bilanċ strutturali
(ikkalkolat mill-ġdid)[8],
l-isforz fiskali medju annwali tul il-perjodu bejn l-2010 u l-2013, huwa
ppjanat li jkun kważi 1 % tal-PDG, kemxejn iktar minn dak rakkomandat
mill-Kunsill. Madankollu, il-previżjoni tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa
2012 timplika li se jkollu jsir sforz addizzjonali fl-2013 biex jiġu
rispettati r-rakkomandazzjonijiet tul il-perjodu ta’ korrezzjoni kollu. Wara
l-korrezzjoni ppjanata tad-defiċit eċċessiv, il-pass annwali
tal-progress lejn l-OTM, skont il-programm, huwa konformi mal-valur
referenzjarju ta’ 0,5 % stabbilit fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2015
iżda taħtu fl-2014, filwaqt li r-rata ta’ tkabbir tan-nefqa
tal-amministrazzjoni pubblika, meta jitqiesu l-miżuri diskrezzjonali
tad-dħul, hija konformi mal-valur referenzjarju għan-nefqa tal-Patt
ta’ Stabbiltà u Tkabbir għal dawn is-sentejn, għalhekk b’mod
ġenerali l-programm jipprevedi pjan ta’ aġġustament
ġenerali adegwat lejn l-OTM. Meta jitqiesu r-riskji msemmija hawn fuq,
il-progress lejn l-OTM jista’ jkun iktar kajman milli meħtieġ
fis-sentejn li huma. Id-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni
li, minn 48 % tal-PDG fl-2011, jiżdied għal massimu ta’
53 % sal-2013 (u b’hekk jibqa’ taħt is-60 % tal-valur ta’
referenza tal-PDG) qabel jaqa’ kemxejn sal-aħħar tal-perjodu
tal-programm. Il-projezzjonijiet tad-dejn huma suġġetti għal
riskji ’l fuq mill-possibbiltà ta’ defiċits ogħla msemmija hawn fuq u
aġġustamenti ikbar bejn il-fondi u l-flussi. Il-qafas baġitarju
u r-regola dwar in-nefqa tas-Slovenja għat-terminu medju għadhom
mhumiex vinkolanti biżżejjed u mhumiex iffukati adegwatement fuq
il-kisba tal-OTM u l-iżgurar ta’ sostenibbiltà għat-tul. (9) Il-gvern tas-Slovenja sa issa
ma kienx f'pożizzjoni li jagħmel tibdiliet sistemiċi fis-sistema
tal-pensjonijiet, minħabba l-moratorju ta' 12-il xahar
tal-leġiżlazzjoni wara r-referendum negattiv ta’ Ġunju 2011
dwar riforma preċedenti fil-pensjonijiet. Madankollu, il-miżuri ta’
trażżin tal-ispejjeż ta’ terminu qasir ġew estiżi u
msaħħin f'Diċembru 2011 u Mejju 2012. Filwaqt li huma
rilevanti u ta’ benefiċċju fit-terminu l-qasir, jidher
biċ-ċar li dawn il-miżuri temporanji mhumiex ambizzjużi biżżejjed
biex jindirizzaw l-isfidi fit-tul. Il-gvern jipprevedi riforma ġdida
tal-pensjonijiet li għandha tiġi implimentata sal-aħħar
tal-2013, b'din ir-riforma tkun ibbażata fuq sistema b'ħafna pilastri
u żieda fl-età effettiva tal-irtirar. Filwaqt li ma jingħataw l-ebda
dettalji oħra, il-livell ta’ ambizzjoni ta’ dawn il-pjanijiet jidher li hu
modest. Minħabba d-daqs tal-isfida, hemm lok għal riforma komprensiva
li tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin: età statutorja baxxa tal-irtirar,
differenzi fl-età statutorja tal-irtirar għan-nisa u
għall-irġiel, possibbiltajiet differenti fir-rigward tal-irtirar
kmieni u arranġamenti ta’ indiċjar ġeneruż
għall-pensjonijiet. Sa issa għadhom ma ġewx implimentati miżuri
speċifiċi biex tiżdied ir-rata ta’ impjieg ta’ ħaddiema
akbar fl-età, għalkemm il-linji gwida għall-implimentazzjoni
tal-miżuri poltiċi attivi tas-suq tax-xogħol għal bejn
l-2012 u l-2015 u l-pjan tal-2012 għall-implimentazzjoni ta’ miżuri
politiċi attivi dwar l-impjieg, jindirizzaw lil persuni qiegħda li
huma akbar fl-età bħala grupp fil-mira speċifiku. (10) Is-sitwazzjoni fis-settur
bankarju tas-Slovenja attwalment toffri sfida akbar miż-żmien
tal-valutazzjoni fl-2011. It-telf irreġistrat matul is-sena kollha fl-2011
kien sostanzjali u, ħarsa 'l quddiem turi li t-tnaqqis fl-ekonomija se jġib
aktar telf mis-self hekk kif aktar kumpaniji jissieltu mas-servizzi tad-dejn.
