Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

NORKUS

ippreżentati fit‑12 ta’ Novembru 2026 (1)

Kawża C‑626/25

ML,

KS

vs

Landsbanki Luxembourg SA,

Procureur général près la cour d’appel de Paris

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Self ipotekarju – Proċedura ta’ insolvenza – Kontrotalba – Artikolu 24 – Estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti – Konvenut li juża l-kwalità tiegħu ta’ konsumatur u jinvoka l-ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tiegħu – Eċċezzjoni ta’ lis pendens – Artikolu 35 – Limiti tal-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Istat Membru rikjest – Konstatazzjoni tal-fatti li fuqhom il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini bbażat il-ġuriżdizzjoni tagħha – Assenza ta’ konstatazzjoni tal-fatti li tippermetti li jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament kinux issodisfatti – Verifika tal-ġurisdizzjoni mill-qorti tal-Istat Membru rikjest”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) skont l-Artikolu 267 TFUE, tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 24 u 35 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2). Minkejja li dan ir-regolament illum ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tat‑12 ta’ Diċembru 2012 (3), dan tal-aħħar japplika biss, bħala prinċipju, għall-azzjonijiet ġudizzjarji mibdija wara l‑10 ta’ Jannar 2015. Għalhekk, ir-Regolament Nru 44/2001 jibqa’ applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

2.        Din it-talba taqa’ fil-kuntest ta’ tilwima bejn żewġ persuni fiżiċi ddomiċiljati fi Franza u Landsbanki Luxembourg SA (iktar ’il quddiem “Landsbanki”), fi stralċ, fir-rigward tal-eżekuzzjoni fi Franza ta’ deċiżjoni mogħtija mill-qrati Lussemburgiżi. Wara li ħadu self ipotekarju mingħand dan il-bank, il-mutwatarji ddikjaraw kreditu fil-proċedura ta’ insolvenza miftuħa fil-Lussemburgu, billi invokaw, b’mod partikolari, in-nullità tal-arranġament finanzjarju propost u r-responsabbiltà kuntrattwali tal-bank. Peress li l-istralċjarji ressqu kontrotalba intiża għall-ħlas tal-bilanċ skont il-kuntratti, it-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu) ċaħdet id-dikjarazzjoni ta’ kreditu u kkundannat lil wieħed mill-mutwatarji jħallas is-somom mitluba.

3.        Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża, f’dan il-kuntest partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom parti li ddikjarat kreditu fi proċedura ta’ insolvenza u li tinvoka l-kwalità ta’ konsumatur, tista’ titqies li aċċettat, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kontrotalba mressqa kontriha. Hija għandha tiddetermina wkoll jekk eċċezzjoni ta’ lis pendens li tinvoka l-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konsumatur, tistax tikkostitwixxi kontestazzjoni ta’ ġurisdizzjoni, u jekk ikun il-każ, tippreċiża l-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Istat Membru rikjest skont l-Artikolu 35 ta’ dan ir-regolament.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        Il-premessa 13 tar-Regolament Nru 44/2001 tistabbilixxi:

“B’relazzjoni ma’ assigurazzjoni, kuntratti tal-konsumatur u impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’ regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali.”

5.        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. [...]

2.      Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[...]

(b)      falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi;

[...]”.

6.        Il-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 6, 15, 16 u 24. Skont l-Artikolu 6 tal-istess regolament, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 2 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ tiġi mfittxija wkoll:

“[...]

3)      fuq kontro talba li toriġina mill-istess kuntratt dwar fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali, fil-qorti li fiha tkun pendenti t-talba oriġinali;

[...]”.

7.        Is-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, intitolata “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur”, tinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 15 u 16.

8.        L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.      F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ‘l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu 5 u punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:

(a)      ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti [mobbli korporali] bin-nifs b’termini ta’ kreditu;

(b)      ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti;

(ċ)      fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, imexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk.

[...]”

9.        Skont l-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament:

“1.      Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat dak il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.

2.      Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.

3.      Dan l-Artikolu m’għandux jaffetwa d-dritt li titressaq kontro-talba fil-qorti li fih, skond din is-Sezzjoni, tkun pendenti t-talba oriġinali.”

10.      Skont l-Artikolu 24 tal-istess regolament:

“Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandiex tapplika meta d-dehra kienet saret biex ikun ikkontestat il-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22.”

11.      Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 44/2001, intitolat “Rikonoxximent u eżekuzzjoni”, jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 35, 43 u 45.

12.      L-Artikolu 35 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Aktar minn hekk, sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jew tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II, jew fil-każ li hemm disposizzjoni dwaru fl-Artikolu 72.

2.      Fl-eżami tal-bażi tas-sentenza msemmija fil-paragrafu ta’ qabel, il-qorti jew l-awtorità għandha tkun marbuta bis-sejbiet dwar il-fatt li fuqhom il-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha.

3.      Suġġett għal paragrafu 1, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax tiġi reveduta. It-test ta’ strateġija pubblika msemmija f’punt 1 ta’ l-Artikolu 34 ma’ jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ ġurisdizzjoni.”

13.      L-Artikolu 43(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni tista’ tkun appellata minn kull parti.

[...]”.

14.      Skont l-Artikolu 45 tal-istess regolament:

“1.      Il-qorti fejn l-appell għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ l-Artikolu 43 jew l-Artikolu 44 għandu jiċħad jew jirrevoka dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni biss fuq il-bażi speċifikati f’L-Artikoli 34 u 35. Din għandha tagħti d-deċiżjoni mingħajr dewmien.

2.      Taħt l-ebda ċirkostanzi, ma tista’ jiġi reveduta s-sentenza barranija fuq is-sustanza tagħha.”

B.      Id-dritt Lussemburgiż

15.      L-Artikolu 556 tal-nouveau code de procédure civile luxembourgeois (il-Kodiċi l-Ġdid Lussemburgiż tal-Proċedura Ċivili) jipprevedi:

“Jekk il-qorti ma jkollhiex ġuriżdizzjoni minħabba s-suġġett, hija għandha tirreferi lill-partijiet lejn qorti oħra, anki jekk ma tkunx tqajmet ebda eċċezzjoni ta’ ġurisdizzjoni.

Eċċezzjoni ta’ ġurisdizzjoni għal kwalunkwe raġuni oħra tista’ titqajjem biss qabel kull difiża oħra”.

III. Il-fatti li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16.      ML u KS, iddomiċiljati fi Franza, ħadu fl‑2005 u fl‑2006 mingħand Landsbanki, bank Lussemburgiż, self iggarantit minn ipoteki fuq beni immobbli.

17.      Fit‑12 ta’ Diċembru 2008, it-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu) iddikjarat l-istralċ tal-bank.

18.      Fid‑19 ta’ Marzu 2010, il-mutwatarji ħadu azzjoni kontra l-istralċjarji tal-bank sabiex il-kreditu tagħhom jiġi aċċettat fil-proċedura ta’ insolvenza. Il-kreditu invokat kien jirriżulta, minn naħa, min-nullità tal-arranġament finanzjarju propost mill-bank minħabba klawżoli diskrezzjonali jew abbużivi, u min-naħa l-oħra, mir-responsabbiltà tiegħu għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi kuntrattwali.

19.      Fis‑27 ta’ Awwissu 2010, il-mutwatarji ppreżentaw, quddiem it-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi, Franza), azzjoni kontra l-bank għall-annullament tal-kuntratti u għall-kumpens tad-danni mġarrba. Sussegwentement, din il-proċedura skadiet.

