SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Marzu 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika agrikola komuni – Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) – Skema ta’ pagament uniku skont is-superfiċji – Regolament (UE) Nru 1307/2013 – Artikolu 32(2) u (4) – Ettaru eliġibbli – Artikolu 36(5) – Ettari għad-dispożizzjoni tal-bidwi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi l-produzzjoni tal-kuntratt ta’ kiri tas-superfiċji agrikola – Annullament b’effett retroattiv ta’ dan il-kuntratt minħabba irregolarità tal-proċedura ta’ għoti mhux imputabbli lil dan il-bidwi – Regolament (UE) Nru 1306/2013 – Artikolu 63(1) – Eliġibbiltà tal-applikazzjoni”

Fil-Kawża C‑434/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Mejju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Ġunju 2024, fil-proċedura

JD

vs

Ministerul Agriculturii şi Dezvoltării Rurale - Agenţia de Plăţi şi Intervenţie pentru Agricultură – Centrul Judeţean Bistriţa-Năsăud

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, I. Ziemele, A. Kumin, S. Gervasoni (Relatur) u M. Bošnjak, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, R. Antonie, B. Ciulacu u A. Wellman, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Radu Bouyon u M. Salyková, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Settembru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6, u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83) kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 350, p. 15) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1306/2013”), u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn JD, bidwi, u l-Ministerul Agriculturii și Dezvoltării Rurale Agenția de Plăți și Intervenție pentru Agricultură - Centrul Județean Bistrița-Năsăud (il-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali – Aġenzija tal-Pagament u l-Intervent għall-Agrikoltura – Ċentru Distrettwali ta’ Bistrița-Năsăud, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“APIA”), dwar l-irtirar minn din tal-aħħar ta’ għajnuna mħallsa lil din il-bidwi, b’mod partikolari taħt l-iskema ta’ pagament uniku skont is-superfiċji, fid-dawl tal-annullament, b’effett retroattiv, tal-kuntratt ta’ kiri tas-superfiċji agrikola li abbażi tagħha kienet tħallset l-għajnuna.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1306/2013

3

Ir-Regolament Nru 1306/2013, imħassar bir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU 2021, L 435, p. 187, rettifika fil-(ĠU 2022, L 29, p. 45), kien applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali.

4

Skont l-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament:

“1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw, fil-qafas tal-[politika agrikola komuni (PAK)], id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji u amministrattivi kollha u jieħdu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa biex jiżguraw protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni [Ewropea], partikolarment biex:

(a)

jivverifikaw il-legalità u r-regolarità ta’ operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi;

(b)

jiżguraw prevenzjoni effikaċi kontra l-frodi, l-aktar f’ oqsma b’livell ogħla ta’ riskju, u li sservi ta’ deterrent, waqt li jqisu l-ispejjeż u l-benefiċċji kif ukoll il-proporzjonalità tal-miżuri;

(c)

ma jħallux li jseħħu, jikxfu u jikkoreġu irregolaritajiet u frodi;

[…]

(e)

jirkupraw pagamenti mhux dovuti flimkien mal-imgħaxijiet, u jressqu proċediment legali għal dak il-għan, kif meħtieġ.

[…]”

5

L-Artikolu 60 tal-imsemmi regolament kien jistipula:

“Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi, ma għandu jingħata ebda vantaġġ previst fil-leġislazzjoni agrikola settorjali favur persuna fiżika jew ġuridika li dwarha jkun ġie stabbilit li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ vantaġġi bħal dawn inħolqu artifiċjalment, kuntrarju għall-objettivi ta’ dik il-leġislazzjoni.”

6

L-Artikolu 63(1) tal-imsemmi regolament kien jipprevedi:

“Fejn jinstab li benefiċjarju ma jkunx konformi mal-impenji tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħrajn relatati mal-kondizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna jew appoġġ, kif previst fil-leġislazzjoni agrikola settorjali, l-għajnuna ma għandhiex titħallas jew għandha tiġi rtirata kollha jew parzjalment u, fejn ikun rilevanti, id-drittijiet għal pagamenti korrispondenti kif imsemmijin fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608 u rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7] ma għandhomx jiġu allokati jew għandhom jiġu rtirati.

Fejn in-nonkonformità tikkonċerna regoli nazzjonali jew tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku, il-parti tal-għajnuna li ma għandhiex titħallas jew li għandha tiġi rtirata għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-gravità tan-nonkonformità u skont il-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjoni għandha tkun affettwata biss sal-livell tal-parti tal-għajnuna li ma għandhiex titħallas jew li għandha tiġi rtirata.”

