1999R0975 — MT — 28.12.2005 — 003.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) numru 975/1999

tad-29 ta'April 1999

li tistabbilixxi l-ħtiġiet għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet ta' koperazzjoni għall-iżvilupp li jikkontribwixxi bil-għan ġenerali li tiġi żviluppata u konsolidata d-demokrazija u r-regola tal-liġi u bil-għan li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali

(ĠU L 120, 8.5.1999, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1882/2003 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tad-29 ta' Settembru 2003

  L 284

1

31.10.2003

►M2

REGOLAMENT (KE) Nru 2240/2004 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta' Diċembru 2004

  L 390

3

31.12.2004

►M3

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 2110/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005

  L 344

1

27.12.2005




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) numru 975/1999

tad-29 ta'April 1999

li tistabbilixxi l-ħtiġiet għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet ta' koperazzjoni għall-iżvilupp li jikkontribwixxi bil-għan ġenerali li tiġi żviluppata u konsolidata d-demokrazija u r-regola tal-liġi u bil-għan li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, partikolarment l-Artikolu 130w tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni ( 1 ),

Huwa u jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat ( 2 ),

(1)

Billi proċeduri għandhom jiġu stabbiliti għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet ta' koperazzjoni għall-iżvilupp li jikkontribwixxi bil-għan ġenerali li tiġi żviluppata u konsolidata d-demokrazija u r-regola tal-liġi u bil-għan li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

(2)

Billi l-Kunsill addotta simultanjament ma' dan ir-Regolament, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Numru 976/1999 tad-29 ta'April 1999 li jniżżel il-ħtiġiet għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet tal-Komunità, barra dawk ta' koperazzjoni għall-iżvilupp, li, fil-qafas ta' koperazzjoni Politika tal-Komunità, jikkontribwixxi bil-għan li tiġi żviluppata u konsolidata d-demokrazija u r-regola tal-liġi bil-għan li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f'pajjiżi terzi ( 3 );

(3)

Billi l-politika tal-Komunità fl-isfera ta' koperazzjoni għall-iżvilupp tikkontribwixxi bil-għan ġenerali li tiġi żviluppata u konsolidata d-demokrazija u r-regola tal-liġi u bil-għan li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

(4)

Billi l-Artikolu F.2 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea jistipola li l-Unjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali, garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea Għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, iffirmat f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950 u billi jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità;

(5)

Billi l-azzjoni tal-Komunità biex tippromwovi l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija huwa ggwidat mit-twemmin fil-prinċipji ta' l-universalità u l-indivisibilità tad-drittijiet tal-bniedem, prinċipji li jsaħħu s-sistema internazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

(6)

Billi l-azzjoni tal-Komunità biex tippromovi il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija għandu l-għeruq fil-prinċipji ġenerali stabbiliti mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Ftehim Internazzjonali tad-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Ftehim Internazzjonali tad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulurali;

(7)

Billi l-Komunità tirrikonoxxi l-interdipendenza ta' drittijiet tal-bniedem kollha, u billi l-progrress fiż-żvilupp ekonomiku u soċjali u fil-kisba tad-drittijiet ċivili u politiċi għandha tkun appoġġata reċiprokament;

(8)

Billi d-drittijiet tal-bniedem fis-sens ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu kkonsidrati li jinkludu r-rispett għal-liġi umanitarja internazzjonali, u anki li tiġi kkunsidrata l-Konvenzjoni ta' Ġinevra 1949 u l-Protokoll Addizjonali tiegħu ta' l-1977, il-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar l-Istatus tar-Refuġjati ta' l-1951, il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u Piena tar-Reat tal-Ġenoċidju 1948 u atti oħra ta' trattati internazzjonali jew liġi konswetudinarja;

(9)

Billi r-riżoluzzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u ż-żvilupp addottat mill-Kunsill u l-Istati Membri, li ltaqgħu fil-Kunsill, fit-28 ta'Novembru 1991, tniżżel linji gwida, proċeduri u miżuri prattiċi bl-għan li jippromovu l-libertajiet ċivili u politiċi flimkien ma' drittijiet ekonomiċi u soċjali, u dan billi jkun hemm sistema politika rappreżentattiva bbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

