Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fil‑11 ta’ Settembru 2025 (1)

Kawża C‑196/24 [Aucrinde] (i)

xx

vs

ww,

yy,

zz,

vv,

Partijiet oħra fil-proċedura:

Ministère Public

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal judiciaire de Chambéry (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Chambéry (Franza))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja bejn il-qrati tal-Istati Membri f’materji ċivili jew kummerċjali – Kisba tal-provi f’materji ċivili jew kummerċjali – Eżumazzjoni ta’ ġisem bl-għan li tiġi stabbilita l-filjazzjoni – Ittestjar ġenetiku – Talba għall-kisba tal-provi meqjusa kuntrarja għall-prinċipji fundamentali tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjest – Raġunijiet għar-rifjut ta’ talba għall-kisba tal-provi – Kunflitt bejn id-drittijiet fundamentali – Dinjità tal-bniedem ta’ persuna deċeduta – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Identità personali – Dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini ġenetika tiegħu”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta r-Regolament (UE) 2020/1783, li jistabbilixxi kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fil-qasam tal-kisba tal-provi (2).

2.        B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tevalwa għall-ewwel darba jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, ikkunsidrata bħala kwistjoni ta’ ordni pubbliku fid-dritt nazzjonali, tistax tiġi invokata sabiex tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ talba għall-kisba tal-provi indirizzata minn qorti ta’ Stat Membru (il-qorti rikjedenti) lill-qorti ta’ Stat Membru ieħor (il-qorti rikjesta).

3.        Id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja oriġinaw fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja mibdija quddiem it-Tribunale di Genova (il-Qorti Distrettwali ta’ Genova, l-Italja (iktar ’il quddiem il-“qorti Taljana”) sabiex tiġi stabbilita l-paternità tar-rikorrent fil-kawża ineżami. Għal dan l-għan, dik il-qorti adixxiet lit-tribunal judiciaire de Chambéry (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Chambéry, Franza), li hija l-qorti tar-rinviju, għall-kisba tal-provi skont ir-Regolament 2020/1783 għall-finijiet tat-twettiq ta’ perizja ġenetika neċessarja għall-konstatazzjoni tal-paternità. L-eżekuzzjoni ta’ din it-talba tinvolvi l-eżumazzjoni tal-ġisem tal-missier putattiv, midfun fi Franza, u t-teħid ta’ kampjun mill-ġisem neċessarju għat-tfassil ta’ impronti ġenetiċi.

II.    Dritt tal-Unjoni rilevanti

 Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

4.        L-Artikolu 1, intitolat “Dinjità” jipprovdi:

“Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta.”

5.        L-Artikolu 7, intitolat “Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja” jipprovdi:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.”

 Regolament 2020/1783

6.        L-Artikolu 1 jiddefinixxi l-portata tar-Regolament 2020/1783. Huwa jagħmel distinzjoni bejn il-kisba indiretta tal-provi, fl-Artikolu 1(1)(a) tiegħu, u l-kisba diretta tal-provi, fl-Artikolu 1(1)(b) tiegħu. Id-dispożizzjoni tipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament japplika f’materji ċivili jew kummerċjali fejn il-qorti ta’ Stat Membru, f’konformità mal-liġi ta’ dak l-Istat Membru, titlob:

(a) lill-qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex tikkumpila xhieda; jew

(b) il-kumpilazzjoni tax-xhieda direttament fi Stat Membru ieħor.

[...]”

7.        L-Artikolu 12 tar-Regolament 2020/1783 jinkludi dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-eżekuzzjoni ta’ talbiet għal kisba indirett tal-provi taħt l-Artikolu 1(1)(a) ta’ dan ir-regolament. Il-partijiet rilevanti tal-Artikolu 12 jipprovdu:

“1.      Il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi t-talba mingħajr dewmien u, l-aktar tard, fi żmien 90 jum minn meta tirċievi t-talba.

2.      Il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi t-talba f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħha.

3.      Il-qorti rikjedenti tista’ titlob li t-talba tiġi eżegwita f’konformità ma’ proċedura speċjali prevista mil-liġi nazzjonali tagħha, permezz tal-formola A fl-Anness I. Il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi t-talba skont il-proċedura speċjali għajr jekk li jsir hekk ikun inkompatibbli mal-liġi nazzjonali tagħha jew minħabba li hija ma tkunx tista’ tagħmel dan minħabba diffikultajiet prattiċi kbar. Jekk il-qorti rikjesta ma tikkonformax mat-talba li t-talba tiġi eżegwita skont il-proċedura speċjali għal waħda minn dawk ir-raġunijiet, hija għandha tinforma lill-qorti rikjedenti permezz tal-formola H fl-Anness I.

[...]”

8.        L-Artikolu 16 tar-Regolament 2020/1783 jelenka r-raġunijiet għalfejn jistgħu jiġu rrifjutati talbiet għall-kisba indiretta tal-provi kif stabbilit fl-Artikolu 1(1)(a) tiegħu. Filwaqt li l-Artikolu 16(1) jikkonċerna biss talbiet għal eżami ta’ persuni, li ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, l-Artikolu 16(2) jipprovdi dan li ġej:

“2.      L-eżekuzzjoni ta’ talba tista’ tinċaħad biss għal raġunijiet oħra minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, fejn tapplika raġuni waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a) it-talba ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(b) l-eżekuzzjoni tat-talba ma taqax fil-funzjonijiet tal-ġudikatura skont il-liġi tal-Istat Membru tal-qorti rikjesta;

(c) il-qorti rikjedenti ma tikkonformax mat-talba tal-qorti rikjesta li tikkompleta t-talba għall-kumpilazzjoni tax-xhieda skont l-Artikolu 10 fi żmien 30 jum minn meta l-qorti rikjesta tkun talbet dan; jew

(d) id-depożitu jew il-ħlas bil-quddiem mitlub f’konformità mal-Artikolu 22(3) ma jsirx fi żmien 60 jum minn meta l-qorti rikjesta tkun talbet dan id-depożitu jew il-ħlas bil-quddiem.”

9.        L-Artikolu 19 tar-Regolament 2020/1783 jirrigwarda talbiet għal kisba diretta tal-provi, kif stabbilit fl-Artikolu 1(1)(b) tiegħu. L-Artikolu 19(7) jelenka r-raġunijiet għalfejn tista’ tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ tali talba u jipprovdi dan li ġej:

“7.      Il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest jistgħu jiċħdu talba għall-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda biss jekk:

(a) din ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(b) din ma jkunx fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa msemmija fl-Artikolu 5; jew

(c) il-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda mitluba tmur kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi fl-Istat Membru tagħha.”

 Regolament Nru 1206/2001 (3)

10.      Ir-Regolament Nru 2020/1783 huwa riformulazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001.

11.      Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1206/2001, l-Artikoli 1, 10, 14 u 17, jikkorrispondu, rispettivament, għall-Artikoli 1, 12, 16 u 19 tar-Regolament 2020/1783.

12.      F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza dwar ir-Regolament 1206/2001 hija wkoll rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament 2020/1783 fil-każ inkwistjoni.

III. Il-fatti fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      Ir-rikorrent fil-kawża ineżami, xx, ippreżenta rikors quddiem it-Tribunale di Genova (il-Qorti Distrettwali ta’ Genova) sabiex jistabbilixxi li aa, deċedut u midfun fi Franza, huwa l-missier bijoloġiku tiegħu.

14.      Ir-rikorrent jitlob li din il-qorti (i) tiddikjara li huwa l-iben illeġittimu ta’ aa, (ii) tawtorizzah juża isem missieru u (iii) tordna lir-reġistratur kompetenti jirreġistra s-sentenza futura fil-proċess verbal meta din issir definittiva.

15.      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali, li huma tfal leġittimi ta’ aa, opponew it-testijiet neċessarji għal rapport ta’ ematologu sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrent għandux karatteristiċi ġenetiċi li jikkorrispondu għal dawk tal-konvenuti. Minflok, huma talbu li jsir eżami ġenetiku fuq il-ġisem ta’ missierhom li miet. Għaldaqstant, il-qorti Taljana ordnat perizja ta’ ematologu u ħatret espert sabiex jagħmel paragun ġenetiku bejn ir-rikorrent u l-ġisem tal-missier putattiv meta dan jiġi eżumat.