7

L-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 kiejn jipprevedi:

“Kull sena, benefiċjarju tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 67(2) għandu jissottometti applikazzjoni għal pagamenti diretti jew talba għal pagament għaż-żona rilevanti u għall-miżuri ta’ żvilupp rurali relatati mal-annimali, li jindikaw, rispettivament, fejn japplika:

(a)

il-ħbula tar-raba’ kollha tal-azjenda, kif ukoll iż-żona mhux agrikola li għaliha jintalab appoġġ imsemmi fl-Artikolu 67(2) li għaliha tintalab għajnuna;

[…]

(c)

kwalunkwe informazzjoni oħra prevista f’dan ir-Regolament jew meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni agrikola settorjali rilevanti jew mill-Istat Membru kkonċernat.

[…]”

Ir-Regolament Nru 1307/2013

8

Ir-Regolament Nru 1307/2013 ħassar ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU 2021, L 435, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2022, L 181, p. 35 u fil-Ġ 2022, L 227, p. 136), kien applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali.

9

L-Artikolu 32(2) u (4) tar-Regolament Nru 1307/2013 jien jipprevedi:

“2.   Għall-finijiet ta’ dan it-Titolu, ‘ettaru eliġibbli’ tfisser:

[…]

4.   L-erjas għandhom jitqiesu bħala ettari eliġibbli biss jekk ikunu konformi mad-definizzjoni ta’ ettaru eliġibbli tul is-sena kalendarja kollha, ħlief fil-każ ta’ force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali.”

10

L-Artikolu 36 tal-imsemmi regolament kien jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri li japplikaw fl-2014 l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja stabbilita fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 [tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa taħt il-politika agrikola komuni u jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, ui jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16, rettifika fil-ĠU 2010, L 43, p. 7),) jistgħu, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, jiddeċiedu li jkomplu japplikaw dik l-iskema sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tagħhom u dwar id-data ta’ tmiem tal-applikazzjoni ta’ dik l-iskema sal-1 ta’ Awwissu 2014.

Matul il-perijodu tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, it-Taqsimiet 1, 2 u 3 ta’ dan il-Kapitolu m’għandhomx japplikaw għal dawk l-Istati Membri, għajr it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1), l-Artikolu 23(6) kif ukoll l-Artikolu 32(2) u (6).

2.   Il-pagament uniku skont l-erja għandu jingħata fuq bażi annwali għal kull ettaru eliġibbli ddikjarat mill-bidwi skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 […]”

5.   Ħlief fil-każ ta’ force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali, l-ettari msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-bidwi f’data stabbilita mill-Istat Membru li ma għandhiex tkun aktar tard mid-data stabbilita f’dak l-Istat Stat Membru biex tkun emendata l-applikazzjoni għall-għajnuna msemmija fl-Artikoli 72(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

[…]”

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014

11

L-Artikolu 14(1)(f) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas‑17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69), li tħassar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1173 tal‑31 ta’ Mejju 2022 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll fil-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2022, L 183, p. 23), kien jipprevedi:

“L-applikazzjoni unika jew it-talba għall-ħlas għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà għall-għajnuna u/jew għall-appoġġ, b’mod partikulari:

[…]

(f)

fejn ikun xieraq, kwalunkwe dokument ta’ sostenn meħtieġ biex tiġi stabbilita l-eliġibbiltà għall-iskema u/jew għall-miżura.”

Id-dritt Rumen

12

L-Artikolu 1254(1) u (2) tal-codul civil (il-Kodiċi Ċivili) jipprevedi:

“1. Il-kuntratt iddikjarat b’nullità assoluta jew annullat jitqies li qatt ma ġie konkluż.

2. L-annullament tal-kuntratt iwassal, fil-kundizzjonijiet tal-liġi, għall-annullament tal-atti sussegwenti konklużi abbażi tiegħu.”

13

L-Artikolu 6(1) tal-ordonanță de urgență a Guvernului nr. 66/2011 privind prevenirea, constatarea și sancționarea neregulilor apărute în obținerea și utilizarea fondurilor europene și/sau a fondurilor publice naționale aferente acestora (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 66/2011 li Jikkonċerna l-Prevenzjoni u l-Identifikazzjoni u s-Sanzjonijiet ta’ Irregolaritajiet, li Jiġu Misjuba fl-Allokazzjoni u l-Użu ta’ Fondi Ewropej u/jew Fondi Pubbliċi Nazzjonali li Jikkonċernawhom), tad‑29 ta’ Ġunju 2011 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 461 tat‑30 ta’ Ġunju 2011), huwa fformulat kif ġej:

“L-awtoritajiet responsabbli għall-fondi Ewropej għandhom jeskludu, totalment jew parzjalment, mir-rimbors/ħlas tal-ispejjeż li ntefqu u li ġew iddikjarati mill-benefiċjarji, kull spiża li ma tosservax il-kundizzjonijiet ta’ legalità jew konformità stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-[Unjoni] fs-seħħ, f’sitwazzjoni fejn – fil-proċess ta’ verifika tat-talba għall-ħlas – huma jiddeterminaw li tali spiża fil-fatt teżisti.”