(10)

Billi l-azzjoni tal-Komunità biex tippromwovi prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija huwa prodott ta' approċċ pożittiv u kostruttiv fejn il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija huma kkonsidrati bħala kwistjonijiet ta' interess komuni għall-Komunità u s-soċji tagħha, u bħala suġġett ta' diskussjoni li jista' jipproduċi miżuri li jippromovu rispett għal dawn id-drittijiet u prinċipji;

(11)

Billi dan l-approċċ pożittiv għandu jiġi rifless fl-implimentazzjoni tal-miżuri li jappoġġaw d-demokratizzazzjoni, is-saħħar tar-regola tal-liġi u ż-żvilupp ta' soċjetà demokratika u pluralista u f'miżuri biex tiżdied il-fiduċja bl-għan illi ma jitħallewx isiru kunflitti, imma li jappoġġjaw inizjattivi għall-paċi u li jindirizzaw kwistjonijiet ta' l-impunità;

(12)

Billi l-istrumenti finanzjarji li jintużaw biex jappoġġaw azzjoni pożittiva f'pajjiżi individwali għandhom jiġu użati b'mod konsistenti ma' programmi ġeografiċi u jiġu integrati ma' strumenti ta' l-iżvilupp oħra biex tiġi massimizzata l-impatt u l-effettività tagħhom;

(13)

Billi huwa ukoll neċessarju li jiġi assigurat illi dawn l-operazzjonijiet huma konsistenti mal-politika barranija ta' l-Unjoni Ewropea b'mod sħiħ, inkluża l-politika barranija u ta' sigurtà komuni;

(14)

Billi dawn l-operazzjonijiet għandhom jiffukaw partikolarment fuq dawk in-nies li ssir diskriminzzjoni kontra tagħhom jew li jbatu l-faqar jew li huma żvantaġġjati, tfal, nisa, refuġjati, dawk li jmorru jgħixu f'pajjiż ieħor, minoritajiet, persuni li mhux qegħdin f'lokhom, popli indiġeni, priġunieri u vittmi tat-tortura;

(15)

Billi l-appoġġ tal-Komunità għad-demokratizzazzjoni u l-osservanza tal-prinċipju tar-regola tal-liġi f'sistema politika li tirrispetta il-libertajiet fondamentali ta' l-individwu jgħin biex jiġu sodisfatti l-għanijiet stabbiliti fil-ftehim tal-Komunità mas-soċji tagħha, fejn ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-prinċipji tad-demokrazija huwa element essenzali għar-relazzjoni bejn il-partijiet;

(16)

Billi l-kwalità, l-impatt u l-kontinwità ta' l-operazzjonijiet għandhom jiġu partikolarment protetti permezz ta' programmi multi-annwali biex jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u prinċipji demokratiċi bi sħubija ma' l-awtoritajiet tal-pajjiżi konċernati, b'konsiderazzjoni għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom;

(17)

Billi, biex ikun hemm azzjoni effiċjenti u konsistenti, hemm bżonn li l-karatteristiċi speċifiċi ta' azzjoni fir-rigward ta' drittijiet tal-bniedem u prinċipji demokratiċi jiġu kkonsidrati u riflessi fl-istabbiliment ta' proċeduri għad-teħid ta' deċizjonijiet li huma flessibbli, trasparenti u mgħaġġla għall-finanzjament ta' operazzjonijiet u proġetti f'dan il-qasam;

(18)

Billi hemm il-bżonn illi l-Komunità tkun tista' tirreaġixxi malajr f'każijiet ta' emerġenza jew f'sitwazzjonijiet ta' importanza partikolari biex tiġi msaħħa l-kredibilità u l-effettività ta' l-impenn tagħha fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-demokrazzija fil-pajjiżi fejn dawn is-sitwazzjonijiet jinqalgħu;

(19)

