IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.3.2017
JOIN(2017) 8 final
2017/0050(NLE)
Proposta Konġunta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova (minn issa 'l quddiem il-Moldova) attwalment huma bbażati fuq il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tagħhom u fuq il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, kif rieżaminata, b’divrenzjar imsaħħaħ bejn il-pajjiżi sħab u sjieda akbar min-naħa tagħhom bħala l-prinċipji ewlenin li jiggwidaw ir-relazzjonijiet bilaterali.
Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Moldova ġie ffirmat fis-27 ta’ Ġunju 2014 u ġie applikat proviżorjament mill-1 ta’ Settembru 2014. Wara t-tlestija tal-proċess ta’ ratifika, huwa daħal fis-seħħ b’mod sħiħ fl-1 ta’ Lulju 2016.
F’laqgħa tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni fis-26 ta’ Ġunju 2014, il-Partijiet qablu dwar Aġenda ta’ Assoċjazzjoni, fl-okkażjoni, bl-għan li titħejja u tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. L-aġenda ta’ Assoċjazzjoni pprovdiet qafas prattiku, ibbażat fuq l-istruttura tal-Ftehim, għat-tfassil ta’ lista ta’ prijoritajiet għal ħidma konġunta fil-perjodu 2014–2016, biex jinkisbu l-għanijiet kumplessivi ta’ assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika.
Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2016 dwar il-Moldova, il-bżonn urġenti ta’ riformi fil-pajjiż u l-applikazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mill-1 ta’ Lulju 2016, l-aġġornament tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni sabiex tirrifletti s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet tal-Partijiet saret prijorità politika importanti.
L-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mehmuż ma’ din il-proposta jaġġorna u jaġġusta l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni 2014–2016 u jistabbilixxi prijoritajiet ġodda għal ħidma konġunta għall-2017–2019. Huwa jiddistingwi bejn prijoritajiet fuq terminu qasir (li fuqhom għandu jinkiseb progress sinifikanti sal-aħħar tal-2017) u prijoritajiet fuq terminu medju (li fuqhom għandu jinkiseb progress sinifikanti fis-sentejn li ġejjin).
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet politiċi eżistenti fil-qasam ta’ politika
L-aġenda ta’ Assoċjazzjoni hija koerenti mal-prijoritajiet tal-politika tal-UE stabbiliti f’dan il-qasam, jiġifieri l-istabilizzazzjoni tal-viċinat f’termini politiċi, ekonomiċi u ta’ sigurtà, filwaqt li jiġu segwiti l-interessi tal-UE u l-promozzjoni tal-valuri universali.
•Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni
L-“Aġenda ta’ Assoċjazzjoni UE-Repubblika tal-Moldova” proposta, tirrifletti l-impenn dejjiemi tal-UE mas-sieħeb tal-Lvant tagħha u hija wkoll allinjata bis-sħiħ mas-sejħa fl-Istrateġija Globali riċenti għall-Unjoni biex ninvestu fir-reżiljenza tal-istati u tas-soċjetajiet fil-Lvant u biex nibnu relazzjonijiet eqreb magħhom. Dan l-approċċ integrat għar-reżiljenza se jinvolvi l-indirizzar tal-iżjed każijiet akuti ta’ fraġilità governattiva, ekonomika, soċjali u klimatika/enerġetika.
L-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni proposta tikkunsidra inter alia l-bżonn li jissaħħu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-governanza tajba, l-enfasi akbar fuq il-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, fil-prevenzjoni tal-konflitti, fl-istabilità reġjonali, u l-potenzjal ta’ kummerċ ħieles f’ekonomija tas-suq li tiffunzjona bis-sħiħ regolata minn politiki li gradwalment ikunu allinjati mal-politiki tal-UE sabiex jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi.
2.ASPETTI LEGALI
Din hija proposta, ibbażata fuq l-Artikolu 218(9)TFUE, għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa u r-Repubblika tal-Moldova min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni għall-2017-2019. Il-bażi legali sostantiva għall-adozzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni hija l-Artikolu 217 TFUE (assoċjazzjoni ma’ pajjiżi terzi).
Huwa mistenni li l-“Aġenda ta’ Assoċjazzjoni” il-ġdida tkun adottata mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova, wara li, abbażi tal-Artikolu 218(9) TFUE, il-kunsill jadotta pożizzjoni tal-UE li għandha tkun segwita fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. Ladarba tiġi adottata, l-“Aġenda ta’ Assoċjazzjoni” se tifforma l-bażi għall-ipprogrammar tal-għajnuna prevista fl-istrument Ewropew ta’ Viċinat (SEV).
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2015 dwar ir-rieżami tal-politika Ewropea tal-viċinat laqgħu il-proposti, fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar ir-rieżami, “biex ikomplu jiġu żviluppati relazzjonijiet ma’ sħab li jixtiequ jkollhom relazzjonijiet aktar fil-fond mal-UE abbażi ta’ valuri komuni”. Il-Komunikazzjoni Konġunta tenfasizza r-rwol ta’ Aġendi ta’ Assoċjazzjoni u l-prijoritajiet tas-sħubija bħala “l-bażi għall-istabbiliment ta’ prijoritajiet għall-assistenza”.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post / kontroll tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-proposta Konġunta għal Deċiżjoni tal-Kunsill, l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE u Moldova, u l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni ġew abbozzati wara konsultazzjoni mill-qrib mas-servizzi relevanti tal-Kummissjoni u mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali, u d-diskussjonijiet mal-awtoritajiet tal-Moldova.