14

L-Artikolu 8 tal-Ordonanța de urgență a guvernului nr. 3/2015 pentru aprobarea schemelor de plăți care se aplică în agricultură în perioada 2015‑2020 și pentru modificarea art. 2 din Legea nr. 36/1991 privind societățile agricole și alte forme de asociere în agricultură (id Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 3/2015 għall-Approvazzjoni tal-Iskemi ta’ Ħlas li Għandhom Jiġu Applikati fl-Agrikoltura fil-Perijodu 2015‑2020 u għall-Emenda tal-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 36/1991 dwar Kumpanniji Agrikoli u Tipi Oħrajn ta’ Għaqdiet Agrikoli, tat‑18 ta’ Marzu 2015 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 191 tat‑23 ta’ Marzu 2015), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali jipprevedi:

“1.   Sabiex jibbenefikaw mill-pagamenti diretti previsti fl-Artikolu 1(2), il-bdiewa għandhom:

[…]

n)

jipproduċu, meta jippreżentaw applikazzjoni għal ħlas uniku jew għal emendi fiha, id-dokumenti neċessarji li jipprovaw l-użu legali tal-art agrikola, inkluża l-art li fiha żoni ta’ interess ekoloġiku u li jinsabu għad-dispożizzjoni tagħhom, jew kopja tal-Anness Nru 24 maħruġ mis-servizzi tal-istat ċivili tal-unitajiet amministrattivi territorjali, jekk ikun il-każ. Id-dokumenti li jipproduċi l-prova li l-art agrikola tinsab għad-dispożizzjoni tal-bidwi għandhom jitfasslu qabel ma tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal pagament uniku u għandhom ikunu validi fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni;

[…]

6.   Id-dokumenti li jipprovaw li l-ettari tal-art iddikjarata eliġibbli huma għad-dispożizzjoni tal-bidwi u/jew li dan tal-aħħar għandu l-bhejjem huma ddeterminati permezz ta’ digriet tal-[ministrul agriculturii și dezvoltării rural (il-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali)] u għandhom jiġu ppreżentati meta jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet għal pagament uniku, skont l-iskemi/miżuri/pagamenti mitluba.”

15

L-Artikolu 5(2) Ordinul ministrului agriculturii și dezvoltării rurale nr. 619 pentru aprobarea criteriilor de eligibilitate, condițiilor specifice și a modului de implementare a schemelor de plăți prevăzute la articolul 1 alineatele (2) și (3) din Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 3/2015 pentru aprobarea schemelor de plăți care se aplică în agricultură în perioada 2015‑2020 și pentru modificarea articolului 2 din Legea nr. 36/1991 privind societățile agricole și alte forme de asociere în agricultură, precum și a condițiilor specifice de implementare pentru măsurile compensatorii de dezvoltare rurală aplicabile pe terenurile agricole, prevăzute în Programul Național de Dezvoltare Rurală 2014-2020 (id-Digriet Nru 619/2015 tal-Ministru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali għall-Approvazzjoni tal-Kriterji ta’ Eliġibbiltà, Kundizzjonijiet Speċifiċi u Regoli Ddettaljati għall-Implimentazzjoni tal-Iskemi ta’ Ħlas Previsti fl-Artikolu 1(2) u (3) tal-[OUG Nru 3/2015], kif ukoll il-Kundizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni Speċifiċi għall-Miżuri Kumpensatorji ta’ Żvilupp Rurali Applikabbli fuq Art Agrikola, Previsti fil-Programm Nazzjonali ta’ Żvilupp Rurali 2014‑2020, ippubblikata fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 234 tas‑6 ta’ April 2015), jipprevedi:

“Id-dokumenti li jipprovaw li l-art iddikjarata eliġibbli hija għad-dispożizzjoni tal-bidwi, skont l-Artikolu 8(1)(n) tal-[OUG Nru 3/2015], huma:

a)

iċ-ċertifikat konformi mar-reġistru agrikolu, relatat mas-sena tal-applikazzjoni, mimli fuq il-bażi tal-mudell previst fl-Anness Nru 1; u

b)

kopja ċċertifikata tal-oriġinali tal-kuntratt għall-kiri/konċessjoni taż-żona agrikola, konkluż bejn il-bidwi u d-diviżjonijiet amministrattivi territorjali, skont kif ikun il-każ;

c)

kopja ċċertifikata tal-kuntratt ta’ konċessjoni/kiri ta’ superfiċje agrikola, konkluż bejn il-bidwi u l-Agenția Domeniilor Statului (l-Aġenzija tal-Proprjetà tal-Istat) […] kif xieraq.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Fid‑19 ta’ April 2018, il-kunsill lokali tal-muniċipalità ta’ Chiochiș (ir-Rumanija) adotta deċiżjoni li tapprova l-kiri permezz ta’ sejħa għal offerti miftuħa ta’ art tal-mergħa muniċipali.