Billi l-proċedura għall-għotja ta' assistenza u partikolarment il-valutazzjoni ta' proġetti għandha tikkunsidra n-natura speċjali ta' dawk li jirċievu appoġġ mill-Komunità f'dan il-qasam, jiġifieri attivitajiet li ma jrendux profitt, ir-riskji li jieħdu l-membri li ħafna drabi huma voluntiera, l-ambjent li jaħdmu fih li jista' jkun ostili u l-ispazju limitat għall-manuvra li għandhom bir-riżorsi proprji tagħhom;

(20)

Billi l-iżvilupp ta' soċjetà ċivili għandha tinvolvi l-ħruġ, u l-organizzazzjoni ta', nies ġodda u billi, f'dan il-kuntest, jista' jkun meħtieġ li l-Komunità tipprovdi appoġġ finanzjarju lis-soċji li m'għandhomx esperjenza f'dan il-qasam;

(21)

Billi deċizjonijiet biex jiġu ffinanzjati proġetti biex jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi għandhom jittieħdu b'mod imparzjali, mingħajr diskriminazzjoni fuq bazi ta' razza, reliġjon, kultura, soċjetà jew etnika, bejn il-korpi riċevituri ta' l-appoġġ tal-Komunità u persuni jew gruppi għal min huma mmirati dawn il-proġetti appoġġati, u m'għandhomx jiġu ggwidati b'konsiderazzjonijiet politiċi;

(22)

Billi għandhom jiġu stabbiliti proċeduri għall-implimentazzjoni u amministrazzjoni ta' l-għajnuna biex jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-demokrazija ffinanzjati mill-budget tal-Komunità;

(23)

Billi ammont finanzjarju ta' riferenza, fis-sens ta' punt numru 2 tad-Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tas-6 ta'Marzu 1995 ( 4 ), huwa inkluż f'dan ir-Regolament għat-tul ta' dan il-programm, mingħajr ma jaffettwa l-poteri ta' l-awtoritajiet tal-budget skond dan it-Trattat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



KAPITOLU I

Għanijiet

Artikolu 1

L-iskop ta' dan ir-Regolament huwa li jindika l-proċeduri għall-implementazzjoni ta' operazzjonijiet tal-Komunità li, fil-qafas tal-politika ta' l-iżvilupp tal-koperazzjoni fil-Komunità, jikkontribwixxu bil-għanijiet ġenerali li jiġu żviluppati u konsolidati d-demokrazija u r-regola tal-liġi u li jikkontribwixxu lejn ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fondamentali.

L-operazzjonijiet skond dan ir-Regolament għandhom jiġu implimentati fit-territorju tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw jew għandhom ikollhom x'jaqsmu direttament ma sitwazzjonijiet li jinqalgħu f'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.

Artikolu 2

Fil-limiti ta' l-Artikolu 1, u b'mod konsistenti mal-politika barranija ta' l-Unjoni Ewropea fl-inter tagħha, il-Komunità Ewropea għandha tipprovdi għajnuna teknika u finanzjarja għal operazzjonijiet bl-għan illi:

1. tippromovi u tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fondamentali skond id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u istrumenti internazzjonali oħra li jikkonċernaw l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u r-regola tal-liġi, partikolarment:

(a) il-promozzjoni u protezzjoni ta'drittijiet politiċi u ċivili;

(b) il-promozzjoni u protezzjoni ta'drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

(ċ) il-promozzjoni u protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ta' dawk li jiġu diskriminati, jew li jbatu mill-faqar jew żvantaġġ, li jikkontribwixxi lejn it-tnaqqis tal-faqar u esklużjoni soċjali;

(d) l-appoġġ għall-minoritajiet, gruppi etniċi u popli indiġeni;

(e) l-appoġġ għal instituzzjonijiet lokali, nazzjonali, reġjonali jew internazzjonali, inklużi Organizzazzjonijiet non-Governattivi, li huma involuti fil-protezzjoni, promozzjoni jew difiża tad-drittijiet tal-bniedem;