F’Novembru 2016 saru konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili f’Chisinau fuq il-bażi tal-linji gwida rieżaminati tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Il-punti ewlenin magħmula mill-partijiet ikkonċernati:
- l-introduzzjoni ta’ werrej fl-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni;
- indikaturi dettaljati għal azzjonijiet ta’ prijorità;
il-ħtieġa li tkun involuta aktar is-soċjetà ċivili fil-proċess tar-riforma u fit-teħid tad-deċiżjonijiet;
- ir-riforma tas-settur tal-ġustizzja;
- il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
- ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika;
- is-sitwazzjoni fis-settur tal-midja;
- ir-riformi fis-settur tal-enerġija; kif ukoll
- l-implimentazzjoni ta’ Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva.
Dawn il-punti kollha ġew ikkunsidrati fit-testi mehmuża.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
L-għarfien espert tematiku rilevanti kien disponibbli internament, jew fil-kwartieri ġenerali tal-UE jew fid-Delegazzjoni tal-UE.
•Valutazzjoni tal-impatt
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
L-aġenda ta’ Assoċjazzjoni mhu se jkollha l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri tal-UE.
Fir-rigward tad-drittijiet fundamentali fil-Moldova, il-konsegwenzi huma mistennija li jkunu pożittivi hekk kif il-Gvern Moldovan ikun qed jikkommetti ruħu inter alia li:
- jirrispetta l-impenji u l-obbligi skont il-liġi internazzjonali u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
- jipproteġi l-libertajiet fundamentali;
- isaħħaħ l-istabbiltà, l-indipendenza u l-effikaċja ta’ istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija u l-istat tad-dritt u b’mod partikolari;
- li jintegra l-minoranzi nazzjonali;
- li jorganizza elezzjonijiet demokratiċi li jikkunsidraw bis-sħiħ ir-rakkomadazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem;
- li jiżgura l-indipendenza, l-imparzjalità, il-professjonaliżmu u l-effiċjenza tal-ġudikatura;
- li jippromwovi l-governanza tajba, fost l-oħrajn permezz tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u aċċess imtejjeb għal informazzjoni;
- li jadotta kodiċi awdjoviżiv ġdid konformi għalkollox mar-rakkomandazzjonijiet tal-OSCE u tal-Kunsill tal-Ewropa; kif ukoll
- jonora l-libertà tal-espressjoni u tal-indipendenza tal-midja.
Fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem b’mod speċifiku, l-UE u l-Moldova huma fi djalogu regolari dwar kwistjonijiet bħal-libertà ta’ espressjoni, il-libertà tal-mezzi ta’ kommunikazzjoni, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, it-tortura, it-trattament ħażin u l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi ta’ sess, id-drittijiet tan-nisa u tat-tfal, il-protezzjoni ta’ persuni li jappartjenu għall-minoranzi u l-libertà tar-reliġjon.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din id-Deċiżjoni ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja addizzjonali lil hinn mill-impenji internazzjonali eżistenti tal-UE. Kwalunkwe implikazzjoni baġitarja addizzjonali se tkun iċċarata fi proposti distinti, bħall-proposta dwar il-Qafas Uniku ta’ Appoġġ SEV 2017–2020 li jmiss.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
L-implimentazzjoni tal-"Aġenda ta’ Assoċjazzjoni” se tkun soġġetta għal monitoraġġ regolari tal-anqas darba f’sena, fil-kuntest tal-mekkaniżmi ta' rieżami previsti u tal-laqgħat ta’ kooperazzjoni bilaterali previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.
6.REFERENZI
(a)Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-27 ta’ Ġunju 2014 (ĠU L260, 30.8.2014)
(b)Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni; (JOIN/2015/050 finali)
(c)Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rieżami tal-politika Ewropea tal-viċinat (l-14 ta’ Diċembru 2015)
(d)Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Repubblika tal-Moldova (il-15 ta’ Frar 2016)
(e)Ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ĠU L77; 15.3.2014)
(f)Dikjarazzjoni Konġunta li tistabbilixxi Sħubija għall-Mobbiltà bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri parteċipanti tagħha (Brussell, il-5 ta' Ġunju 2008)
(g)Ir-Regolament (UE) Nru 259/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 3 ta' April 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa
(h)Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, iffirmat fis-26 ta’ Ġunju 2012 fi Brussell (ĠU L292, 20.10.2012)
(i)L-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-Komunità tal-Enerġija, mogħti fi Vjenna fis-17 ta’ Marzu 2010
(j)Il-Ftehim dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-programm Orizzont 2020, iffirmat fi Brussell fl-1 ta’ Lulju 2014
(k)Id-Deċiżjoni Nru 1/2015 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tal-UE-ir-Repubblika tal-Moldova tat-18 ta’ Diċembru 2015 dwar l-applikazzjoni tat-Titolu V tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, għat-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova (ĠU L336, 23.12.2015)
(l)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-11 ta’ Ġunju 2014 li tadotta Qafas ta’ Appoġġ Uniku għall-appoġġ mill-Unjoni Ewropea lill-Ġordan għall-perjodu 2014–2017 (C(2014) 3995, 11.06.2014)
2017/0050 (NLE)
Proposta Konġunta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, ('il-Ftehim') u b'mod partikolari l-Artikolu 436 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1)Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ġie ffirmat fis-27 ta' Ġunju 2014 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016.
(2)Sabiex jappoġġaw l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-Partijiet qablu li jinnegozjaw Aġenda ta ' Assoċjazzjoni bil-għan li jipprovdu lista ta’ prijoritajiet għall-ħidma konġunta tagħhom skont is-settur.
(3)Il-partijiet qablu dwar Aġenda ta’ Assoċjazzjoni biex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Din se tiġi adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim.
(4)Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni dwar l-adozzjoni ta’ Aġenda ta’ Assoċjazzjoni UE-ir-Repubblika tal-Moldova għall-2017–2019 se tkun adottata mill-Kunsill.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova għall-2017-2019, għandha tiġi bbażata fuq l-abbozz ta' Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President