16.      Fit‑18 ta’ Novembru 2022, il-qorti Taljana ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju talba għall-eżumazzjoni tal-ġisem tal-missier putattiv, skont ir-Regolament 2020/1783, permezz tal-formola A, kif previst fl-Anness I ta’ dan ir-regolament.

17.      Madankollu, skont il-Code Civil (il-Kodiċi Ċivili Franċiż), imħallef ma jistax jordna l-eżumazzjoni ta’ ġisem għall-finijiet tal-kisba ta’ kampjun ġenetiku sabiex tiġi stabbilita l-filjazzjoni, sakemm il-persuna deċeduta ma tkunx tat il-kunsens espress tagħha matul ħajjitha.

18.      Id-dispożizzjoni rilevanti tal-Artikolu 16‑11 tal-Code civil (il-Kodiċi Ċivili) Franċiż (4) tipprevedi:

“L-identifikazzjoni ta’ individwu billi jitfasslu impronti ġenetiċi tista’ tintalab biss:

1°      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ perizja mwettqa fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja;

2°      Għall-finijiet ta’ riċerka medika jew xjentifika;

3°      Sabiex tiġi stabbilita, meta ma tkunx magħrufa, l-identità ta’ persuni deċeduti;

4°      Taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 2381‑1 tal-code de la défense (il-Kodiċi tad-Difiża);

5°      Għall-finijiet tal-ġlieda kontra d-doping, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 232‑12‑2 tal-code du sport (il-Kodiċi tal-Isport).

Fil-qasam ċivili, din l-identifikazzjoni tista’ titfittex biss b’eżekuzzjoni ta’ investigazzjoni ordnata mill-qorti adita b’azzjoni intiża jew għall-istabbiliment jew għall-kontestazzjoni tal-filjazzjoni, jew għall-kisba jew għat-tneħħija ta’ sussidji. Il-kunsens tal-persuna kkonċernata għandu jinkiseb b’mod espliċitu u minn qabel. L-identifikazzjoni ma għandhiex issir billi jitfasslu impronti ġenetiċi wara l-mewt ta’ persuna, sakemm dik il-persuna ma tkunx tat il-kunsens espliċitu tagħha matul ħajjitha.

[…]”

19.      Barra minn hekk, kif isostni l-Gvern Franċiż, il-kapitolu kollu tal-Kodiċi Ċivili Franċiż li għalih tappartjeni din id-dispożizzjoni huwa kkunsidrat bħala kwistjoni ta’ ordni pubbliku, skont l-Artikolu 16‑9 ta’ dan il-kodiċi.

20.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 12(2) tar-Regolament 2020/1783 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti tirrifjuta li teżegwixxi talba għall-kisba tal-provi meta tali talba titqies li tmur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Istat Membru tal-qorti rikjesta.

21.      Il-qorti tar-rinviju rrilevat li r-raġunijiet għal rifjut ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2020/1783 huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 16 tiegħu, u għalhekk, l-Artikolu 12 ma jinkludix raġuni addizzjonali għal rifjut ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Madankollu, din il-qorti esprimiet ukoll tħassib dwar il-fatt li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 12 timplika li ma hemmx salvagwardja li tipproteġi minn talbiet għal eżekuzzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri li ma josservawx l-istandards tad-dritt tal-Unjoni(5), b’mod partikolari l-Artikoli 1 u 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

22.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea d-domandi li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 12 tar-[Regolament 2020/1783] jippermetti lil qorti nazzjonali li tirrifjuta li tapplika r-Regolament inkwistjoni u li tikkonforma mat-talba tal-Istat rikjedenti, għar-raġuni li l-forma tat-talba tmur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt nazzjonali tal-Istat rikjest u b’mod partikolari l-Artikolu 16‑11 tal-code civil (il-Kodiċi Ċivili)?

2)      Jekk l-Artikolu 12 tar-[Regolament 2020/1783] japplika mingħajr kunsiderazzjoni tad-dritt nazzjonali, kif għandhom jiġu interpretati u marbuta flimkien l-Artikoli 1 (dritt għad-dinjità) u 7 (dritt għar-rispett tal-ħajja privata) tal-[Karta] sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat jekk tali applikazzjoni tar-Regolament tinvolvix ksur tal-[Karta]?”

23.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

24.      Inżammet seduta fid‑29 ta’ April 2025 li fiha l-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet orali.

IV.    Analiżi

A.      Kummenti preliminari — analiżi tad-domandi preliminari

25.      Sabiex jingħata parir utli lill-Qorti tal-Ġustizzja, inqis li huwa neċessarju li d-domandi preliminari jiġu eżaminati fid-dettall sabiex jinftiehem aħjar it-tħassib tal-qorti tar-rinviju.

26.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk hija tistax tirrifjuta li teżegwixxi t-talba, imressqa skont ir-Regolament 2020/1783, intiża għat-teħid ta’ kampjuni ġenetiċi post-mortem minn persuna midfuna fi Franza sabiex tiġi stabbilita l-filjazzjoni, peress li l-Kodiċi Ċivili Franċiż jipprojbixxi l-kisba ta’ tali prova meta l-persuna inkwistjoni ma tkunx tat il-kunsens tagħha meta kienet ħajja.

27.      Skont din il-qorti, ir-rifjut li tiġi eżegwita talba fuq il-bażi tal-Artikolu 12 ma huwiex possibbli, peress li hemm lista eżawrjenti ta’ motivi ta’ ċaħda ta’ tali talba fl-Artikolu 16 tar-Regolament 2020/1783, u l-ordni pubbliku domestiku ma jinsabx fost dawn. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tixtieq tivverifika jekk tali raġuni tistax tiġi dedotta mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament 2020/1783.

28.      Fl-osservazzjonijiet tiegħu sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Franċiż isostni li t-talba tal-qorti Taljana ma hijiex talba għall-kisba indiretta tal-provi, skont l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament 2020/1783, li jfisser li l-Artikolu 12 tagħha ma huwiex rilevanti fil-kawża ineżami. Skont dan il-gvern, din it-talba hija intiża għall-kisba diretta tal-provi, skont l-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament 2020/1783, li jfisser li l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament huwa applikabbli. L-ewwel domanda għandha, skont dan il-gvern, tiġi fformulata mill-ġdid, b’mod li tintalab l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament 2020/1783.

29.      L-importanza ta’ tali interpretazzjoni għall-kawża ineżami tinsab fil-possibbiltà għal qorti rikjesta li tirrifjuta li teżegwixxi talba għall-kisba diretta tal-provi jekk tali kisba diretta tal-provi tmur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Istat Membru rikjest, kif espress fl-Artikolu 19(7)(c) tar-Regolament 2020/1783. Għall-kuntrarju, ma hemm l-ebda raġuni ekwivalenti għar-rifjut ta’ talba għall-kisba indiretta tal-provi.

30.      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandu għalhekk l-ewwel jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 12 tar-Regolament 2020/1783 huwiex effettivament applikabbli fil-kawża ineżami, li jkun il-każ biss jekk it-talba inkwistjoni tkun talba għall-produzzjoni indiretta tal-provi.

31.      It-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju hija kemxejn iktar kumplessa. Jekk jitqies li l-Artikolu 16‑11 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż ma jistax jiġi applikat sabiex jiġi rrifjutat it-teħid ta’ kampjuni ġenetiċi post-mortem minn aa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-eżekuzzjoni tat-talba tal-qorti Taljana tiksirx il-Karta. B’mod iktar preċiż, dik il-qorti tirreferi għar-rabtiet bejn l-Artikoli 1 u 7 tal-Karta. Għalhekk, fil-fatt, hija tistaqsi kif id-dritt għad-dinjità tal-ġisem tal-bniedem wara l-mewt u d-dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini tiegħu huma bbilanċjati fil-Karta.

32.      Kif ġie ssuġġerit waqt is-seduta, it-tieni domanda għalhekk tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt Taljan rilevanti li jippermetti lill-imħallfin jordnaw it-teħid ta’ kampjuni ġenetiċi post-mortem għall-finijiet tal-istabbiliment tal-filjazzjoni, irrispettivament minn jekk il-ġenitur putattiv ikunx ta l-kunsens tiegħu minn qabel matul ħajtu, huwiex konformi mal-Karta.