(f) l-appoġġ għaċ-ċentri ta' riabilitazzjoni għall-vittmi tat-tortura u għall-organizzazzjonijiet li joffru għajnuna konkreta lill-vittmi ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jew għajnuna biex jittejbu il-kondizzjonijiet f'postijiet fejn in-nies jiġu mċaħħda mill-libertà tagħhom biex tiġi evitata t-tortura jew trattament ħażin;

(g) l-appoġġ għall-edukazzjoni, taħriġ u sforzi biex tiżdied il-kuxjenza fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

(h) l-appoġġ għal azzjonijiet biex jiġu kkontrollati d-drittijiet tal-bniedem, inkluż it-taħriġ ta' l-osservaturi;

(i) il-promozzjoni ta' l-ugwaljanza ta' opportunitajiet u prattiċi li ma jiddiskriminawx, inklużi miżuri biex issir ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija;

(j) il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertajiet fondamentali skond il-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, partikolarmnet il-libertà ta' l-opinjoni, espressjoni u kuxxjenza u d-dritt għall-użu tal-lingwa prorpja.

2. tappoġġa il-proċess tad-demokratizzazzjoni, partikolarment:

(a) il-promozzjoni u t-tisħiħ tar-regola tal-liġi, partikolarment li tinżamm u tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura, u l-appoġġ għal sistema ta' ħabs ta' natura umana; l-appoġġ għal riforma konstituzzjonali u leġiżlattiva; l-appoġġ għal inizjattivi biex titneħħa l-piena tal-mewt;

(b) il-promozzjoni tas-separazzjoni tal-poteri, partikolarment l-indipendenza tal-ġudikatura u tal-leġiżlatura mill-eżekuttiv, u l-appoġġ għar-riformi instituzzjonali;

(ċ) il-promozzjoni tal-pluraliżmu kemm fuq livell politiku kif ukoll fuq livell ta' soċjetà ċivili billi jissaħħu l-istituzzjonijiet meħtieġa biex tinżamm natura pluralista f'dik is-soċjetà, inklużi l-organizzazzjonijiet non-governattivi (NGOs), u billi jiġu promossi midja indipendenti u responsabbli u li jappoġġaw stampa ħielsa u li jirrispettaw id-drittijiet għal-libertà ta' l-assoċjazzjoni u assemblea;

(d) il-promozjoni ta' tmexxija tajba tal-gvern, partikolarment billi jappoġġaw responsabbiltà amministrattiva u li l-korruzzjoni ma tiġix permessa;

(e) il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-poplu fil-proċess tat-teħid tad-deċizjonijiet fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali, partikolarment billi tiġi promossa parteċipazzjoni ndaqs għall-irġiel u għan-nisa fis-soċjetà ċivili, fil-ħajja ekonomika u ċivili;

(f) l-appoġġ għal proċess elettorali, partikolarment b'appoġġ għal kummissjonijiet elettorali indipendenti, billi jingħata materjal, assistenza teknika u legali fil-preparazzjoni ta' l-elezzjonijiet, inklużi ċensimenti elettorali, miżuri biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni ta' ċerti gruppi, partikolarment nisa, fil-proċess elettorali, u bit-taħriġ ta' osservaturi;

(g) l-appoġġ ta' sforzi nazzjonali biex jisseparaw funzjonijiet ċivili u militari, għat-taħriġ ta' nies ċivili u militari, u t-tisħiħ ta' l-għarfien tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem;

▼M2

(h) sforzi ta' sostenn biex jiġi mħeġġeġ l-istabbiliment ta' gruppi ta' pajjiżi demokratiċi fil-korpi tan-Nazzjonijiet Uniti, aġenziji speċjalizzati u organizzazzjonijiet reġjonali.