20.      Permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Jannar 2011, it-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu) ċaħdet fl-intier tagħha d-dikjarazzjoni ta’ kreditu tal-mutwatarji, u, fuq kontrotalba tal-istralċjarja, ikkundannat lil KS għall-ħlas tal-bilanċ skont il-kuntratti flimkien mal-interessi miftiehma.

21.      F’sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2013, il-Cour d’appel de Luxembourg (il-Qorti tal-Appell tal-Lussemburgu) ikkonfermat id-deċiżjoni tal-ewwel istanza u ċaħdet ukoll l-eċċezzjoni tal-lis pendens imqajma għall-ewwel darba quddiemha, billi qieset li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 “japplika biss għall-bejgħ jew [għall-]finanzjament ta’ bejgħ ta’ oġġetti mobbli korporali iżda mhux għal kuntratt ta’ kreditu ipotekarju”. Għalhekk, l-argument tal-mutwatarji, li kienu jsostnu li l-qrati Franċiżi kienu l-uniċi li kellhom ġuriżdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar l-eżistenza tal-kreditu tagħhom minħabba l-kwalità tagħhom ta’ konsumaturi, ġie miċħud.

22.      Fit‑30 ta’ Jannar 2014, il-cour de cassation du Grand-Duché de Luxembourg (il-Qorti tal-Kassazzjoni tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu) annullat parzjalment is-sentenza, mingħajr ma l-annullament kellu effett fuq il-parti relatata mal-lis pendens.

23.      Wara li l-kawża ntbagħtet lura, fil‑31 ta’ Jannar 2018, il-Cour d’appel de Luxembourg (il-Qorti tal-Appell tal-Lussemburgu) ikkonfermat is-sentenza mogħtija fil‑5 ta’ Jannar 2011 mit-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu).

24.      Fit‑23 ta’ Settembru 2021, dik is-sentenza kienet iddikjarata eżekuttiva fi Franza, dikjarazzjoni kkonfermata fit‑28 ta’ Frar 2023 mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza).

25.      Fir-rigward tal-motiv imqajjem mill-mutwatarji u bbażat fuq in-nuqqas ta’ ġuriżdizzjoni tal-qorti Lussemburgiża, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) sostniet li mis-sentenza Lussemburgiża ma kienx jirriżulta li l-mutwatarji kienu ġew ikklassifikati bħala “konsumaturi” jew li kienu allegaw li huma kienu konsumaturi, u li b’konformità mal-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 44/2001, hija kienet marbuta bil-konstatazzjonijiet fattwali li fuqhom il-qorti Lussemburgiża kienet ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha, b’tali mod li l-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament ma kienx applikabbli f’dan il-każ.

26.      Il-mutwatarji ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni minn din id-deċiżjoni, billi allegaw ksur tal-Artikoli 15, 16, 35 u 45 tar-Regolament Nru 44/2001. Essenzjalment, huma jsostnu li d-deċiżjoni Lussemburgiża ngħatat bi ksur tad-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, u b’mod iktar preċiż tal-Artikolu 15(1)(ċ) tiegħu. Huma jikkritikaw lill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) talli rrifjutat li tistħarreġ il-ġurisdizzjoni tal-qorti Lussemburgiża għar-raġuni li, fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet fis-sentenza Lussemburgiża, l-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 44/2001 kien jipprojbixxiha milli tagħmel dan. Madankollu, il-mutwatarji jallegaw li tali stħarriġ kellu jsir skont l-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament.

27.      Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), li hija l-qorti tar-rinviju, tqis li l-appell inkwistjoni jqajjem diversi mistoqsijiet fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, u b’mod partikolari, tal-Artikoli 24 u 35 tiegħu.

28.      Qabelxejn, fir-rigward tal-estensjoni ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-estensjoni ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq id-dehra tal-konvenut tapplika wkoll għal kontrotalbiet, billi r-rikorrent, li kontrih issir tali talba, jiġi assimilat għal konvenut li jidher quddiem il-qorti (4).

29.      Barra minn hekk, dik il-qorti tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, skont ir-Regolament Nru 44/2001, il-qorti ma kellhiex l-obbligu li tivverifika ex officio, fl-interess tal-protezzjoni tal-parti l-iktar dgħajfa, jekk din kinitx konxja mill-konsegwenzi tad-dehra tagħha, u dan għar-raġuni li dan ir-regolament ma jipprevedix dan espressament (5).

30.      Fil-fatt, tali obbligu kien introdott biss mill-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, li ma japplikax ratione temporis għal dan il-każ.

31.      Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju minn dan tikkonkludi li l-qorti Lussemburgiża li rrifjutat li taċċetta l-kreditu invokat mill-mutwatarji ma kinitx marbuta tinforma lil dawn tal-aħħar bil-konsegwenzi tad-dehra tagħhom fir-rigward tal-kontrotalba tal-bank.

32.      Għalhekk, huwa f’dan il-kuntest li hija tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “kontestazzjoni tal-ġuriżdizzjoni” u tistaqsi, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, ČPP Vienna Insurance Group (C‑111/09, EU:C:2010:290), jekk wieħed jistax jikkunsidra li l-mutwatarji ddeċidew deliberatament li jidhru billi qajmu eċċezzjoni ta’ lis pendens u mhux eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

33.      Wara dan, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-limiti tal-funzjoni tal-qorti tal-Istat Membri rikjest, fid-dawl tal-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, li jipprovdi li “il-qorti jew l-awtorità għandha tkun marbuta bis-sejbiet dwar il-fatt li fuqhom il-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha” meta hija tivverifika jekk “[imorrux kontra] s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II”.

34.      Fil-fatt, f’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, il-qorti Lussemburgiża ma kinitx wettqet il-konstatazzjonijiet fattwali neċessarji sabiex il-kuntratt jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ konsum u d-deċiżjoni tagħha lanqas ma tikkonstata elementi li jistgħu jissuġġerixxu li l-kuntratti setgħu ġew konklużi għal użu li jista’ jiġi kkunsidrat bħala marbut mal-attività professjonali tal-mutwatarji.

35.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-qrati tal-Istat Membru rikjest jistgħux jirrimedjaw l-assenza ta’ verifika mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-elementi neċessarji sabiex tiddetermina jekk huwiex inkwistjoni kuntratt ta’ konsum.

36.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-première chambre civile de la Cour de cassation (il-Prim Awla Ċivili tal-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tliet domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 24 tar-[Regolament Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li parti ddomiċiljata fi Stat Membru tiddikjara d-dejn tagħha fi proċedura ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru ieħor iwassal għal estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ kontrotalba diretta kontra din il-parti, minkejja li hija tinvoka l-kwalità ta’ konsumatur?

2)      L-Artikolu 24 tar-[Regolament Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li eċċezzjoni ta’ lis pendens, li permezz tagħha parti li tuża l-kwalità ta’ konsumatur tinvoka espressament il-ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tagħha skont l-Artikolu 15 tar-[Regolament Nru 44/2001], hija ekwivalenti għal kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita fis-sens ta’ dan it-test?

3)      L-Artikolu 35(2) tar-[Regolament Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta parti tuża, quddiem il-qorti ta’ Stat Membru, il-kwalità tagħha ta’ konsumatur sabiex tinvoka l-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tagħha, il-fatt li din il-qorti ma kkonstatatx il-fatti li jippermettu li jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-istess regolament kinux issodisfatti, għandu l-effett li jċaħħad lill-qrati tal-Istat Membru mitluba mid-dritt li jistħarrġu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jekk ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu lill-konsumatur kinux applikabbli u ġewx osservati?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

37.      Id-deċiżjoni tar-rinviju datata 17 ta’ Settembru 2025 waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Settembru 2025.