33.      Madankollu, fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju ma tesprimi l-ebda tħassib dwar il-konformità tad-dritt Taljan rilevanti mal-Karta. Għall-kuntrarju, din il-qorti tispjega li r-risposta għat-tieni domanda tgħinha tiddetermina jekk l-Artikolu 16‑11 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż huwiex huwa stess kompatibbli mal-Karta.

34.      Il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 16‑11 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż mal-Karta tqum biss jekk din ir-regola hija applikabbli fil-kawża ineżami sabiex tiġi miċħuda t-talba għall-kisba tal-provi. Huwa biss wara li jiġi stabbilit li l-Artikolu 16‑11 jista’ jiġi applikat li jista’ jiġi evalwat jekk din l-applikazzjoni hijiex konformi mal-Karta. Madankollu, billi tingħata risposta għat-tieni domanda kif saret, jiġifieri, bis-saħħa tal-preżunzjoni li l-Artikolu 12(2) u l-Artikolu 16 tar-Regolament 2020/1783 jeskludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 16‑11 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż bħala raġuni għar-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ talba għall-kisba tal-provi, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ din ir-regola mal-Karta tkun ipotetika peress li din ir-regola ma hijiex applikabbli għall-fatti tal-kawża.

35.      Konsegwentement, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrispondi għat-tieni domanda biss jekk din tista’ tinftiehem bħala li qiegħda tistaqsi jekk il-Karta għandhiex tiġi interpretata b’mod konformi ma’ qari tar-Regolament 2020/1783 b’tali mod li ma jipprekludix li l-qorti Taljana tippreżenta talba għall-kisba tal-provi, li tikkonsisti fit-teħid ta’ kampjuni ġenetiċi post-mortem, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami.

36.      Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda, u b’hekk tippermetti lill-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq ir-regoli domestiċi tagħha ta’ ordni pubbliku sabiex tirrifjuta li teżegwixxi t-talba għall-kisba tal-provi, it-tieni domanda għandha tiġi fformulata mill-ġdid. F’dan il-każ, it-tieni domanda għandha tinftiehem bħala li tistaqsi jekk il-Karta għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lil regoli nazzjonali jagħmlu t-teħid ta’ kampjuni ġenetiċi post-mortem suġġett għall-kunsens espliċitu tal-persuna matul ħajjitha.

B.      L-ewwel domanda

37.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) tar-Regolament 2020/1783 jippermettilhiex tirrifjuta li teżegwixxi talba għall-kisba indiretta tal-provi minħabba li l-proċedura prevista f’din it-talba tmur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjest.

1.      Kisba indiretta jew diretta tal-provi

38.      Kif ġie spjegat, il-Gvern Franċiż sostna li t-talba tal-qorti Taljana kienet talba għall-kisba diretta, mhux indiretta, tal-provi, f’liema każ l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2020/1783 ma huwiex applikabbli; u d-dispożizzjoni rilevanti minflok hija l-Artikolu 19 tiegħu.

39.      Id-differenza fattwali bejn il-kisba indiretta tal-provi (kif iddefinita fl-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament 2020/1783) u dik diretta tal-provi (iddefinita fl-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament Nru 2020/1783) tinsab fil-kwistjoni dwar jekk il-provi jinsibux minn persuni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti rikjesta jew minn persuni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti rikjedenti. F’dan l-aħħar każ, dawn il-persuni jiksbu il-provi huma stess fi Stat Membru ieħor, pereżempju, billi jivvjaġġaw lejn u jeżaminaw xhud fit-territorju ta’ Stat Membru rikjest (6).

40.      Id-differenza proċedurali bejn iż-żewġ tipi ta’ ksib tal-provi tinsab fil-korpi responsabbli għall-komunikazzjoni u għall-awtorizzazzjoni tal-kisba tal-provi. Meta ssir talba għall-kisba indiretta tal-provi, il-qorti rikjedenti għandha tikkuntattja lill-qorti rikjesta direttament. Din il-qorti mbagħad tiddeċiedi dwar il-modalitajiet ta’ kif il-provi rikjesti għandhom jinkisbu konformement mad-dritt tagħha stess. Barra minn hekk, tali talbiet għandhom jintbagħtu permezz tal-Formola A, li hija annessa mar-Regolament 2020/1783. Għall-kuntrarju, għall-finijiet tal-kisba diretta tal-provi, il-qorti rikjedenti għandha tikseb il-permess tal-korp ċentrali jew tal-awtorità kompetenti, li kull Stat Membru huwa obbligat jaħtar skont ir-Regolament 2020/1783 (7). Tali talba tintbagħat permezz tal-Formola L, li hija annessa ma’ dan ir-regolament.

41.      Barra minn hekk, għal talbiet għall-kisba indiretta tal-provi, il-proċedura li permezz tagħha ssir il-kisba tal-provi ssir skont ir-regoli domestiċi ta’ dik il-qorti (8). B’kuntrast ma’ dan, għal talbiet għall-kisba diretta tal-provi, il-kisba tal-provi ssir f’konformità mal-proċedura stabbilita mil-liġi tal-Istat tal-qorti rikjedenti.

42.      Finalment, u b’mod sinjifikattiv għall-kawża ineżami, ir-raġunijiet ta’ ċaħda ta’ talba għall-kisba tal-provi jvarjaw skont jekk din għandhiex issir b’mod indirett jew dirett. Għall-kuntrarju tal-kisba indiretta tal-provi, il-kisba diretta tal-provi tista’ tiġi rrifjutata għal raġunijiet ta’ politika pubblika tal-Istat Membru rikjest. Skont l-Artikolu 19(7)(c) tar-Regolament 2020/1783, ir-rifjut huwa possibbli jekk il-kisba diretta tal-provi mitluba tmur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

43.      Ma ngħatat ebda spjegazzjoni fir-Regolament 2020/1783 dwar ir-raġuni għalfejn iż-żewġ tipi ta’ ksib tal-provi għandhom raġunijiet differenti għaċ-ċaħda tat-talbiet (9). Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, ir-raġuni għal portata usa’ tar-rifjut ta’ talba għal kisba diretta tal-provi hija probabbilment iġġustifikata min-natura potenzjalment intrużiva tagħha fuq is-sovranità tal-Istat rikjest (10) Fil-każ tal-kisba diretta tal-provi, l-Istat rikjest jintalab jippermetti lil persuni tal-Istat Membru rikjedenti biex iwettqu investigazzjoni fit-territorju tiegħu, li tista’ taffettwa l-kompetenzi tal-Istat Membru li ssir fih (11).

44.      Madankollu, anki meta l-kisba diretta tal-provi tkun inkwistjoni, ir-raġuni prevista fl-Artikolu 19(7)(c) tar-Regolament 2020/1783 għaċ-ċaħda tat-talbiet ibbażati fuq prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Istat rikjest tidher li hija limitata. Kif ġie ssuġġerit f’ċerti kummentarji, tali raġuni tapplika biss għall-possibbiltà ta’ eżekuzzjoni diretta tal-miżura investigattiva mill-qorti rikjedenti, u mhux għall-mertu tal-miżura investigattiva. Għaldaqstant, anki jekk il-kisba diretta tal-provi tista’ titqies li tmur kontra l-prinċipji fundamentali ta’ Stat Membru rikjest, dan ma jeskludix awtomatikament il-possibbiltà li dawn il-provi jistgħu jinkisbu indirettament. F’din is-sitwazzjoni, l-awtorità ċentrali xorta tista’ tistieden lill-qorti rikjedenti biex tressaq il-kwistjoni quddiem il-qorti kompetenti tal-Istat rikjest (12).

45.      Il-qorti Taljana talbet il-kisba indiretta jew diretta tal-provi fil-kawża ineżami?

46.      L-ewwel, it-talba ntbagħtet direttament lill-qorti tar-rinviju, u mhux lill-korp ċentrali Franċiż (13).

47.      It-tieni, it-talba ntbagħtet fuq il-Formola A, użata għall-kisba indiretta tal-provi. Madankollu, dan ma jeskludix neċessarjament, fih innifsu, il-possibbiltà li l-qorti rikjedenti użat il-formola żbaljata u li fil-fatt kellha l-intenzjoni li tagħmel talba għall-kisba diretta tal-provi.