▼B

3. tappoġġa miżuri biex jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni billi ma jitħallewx isiru konflitti u billi l-konsegwenzi huma trattati b'koperazzjoni eqreb mal-korpi kompetenti relevanti, partikolarment:

(a) bl-appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet, inkluż l-istabbiliment ta' sistemi lokali ta' twissija;

(b) bl-appoġġ għall-miżuri bil-mira li jibbilanċjaw l-opportunitajiet u li jgħaqqdu l-linji ta' diviżjoni eżistenti bejn gruppi ta' identità;

(ċ) bl-appoġġ għal-miżuri li jiffaċilitaw il-konċiljazzjoni paċifika ta' l-interessi tal-gruppi, inkluż l-appoġġ għal miżuri biex tinbena l-kunfidenza relatata mad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni biex ma jitħallewx isiru kunflitti u biex tiġi restawrata l-paċi ċivili;

(d) bil-promozzjoni tal-liġi umanitarja internazzjonali u li din tiġi osservata mill-partijiet kollha f'każ ta' kunflitt;

(e) l-appoġġ ta'organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali jew lokali, inklużi NGOs li huma involuti fl-isforz biex ma jitħallewx isiru kunflitti u li jieħdu ħsieb il-konsegwenzi ta' kunfliti li jiġru, inkluż l-appoġġ biex jiġu stabbiliti tribunali kriminali internazzjonali ad hoc u t-twaqqif ta' qorti kriminali internazzjonali, u l-appoġġ u assistenza għall-vittmi ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem.

Artikolu 3

L-appoġġ tal-komunità għal dawn il-miri jista' jinkludi l-iffinanzjar ta':

1. kampanji biex titqajjem kuxjenza, biex jinfurmaw u biex jagħtu taħriġ lill-aġenziji involuti u lill-pubbliku b'mod ġenerali;

2. il-miżuri meħtieġa għall-identifikazzjoni u l-preparazzjoni ta' proġetti, jiġifieri:

(a) studji għall-identifikazzjoni u għall-viabiltà;

(b) l-iskambju ta' tagħrif tekniku u esperjenza bejn organizzazzjonijiet Ewropej u korpi f'pajjizi terzi;

(ċ) in-nefqa tal-proċeduri għall-offerti bl-appalt, partikolarment il-valutazzjoni ta' offerti bl-appalt u l-preparazzjoni tad-dokumenti tal-progetti;

(d) l-iffinanzjar ta'studji ġenerali li jikkonċernaw l-azzjoni tal-Komunità skond l-iskop ta' dan ir-Regolament.

3. l-implimentazzjoni ta' proġetti:

(a) assistenza teknika u impjegati barranin u lokali biex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-proġetti;

(b) ix-xiri u/jew l-izvilupp ta' kull prodott jew ta' apparat neċessarju biss għall-implementazzjoni ta' operazzjonijiet, inklużi, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, u meta ġġustifikat, ix-xiri jew kera ta' postijiet;

(ċ) meta huwa xieraq, azzjonijet biex jiġi enfasizzat il-karattru ta' l-operazzjonijiet tal-Komunità.

4. miżuri biex jiġu kkontrollati, verifikati u valutati l-operazzjonijiet tal-Komunità;

5. attivitajiet biex jiġu spjegati l-oġġettivi u r-riżultati lill-pubbliku ġenerali fil-pajjizi konċernati u assistenza amministrattiva u teknika għal vantaġġi reċiproċi tal-Kummissjoni u tal-benefiċjarji.



KAPITOLU II

Proċeduri għall-implimentazzjoni ta' l-għajnuna

Artikolu 4

1.  Is-soċji eliġibbli għall-iffinanzjar skond dan ir-Regolament huma organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governttivi, awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u aġenziji uffiċjali, organizzazzjonijiet ibbażati fil-Komunità u stituti u operaturi pubbliċi jew tas-settur privat. ►M2  Fil-każ ta' Missjonijiet ta' l-UE ta' Osservazzjoni ta' Elezzjonijiet u proċedimenti “amicus curiae”, persuni fiżiċi għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt dan ir-Regolament. ◄

2.  Operazzjonijet li jiġu ffinanzjati mill-Komunità skond dan ir-Regolament għandhom jiġu implementati mill-Kummissjoni jew bit-talba tas-soċju skond il-paragrafu 1 jew fuq l-inizzjattiva proprju tas-soċju.

