10.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/29


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1179

tas-6 ta’ Awwissu 2020

li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/177/KE fir-rigward tal-istatus tal-Provinċja ta’ Åland fil-Finlandja fir-rigward tal-programm ta’ sorveljanza għas-settiċemija emorraġika virali (VHS), tal-Estonja fir-rigward tal-programm ta’ sorveljanza u qerda tas-settiċemija emorraġika virali (VHS) u n-nekrożi ematopojetika infettiva (IHN), tal-Kroazja għall-marda tal-virus tal-erpete tal-koi (KHV) u ta’ ċerti żoni fir-Renju Unit għall-infezzjoni bil-Bonamia ostreae

(notifikata bid-dokument C(2020) 5303)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 44(1)(2), u 53(3) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 131 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2),

Billi:

(1)

L-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/177/KE (3) jistabbilixxi lista ta’ Stati Membri, żoni u kompartimenti li huma soġġetti għal programmi approvati ta’ sorveljanza jew ta’ qerda għal, jew ġew iddikjarati ħielsa, minn ċertu mard elenkat fil-Parti II tal-Anness IV tad-Direttiva 2006/88/KE.

(2)

L-awtorità kompetenti tal-Finlandja infurmat lill-Kummissjoni li lestiet il-miżuri kollha ta’ qerda taħt il-programm tagħha li għaddej għas-settiċemija emorraġika virali (VHS) fil-Provinċja ta’ Åland u bdiet il-miżuri ta’ sorveljanza sussegwenti biex tiġi ddikjarata żona ħielsa mill-mard. Għalhekk, il-Provinċja ta’ Åland jenħtieġ li titħassar mill-Parti B tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/177/KE u minflok jenħtieġ li tiġi elenkata fil-Parti A ta’ dak l-Anness bħala soġġetta għal programm approvat ta’ sorveljanza.

(3)

L-awtorità kompetenti tal-Estonja ressqet programm ta’ sorveljanza u qerda għall-VHS u n-nekrożi ematopojetika infettiva (IHN) lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni u talbet li ż-żoni soġġetti għal dak il-programm jiġu elenkati fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/177/KE.

(4)

Iż-żona fl-Estonja li hija soġġetta għal miżuri ta’ sorveljanza għall-VHS u l-IHN jeħtieġ tiġi elenkata fil-Parti A tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/177/KE, filwaqt li kompartiment infettat bil-IHN u soġġett għall-miżuri ta’ qerda kontra dik il-marda jenħtieġ li jiġi elenkat fil-Parti B tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/177/KE.

(5)

Il-biċċa l-kbira tat-territorju tal-Kroazja huwa elenkat fil-Parti C tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/177/KE bħala li huwa ddikjarat ħieles mill-marda tal-virus tal-erpete tal-koi (KHV). L-awtorità kompetenti tal-Kroazja infurmat lill-Kummissjoni dwar diversi tifqigħat tal-KHV fiż-żona ġeografika li bħalissa huma elenkati u indikat li dan l-istatus ta’ ħelsien mill-KHV jenħtieġ li jiġi rtirat. Għalhekk, il-Kroazja jenħtieġ li titħassar minn dik il-lista.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, id-dritt tal-Unjoni għandu jkun applikabbli għar-Renju Unit u fih matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst f’dak il-Ftehim. Dak il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.

(7)

L-awtorità kompetenti tar-Renju Unit infurmat lill-Kummissjoni dwar diversi tifqigħat tal-Bonamia ostreae fit-territorju tagħha inkluż f’żoni li bħalissa huma elenkati fil-Parti C tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/177/KE bħala li huma ddikjarati ħielsa minn dik il-marda, u indikat li l-istatus ta’ ħelsien mill-marda tal-Bonamia ostreae jenħtieġ li jiġi rtirat għal dawk iż-żoni. Għalhekk, dawk iż-żoni jenħtieġ li jitħassru minn dik il-lista.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/177/KE jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-Parti A tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/177/KE, fit-tabella, ir-ringieli għas-settiċemija emorraġika virali (VHS) u n-nekrożi ematopojetika infettiva (IHN) huma sostitwiti b’dan li ġej:

