|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1806 |
27.7.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1806
tal-24 ta’ Lulju 2026
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 37/2010 rigward il-klassifikazzjoni tas-sustanza gonadotropina korjonika ekwina rikombinanti fir-rigward tal-limitu massimu ta’ residwi tagħha fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-istabbiliment ta’ limiti ta’ residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 u li jemenda d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 flimkien mal-Artikolu 17 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 470/2009, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ Regolament, il-limiti massimi ta’ residwi (“MRLs”) għas-sustanzi farmakoloġikament attivi maħsuba għall-użu fl-Unjoni fil-prodotti mediċinali għall-użu veterinarju għall-annimali li jipproduċu l-ikel jew fil-prodotti bijoċidali użati fit-trobbija tal-annimali. |
|
(2) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 (2) jistabbilixxi s-sustanzi farmakoloġikament attivi u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-MRLs fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali. |
|
(3) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/782 (3) jistabbilixxi l-prinċipji metodoloġiċi għall-valutazzjoni tar-riskju u għar-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskju msemmija fir-Regolament (KE) Nru 470/2009. |
|
(4) |
It-Taqsima I.6 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/782 tipprevedi li s-sustanzi bijoloġiċi, ħlief dawk identifikati fl-Artikolu 1(2)(a), tar-Regolament (KE) Nru 470/2009, huma soġġetti jew għal evalwazzjoni tal-elementi kollha stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 470/2009 (“evalwazzjoni sħiħa tal-MRL”), jekk jixbhu lis-sustanzi kimiċi, jew għal evalwazzjoni każ b’każ, jekk ma jixbhux lis-sustanzi kimiċi. |
|
(5) |
It-Taqsima I.7 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/782 tipprevedi wkoll li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (“l-Aġenzija”) għandha tivvaluta s-sustanzi bijoloġiċi li ma jixbhux lis-sustanzi kimiċi sabiex tiddetermina jekk hijiex meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-MRL u jekk tixraq klassifikazzjoni ta’ “MRL mhux neċessarju” skont l-Artikolu 14(2), il-punt (c), tar-Regolament (KE) Nru 470/2009. |
|
(6) |
Fid-19 ta’ Diċembru 2025, Syn Vet-Pharma Ireland Limited ippreżentat applikazzjoni lill-Aġenzija għall-evalwazzjoni tas-sustanza bijoloġika li ma tixbahx lis-sustanza kimika gonadotropina korjonika ekwina rikombinanti (reCG). |
|
(7) |
Fis-16 ta’ April 2026, il-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali Veterinarji (“CVMP”) ikkonkluda li ma hija meħtieġa l-ebda valutazzjoni ulterjuri tal-MRL u li s-sustanza tista’ tiġi inkluża fit-Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 bi klassifikazzjoni “MRL mhux neċessarju” (4). |
|
(8) |
Abbażi tal-valutazzjoni tas-CVMP, il-Kummissjoni jidhrilha li huwa xieraq li s-sustanza bijoloġika li ma tixbahx lis-sustanzi kimiċi gonadotropina korjonika ekwina rikombinanti (reCG) tiġi inkluża fit-Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010. |
|
(9) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 37/2010 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010 huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 152, 16.6.2009, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/470/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar is-sustanzi farmakoloġikament attivi u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-limiti massimi ta’ residwu fl-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali (ĠU L 15, 20.1.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/37(1)/oj).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/782 tad-29 ta’ Mejju 2018 li jistabbilixxi l-prinċipji metodoloġiċi għall-valutazzjoni tar-riskju u għar-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskju msemmija fir-Regolament (KE) Nru 470/2009 (ĠU L 132, 30.5.2018, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/782/oj).
(4) Recombinant equine Chorionic Gonadotropin (reCG): Summary of assessment. (EMA/CVMP/5612/2026–16 ta’ April 2026): https://www.ema.europa.eu/en/documents/mrl-summary/recombinant-equine-chorionic-gonadotropin-recg-summary-assessment_en.pdf.
ANNESS
Fit-Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 37/2010, l-entrata li ġejja tiddaħħal fl-ordni alfabetika:
|
Sustanza farmakoloġikament attiva |
Residwu markatur |
Speċi tal-annimali |
MRL |
Tessuti kkonċernati |
Dispożizzjonijiet oħrajn (skont l-Artikolu 14(7) tar-Regolament (KE) Nru 470/2009) |
Klassifikazzjoni terapewtika |
|
“Gonadotrofina korjonika ekwina rikombinanti (reCG, analogi rikombinanti tal-gonadotropina tas-seru ta’ debba tqila) — sustanza bijoloġika li ma tixbahx lis-sustanzi kimiċi |
MHUX APPLIKABBLI |
Kull speċi mrobbija għall-ikel |
MRL mhux neċessarju |
MHUX APPLIKABBLI |
L-EBDA ENTRATA |
L-EBDA ENTRATA” |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1806/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)