48.      Għaldaqstant huwa neċessarju, bħala t-tielet stadju, li jiġi evalwat dak li eżattament talbet il-qorti rikjedenti.

49.      Fil-fehma tiegħi, għandhom jittieħdu diversi passi sabiex jinkisbu l-provi neċessarji għall-istabbiliment tal-filjazzjoni fil-kawża ineżami. L-ewwel, il-ġisem irid jiġi eżumat. It-tieni, għandu jittieħed kampjun minn dan il-ġisem għall-finijiet tat-tfassil ta’ impronta ġenetika. It-tielet, dan il-kampjun għandu jiġi analizzat. Ir-raba’, il-kampjun analizzat għandu jiġi pparagunat mal-kampjun meħud mingħand ir-rikorrent.

50.      Il-Formola A, li fuqha ntbagħtet it-talba, ġiet ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċess nazzjonali. Minn din il-formola huwa ċar li l-qorti rikjedenti talbet lill-qorti rikjesta tordna l-eżumazzjoni tal-ġisem. Madankollu, inevitabbilment, l-eżumazzjoni nnifisha ma tistax tikkostitwixxi prova fis-sens tar-Regolament 2020/1783 u għalhekk ma hijiex is-suġġett tat-talba.

51.      Il-prova hija kampjun ġenetiku meħud mill-ġisem eżumat. Ma huwiex kompletament ċar mill-Formola A kif ippreżentata, min għandu jieħu l-kampjuni mill-ġisem. Il-qorti rikjedenti talbet il-permess biex espert – l-istess persuna li, sussegwentement, tqabbel il-kampjuni – ikun preżenti meta jittieħed il-kampjun mill-ġisem. Madankollu, il-preżenza tal-partijiet u tar-rappreżentanti tal-qorti rikjedenti hija possibbli matul il-kisba indiretta tal-provi (14). Għalhekk, is-sempliċi preżenza tal-espert taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti rikjedenti ma tfissirx li l-provi qegħdin jinkisbu direttament. Il-formulazzjoni użata fil-Formola A mill-qorti rikjedenti tħalli l-possibbiltà ta’ żewġ interpretazzjonijiet: jew li kienet qiegħda titlob li l-espert Taljan jieħu l-kampjun direttament jew sempliċiment li jkun preżenti matul il-kisba tal-provi (15). Fil-fehma tiegħi, anki li kieku l-espert Taljan kellu fiżikament jieħu l-kampjun, din l-azzjoni xorta waħda kienet issir taħt il-kontroll u r-responsabbiltà tar-rappreżentanti tal-qorti rikjesta, u għalhekk xorta tista’ tinftiehem bħala l-kisba indiretta tal-provi. Fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju ma talbitx kjarifika mingħand il-qorti rikjedenti u jidher li hija fehmet it-talba bħala talba għall-kisba indiretta tal-provi.

52.      Iċ-ċirkustanzi preċedenti jwasslu biex jiġi konkluż li l-qorti rikjedenti talbet il-kisba indiretta tal-provi (16). Għaldaqstant, l-Artikolu 12 huwa rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali għandhiex id-dritt li tiċħad it-talba għall-kisba tal-provi ppreżentata skont ir-Regolament 2020/1783.

2.      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament 2020/1783

53.      Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament 2020/1783, il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi t-talba mingħajr dewmien u, l-iktar tard, fi żmien 90 jum minn meta tirċievi t-talba. L-eżekuzzjoni tat-talba għandha sseħħ, kif jipprevedi l-Artikolu 12(2) ta’ dak ir-regolament, f’konformità mad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjest.

54.      L-Artikolu 16‑11 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż jista’ jinftiehem bħala “dritt nazzjonali” fis-sens tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2020/1783? Jekk fl-affermattiv, din id-dispożizzjoni tista’ tiġġustifika ċ-ċaħda tat-talba għall-kisba tal-provi?

55.      Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament 2020/1783 għandu biss l-għan li jistabbilixxi li l-modalitajiet proċedurali li skonthom għandha titwettaq il-kisba tal-provi huma ddeterminati mid-dritt tal-qorti rikjesta.

56.      Jiena naqbel mal-Kummissjoni.

57.      Tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament 2020/1783, meta kkunsidrat fil-kuntest iktar wiesa’ ta’ din id-dispożizzjoni, mill-oriġini leġiżlattiva tiegħu u, fuq kollox mil-loġika u l-qafas tipiku ta’ strumenti ta’ rikonoxximent reċiproku, adottati taħt it-Titolu V tat-Trattat FUE.

58.      Billi nitlaq mill-formulazzjoni fil-kuntest immedjat tagħha, nirrileva qabelxejn li l-Artikolu 12(3) tar-Regolament 2020/1783 jippermetti lill-qorti rikjedenti titlob lill-qorti rikjesta twettaq il-kisba tal-provi f’konformità ma’ proċedura speċjali, prevista mid-dritt nazzjonali tal-Istat tal-qorti rikjedenti. Dan jindika li l-frażi “liġi nazzjonali” użata fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament 2020/1783 tippreskrivi l-proċedura għall-kisba tal-provi, peress li l-għan tal-Artikolu 12(3) huwa li jippermetti bidla fil-proċedura applikabbli – mid-dritt tal-qorti rikjesta għad-dritt tal-qorti rikjedenti, anki jekk il-provi xorta jiġu miksuba mill-qorti rikjesta.

59.      Meta ngħaddu għall-oriġini leġiżlattiva, ir-Regolament 1206/2001, u sussegwentement ir-Regolament Nru 2020/1783, ġew ispirati mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Provi (17). Din il-konvenzjoni tista’ għalhekk tintuża sabiex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti (18).

60.      L-Artikolu 9(1) ta’ din il-konvenzjoni jistabbilixxi: “L-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi Ittra ta’ Talba għandha tapplika d-dritt tagħha stess fir-rigward tal-metodi u tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (19).

61.      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Provi hija għalhekk inqas ambigwa fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament 2020/1783, peress li tirreferi espliċitament għall-metodi u għall-proċeduri (20).

62.      Huwa għalhekk plawżibbli li jiġi konkluż, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, u mhux miċħud mill-Gvern Franċiż, li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament 2020/1783 japplika biss għall-kwistjonijiet metodoloġiċi u proċedurali relatati mal-kisba tal-provi. Għalhekk, dawn il-materji biss huma rregolati mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjest, filwaqt li materji sostantivi, bħall-provi ammissibbli biex jiġu pprovati ċerti fatti, huma rregolati mid-dritt tal-Istat rikjedenti.

63.      Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk huwiex neċessarju li jiġu ordnati ċerti tipi ta’ provi fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja speċifika u jekk tali talba hijiex konformi mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali hija kwistjoni li għandha tiġi evalwata mill-qorti rikjedenti skont id-dritt tagħha stess – f’dan il-każ, id-dritt Taljan – u mhux skont id-dritt tal-Istat rikjest. Peress li l-Artikolu 16‑11 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż huwa tali regola sostantiva, li tesprimi in abstracto bilanċ magħżul mil-leġiżlatur Franċiż bejn id-dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini tiegħu u d-dritt għal rispett ta’ ġisem il-bniedem, ma huwiex applikabbli għat-talba tal-qorti Taljana, li l-bilanċ ġust fir-rigward tagħha huwa ddeterminat mid-dritt Taljan.

64.      Anki jekk dan, ċertament, ma huwiex espress b’mod ċar ħafna fir-Regolament 2020/1783, mill-istruttura ta’ dan l-att jirriżulta li l-ksib tal-provi huwa ordnat mill-qorti rikjedenti u għalhekk taqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħha. Dan huwa loġikament il-każ, peress li hija biss din il-qorti, li taf il-fatti kollha tal-kawża, li tista’ tevalwa, fuq bażi tad-dritt nazzjonali tagħha, liema provi huma neċessarji u jekk ir-raġunijiet għall-ġbir tagħhom jistgħux jiġġustifikaw ir-restrizzjoni ta’ ċerti drittijiet (21).