38.      Il-mutwatarji, jiġifieri ML u KS, Landsbanki, il-Gvern Franċiż, Spanjol u dak Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu mogħti mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

39.      Waqt is-seduta ġenerali tat‑8 ta’ Settembru 2026, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali.

V.      Analiżi legali

A.      Kummenti preliminari

40.      Il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili tikkostitwixxi waħda mill-acquis l-iktar tanġibbli tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Billi ffaċilita l-moviment tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri, ir-Regolament Nru 44/2001 ipprovda traduzzjoni konkreta lill-fiduċja reċiproka bejn il-qrati nazzjonali, billi stabbilixxa mekkaniżmu ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni rapidi tad-deċiżjonijiet. Madankollu, dan il-għan ta’ effikaċja huwa bbażat fuq bilanċ delikat. Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli u d-deċiżjonijiet għandhom ikunu jistgħu jiċċirkolaw faċilment, mingħajr ma jiddgħajfu r-regoli ta’ ġurisdizzjoni protettivi li minnhom jibbenefikaw ċerti kategoriji ta’ partijiet, b’mod partikolari l-konsumaturi, u li l-osservanza tagħhom tista’, f’każijiet speċifiċi, tkun is-suġġett ta’ stħarriġ fl-istadju tar-rikonoxximent.

41.      Kif espost fl-introduzzjoni, din il-kawża tifforma parti minn konfigurazzjoni proċedurali partikolari. Mutwatarji ddomiċiljati fi Franza, wara li ddikjaraw kreditu fil-proċedura ta’ insolvenza miftuħa fil-Lussemburgu fir-rigward ta’ Landsbanki, kienu affaċjati, quddiem il-qorti adita b’din il-proċedura, b’kontrotalba tal-istralċjarji intiża għall-ħlas tal-bilanċ skont il-kuntratti ta’ self. Id-diffikultà tirrigwarda l-fatt li dawn il-mutwatarji jużaw il-kwalità tagħhom ta’ konsumaturi sabiex jikkontestaw, fl-istadju tal-eżekuzzjoni fi Franza tad-deċiżjoni Lussemburgiża, il-ġurisdizzjoni tal-qrati Lussemburgiżi.

42.      Il-mistoqsijiet magħmula jippermettu analiżi strutturata bbażata fuq tliet aspetti tematiċi. L-ewwel nett, għandha tiġi ddeterminata s-sistema ta’ ġuriżdizzjoni applikabbli għall-kontrotalba, billi ssir distinzjoni bejn il-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza u l-bażi proprja ta’ din it-talba (6). Imbagħad, għandhom jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet li fihom il-ġuriżdizzjoni tal-qorti Lussemburgiża tista’ tkun ibbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, b’mod partikolari fid-dawl tal-eżistenza ta’ eventwali kontestazzjoni ta’ ġurisdizzjoni mqajma fi żmien xieraq (7). Huwa biss fl-aħħar nett, u sa fejn din id-dispożizzjoni ma tistax tkun il-bażi tal-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini, li għandha tiġi ppreċiżata l-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Istat Membru rikjest skont l-Artikolu 35 ta’ dan ir-regolament (8).

B.      Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

43.      Madankollu, qabel nindirizza dawn it-tliet bażijiet ta’ analiżi għandha tingħata tweġiba għall-oġġezzjonijiet magħmula minn Landsbanki fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rinviju. Din il-parti ssostni, essenzjalment, li d-domandi magħmula huma bbażati fuq interpretazzjoni ineżatta tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati Lussemburgiżi, u għal din ir-raġuni, huma irrilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

44.      Din il-parti targumenta, b’mod partikolari, li l-eċċezzjoni ta’ lis pendens invokata mill-mutwatarji tqajmet biss quddiem il-cour d’appel de Luxembourg (il-Qorti tal-Appell tal-Lussemburgu), u li għalhekk kienet tardiva fid-dawl tad-dritt proċedurali Lussemburgiż. Għal dak li jirrigwarda t-tielet domanda, hija ssostni li l-qrati Lussemburgiżi kienu diġà eżaminaw l-elementi li jippermettu li tiġi evalwata l-applikabbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu lill-konsumatur, b’tali mod li l-premessa sostnuta mill-qorti tar-rinviju hija żbaljata.

45.      Għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest ġuridiku u fattwali li hija tistabbilixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti jew tad-dritt nazzjonali mwettqa mill-qorti tar-rinviju, ħlief meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima prinċipali, li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika jew li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domandi magħmula (9).

46.      Dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ. Id-domandi magħmula jirrigwardaw direttament l-interpretazzjoni tal-Artikoli 24 u 35 tar-Regolament Nru 44/2001, li l-qorti tar-rinviju għandha tapplika sabiex tiddeċiedi dwar l-appell ippreżentat mid-deċiżjoni li kkonfermat id-dikjarazzjoni li tikkonstata n-natura eżekuttiva, fi Franza, tas-sentenza mogħtija mit-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu). Fil-fatt, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tippermetti li jiġi ddeterminat jekk il-ġurisdizzjoni tal-qorti Lussemburgiża setgħetx tkun ibbażata fuq estensjoni taċita tal-ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament. Ir-risposta għat-tielet domanda għandha tippermetti, min-naħa tagħha, li jiġi ppreċiżat jekk, fin-nuqqas ta’ tali estensjoni, il-qorti tal-Istat Membru rikjest tistax tistħarreġ, fil-limiti previsti fl-Artikolu 35 tal-imsemmi regolament, l-osservanza tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu lill-konsumatur.

47.      L-oġġezzjonijiet magħmula minn Landsbanki jirrigwardaw, fir-realtà, il-portata li għandha tingħata lid-deċiżjonijiet Lussemburgiżi u l-kwistjoni dwar jekk il-mutwatarji kkontestawx il-ġurisdizzjoni tal-qrati Lussemburgiżi fi żmien xieraq. Issa, dawn l-elementi ma jċaħħdux lid-domandi magħmula mir-rilevanza tagħhom. Huma jippreżupponu preċiżament li jiġu ddeterminati, minn naħa, il-kundizzjonijiet li fihom eċċezzjoni ta’ lis pendens tista’ titqies bħala kontestazzjoni ta’ ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, u min-naħa l-oħra, il-portata tal-istħarriġ li l-qorti tal-Istat Membru rikjest tista’ teżerċita skont l-Artikolu 35 ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, huma jaqgħu taħt l-evalwazzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha tipprovdi l-Qorti tal-Ġustizzja.

48.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li d-domandi magħmula ma għandhomx rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li huma ta’ natura ipotetika. Għalhekk, għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli.

C.      Fuq il-mertu tad-domandi preliminari

1.      Is-sistema ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għall-kontrotalba

49.      Peress li d-domandi preliminari huma ammissibbli, il-mertu tagħhom għandu jiġi eżaminat skont it-tliet bażijiet stabbiliti iktar ’il fuq. L-ewwel waħda minn dawn il-bażijiet tirrigwarda s-sistema ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għall-kontrotalba inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Din il-preċiżazzjoni hija neċessarja peress li l-ewwel domanda tirreferi għall-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-proċedura ta’ insolvenza, filwaqt li l-kontrotalba tal-istralċjarji kienet intiża għall-ħlas tal-bilanċ skont il-kuntratti ta’ self konklużi mill-mutwatarji ma’ Landsbanki.