▼M3

Artikolu 5

L-eliġibilità għal kuntratti għandha tiġi stabbilita skond ir-regoli ta’ l-eliġibilità u d-derogi minnhom, kif jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 2110/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsillta ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005 dwar l-aċċess għal Assistenza Esterna tal-Komunità ( 5 ).

▼B

Artikolu 6

Bla ħsara għall-istituzzjoni u ambjent politiku fejn jaħdmu s-soċji skond l-Artikolu 4(1), il-fatturi li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati b'mod partikolari meta qed jiġi stabbilit jekk għandhomx jingħataw fondi mill-Komunità lil dak il-korp:

(a) l-impenn tiegħu biex jiddefendi, jirrispetta u jippromovi d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi b'mod mhux diskriminatorju;

(b) l-esperjenza tiegħu fl-oqsma tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi;

(ċ) il-kapaċitajiet amministrattivi u finanzjarji tiegħu;

(d) il-kapaċità teknika u loġistika fir-rigwrad ta' l-operazzjonijiet ippjanati;

(e) ir-riżultati, fejn huwa relevanti, ta' xi operazzjonijiet li jkunu diġà saru, partikolarment dawk li ġew iffinanzjati mill-Komunità;

(f) il-kapaċità tiegħu li jibni relazzjoni tax-xogħol ma' elementi oħra tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi terzi kkonċernati u li jiggwida l-assistenza lill-organizzazzjonijiet lokali li huma responsablli lejn is-soċjetà ċivili.

Artikolu 7

1.  Għajnuna m'għandiex tingħata lis-soċji fl-Artikolu 4(1) jekk kemm-il darba ma jħarsux il-kondizzjonijiet ta' l-allokazzjoni u l-implementazzjoni ordnati mill-Kummissjoni li għalihom jkunu marbuta b'kuntratt.

2.  Attivitajiet li jsiru bl-għajnuna tal-Komunità għandhom jiġu implimentati skond għanijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Komunità għall-iffinanzjar.

▼M2

3.  Finanzjament Komunitarju taħt dan ir-Regolament għandu jieħu l-forma ta' għotjiet jew kuntratti. Fil-qafas ta' l-operazzjonijiet taħt l-Artikolu 2, membri tal-Missjonijiet ta' l-UE ta' Osservazzjoni ta' Elezzjonijiet imħallsa mill-approprjazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni għandhom ikunu reklutati skond il-proċeduri stabbiliti mill-Kummissjoni.

▼B

4.  Meta operazzjonijiet li huma ffinanzjati skond dan ir-Regolament huma suġġetti għal ftehim għall-iffinanzjar bejn il-Komunità u l-pajjiżi li jirċievu l-għajnuna, dan il-ftehim għandu jistipula li taxxi, piżijiet u dazji doganali mgħandhomx jiġu mħallsa mill-Komunità.

▼M3

Artikolu 8

1.  L-eliġibilità għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri tas-sejħiet ta’ l-offerti taħt dan ir-Regolament għandha tkun stabbilita skond ir-regoli ta’ l-eliġibilità u d-derogi minnhom, kif jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 2110/2005.

2.  L-oriġini tal-provvisti u materjali mixtrija taħt dan ir-Regolament għandu jkun stabbilit skond ir-regoli ta’ l-oriġini u d-derogi minnhom, kif jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 2110/2005.

▼B

Artikolu 9

1.  Fl-interess tal-konsistenza u l-komplimentarità u biex tiġi mmassimizzata l-effettività ta' l-operazzjonijiet, il-Kummissjoni, b'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, tista' tieħu miżiri kordinattivi kif xieraq.

2.  F'kull każ, għall-iskopijiet ta'paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi:

(a) l-introduzjoni ta' sistema għall-iskambju u analiżi sistematika ta' informazzjoni dwar operazzjonijiet iffinanzjati, jew li kapaċi li jiġu ffinanzjati mill-Komunità u l-Istati Membri;

(b) il-kordinazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta'operazzjonijiet billi jsiru laqgħat fuq il-post għall-iskambju ta'informazzjoni bejn ir-rapreżentanti tal-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-pajjiż li qed jirċievi l-għajnuna;

(ċ) il-promozzjoni ta'approċċ koerenti fir-rigward ta'assistenza umanitarja u, fejn huwa possibli, l-integrazzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-sens ta' assistenza umanitarja.