17

Fl‑24 ta’ Mejju 2018, JD ikkonkluda ma’ din il-muniċipalità kuntratt ta’ kiri għall-kiri ta’ superfiċji għal art tal-mergħa muniċipali.

18

Fl‑10 ta’ Mejju 2019, JD ippreżenta applikazzjoni għal pagament uniku, għas-sena 2019, għal din is-superfiċji. Dan il-pagament, li JD kiseb, kien iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG); u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp (FAEŻR), b’mod partikolari l-iskema ta’ pagament uniku skont is-superfiċje kif ukoll minn fondi nazzjonali.

19

Permezz ta’ sentenza tal-istess jum, il-proċedura ta’ għoti tal-art tal-mergħat muniċipali implimentata mill-muniċipalità ta’ Chiochide u l-atti sussegwenti tiegħu, fosthom il-kuntratt ta’ kiri favur JD, ġew annullati minħabba l-irregolarità ta’ din il-proċedura. Tqies li s-sejħa għal offerti ma kinitx ġiet ippubblikata fit-terminu ta’ ħamest ijiem, previst mid-deċiżjoni tal-kunsill lokali tal-muniċipalità, b’tali mod li l-kumitat ta’ evalwazzjoni ma kienx attribwixxa regolarment l-art tal-mergħa lil JD. Din is-sentenza kienet tindika, essenzjalment, li l-annullament tal-kuntratt ta’ kiri kien dovut mhux minħabba nuqqas ta’ JD, iżda għal nuqqas ta’ din il-muniċipalità li twettaq wieħed mill-obbligi tagħha.

20

JD appella minn din is-sentenza quddiem il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija). Din tal-aħħar ċaħdet dan l-appell bħala tardiv fil‑5 ta’ Marzu 2020.

21

Fl‑24 ta’ Novembru 2022, l-APIA qieset, permezz ta’ dikjarazzjoni, li JD ma kellux iktar titolu fuq is-superfiċji msemmija fil-kuntratt ta’ kiri annullat. Hija talbet ir-rimbors tal-għajnuna finanzjarja ta’ 83 334.01 leu Rumen (RON) (madwar EUR 16743) mogħtija wara t-talba tal‑10 ta’ Mejju 2019.

22

Peress li l-APIA ċaħdet l-ilment ta’ JD kontra din id-dikjarazzjoni, dan tal-aħħar ippreżentat rikors quddiem it-Tribunalul Bistrița-Năsăud (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bistrița-Năsăud, ir-Rumanija).

23

Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, din il-qorti ċaħdet r-rikors ta’ JD kontra d-dikjarazzjoni tal-APIA tal‑24 ta’ Novembru 2022. Hija qieset li, l-ewwel nett, il-kuntratt ta’ kiri annullat tqies li qatt ma eżista konformement mal-Artikolu 1254 tal-Kodiċi Ċivili, it-tieni nett, id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 66/2011 kien jimponi fuq il-bdiewa l-osservanza tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna tal-Unjoni Ewropea, fosthom l-eżistenza ta’ dokument validu li jipproduċi l-prova li l-art tinsab għad-dispożizzjoni tal-persuna li tippreżenta l-applikazzjoni għal għajnuna, u, it-tielet nett, JD kellu jirrimborsa s-somom imħallsa indebitament, billi jippreċiża li dan ir-rimbors ma kienx jikkostitwixxi sanzjoni amministrattiva, b’tali mod li l-assenza ta’ ħtija ma kinitx element rilevanti.

24

JD ikkontesta din is-sentenza quddiem il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj), li hija l-qorti tar-rinviju.

25

Din il-qorti tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ eliġibbiltà”, previst fl-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, jinkludix sitwazzjoni fejn, għal raġunijiet indipendenti mill-ħtija tal-benefiċjarju ta’ għajnuna, il-kuntratt ta’ kiri li kien validu fil-mument tal-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għaliha huwa annullat b’effett retroattiv. Hija tqis li din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva, peress li l-benefiċjarju kien osserva konkretament il-kriterji ta’ eliġibbilttà fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni, u dan sad-data tal-annullament ta’ dan il-kuntratt, mingħajr ma ġie kkritikat b’ebda irregolarità oħra, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-art. L-annullament tal-imsemmi kuntratt għandu għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ titolu fuq l-artijiet inkwistjoni mid-data ta’ dan l-annullament.