50.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 44/2001 japplika, b’konformità mal-Artikolu 1(1) tiegħu, f’materji ċivili u kummerċjali, tkun xi tkun in-natura tal-qorti adita. Madankollu, l-Artikolu 1(2)(b) tiegħu jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-fallimenti, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanniji falluti, arranġamenti ġuridiċi, kompożizzjoni jew proċedimenti analogi. Peress li dan il-każ jirrigwarda l-istralċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, il-proċedura inkwistjoni kienet eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1346/2000 (10) skont l-Artikolu 1(2) tiegħu u kienet taqa’ taħt ir-regoli nazzjonali applikabbli fil-kuntest stabbilit mid-Direttiva 2001/24/KE (11). Madankollu, dan il-fatt ma jbiddilx il-kriterju li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk azzjoni taqax taħt l-eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001.

51.      Il-kriterju determinanti sabiex jiġi identifikat il-qasam li taħtu taqa’ azzjoni la huwa l-kuntest proċedurali li minnu tifforma parti din l-azzjoni, u lanqas ma hija il-kwalità tal-persuna li teżerċitaha, iżda l-bażi legali ta’ din l-azzjoni. Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk id-dritt jew l-obbligu li jservi bħala bażi għall-azzjoni joriġinax mir-regoli komuni tad-dritt ċivili u kummerċjali, jew għall-kuntrarju, minn regoli ta’ deroga, speċifiċi għall-proċeduri ta’ insolvenza. Huma biss l-azzjonijiet li joriġinaw direttament minn proċedura ta’ insolvenza u li huma marbuta mill-qrib magħha li jaqgħu taħt l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 (12).

52.      Dan l-approċċ jippermetti li jiġi evitat li azzjoni li, minħabba s-suġġett tagħha, taqa’ taħt regoli komuni tad-dritt ċivili u kummerċjali tiġi eskluża mir-Regolament Nru 44/2001 sempliċement għaliex hija tiġi ppreżentata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza. Għall-kuntrarju, huwa jiżgura li l-azzjonijiet li jistgħu jinftiehmu biss fid-dawl tar-regoli li jirrigwardaw l-insolvenza jibqgħu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

53.      F’dan il-każ, il-kontrotalba inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha bħala suġġett il-ħlas tal-bilanċ skont il-kuntratti ta’ self, flimkien mal-interessi miftiehma. Għalhekk, il-bażi tagħha tinsab fil-kuntratti konklużi bejn il-mutwatarji u Landsbanki qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Tali talba setgħet ġiet introdotta mill-bank innifsu lil hinn minn kull proċedura ta’ insolvenza.

54.      Għalhekk, il-fatt li din it-talba tressqet mill-istralċjarji fil-kuntest ta’ azzjoni dwar l-aċċettazzjoni ta’ kreditu ma huwiex suffiċjenti sabiex hija taqa’ taħt regoli speċifiċi għall-proċeduri ta’ insolvenza. Il-kwalità ta’ stralċjarju tal-parti li tressaq it-talba ma tistax, waħedha, tibdel in-natura tal-azzjoni meta d-dritt invokat joriġina minn obbligu kuntrattwali preeżistenti u mhux minn regola li tirrigwarda l-organizzazzjoni jew l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ insolvenza. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mis-sempliċi rabta proċedurali li teżisti bejn il-kontrotalba u l-proċedura ta’ insolvenza. Li jiġi aċċettat il-kuntrarju jkun ifisser li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 ikun jiddependi fuq is-sempliċi kuntest proċedurali li fih hija eżerċitata l-azzjoni u mhux fuq il-bażi legali tal-azzjoni (13).

55.      Isegwi li l-kontrotalba taqa’ taħt materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Il-fatt li t-talba oriġinali, intiża għall-aċċettazzjoni ta’ kreditu fi proċedura ta’ insolvenza, tista’ taqa’ taħt sistema oħra, ma jbiddilx din il-konklużjoni. Fil-fatt, it-talbiet anċillari jew kontrotalbiet għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-qasam li miegħu huma marbutin permezz tas-suġġett tagħhom stess, u mhux fid-dawl tal-qasam li taħtu taqa’ t-talba prinċipali (14).

56.      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, fil-każ li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001 ikunu ssodisfatti, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata skont ir-regoli partikolari previsti fis-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, relatata mal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi. Skont l-Artikolu 16(2) tal-imsemmi regolament, l-azzjoni mibdija kontra konsumatur mill-parti l-oħra għall-kuntratt, tista’ titressaq biss, bħala prinċipju, quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun iddomiċiljat il-konsumatur. F’dan ir-rigward, il-fatt waħdu li l-kuntratti inkwistjoni jkunu self ipotekarju ma jeskludix, fih innifsu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tal-istess regolament, li jirrigwarda, mingħajr ħsara għall-kundizzjonijiet li jistabbilixxi, il-kuntratti li ma humiex imsemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu.

57.      Huwa minnu li l-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżerva d-dritt li titressaq kontrotalba quddiem il-qorti adita bit-talba oriġinali. Madankollu, din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-qorti adita b’talba oriġinali “skond din is-Sezzjoni”. Minn din il-formulazzjoni jirriżulta li l-eċċezzjoni li hija tipprevedi tippreżupponi li t-talba oriġinali kienet, hija stess, tressqet b’konformità mar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu l-konsumaturi previsti fis-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament.

58.      Interpretazzjoni differenti ċċaħħad il-kliem “skond din is-Sezzjoni” mill-portata proprja tagħhom. Fil-fatt, hija tkun tippermetti li l-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kontrotalba mressqa kontra konsumatur tkun ibbażata fuq talba oriġinali li hija stess ma kinitx introdotta skont ir-regoli protettivi ta’ din is-Sezzjoni 4. Madankollu, l-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju li l-azzjoni mibdija kontra konsumatur għandha titressaq quddiem il-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża sabiex tipprovdi, b’mod ġenerali, rimedju ta’ ġurisdizzjoni għal kull kontrotalba mressqa kontra konsumatur, iżda sempliċement sabiex tippreżerva l-unità proċedurali ta’ tilwima diġà mressqa quddiem qorti kompetenti skont ir-regoli protettivi tas-Sezzjoni 4. Għalhekk, din l-eċċezzjoni ma tistax tiġi sseparata mill-kuntest speċifiku li minnu hija tifforma parti (15).

59.      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-punt 3 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001. Huwa minnu li, din id-dispożizzjoni li tinsab fis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, tipprevedi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali għall-kontrotalbiet li joriġinaw mill-kuntratt jew mill-fatti li fuqhom hija bbażata t-talba oriġinali. Madankollu, meta r-regoli protettivi tas-Sezzjoni 4 ta’ dan il-kapitolu huma applikabbli, hija ma tistax tikkostitwixxi bażi awtonoma li tippermetti li jiġu esklużi. F’dan il-każ, il-possibbiltà li titressaq kontrotalba quddiem il-qorti adita bit-talba oriġinali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 16(3) tal-imsemmi regolament.

60.      F’dan il-każ, il-kundizzjoni li t-talba oriġinali tkun ġiet introdotta b’konformità mas-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 ma hijiex issodisfatta. It-talba oriġinali tal-mutwatarji ma tressqitx abbażi tal-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament, fl-eżerċizzju tal-għażla rrikonoxxuta lill-konsumatur bejn il-qrati tad-domiċilju tiegħu u dawk tad-domiċilju tal-parti l-oħra għall-kuntratt. Hija tressqet fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza miftuħa fil-Lussemburgu, sabiex jiġi aċċettat kreditu f’din il-proċedura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġurisdizzjoni tal-qorti Lussemburgiża sabiex tieħu konjizzjoni tal-kontrotalba ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 16(3) tal-imsemmi regolament.

