1.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 200/4


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1406

tal-31 ta' Lulju 2017

li tiddetermina fejn se tkun tinsab l-infrastruttura terrestri tas-sistema EGNOS

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u partikolarment l-Artikolu 12(3)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-sistema EGNOS hija proprjetà tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013. L-akkwist tagħha li sar mill-UE fl-1 ta' April 2009, kien is-suġġett ta' skambju ta' ittri bejn l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-Kummissjoni fl-24 ta' Marzu u fl-31 ta' Marzu 2009, u ġie approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2009 (2). Fl-ittra mibgħuta lill-Aġenzija Spazjali Ewropea fil-31 ta' Marzu 2009, il-Kummissjoni ppreċiżat li taċċetta l-proprjetà fil-kundizzjoni de facto u de jure li kienet fihom.

(2)

L-infrastruttura terrestri tas-sistema EGNOS tikkonsisti f'ċentru tal-koordinazzjoni tal-operazzjoni tas-sistema, ċentri tal-kontroll tal-missjoni, stazzjonijiet tal-monitoraġġ tas-sinjal u l-integrità tiegħu, stazzjonijiet tal-komunikazzjoni ma' satelliti ġeostazzjonarji, ċentru tas-servizzi u sistema sigura ta' komunikazzjoni tad-dejta.

(3)

Iċ-ċentru tal-koordinazzjoni tal-operazzjoni tas-sistema huwa l-qalba tal-operazzjoni tas-sistema EGNOS peress li jmexxi l-attivitajiet operattivi u l-manutenzjoni tas-sistema. Dan jinsab f'Toulouse (Franza) mill-2004, jiġifieri qabel l-akkwist tas-sistema mill-Unjoni. Ma hemmx lok li jiġi mċaqlaq ladarba dan il-post jikkorrispondi għall-ħtiġijiet tal-programm, jibbenefika minn investimenti pubbliċi li diġà saru favur tiegħu u jissodisfa r-rekwiżiti tas-sikurezza f'koordinazzjoni mal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru tal-koordinazzjoni tal-operazzjoni tas-sistema. Barra minn hekk, jekk jiċċaqlaq għal post ieħor, jinħolqu ħafna spejjeż u t-tħaddim tas-sistema jista' jiġi mfixkel.

(4)

Iż-żewġ ċentri tal-kontroll tal-missjoni għandhom il-kompitu li jissorveljaw u jikkontrollaw kontinwament l-istat u l-funzjonament tas-sistema. Dawn jinsabu f'Ciampino (l-Italja) u f'Torrejon (Spanja) mill-2004 u l-2003 rispettivament, jiġifieri qabel l-akkwist tas-sistema mill-Unjoni. Ma hemmx lok li jiġu mċaqilqa ladarba dawn iż-żewġ postijiet jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tal-programm, jibbenefikaw minn investimenti pubbliċi li diġà saru favur tagħhom u jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza f'koordinazzjoni mal-Istati Membri li fit-territorju tagħhom jinsabu ċ-ċentri tal-kontroll tal-missjoni. Barra minn hekk, jekk jiċċaqilqu lejn postijiet oħrajn, jinħolqu ħafna spejjeż u t-tħaddim tas-sistema jista' jiġi mfixkel.

(5)

L-istazzjonijiet ta' monitoraġġ tas-sinjal u tal-integrità tiegħu (“Ranging and Integrity Monitoring Station” jew “RIMS”) għandhom rwol tas-sorveljanza tal-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta' navigazzjoni globali bis-satellita (GNSS) fil-livell lokali. Dawn ikejlu f'ħin reali d-differenzi bejn id-dejta ta' ġeolokalizzazzjoni minn sinjali li joħorġu minn dawn is-sistemi u l-lokalizzazzjoni ta' referenza tagħhom stess li tkun preċiża ħafna. L-għażla ta' fejn jinsabu tqis primarjament il-ħtieġa teknika li jkunu mifruxa ġeografikament b'mod armonjuż fit-territorji kollha koperti mis-sistema EGNOS, iżda tqis ukoll il-preżenza possibbli ta' installazzjonijiet u tagħmir eżistenti u r-rispett tal-ħtiġijiet tas-sigurtà f'koordinazzjoni mal-Istati Membri u mal-pajjiżi terzi li fit-territorji tagħhom ikunu stabbiliti.

(6)

L-għadd u l-post tal-istazzjonijiet RIMS jistgħu jevolvu skont il-progress tal-programm, il-bżonnijiet tiegħu u b'mod partikolari tal-estensjoni tal-kopertura tas-sistema b'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(5) it-tielet subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013. Jistgħu jinbidlu wkoll skont ir-riżultati tal-analiżijiet tar-riskju tas-sigurtà, b'mod partikolari fir-rigward tal-istazzjonijiet RIMS li jinsabu f'pajjiżi terzi.

(7)

L-istazzjonijiet tal-komunikazzjoni ma' satelliti ġeostazzjonarji (“Navigation Land Earth Station” jew “NLES”) jibagħtu lejn it-transponders EGNOS installati fuq is-satelliti ġeostazzjonarji, id-dejta rettifikata li biha r-riċetturi tas-sinjali GNSS li jinsabu fit-territorji koperti mis-sistema EGNOS jkunu jistgħu jagħmlu l-korrezzjonijiet meħtieġa lill-ġeolokazzjoni tagħhom. Hemm żewġ stazzjonijiet NLES għal kull satellita ġeostazzjonarja. L-għażla ta' fejn jinsabu tirrifletti essenzjalment ir-rekwiżiti tekniċi, b'mod partikolari l-bżonn li jiġi konness fuq livell lokali t-tagħmir tas-sistema EGNOS mat-tagħmir tat-trażmissjoni tas-sinjal li jkun proprjetà tal-operaturi tas-satelliti ġeostazzjonarji li fuqhom ikunu installati t-transponders EGNOS, iżda tqis ukoll ir-rekwiżiti tas-sigurtà.

