|
8.4.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 88/23 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tas-16 ta’ Novembru 2009
dwar Pożizzjoni Komunitarja fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-Kumitat Konsultattiv CARIFORUM-KE stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, u dwar l-għażla tar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet fil-Parti tal-KE
(2010/207/KE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment it-tieni sub-paragrafu tal-Artikolu 300(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (1) (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim”), ġie ffirmat fil-15 ta’ Ottubru 2008, u ġie applikat b’mod provviżorju mid-29 ta’ Diċembru 2008. |
|
(2) |
L-Artikolu 232(2) tal-Ftehim jipprevedi għal Kunsill Konġunt CARIFORUM-KE (minn hawn ‘il quddiem “il-Kunsill Konġunt”), biex jiddeċiedi dwar il-parteċipazzjoni fil-Kumitat Konsultattiv CARIFORUM-KE (minn hawn ‘il quddiem “il-Kumitat”), bil-għan li tkun żgurata rappreżentanza wiesgħa tal-partijiet interessati kollha. |
|
(3) |
Huwa kruċjali li jiġi żgurat l-istabbiliment rapidu tal-istituzzjonijiet previsti fil-Ftehim, u partikolarment il-Kumitat, fid-dawl tar-rwol tiegħu fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim. |
|
(4) |
Għandha tiġi stabbilita proċedura interna għall-għażla tar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet fil-Parti tal-KE. |
|
(5) |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew esprima r-rieda tiegħu biex jgħin fl-identifikazzjoni u l-għażla ta’ rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet fis-soċjetà ċivili Ewropea, u biex inizjalment jieħu responsabbiltà tas-segretarjat tal-Kumitat, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni Komunitarja fid-dawl tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill Konġunt li twassal għall-għażla ta’ membri permanenti tal-Kumitat previst mill-Ftehim għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill Konġunt anness ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
1. Ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet Ewropej definiti fl-Artikolu 1.1(a) tal-Anness għandhom ikunu proposti mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew b’konsultazzjoni u qbil mal-Kummissjoni għall-approvazzjoni mill-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp CARIFORUM-KE (minn hawn ‘il quddiem “il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp”). Ir-rappreżentanti proposti għandhom ikunu tliet rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ trade unions, tliet rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, tliet rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw interessi soċjali u ekonomiċi, inklużi assoċjazzjonijiet tal-bdiewa u tal-konsumaturi, u għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1.1. tal-Anness.
2. Għandu jkun hemm erba’ rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet Ewropej definiti fl-Artikolu 1.1(c) tal-Anness u żewġ rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet Ewropej definiti fl-Artikolu 1.1(b) tal-Annness. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ser jintalab biex jistabbilixxi rosters tal-organizzazzjonijiet definiti fl-Artikoli 1.1(b) u 1.1(c) tal-Anness. Dan għandu jseħħ billi tiġi ppubbliċizzata estensivament is-sejħa għall-wiri ta’ interess li għandha tiġi inkluża f’roster bħal din. Fit-tweġiba għal sejħa bħal din kull organizzazzjoni interessata għandha tiddeskrivi kif tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-Anness. Ir-rosters għandhom jibqgħu miftuħa għal kull organizzazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dik id-dispożizzjoni li għandha tiġi inkluża. Il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-organizzazzjonijiet li jitolbu li jiġu inklużi fir-roster jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-Anness. Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li organizzazzjoni li tkun applikat biex tiġi inkluża fir-roster ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti, hija għandha tinforma lill-organizzazzjoni li tagħmel l-applikazzjoni fi żmien xahrejn mid-data tal-applikazzjoni.
3. L-organizzazzjonijiet inklużi fir-rosters għandhom jinżammu infurmati bil-ħidma tal-Kumitat u għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fiha bħala osservaturi bi spejjeż tagħhom.
4. Fis-sejħa għall-wiri ta’ interess, l-organizzazzjonijiet għandhom ukoll jiġu mistiedna jesprimu interess f’wieħed mir-rappreżentanti tagħhom biex iservi bħala membru permanenti tal-Kumitat. L-organizzazzjonijiet inklużi fir-rosters għandhom jiġu msejħa sussegwentement biex japprovaw il-kandidatura ta’ mhux aktar minn żewġ rappreżentanti permanenti għall-Kumitat, fost dawk li jkunu wrew interess bħal dan u li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-Anness. Il-Parti tal-KE għandha tipproponi lill-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp bħala membri permanenti għall-kategoriji 1.1(b) u 1.1(c) lil dawk ir-rappreżentanti li jkunu rċevew l-aktar approvazzjonijiet sakemm ir-rekwiżiti tal-Artikolu 1 tal-Anness jiġu rrispettati.