61.      Għalhekk, fil-każ fejn il-mutwatarji jkollhom jitqiesu bħala konsumaturi fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 44/2001, il-ġuriżdizzjoni tal-qorti Lussemburgiża la tista tirriżulta biss mill-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza u lanqas ma tista’ tirriżulta mill-Artikolu 16(3) ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk din il-ġurisdizzjoni tistax madankollu tkun ibbażata fuq l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, minħabba eventwali estensjoni taċita ta’ ġurisdizzjoni.

2.      L-estensjoni taċita ta’ ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001

62.      Huwa mill-perspettiva ta’ din id-dispożizzjoni li għandha, issa, tiġi evalwata l-portata tal-aġir proċedurali tal-mutwatarji quddiem il-qrati Lussemburgiżi.

63.      L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi li, minbarra l-każijiet fejn il-ġurisdizzjoni tagħha tirriżulta minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament, il-qorti ta’ Stat Membru li quddiemha jidher il-konvenut għandha ġuriżdizzjoni. Madankollu, huwa jippreċiża li din ir-regola ma hijiex applikabbli jekk id-dehra tkun intiża sabiex tiġi kkontestata l-ġurisdizzjoni jew jekk teżisti qorti oħra li għandha ġurisdizzjoni esklużiva skont l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament.

64.      Għalhekk, din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-idea li parti tista’, permezz tal-aġir proċedurali tagħha, taċċetta l-ġurisdizzjoni ta’ qorti li quddiemha hija tidher. Meta l-konvenut jiddefendi ruħu quddiem din il-qorti mingħajr ma jikkontesta l-ġurisdizzjoni, huwa meqjus li aċċetta li hija tiddeċiedi dwar it-tilwima, anki jekk din il-ġurisdizzjoni ma tirriżultax minn dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 44/2001.

65.      Din ir-regola ta’ estensjoni taċita għandha portata ġenerali. Hija tapplika, mingħajr ħsara għall-ġurisdizzjonijiet esklużivi previsti fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, inkluż meta t-tilwima tista’ taqa’ taħt regoli ta’ ġurisdizzjoni protettivi. Għalhekk, fir-rigward ta’ dan ir-regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-qorti adita ma għandhiex tivverifika ex officio, fl-interess tal-parti meqjusa l-iktar dgħajfa, jekk din il-parti kinitx konxja mill-konsegwenzi tad-dehra tagħha. Tali obbligu kien introdott biss bl-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, li ma huwiex applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali (16).

66.      Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ukoll li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 jista’ japplika għal kontrotalba. F’tali każ, ir-rikorrent inizjali, li kontrih titressaq din it-talba, jitqiegħed, fir-rigward tagħha, f’pożizzjoni komparabbli għal dik ta’ konvenut. Għalhekk, huwa jista’, permezz tad-dehra tiegħu mingħajr kontestazzjoni ta’ ġurisdizzjoni, jaċċetta l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-talba (17).

67.      Din is-soluzzjoni hija bbażata fuq l-idea li l-kontrotalba tikkostitwixxi, fid-dawl tar-rikorrent inizjali, talba awtonoma. Huwa ma jibqax biss il-parti li adixxa lill-qorti, iżda wkoll il-parti li kontriha ntalbet kundanna separata. Huwa għalhekk li l-aġir proċedurali tiegħu għandu jiġi evalwat, għall-bżonnijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, fir-rigward ta’ din il-kontrotalba u mhux biss fir-rigward tat-talba oriġinali.

68.      Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li s-sempliċi dikjarazzjoni ta’ kreditu fi proċedura ta’ insolvenza tikkostitwixxi, fiha nnifisha, aċċettazzjoni tal-ġuriżdizzjoni tal-qorti adita sabiex tiddeċiedi fuq kwalunkwe kontrotalba li tista’ titressaq sussegwentement kontra d-dikjarant. L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 jippreżupponi dehra quddiem il-qorti adita mit-tilwima inkwistjoni u aġir proċedurali li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-parti inkwistjoni aċċettat li din il-qorti tiddeċiedi dwar it-talba mressqa kontriha.

69.      Issa, id-dikjarazzjoni ta’ kreditu fi proċedura ta’ insolvenza għandha għan speċifiku għaliha. Hija intiża sabiex tippermetti li l-kreditur jinvoka d-drittijiet tiegħu fil-kuntest kollettiv miftuħ kontra d-debitur insolventi. Hija ma tistax tiġi assimilata, bħala tali, għal aċċettazzjoni minn qabel tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li tiddeċiedi dwar l-insolvenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kontrotalba li permezz tagħha l-partijiet ta’ din il-proċedura jitolbu, għall-kuntrarju, il-kundanna tad-dikjarant għall-ħlas ta’ somma flus.

70.      Isegwi li l-eżistenza ta’ estensjoni taċita ta’ ġurisdizzjoni għandha tiġi evalwata mhux fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ kreditu biss, iżda fir-rigward tal-aġir adottat mill-parti kkonċernata wara l-introduzzjoni tal-kontrotalba mressqa kontra tagħha. Huwa f’dan l-istadju li għandu jiġi ddeterminat jekk din il-parti dehritx sabiex tiddefendi ruħha fil-mertu mingħajr ma kkontestat il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

71.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat il-kunċett ta’ “kontestazzjoni ta’ ġuriżdizzjoni” fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-kontestazzjoni ma għandux ikollha neċessarjament forma ddeterminata mid-dritt tal-Unjoni. Huwa suffiċjenti li l-attitudni tal-konvenut tippermetti li jiġi kkunsidrat, mingħajr ambigwità, li huwa ma għandux intenzjoni jaċċetta l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita (18).

72.      Għalhekk, kontestazzjoni ta’ ġurisdizzjoni tista’ tiġi fformulata fl-istess ħin mal-motivi ta’ difiża fuq il-mertu, sakemm hija ssir qabel it-teħid ta’ pożizzjoni meqjus jew sa mhux iktar tard mill-mument ta’ dan it-teħid ta’ pożizzjoni, skont id-dritt proċedurali nazzjonali applikabbli, bħala l-ewwel difiża mressqa lill-qorti adita. Min-naħa l-oħra, meta l-parti tiddefendi ruħha fuq il-mertu mingħajr ma tinvoka fi żmien xieraq oġġezzjoni dwar l-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu japplika (19).

73.      Dan ir-rekwiżit ta’ żmien xieraq jiggarantixxi li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 ma jistax jiġi nnewtralizzat b’kontestazzjoni tardiva, magħmula biss wara li l-parti kkonċernata diġà aċċettat id-dibattitu fuq il-mertu quddiem il-qorti adita. Għalhekk, huwa jippreserva l-bilanċ bejn, minn naħa, il-possibbiltà li din il-parti topponi l-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti, u min-naħa l-oħra, iċ-ċertezza legali marbuta mad-dehra mingħajr kontestazzjoni.

74.      Għalhekk, f’dan il-kuntest, jibqa’ li jiġi ddeterminat jekk eċċezzjoni ta’ lis pendens tistax titqies bħala kontestazzjoni ta’ ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001. Tali eċċezzjoni ma għandhiex, bħala prinċipju, l-istess suġġett bħal eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni. Normalment, hija tkun intiża sabiex jiġi kkonstatat li qorti oħra kienet adita preċedentement b’tilwima bejn l-istess partijiet, li għandha l-istess suġġett u l-istess kawża, sabiex il-qorti adita fit-tieni lok tissospendi l-proċedura jew tastjeni skont ir-regoli applikabbli. Għalhekk, hija ma tirriżultax neċessarjament, waħedha, f’kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

75.      Soluzzjoni fejn eċċezzjoni ta’ lis pendens titqies sistematikament bħala ekwivalenti għal kontestazzjoni ta’ ġurisdizzjoni, l-istess bħal soluzzjoni li teskludi bħala prinċipju tali ekwivalenza, ma tistax tiġi aċċettata. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 jimponi evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-eċċezzjoni invokata kif ukoll il-kuntest proċedurali li fih hija titqajjem. Ekwivalenza awtomatika tmur kontra d-differenza bejn talba intiża għall-organizzazzjoni tal-prijorità bejn żewġ qrati aditi u oġġezzjoni magħmula kontra s-setgħa nnifisha tal-qorti adita li tieħu konjizzjoni tat-tilwima. Għall-kuntrarju, l-esklużjoni ta’ kull teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut konkret tal-eċċezzjoni mqajma ma tkunx konformi mal-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni.