KAPITOLU III

Proċeduri għall-implimentazzjoni ta' l-operazzjonijiet

Artikolu 10

▼M2

Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2005 sal-31 ta' Diċembru 2006 huwa b'dan stabbilit għal EUR 134 miljun.

▼B

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-budget skond il-limiti tal-perspettivi finanzjarji.

▼M2

Artikolu 11

1.  Il-Kummissjoni għandha tadotta l-qafas għall-ipprogrammar u l-identifikazzjoni ta' attivitajiet Komunitarji.

Il-qafas għandu jkun jikkonsisti, b'mod partikolari, minn

(a) programmi indikattivi multiannwali u aġġornamenti annwali ta' dawn il-programmi;

(b) programmi annwali ta' ħidma.

F'sitwazzjonijiet partikolari, miżuri speċifiċi mhux koperti bi programm annwali ta' ħidma jistgħu jkunu approvati.

2.  Il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport annwali li jistabbilixxi l-programmazzjoni għas-sena li jkun imiss skond ir-reġjun u skond is-settur, u għandha tirrapporta lura dwar l-implimentazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni u l-adattament, skond dan ir-Regolament u skond il-ħtiġiet ta' flessibilità, tal-programmi annwali ta' ħidma li kienu definiti fil-qafas ġenerali ta' l-istabbiliment multiannwali. Id-deċiżjonijiet meħuda għandhom jirriflettu l-prijoritajiet u t-tħassib ewlieni ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-konsolidazzjoni tad-demokrazija, ta' l-istat tad-dritt u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u għandhom ikunu determinati min-natura unika tal-programmi. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew kompletament infurmat bil-proċedimenti.

3.  Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-operazzjonijiet Komunitarji taħt dan ir-Regolament skond il-proċeduri tal-budget u skond proċeduri oħra fis-seħħ, b'mod partikolari dawk stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej ( 6 ).

Artikolu 12

1.  L-istrumenti msemmija fl-Artikolu 11(1) għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2).

F'każijiet fejn emendi għal programmi annwali ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 11(1)(b) ma jaqbżux l-20 % ta' l-ammont globali allokat lilhom jew ma jbiddlux b'mod sostanzjali n-natura tal-proġetti jew tal-programmi li hemm fihom, dawk l-emendi għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni. Din għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 13(1).

2.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14, deċiżjonijiet dwar finanzjament ta' proġetti u programmi mhux koperti bi programmi annwali ta' ħidma u li jaqbżu EUR 1 miljun għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2).

▼M1

Artikolu 13

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tad-Drittijiet Umani u d-Demokrazija, minn hawn il-quddiem referut bħala “il-Kumitat”.

▼M2

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE (1) għandhom japplikaw, b'kont meħud tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal 30 jum.

▼M1

3.  Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.

▼B

Artikolu 14

1.  Il-Kummissjoni tista' tiffinanzja miżuri ta' emerġenza sa limitu ta' 2 milun EUR. Miżuri ta' emerġenza huma neċessarji meta jinqala' bżonn urġenti u mhux previst li jirreżulta meta l-proċess demokratiku jiġi sospiż jew meta jkun hemm stat ta' kriżi jew periklu imminenti li taffetwa l-popolazzjoni ta' pajjiż, jew parti minnha, u li tippreżenta theddida serja għad-drittijiet u libertajiet fondamentali ta' l-individwu.

2.  F'każ illi l-operazzjonijiet jaderixxu ma' dawn il-kondizzjonijiet, il-Kummissjoni għandha taġixxi wara li tkun ikkonsultat ma' l-Istati Membri bl-iktar mod effettiv. L-Istati Membri għandhom jingħataw ħamest ijiem utli biex joġġezzjonaw. F'każ illi jkun hemm xi oġġezzjonijiet, il-Kumitat, imsemmi fl-Artikolu 13, għandu jeżamina l-kwistjoni fil-laqgħa li jmiss.