Il-miżuri li ġew introdotti jew imħabbra sa issa, huma nieqsa
mill-ambizzjoni meta wieħed iqis id-daqs tal-isfida. Ma kienx hemm
progress fir-rigward tat-tieni rikapitalizzazzjoni urġenti tal-ikbar bank
(NLB). Il-gvern il-ġdid indika l-intenzjoni tiegħu li jnaqqas
il-parteċipazzjoni azzjonarja tiegħu fil-banek prinċipali
għal minoranza li timblokka. Hemm bżonn ta’ artikolazzjoni
tar-relazzjoni bejn l-aspirazzjoni għat-tul u l-bżonn immedjat u
urġenti għal kapital ġdid, fejn l-istat bħala sid
b’maġġoranza, b’mod ċar iġorr il-piż
tar-responsabbiltà fl-analiżi finali. Strateġija ċara ta’
privatizzazzjoni, issudata bl-injezzjonijiet f'waqthom tal-kapital biex
jiġi kopert it-telf, garanzija ta' governanza tajba u ġestjoni
professjonali u depolitiċizzata, tista' tagħmel din il-politika u
l-bejgħ eventwali ta' dawn il-banek iktar kredibbli. (11) Fis-sena li għaddiet ma
ġewx preżentati proposti konkreti biex jitnaqqsu l-asimmetriji bejn
il-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema b’kuntratti permanenti u
temporanji rispettivament. In-negozjati mas-sħab soċjali fir-rigward
tal-Att dwar ir-Relazzjonijiet tax-Xogħol tnedew fl-2011, iżda la
ntlaħaq ftehim u lanqas ġew adotatti emendi. Il-PNR jindika xi
miżuri biex tiżdied il-flessigurtà u tiġi indirizzata
s-segmentazzjoni, iżda ma jistabbilixxix skeda għall-adozzjoni
tagħhom. L-Att dwar l-Ibbilanċjar tal-Finanzi Pubbliċi, li
ġie adottat reċentement, jintroduċi imposti (miżati ta’
konċessjoni) għax-“xogħol bħala student” biex titnaqqas
l-attrattività ta’ dan l-istejtus fis-suq tax-xogħol, iżda attwalment
m’hemmx miżuri addizzjonali previsti. (12) Is-sensittività tas-sistema
edukattiva u tat-taħriġ għall-bżonnijiet tas-suq
tax-xogħol għadha mhix adegwata, għalkemm attwalment qed
jiġu introdotti servizzi ta’ pariri dwar il-karriera fiċ-ċiklu
kollu tal-edukazzjoni u qed isiru sforzi biex tingħata informazzjoni dwar
karrieri futuri. Għadhom ma tteħdux passi konkreti sabiex titwaqqaf
sistema li tipprevedi d-domanda tas-suq tax-xogħol. Ġew imnedija xi
proġetti kofinanzjati mal-Fond Soċjali Ewropew biex jiġu
promossi l-okkupazzjonijiet li għalihom hemm domanda għolja fis-suq
tax-xogħol. Dawn il-miżuri huma rilevanti iżda fl-aħħar
mill-aħħar jirrappreżentaw rispons inadegwat għall-isfida.