76.      Il-punt importanti huwa li jsir magħruf jekk, lil hinn mill-klassifikazzjoni proċedurali tagħha, l-eċċezzjoni timmanifestax b’mod ċar ir-rifjut li tiġi aċċettata l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita. Meta l-eċċezzjoni ta’ lis pendens hija bbażata fuq id-dikjarazzjoni li l-qrati tad-domiċilju tal-konsumatur biss għandhom ġurisdizzjoni skont ir-regoli protettivi previsti fis-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, hija tista’ turi, essenzjalment, ir-rieda tal-parti li tikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

77.      Dan jista’ jkun il-każ meta l-parti kkonċernata ssostni espressament li, minħabba l-kwalità tagħha ta’ konsumatur, il-qorti li quddiemha tressqet il-kontrotalba ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha. F’dan il-każ, l-eċċezzjoni ta’ lis pendens ma tinvokax biss il-prijorità proċedurali ta’ qorti oħra adita. Hija tesprimi wkoll, permezz tal-kontenut tagħha, oppożizzjoni għall-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha hija pendenti l-kontrotalba.

78.      Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-kontenut tal-eċċezzjoni mqajma u tal-kuntest proċedurali li fih tqajmet, jekk din l-eċċezzjoni tirriflettix b’mod suffiċjentement ċar ir-rieda tal-mutwatarji li jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati Lussemburgiżi sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kontrotalba tal-istralċjarji.

79.      Madankollu din l-evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni rekwiżit essenzjali. Sabiex tipprekludi l-estensjoni taċita ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, il-kontestazzjoni ta’ ġurisdizzjoni għandha tkun tqajmet fi żmien xieraq. Dan ir-rekwiżit jirriżulta mill-funzjoni nnifisha ta’ din id-dispożizzjoni, li hija intiża sabiex tiżgura ċ-ċertezza legali u sabiex tevita li parti tista’ tiddefendi ruħha fuq il-mertu quddiem qorti u mbagħad tikkontesta sussegwentement il-ġurisdizzjoni tagħha meta l-eżitu tal-kawża ma jkunx favuriha.

80.      Għalhekk, hija l-qorti adita li għandha tevalwa jekk il-kontestazzjoni ta’ ġuriżdizzjoni, anki jekk ippreżentata fil-forma ta’ eċċezzjoni ta’ lis pendens, tqajmitx fi żmien xieraq, b’konformità mal-kriterji mfakkra fil-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fin-nuqqas ta’ dan, il-parti kkonċernata, għandha titqies bħala li dehret mingħajr ma kkontestat il-ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001.

81.      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-mutwatarji qajjmu l-eċċezzjoni ta’ lis pendens għall-ewwel darba quddiem il-cour d’appel de Luxembourg (il-Qorti tal-Appell tal-Lussemburgu). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw ma’ dan il-fatt, fid-dawl tad-dritt proċedurali Lussemburgiż applikabbli u tal-portata rrikonoxxuta mill-qrati Lussemburgiżi lil din l-eċċezzjoni.

82.      Mill-preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dikjarazzjoni ta’ kreditu fi proċedura ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru ma twassalx, waħedha, għall-estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita minn din il-proċedura fir-rigward ta’ kontrotalba mressqa kontra d-dikjarant. Madankollu, tali estensjoni tista’ tirriżulta mid-dehra ta’ dan tal-aħħar fl-azzjoni relatata ma’ din il-kontrotalba, jekk dan ma kkontestax fi żmien xieraq il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

83.      Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata wkoll fis-sens li eċċezzjoni ta’ lis pendens tista’ tikkostitwixxi kontestazzjoni ta’ ġurisdizzjoni meta mill-kontenut tagħha u mill-kuntest proċedurali li fiha hija tqajmet jirriżulta b’mod ċar li l-parti kkonċernata riedet topponi l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, b’mod partikolari billi tinvoka l-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tagħha fil-kwalità tagħha ta’ konsumatur. Tali kontestazzjoni għandha wkoll tkun tqajmet fi żmien xieraq, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

3.      L-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Istat Membru rikjest abbażi tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 44/2001

84.      Fl-aħħar nett, għandha tiġi eżaminata t-tielet domanda. Din tirrigwarda l-portata tal-istħarriġ li l-qorti tal-Istat Membru rikjest tista’ teżerċita, abbażi tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 44/2001, meta l-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini ma tkunx għamlet il-konstatazzjonijiet fattwali li jippermettu li jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu l-konsumatur kinux issodisfatti.

85.      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li l-kwistjoni tal-eżami, abbażi tal-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ta’ eventwali ksur tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fis-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, tqum biss jekk il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini ma tkunx tista’ tiġi bbażata b’mod validu fuq l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, jekk il-qorti Lussemburgiża kellha titqies li għandha ġurisdizzjoni skont din l-aħħar dispożizzjoni, minħabba dehra mingħajr kontestazzjoni ta’ ġurisdizzjoni fi żmien xieraq, il-ġurisdizzjoni tagħha tirriżulta minn bażi awtonoma prevista mir-Regolament Nru 44/2001. Għalhekk, ma jkunx hemm lok li jiġi eżaminat jekk kienx hemm ksur tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu l-konsumatur previsti fis-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tiegħu (20).

86.      Fin-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, għandha tiġi ddeterminata l-portata tal-istħarriġ li l-Artikolu 35 ta’ dan ir-regolament jippermetti li l-qorti tal-Istat Membru rikjest teżerċita dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini.

87.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jikkonferma l-prinċipju li ma jistax isir stħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini. Dan il-prinċipju jirrifletti r-rekwiżit ta’ fiduċja reċiproka li fuqu huwa bbażat il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fl-ispazju ġudizzjarju Ewropew.

88.      Dan il-prinċipju huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 44/2001. Huwa jimplika li l-qorti tal-Istat Membru rikjest ma tistax, bħala regola ġenerali, teżamina mill-ġdid il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini u lanqas ma tista’ tissostitwixxiha fl-evalwazzjoni tal-kawża. Il-proċedura ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ma tistax issir rimedju ġudizzjarju indirett kontra d-deċiżjoni barranija (21).

89.      Madankollu l-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi espliċitament eċċezzjoni għal dan il-prinċipju. Skont din id-dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet ma humiex irrikonoxxuti jekk kien hemm ksur tad-dispożizzjonijiet tas-Sezzjonijiet 3, 4 u 6 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament. Is-Sezzjoni 4, relatata mal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, tinsab għalhekk fost ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li l-osservanza tagħhom tista’, b’mod eċċezzjonali, tkun is-suġġett ta’ stħarriġ mill-qorti tal-Istat Membru rikjest.