3.  Il-Kummissjoni għandha tinforma il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 13, fil-laqgħa li jmiss, dwar il-miżuri ta'emerġenza li jiġu iffinanzjati skond dawn id-dispożizzjonijiet.

Artikolu 15

Il-Kumitat jista' jeżamina kull kwistjoni kemm ġenerali kif ukoll speċifika li tikkonċerna l-għajnuna tal-Komunità fil-qasam u għandu jkollu rwol utli bħala mezz biex tittejjeb il-koerenza ta' l-azzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokratizzazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea lejn pajjiżi terzi. ►M2  ————— ◄

Artikolu 16

1.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel stima regolari ta' l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Komunità skond dan ir-Regolament biex tistabbilixxi jekk l-għanijiet intlaħqux u biex tipproduċi linji gwida biex tittejjeb l-effettività ta'operazzjonijiet segwenti. Il-Kummissjoni għandha tagħti sommarju ta' l-eżerċizzji tal-valutazzjoni li jkunu saru, u li jista' wkoll jiġi eżaminat jekk huwa neċessarju. Ir-rapporti tal-valutazzjoni għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' l-Istati Membri mat-talba tagħhom.

2.  Mat-talba ta' l-Istati Membri, il-Kummissjoni tista', magħhom, tivvaluta r-riżultati ta' l-operazzjonijiet u l-programmi tal-Komunità skond dan ir-Regolament.

▼M2

Artikolu 17

Kwalunkwe ftehim jew kuntratt konkluż skond dan ir-Regolament għandu jipprovdi b'mod espliċitu biex il-Kummissjoni u l-Qorti ta' l-Awdituri jeżerċitaw is-setgħat tagħhom ta' kontroll, fuq dokumenti u fuq il-bini, fuq il-kuntratturi u s-sub-kuntratturi kollha li rċevew fondi Komunitarji. Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar kontrolli fuq il-post u spezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni sabiex l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej ikunu protetti mill-frodi u irregolaritajiet ( 7 ) oħrajn għandu japplika.

▼B

Artikolu 18

1.  Fi żmien xahar mid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-Istati Membri dwar l-operazzjonijiet li ġew approvati, u għandha tindika s-somom, in-natura ta' l-operazzjoni, il-pajjiż li qed jirċievi l-għajnuna u s-soċji involuti.

2.  Fit-tmiem ta'kull sena' finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tagħti rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'sommarju ta' l-operazzjonijiet iffinanzjati tul dik is-sena.

Fis-sommarju għandha tinstab informazzjoni dwar is-soċji ma' min ġew implimentati l-operazzjonijiet imsemmijja fl-Artikolu 1.

Ir-rapport għandu jinkludi ukoll reviżjoni ta'eżerċizji ta'valutazzjoni esterni li setgħu saru u jista', jekk xieraq, jipproponi operazzjonijiet speċifiċi.

Artikolu 19

Tlett snin wara li tidħol jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill stima komplessiva ta' l-operazzjonijiet ffinanzjati mill-Komunità skond dan ir-Regolament, liema stima tista' tinkludi proposti xieraq dwar il-futur ta'dan ir-Regolament.

Artikolu 20

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jgħodd ►M2  sal-31 ta' Diċembru 2006 ◄ .

Dan ir-regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU C 282, 18.09.97, p. 14.

( 2 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta'Novembru 1997 (ĠU C 371, tat-8.12.1997, p. 74), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-25 ta'Jannar 1999 (ĠU C 58, ta' l-1.3.1999, p. 17) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta'l-14 ta'April 1999 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

( 3 ) Ara paġna 8 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

( 4 ) ĠU C 102, 04.04.96, p. 4.

( 5 ) ĠU L 344, 27.12.2005, p. 1.

( 6 ) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

( 7 ) ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.