IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.3.2024
COM(2024) 111 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċitar tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2019/2152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Ewropea tan-negozju
1.INTRODUZZJONI
Ir-Regolament (UE) 2019/2152 tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar l-istatistika Ewropea tan-negozju, li jħassar 10 atti legali fil-qasam tal-istatistika, jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati.
Skont l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-Regolament, din is-setgħa tista’ tintuża biex: (i) jiġi emendat l-Anness V tar-Regolament billi jiġu definiti t-tipi ta’ informazzjoni statistika li għandha tingħata mill-awtoritajiet tat-taxxa; u (ii) jiġi ssupplimentat dan ir-Regolament billi jiġu speċifikati ulterjorment id-dettalji għall-informazzjoni statistika li għandha tingħata mill-awtoritajiet tat-taxxa f’konformità mal-Anness V.
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(3), din is-setgħa tista’ tintuża biex: (i) jiġi emendat l-Anness VI tar-Regolament billi jiġu definiti t-tipi ta’ informazzjoni statistika li għandha tingħata mill-awtoritajiet doganali; u (ii) jiġi ssupplimentat dan ir-Regolament billi jiġu speċifikati ulterjorment id-dettalji għall-informazzjoni statistika li għandha tingħata mill-awtoritajiet doganali f’konformità mal-Anness VI.
Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 6(4) din is-setgħa tista’ tintuża biex jiġu emendati s-suġġetti dettaljati speċifikati fl-Anness I tar-Regolament u, skont l-Artikolu 12(2) biex jiġi emendat ir-Regolament billi titnaqqas ir-rata tal-koperatura għall-esportazzjonijiet intra-UE tal-merkanzija fid-dawl tal-iżviluppi tekniċi u ekonomiċi, filwaqt li tinżamm l-istatistika li tilħaq l-istandards tal-kwalità fis-seħħ.
2.BAŻI ĠURIDIKA
Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) 2019/2152, li jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati għal perjodu ta’ 5 snin mis-6 ta’ Jannar 2020. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw tali estensjoni mhux iktar tard minn 3 xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu. Il-Kummissjoni jeħtieġ tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn 9 xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ 5 snin, jiġifieri sal-5 ta’ April 2024.
3.EŻERĊIZZJU MILL-KUMMISSJONI TAS-SETGĦAT DELEGATI SKONT IR-REGOLAMENT (UE) 2019/2152
Il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa tagħha u adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1704 tal-14 ta’ Lulju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika iktar x’inhuma d-dettalji dwar l-informazzjoni statistika li għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet tat-taxxa u doganali u li jemenda l-Annessi V u VI tiegħu.
Għalhekk, dan ir-Regolament Delegat jispeċifika aktar kemm l-informazzjoni mid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u l-informazzjoni dwar il-provvisti intra-UE miġbura mid-dikjarazzjonijiet rikapitolattivi tal-VAT, li għandhom jingħataw mill-awtoritajiet tat-taxxa lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika (NSAs). Fl-istess waqt, jemenda l-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/2152 biex jiġi żgurat li l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet tat-taxxa lill-NSAs ikun fiha wkoll informazzjoni dwar il-bejgħ mill-bogħod intra-UE tal-merkanzija.
Fir-rigward tal-informazzjoni relatata mar-rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet mid-dikjarazzjonijiet doganali, ir-Regolament Delegat jispeċifika wkoll l-informazzjoni li għandha tingħata mill-awtoritajiet doganali lill-NSAs. Fl-istess ħin, jiżgura li l-obbligu li l-awtoritajiet doganali jipprovdu d-data dwar id-dikjarazzjonijiet doganali lill-NSAs relatata mal-iżdoganar ċentralizzat, japplika wkoll fl-Istati Membri fejn tkun tinsab il-merkanzija. Ir-Regolament Delegat jiżgura wkoll li l-NSAs jirċievu informazzjoni mill-awtoritajiet doganali tagħhom dwar is-simplifikazzjonijiet doganali applikati u dwar l-operaturi kummerċjali involuti.
4.KONKLUŻJONI
Il-Kummissjoni kienet eżerċitat is-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lilha mir-Regolament (UE) 2019/2152. Il-Kummissjoni tqis li għandu jibqa’ jkollha s-setgħat delegati skont ir-Regolament (UE) 2019/2152, peress li jeħtieġ li taġġorna kontinwament l-informazzjoni li għandha tingħata mill-awtoritajiet tat-taxxa u mill-awtoritajiet doganali lill-NSAs tagħhom, u dawn l-aġġornamenti jirriflettu l-iżviluppi kontinwi relatati mad-disponibbiltà tal-informazzjoni marbuta mad-dikjarazzjonijiet tal-VAT u dawk doganali. Min-naħa waħda, permezz ta’ dan hija possibbli l-produzzjoni ta’ statistika preċiża ta’ kwalità għolja dwar il-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija. Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tal-għoti ta’ din l-informazzjoni mill-awtoritajiet tat-taxxa u l-awtoritajiet doganali mill-NSAs tagħhom, il-piż tar-rapportar fuq in-negozji jinżamm baxx.
Fil-ġejjieni jista’ jkun hemm bżonn li jiġu emendati s-suġġetti dettaljati speċifikati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/2152 u li titnaqqas ir-rata tal-koperatura għall-esportazzjonijiet intra-UE tal-merkanzija fid-dawl tal-iżviluppi tekniċi u ekonomiċi, filwaqt li tinżamm statistika li tilħaq l-istandards tal-kwalità fis-seħħ. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tagħmel dawn l-emendi skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2019/2152.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.