90.      Din l-eċċezzjoni hija ġġustifikata min-natura partikolari tar-regoli previsti fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Is-Sezzjonijiet 3, 4 u 6 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament jirrigwardaw, rispettivament, ċerti oqsma li fihom il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti protezzjoni partikolari jew jippreserva ġurisdizzjonijiet li għandhom importanza speċifika. Għalhekk, l-istħarriġ eċċezzjonali previst f’dan l-Artikolu 35(1) huwa intiż sabiex jiżgura li dawn ir-regoli ma jkunux imċaħħda mill-effett utli tagħhom fl-istadju tar-rikonoxximent jew tal-eżekuzzjoni.

91.      Madankollu, l-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jillimita dan l-istħarriġ. Huwa jipprevedi li, waqt l-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-awtorità rikjesta hija marbuta bil-konstatazzjonijiet fattwali li fuqhom il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini bbażat il-ġurisdizzjoni tagħha. Isegwi li l-qorti tal-Istat Membru rikjest ma tistax tikkontesta l-konstatazzjonijiet fattwali effettivament imwettqa mill-qorti ta’ oriġini.

92.      Għalhekk, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi limitu importanti għall-istħarriġ li l-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jawtorizza b’mod eċċezzjonali. Il-qorti tal-Istat Membru rikjest tista’ tevalwa jekk ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti minn din id-dispożizzjoni ġewx osservati, filwaqt li tibqa’ marbuta bil-konstatazzjonijiet fattwali li fuqhom il-qorti ta’ oriġini bbażat il-ġurisdizzjoni tagħha (22). Madankollu, dan l-obbligu ma jestendix la għall-klassifikazzjoni legali ta’ dawn il-fatti u lanqas għall-interpretazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni sostnuta mill-qorti ta’ oriġini.

93.      Id-diffikultà mqajma permezz tat-tielet domanda tirrigwarda preċiżament il-każ li fih il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini ma għamlitx konstatazzjonijiet fattwali li jippermettu li jiġi evalwat jekk ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu lill-konsumatur kinux applikabbli. F’tali sitwazzjoni, inkwistjoni ma jkunx hemm kontestazzjoni, mill-qorti tal-Istat Membru rikjest, tal-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti ta’ oriġini. Il-kwistjoni tkun li jiġi ddeterminat jekk l-assenza ta’ tali konstatazzjonijiet fattwali tipprekludix kwalunkwe stħarriġ fir-rigward tal-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament.

94.      Huwa minnu li interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 44/2001 tista’ twassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-assenza ta’ konstatazzjonijiet fattwali mill-qorti ta’ oriġini tipprekludi kwalunkwe stħarriġ mill-qorti tal-Istat Membru rikjest. Madankollu, fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata. L-assenza ta’ tali konstatazzjonijiet ma tistax, waħedha, iċċaħħad lill-qorti tal-Istat Membru rikjest minn kull possibbiltà li tivverifika jekk ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu lill-konsumatur kinux osservati. L-effett ta’ tali approċċ ikun li l-effettività tal-istħarriġ eċċezzjonali previst fl-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament tkun tiddependi fuq l-eżistenza ta’ konstatazzjonijiet li l-qorti ta’ oriġini preċiżament ma għamiltx. Għalhekk, dan jirriskja li jċaħħad parzjalment lil din l-eċċezzjoni mis-sustanza tagħha, peress li l-assenza ta’ motivazzjoni jew ta’ konstatazzjonijiet suffiċjenti tipprekludi kwalunkwe stħarriġ tal-osservanza tar-regoli li din id-dispożizzjoni hija preċiżament intiża li tipproteġi (23).

95.      Għalhekk, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet. Meta il-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini għamlet konstatazzjonijiet fattwali li fuqhom ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha, il-qorti tal-Istat Membru rikjest hija marbuta b’dawn il-konstatazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, meta d-deċiżjoni ta’ oriġini ma tinkludix il-konstatazzjonijiet neċessarji sabiex tiġi evalwata l-applikabbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu l-konsumatur, l-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jistax jipprekludi lill-qorti rikjesta milli tagħmel verifika limitata ta’ din il-kwistjoni.

96.      Madankollu, din il-verifika għandha tibqa’ strettament limitata. Hija la tista’ twassal għal reviżjoni fuq il-mertu tad-deċiżjoni barranija, espressament ipprojbita mill-Artikolu 45(2) tar-Regolament Nru 44/2001, u lanqas għal eżami mill-ġdid ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini. Hija għandha tkun limitata għal dak li huwa neċessarju sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu l-konsumatur, li l-ksur tagħhom huwa trattat fl-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament, kinux applikabbli u ġewx osservati.

97.      B’mod partikolari, il-qorti tal-Istat Membru rikjest ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-qorti ta’ oriġini bl-evalwazzjoni tagħha stess fir-rigward tal-fatti li l-qorti ta’ oriġini tkun effettivament ikkonstatat. Hija lanqas ma tista’ tiftaħ investigazzjoni ġdida dwar il-mertu tal-kawża jew twettaq evalwazzjoni kompleta tar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni. L-istħarriġ tagħha għandu jiġi eżerċitat fil-limiti tal-elementi li hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni fil-proċedura ta’ rikonoxximent jew ta’ eżekuzzjoni, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mid-deċiżjoni ta’ oriġini u mid-dokumenti rilevanti tal-proċedura (24).

98.      Din il-limitazzjoni hija iktar u iktar neċessarju peress li l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni stabbilit mir-Regolament Nru 44/2001 huwa bbażat fuq fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni. Għalhekk, il-qorti tal-Istat Membru rikjest ma tistax tinbidel f’qorti tal-appell tal-qorti ta’ oriġini. L-intervent tagħha għandu jibqa’ eċċezzjonali u limitat strettament għall-verifika li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li l-ksur tagħhom huwa espressament trattat fl-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament ma kinux imċaħħda mill-effett utli tagħhom.

99.      Għalhekk, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina, minn naħa, jekk il-ġurisdizzjoni tal-qorti Lussemburgiża tistax titqies ibbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolament 44/2001, u min-naħa l-oħra, jekk l-imsemmija ġurisdizzjoni ma hijiex ibbażata fuq l-imsemmi artikolu, jekk l-elementi li hija għandha jippermettux li jiġi vverifikat jekk il-mutwatarji jaqgħux taħt ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu l-konsumatur previsti fis-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament.

100. Mill-preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini ma għamlitx konstatazzjonijiet li jippermettu li jiġi evalwat jekk ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu l-konsumatur kinux applikabbli u meta l-ġuriżdizzjoni tal-imsemmija qorti ma tistax tkun ibbażata b’mod validu fuq l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, din id-dispożizzjoni ma ċċaħħadx lill-qorti tal-Istat Membru rikjest mill-possibbiltà li twettaq verifika limitata tal-osservanza ta’ dawn ir-regoli, sakemm tali stħarriġ la jwassal għal reviżjoni tal-mertu tad-deċiżjoni barranija u lanqas għal kontestazzjoni tal-konstatazzjonijiet fattwali effettivament magħmula mill-qorti ta’ oriġini.

VI.    Konklużjoni

101. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza):

1)      L-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li

l-fatt li parti ddomiċiljata fi Stat Membru tiddikjara l-kreditu tagħha fi proċedura ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru ieħor ma jwassalx, waħdu, għall-estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita minn din il-proċedura fir-rigward ta’ kontrotalba mressqa kontra din il-parti. Madankollu, tali estensjoni tista’ tirriżulta mid-dehra ta’ din il-parti fl-azzjoni relatata mal-kontrotalba, sakemm hija ma tkunx ikkontestat fi żmien xieraq il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

2)      L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001

għandu jiġi interpretat fis-sens li

eċċezzjoni ta’ lis pendens, li permezz tagħha parti li tuża l-kwalità tagħha ta’ konsumatur tinvoka l-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tagħha b’applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni protettivi previsti fis-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, tista’ tikkostitwixxi kontestazzjoni ta’ ġurisdizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta mill-kontenut tagħha u mill-kuntest proċedurali li fih titqajjem, jirriżulta b’mod ċar li din il-parti trid topponi l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita. Madankollu, tali kontestazzjoni għandha titqajjem fi żmien xieraq.