Il-valutazzjoni esperta esterna tal-effettività ġenerali tas-servizz
tal-impjieg pubbliku fis-Slovenja mhix disponibbli għal evalwazzjoni. (13) Minkejja t-tibdiliet
leġiżlattivi f’April 2011 biex l-Uffiċċju
għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni (CPO) jinbidel f’aġenzija
indipendenti mill-1 ta’Jannar 2012, is-CPO għadu ma sarx
indipendenti, minħabba li qabel kollox jeħtieġ li jintlaħqu
diversi kondizzjonijiet proċedurali. Barra minn hekk, fl-2011
ir-riżorsi tas-CPO tnaqqsu. Dawn l-iżviluppi jaffettwaw l-abbiltà
tiegħu li jespandi l-azzjonijiet ta’ infurzar tiegħu u li jagħti
piż istituzzjonali għall-isforzi biex ikun hemm riforma li
tagħti spinta lill-kompetizzjoni. Għadu kemm tlesta studju dwar
id-deregolazzjoni tal-professjonijiet, iżda azzjoni politika konkreta
f’dan il-qasam għadha vaga. B’mod iktar ġenerali, ċerti aspetti
tal-qafas legali għall-istabbiliment tal-fornituri tas-servizzi
jistgħu jqajmu dubji rigward il-kompatibbiltà mad-Direttiva dwar
is-Servizzi. L-ambjent tan-negozju ġenerali huwa karatterizzat minn
nuqqasijiet li mhumiex attraenti għall-investituri domestiċi u
barranin u li jxekklu t-tindif rapidu tal-karti tal-bilanċ tal-banek,
bħall-involviment dirett jew indirett tal-istat fl-ekonomija u
proċeduri tal-insolvenza favur id-debitur, li xi drabi jkunu
problematiċi. Fl-aħħar nett, minħabba l-importanza li qed tiżdied
tas-Slovenja bħala pajjiż ta’ tranżitu għall-flussi
tal-elettriku, in-netwerk nazzjonali ta’ trażmissjoni qed jibda
joħloq konġestjoni. (14) Wara żieda diskrezzjonali
kbira f’Marzu 2010, il-paga minima bħala perċentwali tal-paga
medja kienet l-ogħla fl-UE fl-2011, għalkemm il-paga minima
għadha taħt il-livell limitu tal-faqar. L-indiċjar fis-sentejn
li ġejjin irriżulta f’żieda nominali addizjonali ta’ 4 %.
Dawn l-iżviluppi jnaqqsu l-kompetittività tal-industriji li jimpjegaw
ħafna ħaddiema u jiggravaw il-qgħad strutturali. (15) Is-Slovenja ħadet
għadd ta' impenji skont il-Patt Euro Plus. Dawn l-impenji, u
l-implimentazzjoni tal-impenji ppreżentati fl-2011, jikkonċernaw
it-trawwim tal-impjiegi, it-titjib fil-kompetittività, it-titjib
tas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi u t-tisħiħ tal-istabbiltà
finanzjarja. Il-Kummissjoni vvalutat l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Patt
Euro Plus. Fir-rakkomandazzjonijiet ġew ikkunsidrati r-riżultati ta'
din il-valutazzjoni. (16) Fil-kuntest tas-Semestru
Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika
tas-Slovenja. Hija vvalutat il-programm ta’ stabbiltà u l-programm nazzjonali
ta’ riforma, u ppreżentat reviżjoni bir-reqqa. Mhux biss qieset
ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika
sostenibbli fis-Slovenja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom
mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li
tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea
billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE
għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet
tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet
(1) sa (7) hawn taħt. (17) Fid-dawl ta’ din
il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta’ stabbiltà tas-Slovenja,
u l-opinjoni tiegħu[9]
hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt. (18) Fid-dawl tar-reviżjoni
bir-reqqa tal-Kummissjoni u din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina
l-programm nazzjonali ta’ riforma tas-Slovenja għall-2012 u l-programm ta’
stabbiltà għas-Slovenja. Ir-rakkomandazzjoni tiegħu skont
l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi b’mod
partikolari fir-rakkomandazzjonijiet (3), (6) u (7) ta' hawn taħt. B'DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovenja
għandha tieħu azzjoni fil-perjodu bejn l-2012 u l-2013 biex: 1. Timplimenta l-baġit
tal-2012, u ssaħħaħ l-istrateġija baġitarja
għall-2013 b’miżuri strutturali speċifikati adegwatement,
filwaqt li tkun lesta li tieħu miżuri addizzjonali sabiex
tiżgura korrezzjoni f’waqtha tad-defiċit eċċessiv b’mod
sostenibbli u li jintlaħaq l-isforz ta’ aġġustament strutturali
speċifikat fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont il-Proċedura
ta’ Defiċit Eċċessiv. Wara dan, tiżgura sforz ta’ aġġustament
strutturali adegwat biex isir biżżejjed progress lejn il-kisba
tal-objettiv ta’ terminu medju għall-pożizzjoni baġitarja,
inkluż li jintlaħaq il-valur referenzjarju għan-nefqa.