26

L-imsemmija qorti żżid li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-annullament b’effett retroattiv, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ kuntratt ta’ kiri li kien validu fil-mument tal-eżami tal-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għal għajnuna tal-Unjoni jikkostitwixxi sitwazzjoni li fiha l-benefiċjarju ma josservax dawn il-kundizzjonijiet, indipendentement mid-data li fiha seħħ dan l-annullament, hija tistaqsi dwar il-possibbiltà li jiġi applikat il-prinċipju ta’ proporzjonalità għall-irtirar tal-għajnuna.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

[Fil-kuntest tal-] interpretazzjoni tal-Artikolu 63(1) tar-[Regolament Nru 1306/2013], sitwazzjoni li fiha benefiċjarju ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tinkludi sitwazzjoni li fiha jiġi annullat b’effett retroattiv, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kuntratt li kien validu fil-mument tat-twettiq tal-analiżi tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, irrispettivament minn meta jseħħ dan l-annullament?

2)

Fil-każ li r-risposta [għall-ewwel domanda preliminari] tkun fl-affermattiv, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jista’ jew ma jistax japplika fir-rigward tal-irtirar tal-ħlas skont l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

28

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. F’din perspettiva, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Fil-fatt, il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu l-qrati nazzjonali sabiex jaqtgħu l-kawżi mressqa quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew indikati espressament fid-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja minn dawn il-qrati nazzjonali (ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 1993, Viessmann,C‑280/91, EU:C:1993:103, punt 17, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 31).

29

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina sa fejn l-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti tista’ tqis li għajnuna mogħtija lil bidwi ma tissodisfax il-kriterji ta’ eliġibbiltà f’sitwazzjoni fejn kuntratt ta’ kiri, li huwa prodott insostenn tal-applikazzjoni għal għajnuna sabiex jipproduċi l-prova, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li s-superfiċji agrikola hija għad-dispożizzjoni ta’ dan il-bidwi, u li huwa validu fil-mument tal-eżami ta’ din l-applikazzjoni, huwa annullat sussegwentement, b’effett retroattiv, minħabba irregolarità tal-proċedura ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt, mhux imputabbli lil dan il-bidwi. B’mod iktar preċiż, minn din it-talba jirriżulta li din il-qorti tistaqsi dwar jekk, f’tali sitwazzjoni, l-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti tistax tqis li l-imsemmi bidwi ma jissodisfax il-kriterji ta’ eliġibbiltà indipendentement mid-data ta’ annullament ta’ dan il-kuntratt.

30

Sa fejn l-ewwel domanda tirreferi għall-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, meta jiġi kkonstatat li benefiċjarju ta’ għajnuna ma josservax il-kriterji ta’ eliġibbiltà tagħha, l-impenji jew l-obbligi l-oħra relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna jew tal-appoġġ previsti mil-leġiżlazzjoni agrikola settorjali, l-għajnuna ma għandhiex titħallas jew tiġi rtirata totalment jew parzjalment.

31

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 63(1) jirrigwarda l-konsegwenzi legali tan-nuqqas ta’ konformità mal-kriterji ta’ eliġibbiltà, mal-impenji u mal-obbligi l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Baramlay,C‑6/23, EU:C:2024:294, punt 67). Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tiddefinixxix dawn il-kriterji, li jvarjaw skont l-iskema ta’ għajnuna jew ta’ appoġġ ikkonċernata.

32

Peress li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-applikazzjoni għall-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna b’mod partikolari l-iskema ta’ pagament uniku skont is-superfiċje, għandu jiġi kkonstatat li huma rilevanti, sabiex jiġi evalwat jekk il-benefiċjarju ta’ għajnuna taħt din l-iskema jissodisfax il-kriterji ta’ eliġibbiltà, mhux biss id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1306/2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-PAK, iżda wkoll dawk tar-Regolament Nru 1307/2013, dwar pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ tal-PAK.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 1306/2013 u r-Regolament Nru 1307/2013 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti tqis applikazzjoni għal pagament uniku skont is-superfiċji bħala li saret inammissibbli, għas-sempliċi raġuni li l-kuntratt ta’ kiri li jirrigwarda s-superfiċji agrikola koperta minn din l-applikazzjoni, prodott insostenn tagħha sabiex tiġi prodotta l-prova, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li s-superfiċji agrikola hija għad-dispożizzjoni tal-bidwi, u li kienet valida fil-mument tal-eżami tal-imsemmija applikazzjoni, ġiet annullata sussegwentement, b’effett retroattiv, minħabba irregolarità tal-proċedura ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt, irregolarità mhux imputabbli lil dan il-bidwi, indipendentement mid-data ta’ annullament tal-imsemmi kuntratt.

34

Skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1307/2013, l-Istati Membri li fl-2014 kienu japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku skont is-superfiċji msemmija fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V tar-Regolament Nru 73/2009 setgħu, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-ewwel regolament, jiddeċiedu li jkomplu japplikaw din l-iskema sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2020.