65.      Ir-Regolament 2020/1783 huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, prinċipju li fuqu huma bbażati l-istrumenti kollha dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja adottati skont it-Trattat FUE, inkluża l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili jew kummerċjali (22).

66.      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri li l-istituzzjonijiet rispettivi tagħhom jirrispettaw il-valuri u d-drittijiet fundamentali kif protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea (23). Fuq il-bażi ta’ dan il-prinċipju, il-qorti rikjesta għandu jkollha l-fiduċja li deċiżjoni tal-qorti rikjedenti, u d-dritt nazzjonali li fuqu hija bbażata, ma jiksrux id-drittijiet fundamentali kif protetti mill-Karta. Dik il-qorti ma tistax, bħala prinċipju, tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tal-qorti rikjedenti, iżda għandha taġixxi daqslikieku kienet valida, u għandha għalhekk teżegwixxi din it-talba. Dan huwa l-każ anki jekk is-soluzzjoni skont id-dritt tal-Istat rikjedenti tkun differenti minn dik adottata skont id-dritt tal-Istat rikjest. Jekk il-validità legali ta’ tali deċiżjoni għandha tiġi kkontestata, dan għandu jsir quddiem il-qorti rikjedenti, li hija responsabbli sabiex tiżgura li dik id-deċiżjoni tkun konformi mad-drittijiet fundamentali.

67.      Strumenti oħra bbażati fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandhom qafas simili: kwistjonijiet sostantivi relatati mat-talba għal kooperazzjoni transkonfinali huma materji li għalihom hija responsabbli l-qorti emittenti/rikjedenti u l-ordinament ġuridiku tagħha, filwaqt li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ tali talba hija materja li għaliha hija responsabbli l-qorti ta’ eżekuzzjoni/rikjesta u l-ordinament ġuridiku tagħha. Fl-istess ħin, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda ta’ talba għal kooperazzjoni transkonfinali huma limitati u elenkati b’mod eżawrjenti mill-att inkwistjoni.

68.      Għalhekk, pereżempju, l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“OIE”) li għandha għan simili għal dak tar-Regolament 2020/1783, iżda li tikkonċerna l-kooperazzjoni transkonfinali fil-qasam tad-dritt kriminali, tipprevedi wkoll li, bħala prinċipju, ir-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet sostantivi dwar il-ġbir tal-provi taqa’ fuq il-qorti emittenti, filwaqt li l-proċedura għall-kisba effettiva ta’ dawn il-provi hija rregolata mid-dritt tal-qorti ta’ eżekuzzjoni (24). Tqassim simili tar-responsabbiltajiet jinsab ukoll fir-Regolament dwar l-UPPE (25).

69.      Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest ta’ deċiżjoni sostantiva biex jinkisbu l-provi hija għalhekk, bħala prinċipju, responsabbiltà tal-qorti emittenti jew, fil-formulazzjoni tal-kawża ineżami, tal-qorti rikjedenti. Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li l-qorti ta’ eżekuzzjoni/rikjesta tista’ madankollu tikkontesta l-legalità tat-talba għal kooperazzjoni ġudizzjarja f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali (26). Tali ċirkustanzi eċċezzjonali ġew identifikati fejn kien hemm problemi sistemiċi ta’ osservanza tad-drittijiet fundamentali fl-ordinament ġuridiku tal-qorti emittenti/rikjedenti magħrufa mill-qorti ta’ eżekuzzjoni/rikjesta. F’tali sitwazzjoni, isir eżami f’żewġ stadji, li fih il-qorti ta’ eżekuzzjoni/rikjesta tevalwa qabelxejn jekk teżistix problema sistemika fir-rigward tal-osservanza tad-drittijiet fundamentali fl-ordinament ġuridiku tal-qorti emittenti/rikjedenti, u, jekk tiġi stabbilita, il-qorti mbagħad għandha tivverifika jekk jeżistix riskju ta’ ksur tad-drittijiet ta’ individwu partikolari (27). Huwa biss jekk iż-żewġ kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti li l-korp ġudizzjarju ta’ eżekuzzjoni jista’ jirrifjuta li jeżegwixxi t-talba għal kooperazzjoni transkonfinali.

70.      Barra minn dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, ma hemm ebda bażi sabiex jiġu dedotti iktar raġunijiet għar-rifjut ta’ talba għall-kisba tal-provi fl-Artikolu 12 tar-Regolament 2020/1783.

71.      Fil-kawża ineżami, l-ebda wieħed mill-parteċipanti ma jallega problemi sistemiċi fl-ordinament ġuridiku Taljan. Barra minn hekk, ebda wieħed mill-parteċipanti fil-proċedura ma kkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tal-qorti Taljana li permezz tagħha hija talbet il-kisba tal-provi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-qorti Franċiża rikjesta tirrifjuta l-eżekuzzjoni tat-talba, ħlief jekk tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ waħda mir-raġunijiet espressament elenkati fl-Artikolu 16 tar-Regolament 2020/1783.

72.      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 16(2) ta’ dak ir-regolament hija ċara ħafna fejn turi li l-lista tas-sitwazzjonijiet imsemmija fih li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ talba għall-kisba tal-provi hija eżawrjenti (28). Huwa juża l-formulazzjoni “tista’ tinċaħad biss”, imbagħad jistabbilixxi erba’ sitwazzjonijiet (29).

73.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat in-neċessità ta’ interpretazzjoni stretta ta’ dawn l-eċċezzjonijiet, li jwassal għall-konklużjoni li tali talba tista’ tiġi miċħuda biss fis-sitwazzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni (30).

74.      L-ewwel eċċezzjoni tippermetti lill-qorti rikjesta tiċħad talba meta din ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2020/1783. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-qorti rikjedenti hija libera li titlob kooperazzjoni legali internazzjonali f’kuntest ġuridiku differenti minn dak stabbilit mir-Regolament 2020/1783 (31). L-għażla tal-qafas legali hija f’idejn il-qorti rikjedenti.

75.      Fil-kawża ineżami, jidher ċar li l-qorti rikjedenti għażlet ir-Regolament 2020/1783 bħala l-kuntest ġuridiku applikabbli, peress li bagħtet it-talba permezz tal-Formola A li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament.

76.      It-tliet sitwazzjonijiet l-oħra lanqas ma huma applikabbli għaċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, li ma ġie kkontestat minn ebda wieħed mill-parteċipanti f’din il-proċedura.

77.      Fuq il-bażi ta’ dak li ġie rrilevat iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 16‑11 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż ma huwiex applikabbli sabiex jiġi deċiż jekk it-talba għall-kisba indiretta tal-provi tistax tiġi miċħuda. Dan huwa l-każ anki jekk din ir-regola hija, fid-dritt Franċiż, ikkunsidrata bħala kwistjoni ta’ ordni pubbliku.

C.      Fuq it‑tieni domanda

78.      Fid-dawl tal-proposta tiegħi għal risposta għall-ewwel domanda preliminari, li tgħid li l-qorti rikjesta għandha teżegwixxi t-talba għall-kisba indiretta tal-provi, minkejja r-regola nazzjonali ta’ ordni pubbliku li tipprojbixxi tali kisba tal-provi, it-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, kif ġie spjegat fil-bidu ta’ din l-analiżi (taħt A), tista’ tinftiehem biss bħala li tistaqsi jekk il-Karta tipprojbixxix interpretazzjoni tar-Regolament 2020/1783 fis-sens li l-kisba post-mortem ta’ provi ġenetiċi għall-finijiet tal-istabbiliment tal-filjazzjoni hija possibbli indipendentement minn jekk il-persuna tkunx tat il-kunsens tagħha minn qabel matul ħajjitha.

79.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domanda fil-kuntest tal-ibbilanċjar tad-drittijiet rispettivi stabbiliti fl-Artikoli 1 u 7 tal-Karta. It-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 1 bħala d-dispożizzjoni li tipproteġi d-dritt għad-dinjità tal-bniedem ta’ ġisem il-bniedem, anki wara l-mewt, u tirreferi għall-Artikolu 7 bħala d-dispożizzjoni li tipproteġi d-dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini tiegħu, żgurat bħala parti mid-dritt għall-privatezza.