5. Għandha ssir sejħa għall-wiri ta’ interess biex iservu bħala membri permanenti tal-Kumitat erba’ xhur qabel l-iskadenza tal-mandat tal-membri li qed iservu fil-Kumitat. In-nomina għandha ssegwi l-istess proċeduri stabbiliti fil-paragrafu 4.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Novembru 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
C. MALMSTRÖM
ANNESS
DEĊIŻJONI Nru …/20.. TAL-KUNSILL KONĠUNT CARIFORUM-KE
stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-Kumitat Konsultattiv CARIFORUM-KE
IL-KUNSILL KONĠUNT CARIFORUM-KE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim”), iffirmat fi Bridgetown, Barbados fil-15 ta’ Ottubru 2008, u partikolarment l-Artikolu 232(2) tiegħu,
Billi:
Fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-Ftehim, u l-impenn lejn il-monitoraġġ tiegħu previst fl-Artikolu 5 tiegħu, huwa l-każ li jiġi stabbilit mingħajr dewmien il-Kumitat Konsultattiv CARIFORUM-KE (minn hawn ‘il quddiem “il-Kumitat”),
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
1. Il-partiċipazzjoni fil-Kumitat għandha tkun magħmula minn 40 membri permanenti li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, 25 li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet li jinsabu fl-Istati tal-CARIFORUM u 15 li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet li jinsabu fil-Parti tal-KE.
Fost kull wieħed ta’ dawn iż-żewġ gruppi għandu jkun hemm mill-inqas żewġ rappreżentanti minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw rispettivament:
|
(a) |
is-sħab soċjali u ekonomiċi, |
|
(b) |
il-komunità akkademika, inklużi istituzzjonijiet indipendenti ta’ riċerka, u |
|
(c) |
organizzazzjonijiet mhux governattivi, inklużi organizzazzjonijiet tal-iżvilupp u ambjentali. |
Il-membri permanenti għandhom jibqgħu fil-kariga għal sentejn, soġġett għal tiġdid. Għarfien espert rilevanti u rappreżentanza ġeografika u settorjali wiesgħa għandhom jiġu żgurati.
2. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, “organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili” għandha tfisser assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet u istituzzjonijiet privati oħra mingħajr skop ta’ qligħ ta’ utilità internazzjonali u li jkunu kapaċi li jikkontribwixxu għarfien espert jew parir fi kwistjonijiet koperti minn dan il-Ftehim, jew li jirrappreżentaw elementi importanti ta’ opinjoni pubblika dwar kwistjonijiet koperti mill-Ftehim. Ir-rekwiżit ta’ nuqqas ta’ skop ta’ qligħ jista’ jiġi rinunċjat fil-każ ta’ istituzzjonijiet akkademiċi b’għarfien espert speċifiku f’materji koperti minn dan il-Ftehim.
3. Organizzazzjoni għandha titqies li tinsab fit-territorju jew ta’ Stati tal-CARIFORUM jew ta’ Parti tal-KE jekk tali organizzazzjoni jkollha l-post ta’ attività prinċipali u l-amministrazzjoni u l-kontroll ċentrali fit-territorju tal-Istati tal-CARIFORUM jew tal-Parti tal-KE, skont il-każ.
Artikolu 2
Il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp CARIFORUM-KE (minn hawn ‘il quddiem “il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp”),għandu jiddiskuti u japprova mingħajr dewmien il-lista tal-membri permanenti proposti mill-Istati tal-CARIFORUM u l-Parti tal-KE rispettivament, u t-tiġdid tiegħu.
Artikolu 3
Kwalunkwe organizzazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 1(2) u (3) tista’ tattendi l-laqgħat tal-Kumitat bħala osservatur. Il-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp għandu japprova kull sena l-lista ta’ osservaturi proposti mill-Istati tal-CARIFORUM u l-Parti tal-KE rispettivament.. Il-Kumitat jista’ jistieden esperti biex jikkontribwixxu għall-ħidma tiegħu. Il-modalitajiet għall-parteċipazzjoni ta’ esperti u osservaturi għandhom ikunu stabbiliti fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat.
Artikolu 4
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jservi bħala s-segretarjat tal-Kumitat għal perjodu inizjali li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2010. Dan il-perjodu għandu jiġi mġedded awtomatikament sakemm il-Partijiet jew il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ma jaqblux u jagħtu pre-notifika bil-quddiem u raġonevoli.
Artikolu 5
L-arranġamenti ta’ finanzjament għandhom jiġu stabbiliti mill-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp. Membri permanenti biss tal-Kumitat jistgħu jirċievu assistenza finanzjarja għat-twettiq ta’ dmirijiethom fi ħdan il-Kumitat.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […]
Magħmula fi …