3)      L-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 44/2001

għandu jiġi interpretat fis-sens li

meta l-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini ma tkunx għamlet konstatazzjonijiet fattwali li jippermettu li jiġi evalwat jekk ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipproteġu l-konsumatur previsti fis-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament kinux applikabbli u meta l-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini ma tirriżultax mill-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, din id-dispożizzjoni ma ċċaħħadx lill-qorti tal-Istat Membru rikjest mill-possibbiltà li twettaq verifika limitata tal-osservanza ta’ dawn ir-regoli, sakemm tali stħarriġ la jwassal għal reviżjoni tal-mertu tad-deċiżjoni barranija u lanqas għal kontestazzjoni tal-konstatazzjonijiet fattwali effettivament magħmula mill-qorti ta’ oriġini.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.


3      Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 66(1) ta’ dan ir-regolament.


4      Sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 1985, Spitzley, 48/84, EU:C:1985:105, punti 19 sa 20, u tal‑20 ta’ Mejju 2010, ČPP Vienna Insurance Group, C‑111/09, EU:C:2010:290, punti 30 sa 32.


5      Sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, ČPP Vienna Insurance Group, C‑111/09, EU:C:2010:290, punt 32.


6      Ara l-punti 49 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


7      Ara l-punti 62 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


8      Ara l-punti 84 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 24 u 25), kif ukoll tat‑2 ta’ Lulju 2026, Traugott Ickeroth (C‑67/25, EU:C:2026:534, punti 23 u 24).


10      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).


11      Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15).


12      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑22 ta’ Frar 1979, Gourdain (133/78, EU:C:1979:49, punti 4 u 5); tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145, punti 26 sa 28); kif ukoll tas‑6 ta’ Frar 2019, NK (C‑535/17, EU:C:2019:96, punti 26 sa 28).


13      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145, punti 29 sa 32). Ara wkoll Pörnbacher, K., “Ir-Regolament Nru  44/2001, Artikolu 1, punti 16 sa 18”, fi Geimer, R u Schütze, R.A., Internationaler Rechtsverkehr in Zivil- und Handelssachen, is-sebgħin edizzjoni aġġornata, Jannar 2026.


14      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 1980, de Cavel (120/79, EU:C:1980:70, punti 8 u 9); tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Aannemingsbedrijf Aertssen u Aertssen Terrassements (C‑523/14, EU:C:2015:722, punti 33 sa 35); kif ukoll tat‑12 ta’ Ottubru 2016, Kostanjevec (C‑185/15, EU:C:2016:763, punti 31 sa 33).


15      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Petronas Lubricants Italy (C‑1/17, EU:C:2018:478, punti 27 sa 32). Ara wkoll Bonomi, A., “Jurisdiction over Consumer Contracts”, fi Dickinson, A., u Lein, E. (dir.), The Brussels I Regulation Recast, Oxford University Press, 2015, punt 6.75.


16      Ara l-punti 1 u 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, ČPP Vienna Insurance Group (C‑111/09, EU:C:2010:290, punti 30 sa 33). Ara wkoll de Lima Pinheiro, L. “Prorogation by submission under Art. 26 of Brussels Ibis Regulation and the protection of weaker parties”, Cuadernos de Derecho Transnacional, Vol. 16, Nru 2, 2024, p. 480 u 481.


17      Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 1985, Spitzley (48/84, EU:C:1985:105, punti 18 sa 22), u tal‑20 ta’ Mejju 2010, ČPP Vienna Insurance Group (C‑111/09, EU:C:2010:290, punt 25). Ara wkoll Auer S., “Ir-Regolament Nru 44/2001, Artikolu 24, punti 41 sa 47 u 58, fi Geimer, R., u Schütze, R.A. (dir), Internationaler Rechtsverkehr in Zivil- und Handelssachen, is-sebgħin edizzjoni aġġornata, Jannar 2026.


18      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 1981, Elefanten Schuh (150/80, EU:C:1981:148, punti 15 u 16). Ara wkoll Auer S., “Ir-Regolament Nru 44/2001, Artikolu 24, punti 33 u 34, fi Geimer, R., u Schütze, R.A. (dir),, Internationaler Rechtsverkehr in Zivil- und Handelssachen, is-sebgħin edizzjoni aġġornata, Jannar 2026.


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 1981, Elefanten Schuh (150/80, EU:C:1981:148, punti 16 u 17); tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Goldbet Sportwetten (C‑144/12, EU:C:2013:393, punti 37 sa 39); tas‑27 ta’ Frar 2014, Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions assurances (C‑1/13, EU:C:2014:109, punti 34 sa 36), kif ukoll tat‑13 ta’ Lulju 2017, Bayerische Motoren Werke (C‑433/16, EU:C:2017:550, punti 33 sa 36). Ara wkoll Auer S., “Ir-Regolament Nru 44/2001, Artikolu 24, punti 35 sa 38, fi Geimer, R., u Schütze, R.A. (dir),,, Internationaler Rechtsverkehr in Zivil- und Handelssachen, is-sebgħin edizzjoni aġġornata, Jannar 2026.


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, ČPP Vienna Insurance Group (C‑111/09, EU:C:2010:290, punt 29). Ara wkoll Tschauner, H., “Ir-Regolament Nru 44/2001, Artikolu 35, punti 5 sa 7” fi Geimer, R., u Schütze, R.A. (dir),, Internationaler Rechtsverkehr in Zivil- und Handelssachen, is-sebgħin edizzjoni aġġornata, Jannar 2026, kif ukoll de Lima Pinheiro, L., “Prorogation by submission under Art. 26 of Brussels Ibis Regulation and the protection of weaker parties”, Cuadernos de Derecho Transnacional, Vol. 16, Nru 2, 2024, p. 485.


21      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et (C‑456/11, EU:C:2012:719, punti 28 sa 30), u tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471, punti 40 sa 44).


22      Ara Tschauner, H., “Ir-Regolament Nru 44/2001, Artikolu 35, punti 15 U 16” fi Geimer, R., u Schütze, R.A. (dir), Internationaler Rechtsverkehr in Zivil- und Handelssachen, is-sebgħin edizzjoni aġġornata, Jannar 2026. Ara wkoll, Bonomi, A., “Jurisdiction over Consumer Contracts”, fi Dickinson, A., u Lein, E. (dir.), The Brussels I Regulation Recast, Oxford University Press, 2015, punt 6.55, nota 130.


23      Ara, b’analoġija, Requejo Isidro, M., “La ejecución sin exequátur. Reflexiones sobre el Reglamento Bruselas I bis, capítulo III”, Revista Española de Derecho Internacional, Vol. 67, Nru 2, 2015, p. 57, li fir-rigward tas-sistema ta’ stħarriġ doppju miżmuma mir-Regolament Nru 44/2001, jenfasizza li s-setgħat ta’ eżami tal-qorti tal-Istat Membru rikjest ma jistgħux jiġu mċaħħda mill-effett utli tagħhom.


24      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punti 41 sa 46); tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471, punti 48 u 49); kif ukoll tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni (C‑559/14, EU:C:2016:349, punti 46 sa 48).