35

L-iskema ta’ pagament uniku skont is-superfiċji hija skema ta’ għajnuna diżakkoppjata, jiġifieri indipendenti mill-produzzjoni agrikola. Hija tipprovdi appoġġ dirett għad-dħul, li l-għan tiegħu hu li jiżgura livell għajxien ġust għall-bdiewa li realment jeżerċitaw attività agrikola, u, għaldaqstant, għandhom fil-fatt superfiċji agrikola li fuqha hija eżerċitata din l-attività (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos,C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 52).

36

Skont l-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, il-pagament uniku skont is-suiperfiċji għandu jingħata fuq bażi annwali għal kull ettaru eliġibbli ddikjarat mill-bidwi skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1306/2013.

37

Fl-ewwel lok, il-benefiċċju tal-pagament uniku għas-superfiċji huwa suġġett għall-kundizzjoni li s-superfiċji ddikjarata mill-bidwi tissodisfa d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ettaru eliġibbli”, fis-sens tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, peress li dan il-kunċett ikopri kull superfiċji agrikola li fuqha hija eżerċitata attività agrikola, li hija marbuta ma’ azjenda (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2024, Asoprovac, C‑708/22, EU:C:2024:573, punt 18). Skont l-Artikolu 32(4) ta’ dan ir-regolament, is-superfiċji ddikjarata għandha titqies bħala ettaru eliġibbli biss jekk tissodisfa din id-definizzjoni matul is-sena kalendarja kkonċernata, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali.

38

Fit-tieni lok, il-benefiċċju tal-pagament uniku skont is-superfiċji huwa wkoll suġġett għall-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 36(5) tar-Regolament Nru 1307/2013, li, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, l-ettari eliġibbli ddikjarati mill-bidwi jkunu għad-dispożizzjoni tiegħu f’data stabbilita mill-Istat Membru, li ma tkunx iktar tard mid-data stabbilita f’dan l-Istat għall-emenda tal-applikazzjoni għal għajnuna msemmija fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1306/2013.

39

Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi ddeterminat jekk superfiċji hijiex “disponibbli” għal bidwi, fis-sens tal-Artikolu 36(5) tar-Regolament Nru 1307/2013, dan ir-regolament ma jeżiġix li dan il-bidwi jipproduċi titolu legali formali li jistabbilixxi d-“dritt għall-użu” tas-superfiċji inkwistjoni, peress li l-prova tan-natura effettiva tal-użu ta’ din is-superfiċji kif ukoll ta’ awtonomija suffiċjenti tal-imsemmi bidwi għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu fuq l-imsemmija superfiċji huma biżżejjed għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos,C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 53).

40

Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013, bla ħsara għal dispożizzjonijiet speċifiċi, ma għandu jingħata ebda wieħed mill-vantaġġi previsti fil-leġiżlazzjoni agrikola settorjali favur persuni fiżiċi jew ġuridiċi li fir-rigward tagħhom ikun ġie stabbilit li dawn ħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet rikjesta għall-kisba ta’ vantaġġi bħal dawn, li jmur kontra l-għanijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni.

41

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prova ta’ prattika abbużiva mill-benefiċjarju potenzjali ta’ tali għajnuna teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni rilevanti, l-għan li għandu jintlaħaq minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos,C‑176/20, EU:C:2022:274, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’sitwazzjoni fejn il-kuntratt ta’ kiri tas-superfiċji agrikola ddikjarat mill-bidwi fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal pagament uniku għas-superfiċji, li kien validu fil-mument ta’ din l-applikazzjoni, jiġi annullat sussegwentement, b’effett retroattiv, minħabba irregolarità tal-proċedura ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt, irregolarità mhux imputabbli lil dan il-bidwi, l-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti ma tistax tqis, minħabba dan il-fatt biss, li l-kriterji previsti fil-paragrafi 2 u 4 tal-Artikolu 32, kif ukoll fl-Artikolu 36(5) tar-Regolament Nru 1307/2013 ma humiex issodisfatti, indipendentement mid-data tal-annullament tal-imsemmi kuntratt.

43

Fil-fatt, fil-każ li l-kuntratt ta’ kiri jiġi annullat wara t-tmiem tas-sena kalendarja li fir-rigward tagħha jintalab il-pagament uniku skont is-superfiċji, dawn il-kriterji huma, bħala prinċipju, issodisfatti. Dan l-annullament tal-kuntratt ta’ kiri tas-superfiċji agrikola, minkejja n-natura retroattiva tiegħu, la jippermetti li jitqies li l-ettari ddikjarati ma kinux jissodisfaw id-definizzjoni ta’ “ettaru eliġibbli” matul is-sena kalendarja kkonċernata kollha, konformement mal-paragrafi 2 u 4 tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1307/2013, u lanqas li jiġi kkonstatat li s-superfiċji agrikola ma kinitx, fil-fatt, għad-dispożizzjoni tal-bidwi fid-data stabbilita mill-Istat Membru skont l-Artikolu 36(5) ta’ dan ir-regolament. B’mod partikolari, l-imsemmi annullament ma jistax, waħdu, jikkontesta l-konstatazzjoni tal-qorti tar-rinviju li l-bidwi kien effettivament uża din is-superfiċji agrikola u kellu awtonomija suffiċjenti għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu fl-imsemmija data, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza.

