IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.5.2020
COM(2020) 213 final
2020/0089(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta mal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Fl-10 ta’ Settembru 2010 il-Kunsill awtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim maċ-Ċina biex jinkiseb l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim u biex jiġu pprovduti strumenti biex jiġu miġġielda l-prattiki qarrieqa u l-użu inġust tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.
Fuq il-bażi ta’ dawn id-direttivi, il-Kummissjoni nnegozjat ftehim ambizzjuż u komprensiv mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom.
Wara l-konklużjoni ta’ dawn in-negozjati f’Novembru 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea,
tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta mal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom.
Wara l-iffirmar tal-Ftehim, il-Kummissjoni qed tressaq il-proposta li ġejja għal Deċiżjoni tal-Kunsill:
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom.
Il-proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkostitwixxi l-istrument legali għall-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta mal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-konklużjoni tal-Ftehim tidħol fl-istrateġija ġenerali tal-UE li tippromwovi l-politika dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-UE. L-inizjattiva għandha l-għan li tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni, tal-anqas fil-livell tal-Artikolu 23 tat-TRIPS+, għal-lista tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-UE fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Ċiniżi fl-UE. L-inizjattiva se tagħti vantaġġ kompetittiv lill-produtturi ta’ prodotti li jkollhom Indikazzjoni Ġeografika.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-konklużjoni ta’ ftehim bilaterali dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina hija konformi mal-azzjonijiet esterni tal-UE u b’mod partikolari mal-objettivi tal-Unjoni rigward l-istrateġija tal-UE għall-promozzjoni tal-politika tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi jrid jiġi konkluż mill-Unjoni skont deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), kif ukoll l-Artikolu 218(6) tat-TFUE, wara li jinkiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew.
Barra minn hekk, l-Artikolu 218(7) tat-TFUE żdied bħala bażi ġuridika hekk kif huwa xieraq għall-Kunsill li jawtorizza l-Kummissjoni biex tapprova l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar ċerti modifiki fil-Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi ladarba dan jipprovdi għal proċeduri spediti u/jew simplifikati sabiex jiġu approvati tali modifiki.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif ippreżentat lill-Kunsill ma jkoprix kwistjonijiet li jaqgħu barra mill-kompetenza esklużiva tal-UE.
•Proporzjonalità
Din il-proposta hija konformi mal-viżjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 u tikkontribwixxi għall-objettivi kummerċjali u ta’ żvilupp tal-Unjoni.
•Għażla tal-istrument
Din il-proposta hija konformi mal-Artikolu 218 tat-TFUE, li jipprevedi li l-Kunsill jadotta deċiżjonijiet dwar ftehimiet internazzjonali. Ma jeżisti ebda strument legali ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress f’din il-proposta.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
•Valutazzjoni tal-impatt
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma taffettwax il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta mal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom jinkludi dispożizzjonijiet istituzzjonali li jistabbilixxu Kumitat Konġunt bl-iskop li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim u li jintensifika l-kooperazzjoni u d-djalogu dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.
Il-Kumitat Konġunt għandu wkoll jieħu ħsieb il-funzjonament xieraq ta' dan il-Ftehim u jista' jikkunsidra kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni u mat-tħaddim tiegħu.•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni fis-suq Ċiniż għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi proposti.
F’konformità mal-objettivi stabbiliti mid-direttivi ta’ negozjati, il-Kummissjoni żgurat:
Livell ta’ protezzjoni TRIPs-plus għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-UE wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim li jipprovdi protezzjoni kontra t-traduzzjoni, it-traskrizzjoni jew it-traslitterazzjoni, u kontra l-użu tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi msemmija akkumpanjati minn espressjonijiet bħal “kwalità”, “tip”, “stil”, “imitazzjoni” jew espressjonijiet simili fir-rigward ta’ prodott mhux oriġinarju;
Il-protezzjoni ta’ 175 Indikazzjoni Ġeografika addizzjonali fi żmien erba’ snin mid-dħul fis-seħħ u mekkaniżmu li jżid aktar Indikazzjonijiet Ġeografiċi minn hemm ’il quddiem;
L-Indikazzjonijiet Ġeografiċi se jeżistu flimkien mat-trademarks preċedenti leġittimi li l-maġġoranza vasta tagħhom tappartjeni għas-sidien leġittimi tal-Ewropa.
2020/0089 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta mal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-punt (a)(v) tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/..., il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni, b’rabta mal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom, (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fil-JJ XX SSSS, soġġett għall-konklużjoni tiegħu iktar tard.
(2)Il-Ftehim propost għandu l-għan li jikseb l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u li jipprovdi strumenti biex jiġu miġġielda l-prattiki qarrieqa u użi inġusti tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.
(3)L-Artikolu 10 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt responsabbli mill-emendi tal-Annessi tal-Ftehim.
(4)Huwa xieraq għall-Kunsill li, f’konformità mal-Artikolu 218(7) tat-Trattat, jawtorizza lill-Kummissjoni biex tapprova, f’isem l-Unjoni, l-pożizzjoni li trid tiġi addottata fil-Kumitat Konġunt dwar il-modifiki proposti fl-Annessi I u III sa VI tal-Ftehim.
(5)Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni b’rabta mal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-protezzjoni tagħhom huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
1.Għall-iskopijiet tal-Artikolu 3 tal-Ftehim, il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar modifiki proposti fl-Anness III u IV kif ukoll dwar it-tħassir korrispondenti relevanti mill-Annessi V u VI tal-Ftehim, għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni. Meta l-partijiet interessati ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim wara oġġezzjonijiet relatati ma’ Indikazzjoni Ġeografika, il-Kummissjoni għandha tadotta pożizzjoni f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
2.Għall-finijiet ta’ emendar tar-referenzi għal-liġi applikabbli għall-Partijiet, il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar modifiki proposti tal-Anness I tal-Ftehim għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna bis-setgħat li tipproċedi, f’isem l-Unjoni, bin-notifika prevista fl-Artikolu 14(1) tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta bil-Ftehim.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President