Issaħħaħ il-qafas baġitarju ta’ terminu medju, inkluża
r-regola dwar in-nefqa, billi tagħmlu aktar vinkolanti u trasparenti. 2. Tieħu passi urġenti
biex tiżgura sostenibbiltà għat-tul fir-rigward tas-sistema
tal-pensjonijiet, filwaqt li żżomm l-adegwatezza tal-pensjonijiet,
billi (i) tagħmel l-età statutorja tal-irtirar l-istess
għall-irġiel u għan-nisa; (ii) iżżid l-età statutorja
tal-irtirar f’konformità mal-istennija tal-għomor li qed tiżdied;
(iii) tnaqqas il-possibbiltajiet ta’ rtirar kmieni; u (iv) tirrevedi s-sistema
ta’ indiċjar għall-pensjonijiet. Iżżid ir-rata ta’ impjieg
ta’ ħaddiema ikbar fl-età, anki billi tiżviluppa politiki attivi
tas-suq tax-xogħol u miżuri għal tagħlim tul il-ħajja. 3. Tieħu l-passi
meħtieġa biex tibni biżżejjed riżervi tal-kapitar
fis-settur bankarju u tippromwovi b'determinazzjoni t-tindif tal-karti
tal-bilanċ, biex b'hekk ikun jista' jerġa' jibda jsir is-self
għall-attivitajiet produttivi. Tikseb verifika sħiħa
tal-partijiet terzi tal-istimi tal-istress tal-banek sistemikament importanti
minħabba t-telf mis-self. 4. Taġġusta
l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-impjiegi fir-rigward
tal-kuntratti permanenti sabiex tnaqqas is-segmentazzjoni tas-suq
tax-xogħol, b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u f'konformità
mal-prattiki nazzjonali. Tkompli tindirizza s-suq tax-xogħol parallel
maħluq mix-xogħol li jsir mill-istudenti. 5. Ittejjeb it-tlaqqigħ
tal-ħiliet mad-domanda tas-suq tax-xogħol, partikolarment
ħaddiema bi ftit ħiliet u gradwati f’livell terzjarju, u tkompli
r-riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. 6. Tieħu iktar passi biex issaħħaħ
il-ftuħ tas-swieq u tħaffef ir-riorganizzazzjoni tas-servizzi
professjonali. Ittejjeb l-ambjent tan-negozju permezz ta’ (i) implimentazzjoni
tar-riforma tal-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni, (ii)
tistabbilixxi qafas għall-impriżi tal-istat li jiggarantixxi
ġestjoni indipendenti u standards għoljin ta’ governanza korporattiva
u (iii) ittejjeb il-proċeduri ta’ falliment, partikolarment fir-rigward
tal-puntwalità u l-effiċjenza. 7. Wara konsultazzjoni
mas-sħab soċjali u f’konformità mal-prattika nazzjonali, tiżgura
li t-tkabbir fil-pagi, inkluża l-adattazzjoni tal-pagi minimi, tkun
tappoġġja l-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 02.08.1997,
p. 1. [2] ĠU L 306, 23.11.2011,
p. 25. [3] COM(2012) 327 finali. [4] P7_TA(2012)0048 u P7_TA(2012)0047 [5] Deċiżjoni tal-Kunsill
2012/238/UE tas-26 ta’ April 2012 [6] COM(2012) 68 finali. [7] SWD(2012) 158 finali. [8] Il-bilanċ nett
aġġustat b’mod ċikliku tal-miżuri ta’ darba u dawk
temporanji, ikkalkolat mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq
il-bażi tal-informazzjoni mogħtija fil-programm, bl-użu
tal-metodoloġija li kien hemm qbil komuni dwarha. [9] Skont l-Artikolu 5(2)
tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.