44

Barra minn hekk, peress li, fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-annullament tal-kuntratt ta’ kiri huwa dovut għal irregolarità tal-proċedura ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt, irregolarità mhux imputabbli lil dan il-bidwi, dan l-annullament ma għandux, waħdu, mingħajr ma jiġi stabbilit l-element suġġettiv msemmi mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, iwassal lill-qorti tar-rinviju tqis li dan ħoloq artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb il-pagament uniku skont is-superfiċji, b’kontradizzjoni mal-għan tal-leġiżlazzjoni jew ipprova jibbenefika b’mod abbużiv mill-artijiet ta’ ħaddieħor bl-għan li tiġi evitata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskema ta’ pagament uniku fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos,C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li l-annullament tal-kuntratt ta’ kiri tas-superfiċji ddikjarat għall-finijiet tal-pagament uniku skont is-superfiċji huwa dovut għan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn muniċipalità ma jimplikax, fih innifsu, l-inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal għajnuna mitluba quddiem l-awtorità nazzjonali kompetenti. Fil-fatt, b’differenza minn skemi oħra ta’ għajnuna jew ta’ appoġġ skont il-PAK, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tissuġġetta l-allokazzjoni tal-pagament uniku skont is-superfiċji għall-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli. Għalkemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jippreċiża, bħall-ewwel subparagrafu tiegħu, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, tal-impenji u ta’ obbligi oħra relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna jew tal-appoġġ, meta dan in-nuqqas ta’ osservanza jikkonċerna l-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, dan la għandu l-għan u lanqas l-effett li jimponi kundizzjoni li tissuġġetta, b’mod ġenerali, l-għajnuna li taqa’ taħt l-iskema ta’ pagament uniku skont is-superfiċji għall-osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni.

46

Madankollu, konformement mal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, u mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-dokumenti ta’ sostenn u tal-provi li għandhom jintalbu minn applikant għal għajnuna fir-rigward tas-superfiċji li huma s-suġġett tal-applikazzjoni tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos,C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 60).

47

Barra minn hekk, konformement mal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ evalwazzjoni fl-għażla tal-miżuri nazzjonali li huma jqisu neċessarji sabiex jipprevjenu u jissanzjonaw b’mod effikaċi l-irregolaritajiet u l-frodi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos,C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 62).

48

L-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-marġni ta’ evalwazzjoni tagħhom fir-rigward tal-provi li għandhom jiġu prodotti insostenn ta’ applikazzjoni għal għajnuna huwa suġġett għal ċerti limiti, b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li l-applikant jiġi obbligat jippreżenta titolu legali validu li jiġġustifika d-dritt tiegħu li juża s-superfiċji li huma s-suġġett tat-talba tiegħu. F’dan il-kuntest, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta dan il-marġni ta’ diskrezzjoni għandha tosserva l-għanijiet imfittxija mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna finanzjarja diretta favur il-bdiewa u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jeżiġi li l-mezzi implimentati minn dispożizzjoni għandhom ikunu adatti sabiex jintlaħaq l-għan intiż u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos,C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 63).

49

B’hekk, ir-Regolament Nru 1307/2013 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-kisba ta’ għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament uniku skont is-superfiċji għall-obbligu tal-applikant li jipproduċi l-prova li huwa għandu “dritt ta’ użu” tas-superfiċji agrikola li hija s-suġġett ta’ din l-applikazzjoni, sakemm jiġu osservati l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos,C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 68).

50

Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Rumen jirriżulta li, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Rumena tipprevedi, skont l-Artikolu 8(1)(n) tad-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 3/2015, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, l-obbligu għall-bidwi li jitlob għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament uniku skont is-superfiċji li jipproduċi l-prova li s-superfiċji agrikola tinsab għad-dispożizzjoni tiegħu. Mill-istess osservazzjonijiet jirriżulta li, skont id-Digriet Nru 619/2015, fost id-dokumenti li jipproduċu l-prova li l-artijiet eliġibbli ddikjarati jinsabu għad-dispożizzjoni tal-bidwi tinsab, b’mod partikolari, il-kopja konformi mal-oriġinal tal-kuntratt ta’ kiri tas-superfiċji agrikola, konkluż bejn il-bidwi u muniċipalità