80.      Skont l-interpretazzjoni tiegħi tal-kawża ineżami, il-ksur tal-Artikolu 1 tal-Karta ma huwiex ikkontestat, tal-inqas mhux fis-sens tan-natura assoluta tad-dritt għad-dinjità tal-bniedem. Il-kwistjoni f’dan il-każ hija pjuttost sa fejn il-Karta tipproteġi, minn naħa, id-dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini tiegħu, li l-qorti Taljana tidher li qiegħda tagħtih preċedenza meta tifformula t-talba tagħha għall-kisba indiretta tal-provi, u, min-naħa l-oħra, id-dritt għar-rispett ta’ ġisem il-bniedem wara l-mewt, li d-dritt Franċiż jidher li jagħtih valur ikbar mid-dritt Taljan.

81.      Il-mistoqsija li tqum fil-kawża ineżami hija fil-fatt intiża sabiex tiċċara jekk l-ibbilanċjar ta’ dawn iż-żewġ drittijiet jew interessi, li, skont id-dritt Taljan, irriżultaw f’talba għall-eżumazzjoni tal-ġisem għall-finijiet ta’ teħid ta’ kampjuni ġenetiċi sabiex tiġi stabbilita l-filjazzjoni, huwiex aċċettabbli skont il-Karta.

82.      Ser nipproċedi bl-analiżi tiegħi billi nistaqsi jekk il-Karta, l-ewwel, tipproteġix id-dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini tiegħu, it-tieni, tipproteġix dritt għar-rispett għall-ġisem il-bniedem wara l-mewt, u it-tielet, tipprekludix l-ibbilanċjar bejn dawn iż-żewġ drittijiet kif jirriżulta mid-dritt Taljan.

83.      Qabel ma nipproċedi għal din l-analiżi, għandi nispjega li, fil-fehma tiegħi, fis-sistema bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku, il-qorti rikjesta ma hijiex awtorizzata, bħala prinċipju, li tikkontesta l-konformità tad-deċiżjoni tal-qorti Taljana mal-Karta. Sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-drittijiet fundamentali, għandu jkun possibbli li l-persuna li d-drittijiet tagħha allegatament qegħdin jiġu miksura tikkontesta d-deċiżjoni tal-qorti Taljana u din il-kontestazzjoni għandha tiġi introdotta fil-kuntest tas-sistema Taljana ta’ rimedji ġudizzjarji. Madankollu, fil-kawża ineżami, il-persuna li l-interessi tagħha huma inkwistjoni ma għadhiex ħajja, u l-familja tagħha, fil-kawża ineżami wliedha leġittimi, li jista’ jkollhom interess li jopponu għall-eżumazzjoni u għat-teħid ta’ kampjuni ġenetiċi ta’ missierhom, ma opponewx, iżda talbu li l-provi jittieħdu mill-ġisem ta’ missierhom. Għal din ir-raġuni, jiena tal-fehma li, minħabba ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

1.      Id-dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini tiegħu skont il-Karta

84.      Id-dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini ġenetiċi tiegħu ġie espressament irrikonoxxut, għall-ewwel darba, mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (32), u sussegwentement mill-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ulied u l-Kooperazzjoni f’Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor (33). Dan id-dritt ma jissemmiex b’mod espliċitu fil-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, iżda l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB” irrikonoxxietu bħala dritt impliċitu bbażat fuq l-Artikolu 8 tagħha.

85.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità li tinterpreta dan id-dritt fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, fuq il-bażi tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn dan jinkludi drittijiet li jikkorrispondu għad-drittijiet żgurati mill-KEDB, is-sens u l-portata tad-drittijiet mogħtija mill-Karta ser ikunu l-istess jew usa’.

86.      L-Artikolu 7 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 8 tal-KEDB. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta d-dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini ġenetika tiegħu skont il-Karta billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-mod kif il-Qorti EDB interpretat l-Artikolu 8 tal-KEDB.

87.      Dik il-qorti rrikonoxxiet id-dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini tiegħu bħala parti mid-dritt li jiġu stabbiliti d-dettalji tal-identità tiegħu bħala individwu f’Gaskin vs Ir‑Renju Unit (34). Hija spjegat ukoll, f’Mikulić vs Il‑Kroazja, li d-determinazzjoni tal-filjazzjoni hija aspett importanti tal-iżvilupp tal-identità individwali. Fil-fatt, il-qorti ddikjarat li t-tfal għandhom interess vitali, protett mill-KEDB, li jirċievu l-informazzjoni neċessarja sabiex jiskopru l-verità dwar aspetti importanti tal-identità personali tagħhom, li jista’ jkollu implikazzjonijiet formattivi qawwija fuq is-sens ta’ identità ta’ individwu (35). Sena wara din is-sentenza, il-Qorti EDB, f’Odièvre vs Franza, iddikjarat espressament li l-persuni għandhom dritt li jkunu jafu l-oriġini tagħhom, li jirriżulta mill-portata tal-kunċett tal-ħajja privata (36).

88.      Madankollu, din il-qorti ddikjarat ukoll li dan id-dritt ma huwiex assolut; dan għandu jiġi bbilanċjat f’każijiet speċifiċi ma’ drittijiet fundamentali oħra ta’ terzi u l-interess pubbliku, u konsegwentement, l-Istati Membri jgawdu minn ċertu marġni ta’ evalwazzjoni (37).

89.      F’Jäggi vs L‑Isvizzera, il-Qorti EDB iddikjarat mill-ġdid li d-dritt tar-rikorrent li jkun jaf l-oriġini ġenetika tiegħu huwa marbut mad-dritt għall-identità protett mill-Artikolu 8 tal-KEDB (38). B’mod iktar partikolari, f’dik is-sentenza, dik il-qorti bbilanċjat id-dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini ġenetika tiegħu mad-dritt tar-rispett għall-mejta. Hija spjegat li l-interess ta’ individwu li jkun jaf l-oriġini ġenetika tiegħu ma jonqosx bl-età (39).

90.      Sussegwentement, f’Pascaud vs Franza, il-Qorti EDB, filwaqt li tenniet id-dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini tiegħu, iddeċidiet li l-awtoritajiet Franċiżi kienu naqsu milli jagħtu piż suffiċjenti lid-dritt ta’ C. Pascaud li jkun jaf il-filjazzjoni tiegħu, peress li d-dritt domestiku ma kien joffri ebda rimedju legali għat-testijiet post-mortem minħabba l-assenza ta’ membri tal-familja ħajjin biex jagħtu l-kunsens tagħhom, fatt li ħalla lir-rikorrent mingħajr ebda rimedju effettiv sabiex tiġi stabbilita l-identità tiegħu (40).

91.      Għalhekk, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 8 tal-KEDB, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tuża sabiex tinterpreta l-Artikolu 7 tal-Karta fuq il-bażi tal-Artikolu 52(3) tagħha, nista’ nikkonkludi li d-dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini ġenetika tiegħu huwa dritt li għandu jiġi rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-istess ħin, madankollu, dan id-dritt ma huwiex assolut, iżda jista’ jiġi limitat, għalkemm il-limitazzjoni tiegħu teħtieġ ibbilanċjar ma’ drittijiet u interessi oħra tat-terzi kollha involuti, inkluż id-dritt għar-rispett tal-ġisem wara l-mewt.

2.      Id-dritt għar-rispett tal-ġisem tal-persuna deċeduta

92.      Fit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju poġġiet fuq naħa waħda tal-miżien id-dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini tiegħu skont l-Artikolu 7 tal-Karta u, fuq in-naħa l-oħra tal-miżien, id-dritt għad-dinjità tal-bniedem, protett mill-Artikolu 1 tal-Karta.

93.      Il-ġustifikazzjoni biex wieħed jislet dritt għar-rispett ta’ ġisem il-bniedem wara l-mewt mid-dritt għad-dinjità tal-bniedem tista’ tinsab fil-ġurisprudenza tal-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali) Franċiż. F’żewġ sentenzi, tal‑2011 u tal‑2024, dik il-qorti kkonstatat li l-Artikolu 16‑11 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż jirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur Franċiż li jirrispetta ġisem il-bniedem wara l-mewt bħala kwistjoni tad-dinjità tal-persuna umana. Dik il-qorti kkonfermat il-kostituzzjonalità ta’ din l-għażla leġiżlattiva minkejja l-interferenza tagħha mad-dritt li wieħed ikun jaf l-identità tiegħu (41).

