European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1437

17.7.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1437

tat-8 ta’ Lulju 2025

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-proċedura bil-miktub mill-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati fir-rigward tal-Linja Komuni biex tiġi estiża l-eliġibbiltà tal-Ukrajna għall-għajnuna marbuta

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (l-“Arranġament”), żviluppati fi ħdan il-qafas tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), ġew trasposti u b’hekk magħmula legalment vinkolanti fl-Unjoni bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

(2)

L-Artikolu 32 tal-Arranġament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-pajjiżi għall-għajnuna marbuta. F’konformità mal-paragrafu (a) tiegħu, l-ebda għajnuna marbuta ma tista’ tingħata lil pajjiżi li l-introjtu nazzjonali gross (ING) per capita tagħhom, skont id-data tal-Bank Dinji, ikun ogħla mil-limitu massimu għall-pajjiżi b’introjtu medju inferjuri. Pajjiż jiġi rriklassifikat biss wara li l-kategorija tiegħu skont il-Bank Dinji tkun baqgħet l-istess għal sentejn konsekuttivi.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 35(e) tal-Arranġament, Parteċipant fl-Arranġament jista’, eċċezzjonalment u soġġett għall-adozzjoni ta’ Linja Komuni, jipprovdi għajnuna marbuta lil pajjiż li nkella ma jkunx eliġibbli skont l-Artikolu 32 tal-Arranġament.

(4)

F’Lulju 2025, il-Bank Dinji kklassifika lill-Ukrajna bħala pajjiż b’introjtu medju superjuri għat-tieni darba.Dan jimplika li l-Ukrajna ma għadhiex eliġibbli li tirċievi għajnuna marbuta. Madankollu, f’konformità mal-impenn sod tal-Unjoni li tipprovdi appoġġ lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha sakemm ikun meħtieġ, huwa fl-interessi tal-Unjoni li tkompli tkun tista’ tagħti għajnuna marbuta lill-Ukrajna.

(5)

Il-Parteċipanti fl-Arranġament (il-“Parteċipanti”) għandhom jiddeċiedu, fi proċedura bil-miktub, dwar il-proposta tal-Unjoni Ewropea għal Linja Komuni f’konformità mal-Kapitolu IV, it-Taqsima 5 tal-Arranġament biex l-eliġibbiltà għall-għajnuna marbuta tal-Ukrajna tiġi estiża.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 59(a) tal-Arranġament, il-Linji Komuni huma validi għal perjodu ta’ sentejn. Il-Linji Komuni li ma għandhomx x’jaqsmu ma’ tranżazzjoni speċifika jistgħu jiġu estiżi f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 54 sa 58 tal-Arranġament. Peress li l-Unjoni jista’ jkollha bżonn tkompli tipprovdi appoġġ eċċezzjonali lill-Ukrajna għal aktar minn sentejn, huwa fl-interessi tal-Unjoni li tkun tista’ taqbel dwar l-estensjoni tal-Linja Komuni proposta sa massimu ta’ erba’ snin.

(7)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar il-Linja Komuni proposta li testendi l-eliġibbiltà tal-Ukrajna għall-għajnuna marbuta kif ukoll l-estensjoni ulterjuri potenzjali tagħha, billi l-Linja Komuni proposta, ladarba jintlaħaq qbil dwarha, tkun vinkolanti fuq l-Unjoni u ser tkun tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-proċedura bil-miktub mill-Parteċipanti tkun li tappoġġa l-proposta bbażata fuq l-abbozz tal-Linja Komuni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni, u li tappoġġa estensjoni potenzjali tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-proċedura bil-miktub mill-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (il-“Parteċipanti”) fir-rigward tal-Linja Komuni biex l-eliġibbiltà tal-Ukrajna għall-għajnuna marbuta tiġi estiża għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-Linja Komuni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

2.   Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-proċedura bil-miktub mill-Parteċipanti fir-rigward tal-estensjoni tal-Linja Komuni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun li tappoġġa l-estensjoni sa massimu ta’ erba’ snin.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LOSE


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1233/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1437/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)