51

Il-produzzjoni tal-prova li s-superfiċji agrikola tinsab għad-dispożizzjoni tal-bidwi, prevista mid-dritt Rumen, tikkostitwixxi, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, kriterju ta’ eliġibbiltà, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, peress li din il-produzzjoni tikkorrispondi għal rekwiżit preliminari indispensabbli għall-validità ta’ applikazzjoni għal għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Baramlay,C‑6/23, EU:C:2024:294, punt 66)

52

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-prassi amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali tosservax l-għanijiet imfittxija mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ appoġġ finanzjarju dirett favur il-bdiewa u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din għandha ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tevalwa tali konformità sabiex il-kawża li biha hija adita tkun tista’ tiġi deċiża(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos,C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Issa, għandu jitqies li l-prassi tal-awtorità amministrattiva kompetenti, li tgħid li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-applikazzjoni għal pagament uniku skont is-superfiċji titqies li hija inammissibbli fil-każ ta’ annullament tal-kuntratt ta’ kiri tas-superfiċji agrikola, indipendentement mid-data ta’ dan l-annullament, ma hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tal-leġiżlazzjoni, imfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, intiż li jiżgura livell ta’ għajxien ġust għall-bdiewa meta jeżerċitaw realment attività agrikola u, għaldaqstant, fil-fatt għandhom superfiċji agrikola li fuqha hija eżerċitata din l-attività.

54

Fil-fatt, fil-każ li l-kuntratt ta’ kiri jiġi annullat wara t-tmiem tas-sena kalendarja li abbażi tagħha jintalab il-pagament uniku skont is-superfiċji, għandu jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, li l-kriterji ta’ eliġibbiltà previsti mid-dritt tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, issodisfatti. Barra minn hekk, b’differenza mis-sitwazzjoni li fiha l-bidwi ma jkunx f’pożizzjoni li jipproduċi dokument li jipprova li huwa għandu “dritt ta’ użu” tas-superfiċji agrikola, validu fil-mument tal-applikazzjoni tiegħu għal pagament uniku skont is-superfiċji, l-ipoteżi li fiha l-kuntratt ta’ kiri intiż sabiex jipprova dan id- “dritt ta’ użu” jiġi annullat wara t-tmiem tas-sena kalendarja kkonċernata minħabba irregolarità tal-proċedura ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt, irregolarità mhux imputabbli lil dan il-bidwi, ma tistax, fid-dawl tal-motiv ta’ dan l-annullament, tiżvela l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li fiha dan il-bidwi jfittex li jibbenefika b’mod abbużiv mill-artijiet ta’ ħaddieħor bil-għan li tiġi evitata l-leġiżlazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos,C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Li jitqies, f’tali ipoteżi, li l-applikazzjoni għal pagament uniku skont is-superfiċji ma tissodisfax il-kriterju ta’ eliġibbiltà previst mid-dritt nazzjonali jkun ta’ natura, bi ksur tal-għan tal-leġiżlazzjoni, li jċaħħad lil dan il-bidwi minn appoġġ dirett għad-dħul, filwaqt li, skont l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, huwa realment eżerċita attività agrikola u, għaldaqstant, fil-fatt kellu superfiċji agrikola li fuqha kienet eżerċitata din l-attività.

56

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’ il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 1306/2013 u r-Regolament Nru 1307/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti tqis applikazzjoni għal pagament uniku skont is-superfiċji bħala li saret inammissibbli, għas-sempliċi raġuni li l-kuntratt ta’ kiri li jirrigwarda s-superfiċji agrikola koperta minn din l-applikazzjoni, prodott insostenn tagħha sabiex jipproduċi l-prova, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li s-superfiċji agrikola hija għad-dispożizzjoni tal-bidwi, u li kien validu fil-mument tal-eżami tal-imsemmija applikazzjoni, ġie sussegwentement annullat b’effett retroattiv, minħabba irregolarità tal-proċedura ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt, li ma kinitx imputabbli lil dan il-bidwi, indipendentement mid-data ta’ annullament tal-imsemmi kuntratt.

Fuq it-tieni domanda

57

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tieni domanda qiegħda ssir biss fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda. Fid-dawl tar-risposta mogħtija lilha, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2017, kif ukoll bir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

jipprekludu li l-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti tqis applikazzjoni għal pagament uniku skont is-superfiċji bħala li saret inammissibbli, għas-sempliċi raġuni li l-kuntratt ta’ kiri li jirrigwarda s-superfiċji agrikola koperta minn din l-applikazzjoni, prodott insostenn tagħha sabiex jipproduċi l-prova, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li s-superfiċji agrikola hija għad-dispożizzjoni tal-bidwi, u li kien validu fil-mument tal-eżami tal-imsemmija applikazzjoni, ġie sussegwentement annullat b’effett retroattiv, minħabba irregolarità tal-proċedura ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt, li ma kinitx imputabbli lil dan il-bidwi, indipendentement mid-data ta’ annullament tal-imsemmi kuntratt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.