94.      Madankollu, id-dritt għad-dinjità tal-bniedem huwa protett mill-Artikolu 1 tal-Karta bħala dritt assolut(42), u għalhekk ma jistax jiġi bbilanċjat ma’ drittijiet oħra (43).

95.      Għall-kuntrarju, id-dritt tar-rispett għal ġisem il-bniedem wara l-mewt, anki jekk jinftiehem bħala espressjoni tal-valur tad-dinjità tal-bniedem (44), ma għandux jiġi kklassifikat bħala dritt assolut protett mill-Artikolu 1 tal-Karta. Fl-ordinamenti ġuridiċi li jipproteġu tali dritt, il-limitazzjoni tiegħu hija possibbli (45) jekk tkun neċessarja għall-protezzjoni ta’ drittijiet jew interessi pubbliċi oħra. Fi Franza, kif jispjega l-Gvern Franċiż, id-dinjità ta’ ġisem il-bniedem wara l-mewt ma hijiex dritt assolut (46).

96.      Kif tista’ tinftiehem ir-rabta bejn id-dritt għad-dinjità ta’ ġisem il-bniedem, li jista’ jkun limitat, mad-dinjità tal-bniedem, li, mifhuma bħala dritt fundamentali skont il-Karta, hija assoluta?

97.      L-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta fir-rigward tal-Artikolu 1 tagħha jistabbilixxu li d-dinjità tal-bniedem ma hijiex biss dritt fundamentali fiha nnifisha, iżda tikkostitwixxi l-bażi reali ta’ drittijiet fundamentali oħra (47).

98.      F’dan is-sens, xi drittijiet oħra li jinsabu fil-Karta, bħad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata (espress fl-Artikolu 7 tal-Karta), id-dritt għall-ħajja (espress fl-Artikolu 2 tal-Karta) jew id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni (espress fl-Artikolu 11 tal-Karta) jistgħu jinftiehmu bħala espressjonijiet iktar konkreti tad-dinjità tal-bniedem bħala prinċipju espress fil-Karta u bħala valur espress fl-Artikolu 2 TUE. Dawn l-espressjonijiet ta’ dinjità tal-bniedem ma humiex assoluti (48) u jistgħu jkunu limitati jekk ikun neċessarju għall-kisba ta’ għanijiet leġittimi oħra jew għall-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali relattivi oħra.

99.      Madankollu, jekk ir-restrizzjoni ta’ dritt li jesprimi d-dinjità tal-bniedem ma tistax tiġi ġġustifikata f’sitwazzjoni speċifika, id-dinjità tal-bniedem kif protetta mill-Artikolu 1 tal-Karta għandha titqies bħala miksura (49). Dan jista’ jiġi konkluż fuq il-bażi tal-Ispjegazzjonijiet tal-Karta, li jgħidu li d-dinjità tal-persuna umana tagħmel parti mis-sustanza tad-drittijiet l-oħra stabbiliti fil-Karta u għalhekk għandha tiġi rrispettata, anki meta dawn id-drittijiet l-oħra huma ristretti. Dan huwa l-mod kif in-natura assoluta tad-dritt għad-dinjità tal-bniedem fl-Artikolu 1 tal-Karta tista’ tinftiehem (50).

100. Fil-qosor, u mingħajr ebda ambizzjoni li tiġi żviluppata teorija komprensiva dwar id-dinjità tal-bniedem fid-dritt tal-Unjoni, inqis li d-dinjità tal-bniedem tista’ tinftiehem bħala kunċett doppju. Minn naħa, hemm il-qalba tad-dinjità tal-bniedem li tgawdi minn protezzjoni assoluta. Min-naħa l-oħra, teżisti “żona periferali ta’ diffużjoni tad-dinjità tal-bniedem” [traduzzjoni libera], li fiha huwa possibbli bilanċ ma’ drittijiet kunfliġġenti oħra (51).

101. Minbarra l-espressjonijiet ta’ dinjità tal-bniedem protetti b’mod espliċitu mill-Karta, jista’ jkun hemm manifestazzjonijiet oħra tad-dinjità tal-bniedem. F’dan is-sens, id-dritt għar-rispett għal ġisem il-bniedem wara l-mewt jista’ jiġi dedott mid-dritt għar-rispett tad-dinjità tal-bniedem. Dan id-dritt jista’ jinftiehem ukoll bħala espressjoni tad-dritt għall-privatezza, sanċit fl-Artikolu 7 tal-Karta.

102. Il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ tali dritt bħala dritt fundamentali fil-livell tad-dritt primarju tal-Unjoni. Madankollu, f’Memoria u Dall’Antonia, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-għan tal-protezzjoni tar-rispett dovut lejn il-memorja tad-deċedut jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku (52). Fil-konklużjonijiet tiegħu f’din il-kawża, l-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona qies li d-dinjità li tgawdi minnha l-persuna deċeduta meta kienet ħajja jista’ jkollha projezzjoni xierqa u legalment protetta wara l-mewt tagħha (53).

103. L-evalwazzjoni komparattiva tal-ordinamenti kostituzzjonali tal-Istati Membri hija għajnuna importanti biex jiġi ddeterminat il-kontenut tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni (54).

104. F’dan ir-rigward, in-Nota ta’ Riċerka mfassla mid-Direttorat għar-Riċerka u d-Dokumentazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (55) wriet li l-Istati Membri kollha kkonċernati mir-riċerka jirrikonoxxu li ġisem il-bniedem jistħoqqlu li jiġi rrispettat wara l-mewt, anki jekk dan il-ħsieb ma huwiex neċessarjament mifhum bħala dritt fundamentali. Fil-kuntest ta’ eżerċizzju ta’ bbilanċjar, id-drittijiet tad-deċedut jittieħdu inkunsiderazzjoni, iżda d-dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini tiegħu jidher li huwa ġeneralment ikkunsidrat bħala d-dritt li jipprevali (56).

105. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi komparattiva, nikkonkludi li d-dritt għar-rispett ta’ ġisem il-bniedem wara l-mewt jeżisti bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jista’ jiġi elaborat bħala manifestazzjoni tad-dinjità tal-bniedem. Tali tħassib għandu għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi deċiż jekk l-eżumazzjoni ta’ ġisem għandhiex tiġi awtorizzata sabiex jiġi ssodisfatt id-dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini tiegħu, protett bħala parti mid-dritt għall-ħajja privata skont l-Artikolu 7 tal-Karta.

3.      Ibbilanċjar tad-dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini tiegħu u d-dritt tar-rispett għal ġisem il-bniedem

106. Il-kwistjoni mqajma mit-tieni domanda magħmula mill-qorti nazzjonali hija jekk l-ibbilanċjar ta’ dawn iż-żewġ drittijiet skont il-Karta jippermettix interpretazzjoni tar-Regolament 2020/1783, li skontha t-teħid ta’ kampjuni ġenetiċi minn ġisem il-bniedem wara l-eżumazzjoni jista’ jkun meħtieġ bħala prova fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja transkonfinali għall-finijiet ta’ proċedura ta’ stabbiliment tal-filjazzjoni.

107. Anki jekk, f’Jäggi vs L‑Isvizzera (57) u Pascaud vs Franza (58) l-Qorti EDB iddeċidiet favur id-dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini tiegħu, dan ma jfissirx li dak id-dritt dejjem jipprevali fuq id-dritt tar-rispett għal ġisem il-bniedem wara l-mewt. L-eżerċizzju ta’ bbilanċjar għandu jsir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari u billi jintiżnu bir-reqqa l-interessi kollha involuti (59).

108. Ma hemm xejn li jindika li l-Karta tipprekludi l-bilanċ milħuq fil-kawża ineżami mill-qorti Taljana skont id-dritt Taljan. Dik il-qorti tidher li ħadet inkunsiderazzjoni possibbiltajiet oħra ta’ stabbiliment ta’ filjazzjoni u talbet l-eżumazzjoni u t-teħid ta’ kampjuni ġenetiċi tal-missier biss bħala l-aħħar soluzzjoni.