(8)

L-għadd u l-post tal-istazzjonijiet NLES jistgħu jevolvu skont il-progress u l-ħtiġijiet tal-programm, u b'mod partikolari fuq il-bażi tal-ħajja tat-transponders EGNOS installati fuq is-satelliti ġeostazzjonarji attwalment fl-orbita u l-għażla tas-satelliti li fuqhom se jiġu inkorporati t-transponders futuri.

(9)

Il-funzjoni taċ-ċentru tas-servizzi hi li jissorvelja l-kwalità tas-sinjali u tad-dejta mibgħuta lura mit-transponders installati fuq is-satelliti ġeostazzjonarji, u wkoll biex iservi ta' interfaċċa mal-utenti tal-EGNOS. Jassigura wkoll it-tixrid tad-dejta kummerċjali tas-servizz EDAS imsemmi fl-Artikolu 2(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013. Iċ-ċentru tas-servizzi jinsab f'Torrejon (Spanja) mill-2004, jiġifieri qabel l-akkwist tas-sistema mill-Unjoni. Ma hemmx lok li jiġi mċaqlaq ladarba dan il-post jikkorrispondi għall-ħtiġijiet tal-programm, jibbenefika minn investimenti pubbliċi li diġà saru favur tiegħu u jissodisfa r-rekwiżiti tas-sikurezza f'koordinazzjoni mal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru tas-servizzi. Barra minn hekk, jekk jiċċaqlaq għal post ieħor, jinħolqu ħafna spejjeż u t-tħaddim tas-sistema jista' jiġi mfixkel.

(10)

Sabiex tiġi żgurata interkonnessjoni sigura f'ħin reali tal-komponenti kollha tal-infrastruttura terrestri tas-sistema EGNOS, dawn huma konnessi ma' xulxin permezz tan-netwerk EWAN(“Egnos Wide Area Network”), netwerk sigur tat-trażmissjoni ta' dejta ddedikat għas-sistema. Minħabba l-karatteristiċi fiżiċi ta' dan in-netwerk, il-post tiegħu ma jistax jiġi ddeterminat u ma jistax jiġi speċifikat f'din id-Deċiżjoni.

(11)

Jenħtieġ li jiġu approvati l-postijiet fejn jinsabu ċ-ċentru tal-koordinazzjoni tal-operazzjoni tas-sistema, iċ-ċentri tal-kontroll tal-missjoni, l-istazzjonijiet RIMS, l-istazzjonijiet NLES u ċ-ċentru tas-servizzi li jikkostitwixxu l-infrastruttura terrestri tas-sistema EGNOS.

(12)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-postijiet fejn jinsabu ċ-ċentru tal-koordinazzjoni tal-operazzjoni tas-sistema, iċ-ċentri tal-kontroll tal-missjoni, l-istazzjonijiet tal-monitoraġġ tas-sinjal u tal-integrità tiegħu, l-istazzjonijiet tal-komunikazzjoni mas-satelliti ġeostazzjonarji u ċ-ċentru tas-servizzi li jikkosistitwixxu l-infrastruttura terrestri tas-sistema EGNOS huma determinati fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1.

(2)  C(2009) 2386.


ANNESS

Isem

Post

Iċ-Ċentru tal-koordinazzjoni tal-operazzjoni tas-sistema

Toulouse (Franza)

Ċentri tal-kontroll tal-missjoni

Ciampino (l-Italja), Torrejon (Spanja)

Stazzjonijiet tal-monitoraġġ tas-sinjal u l-integrità tiegħu (RIMSs)

Aalborg (id-Danimarka), Abu Simbel (l-Eġittu), Açores (il-Portugall), Agadir (il-Marokk), Al' Aqaba (il-Ġordan), Alessandrija (l-Eġittu), Ateni (il-Greċja), Berlin (il-Ġermanja), Catania (l-Italja), Ciampino (l-Italja), Cork (l-Irlanda), Djerba, (it-Tuneżija), Egilsstadir (l-Iżlanda), Gavle (l-Iżvezja), Glasgow (ir-Renju Unit), Golbasi (it-Turkija), Gran Canaria (Spanja), Haïfa (l-Iżrael), Hartebeeshoek (l-Afrika t'Isfel), Jan Mayen (in-Norveġja), Kiev (l-Ukrajna), Kirkenes (in-Norveġja), Kourou (Franza), Kuusamo (il-Finlandja), Lappeenranta (il-Finlandja), La Palma (Spanja), Lisbona (il-Portugall), Madères (il-Portugall), Malaga (Spanja), Moncton (il-Kanada), Nouakchott (il-Mawritanja), Oran (l-Alġerija), Palma de Mallorca (Spanja), Pariġi (Franza), Rejkjavík (l-Iżlanda), Santiago de Compostela (Spanja), Sofia (il-Bulgarija), Svalbard (in-Norveġja), Swanwick (ir-Renju Unit), Toulouse (Franza), Tromsoe (in-Norveġja), Trondheim (in-Norveġja), Varsavja (il-Polonja), Zurich (l-Iżvizzera)

Stazzjonijiet tal-komunikazzjoni ma' satelliti ġeostazzjonarji (NLES)

Aussaguel (Franza), Betzdorf (il-Lussemburgu), Burum (in-Netherlands), Cagliari (l-Italja), Fucino (l-Italja), Rambouillet (Franza), Redu (il-Belġju)

Ċentru tas-Servizzi

Torrejon (Spanja)