Marda

Stat Membru

Kodiċi ISO

Dimarkazzjoni ġeografika tal-erja skont programm ta’ sorveljanza (Stat Membru, żoni jew kompartimenti)

“Settiċemija emorraġika virali (VHS)

L-Estonja

EE

It-territorju kollu

Il-Finlandja

FI

Il-Provinċja ta’ Åland

Nekrożi ematopojetika infettiva (IHN)

L-Estonja

EE

It-territorju kollu għajr il-kompartiment li jikkonsisti mill-farm tal-ħut Neli Elementi OÜ (approvazzjoni Nru 05/VV/KK01)”

Artikolu 2

Il-Parti B tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/177/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-entrata għall-Finlandja titħassar mir-ringiela għas-settiċemija emorraġika virali (VHS);

(2)

Il-ringiela għan-nekrożi ematopojetika infettiva (IHN) tiġi sostitwita b’dan li ġej:

Marda

Stat Membru

Kodiċi ISO

Dimarkazzjoni ġeografika taż-żona skont programm ta’ qerda (Stat Membru, żoni jew kompartimenti)

“Nekrożi ematopojetika infettiva (IHN)

L-Estonja

EE

Il-kompartiment li jikkonsisti mill-farm tal-ħut Neli Elementi OÜ (approvazzjoni Nru 05/VV/KK01)”

Artikolu 3

Fil-Parti C tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/177/KE, l-entrata għall-Kroazja titħassar mir-ringiela għall-marda tal-virus tal-erpete tal-koi (KHV).

Artikolu 4

Fil-Parti C tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/177/KE, fir-ringiela “Infezzjoni mill-Bonamia ostreae ”, l-entrata għar-Renju Unit, fil-kolonna intitolata “Dimarkazzjoni ġeografika taż-żona ħielsa mill-mard (Stat Membru, żoni jew kompartimenti)”, hija emendata kif ġej:

(1)

L-eċċezzjoni li ġejja hija miżjuda bħala l-punt 7 għall-Gran Brittanja: “The Dornoch Firth, iż-żona tal-ilmijiet tal-marea fil-Punent ta’ linja mpinġija minn NH808873 sa NH835857 (Serje tal-Istħarriġ tal-Ordinanza Landranger 1: 50,000) sal-marka medja tal-ilma għoli;”

(2)

L-eċċezzjoni li ġejja hija miżjuda bħala l-punt 8 għall-Gran Brittanja: “Lynn of Lorn, Loch Creran u Loch Etive, iż-żona tal-ilmijiet marittimi tax-xlokk tal-gżira ta’ Lismore, li jinsabu f’ċirku ta’ raġġ ta’ 7 258 metru mill-punt NM873391 (Serje tal-Istħarriġ tal-Ordinanza Landranger 1: 50,000) u li jinkludu l-ilmijiet tal-marea ta’ Loch Etive u Loch Creran sal-marka medja tal-ilma għoli.”;

(3)

It-test li ġej huwa mħassar: “Iż-żona kostali tal-Istati ta’ Jersey: iż-żona tikkorrispondi għaż-żona kostali intermareali u immedjata bejn il-marka medja tal-ilma għoli fil-Gżira ta’ Jersey u linja immaġinarja mpinġija tliet mili nawtiċi mill-marka medja tal-ilma baxx tal-Gżira ta’ Jersey. Iż-żona tinsab fil-Golf Normann-Brittaniku, fin-naħa t’isfel tal-Kanal Ingliż.”.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

(2)   ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/177/KE tal-31 ta’ Ottubru 2008 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE dwar programmi ta’ sorveljanza u qerda u status ta’ ħelsien minn mard ta’ Stati Membri, żoni u kompartimenti (ĠU L 63, 7.3.2009, p. 15).