109. Il-fatt li l-imħallef Franċiż, jew imħallef ta’ kwalunkwe Stat ieħor, iggwidat mid-dritt nazzjonali tiegħu stess seta’ wasal għal soluzzjoni differenti ma jinfluwenzax il-konklużjoni li l-bilanċ li wasal għalih l-imħallef Taljan jidher aċċettabbli mill-perspettiva tal-Karta.

110. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà spjegat li l-Istati Membri jista’ jkollhom interpretazzjoni differenti tad-dinjità tal-bniedem, jew, fil-fatt, ta’ drittijiet oħra li jinsabu fil-Karta, sakemm jirrispettaw il-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet (60). Sakemm ma jkunx hemm armonizzazzjoni ta’ ċerti kwistjonijiet fil-livell tal-Unjoni, li għalihom il-leġiżlatur tal-Unjoni jagħżel il-bilanċ ix-xieraq, is-soluzzjonijiet adottati minn Stati Membri differenti jistgħu jvarjaw (61)

111. Il-leġiżlatur tal-Unjoni (għadu) ma adottax regoli komuni li jirregolaw il-provi awtorizzati fi proċeduri ċivili, u lanqas, b’mod iktar konkret, regoli komuni li jirregolaw il-proċeduri tal-prova tal-filjazzjoni f’sitwazzjonijiet fejn ġenitur ikun deċedut. Is-soluzzjonijiet Taljana u Franċiża jistgħu jvarjaw f’dan ir-rigward u jistgħu jiġu applikati sakemm il-bilanċ magħżul ma jiksirx il-kontenut essenzjali ta’ wieħed mid-drittijiet involuti f’dan il-bilanċ.

112. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda billi tiddikjara li l-Karta ma tipprekludix lil qorti ta’ Stat Membru milli titlob, skont ir-Regolament 2020/1783, il-kisba tal-provi permezz tat-teħid ta’ kampjuni ġenetiċi post-mortem anki jekk il-persuna deċeduta ma tkunx tat il-kunsens tagħha għal tali teħid ta’ kampjuni matul ħajjitha.

V.      Konklużjoni

113. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-tribunal judiciaire de Chambéry (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Chambéry, Franza) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2020/1783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2020 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (kumpilazzjoni tax-xhieda)

ma jippermettix lil qorti nazzjonali rikjesta tirrifjuta li teżegwixxi talba għall-kisba tal-provi għar-raġuni li l-proċedura speċifikata fit-talba tmur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt nazzjonali tal-Istat rikjest.

(2)      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

ma tipprekludix lil qorti ta’ Stat Membru milli titlob, skont ir-Regolament 2020/1783, il-kisba tal-provi permezz ta’ teħid ta’ kampjuni ġenetiċi post-mortem anki jekk il-persuna deċeduta ma tkunx tat il-kunsens tagħha għal tali teħid ta’ kampjuni matul ħajjitha.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


i      L-isem din il-kawża huwa wieħed fittizju. Dan ma jikkorrispondi għal ebda isem reali ta’ xi waħda mill-partijiet fil-proċedura.


2      Regolament (UE) 2020/1783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2020 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (kumpilazzjoni tax-xhieda) (ĠU 2020, L 405, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2020, L 2023/90050 u fil-ĠU 2024, L 2024/90158) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2020/1783”)


3      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta’ l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 4, p. 121) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1206/2001”).


4      Din id-dispożizzjoni ġiet introdotta fil-Kodiċi Ċivili Franċiż fuq il-bażi tal-Artikolu 5(1)(1) tal-loi n° 2004-800 du 6 août 2004 relative à la bioéthique (il-Liġi Nru 2004‑800 tas‑6 ta’ Awwissu 2004 dwar il-Bijoetika, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Bijoetika”). Kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea, li skontha ma teżistix preżunzjoni ta’ kunsens għat-teħid ta’ kampjuni ġenetiċi ta’ persuna deċeduta, din il-liġi kienet reazzjoni leġiżlattiva għall-eżumazzjoni tal-kantant famuż Yves Montand f’Novembru 1997, għall-istabbiliment tal-filjazzjoni tiegħu fir-rigward ta’ persuna li allegat li kienet bintu. Din hija r-raġuni għaliex, skont kummentarju dwar id- décision n° 2011-173 QPC du 30 septembre 2011 (id-Deċiżjoni Nru 2011‑173 QPC tat‑30 ta’ Settembru 2011) tal-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali, Franza), din l-emenda xi drabi tissejjaħ l-“emenda Montand”.


5      Ara l-punt 90 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


6      Skont ir-Regolament 2020/1783, persuna tista’ tinstema’ direttament anki mingħajr ma wieħed jivvjaġġa fi Stat Membru ieħor, bl-użu ta’ vidjokonferenza. Ara l-Artikolu 20 tar-Regolament 2020/1783.


7      Artikolu 4 tar-Regolament 2020/1783.


8      Artikolu 12(2) u premessa 17 tar-Regolament 2020/1783.


9      Spjegazzjoni bħal din lanqas ma tinsab fid-dokumenti li juru l-oriġini leġiżlattiva ta’ dan l-att.


10      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat id-differenza bejn iż-żewġ metodi ta’ kisba transkonfinali tal-provi bil-fatt li, fil-każ ta’ kisba diretta ta’ provi, hemm inqas kontroll mill-ġurisdizzjonijiet tal-Istat rikjest. Hija sostniet li, għal din ir-raġuni, fil-kuntest tan-negozjati dwar dak il-metodu ta’ eżekuzzjoni, l-Istati Membri insistew fuq dak li l-Kummissjoni sejħitilha “klawżola ta’ sovranità”, li tippermettilhom jirrifjutaw lill-esperti ta’ Stat Membru ieħor milli jwettqu investigazzjonijiet fl-Istat Membru rikjest li jmorru kontra l-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Istat rikjest.


11      Għalhekk, fis-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, ProRail (C‑332/11, EU:C:2013:87, punti 47 u 48), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, sa fejn l-espert maħtur minn qorti ta’ Stat Membru jkollu jmur fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex iwettaq l-investigazzjoni fdata lilu, din tkun, f’ċerti ċirkustanzi, taffettwa s-setgħa tal-Istat Membru li fih titwettaq, b’mod partikolari meta din tkun investigazzjoni mwettqa f’postijiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ tali setgħat jew f’postijiet fejn, skont id-dritt tal-Istat Membru li fih din titwettaq, l-aċċess jew azzjonijiet oħra jkunu pprojbiti jew ikunu permessi biss għal persuni awtorizzati.


12      Ara Mougenot, D., “Le règlement européen sur l’obtention des preuves”, Journal des Tribunaux, 2002, p. 21, u Nuyts, A., Sepulchre, J., “Taking of Evidence in the European Union under EC Regulation 1206/2001”, Business Law International, 2004, p. 334.


13      Fi Franza, dan il-korp huwa d-Département de l’entraide, du droit international privé et européen (id-Dipartiment tal-assistenza reċiproka, tad-dritt internazzjonali privat u tad-dritt tal-Unjoni (DEDIPE ) tal-Ministeru għall-Ġustizzja.


14      Ara, pereżempju, European Justice Network, “(Provisional) Updated Practice Guide for the application of the Regulation on the Taking of Evidence”, 2025, p. 46, disponibbli fuq: https://e-justice.europa.eu/topics/trainings-judicial-networks-and-agencies/european-judicial-network-civil-and-commercial-matters/ejns-publications_en.


15      Punt 11.1 tal-Formola A (deskrizzjoni tal-miżura li għandha tittieħed), huwa indikat: EŻUMAZZJONI TAL-ĠISEM ta’ [aa], li miet fi [XY] u li ġie midfun fi [XY], u KISBA DIRETTA TAL-PROVI minn [XY] tal-Istitut tal-Mediċina Legali ta’ Genova, li tikkonsisti fl-ESTRAZZJONI TA’ KAMPJUNI BIJOLOĠIĊI NEĊESSARJI GĦALL-KONSULTAZZJONI TEKNIKA TAL-UFFIĊĊJU TAL-KARATTERISTIĊI ĠENETIĊI KOMPARATTIVI bejn ir-rikorrent xx u l-ġisem tal-missier preżunt aa.


16      Fil-każ li din l-interpretazzjoni ma tkunx korretta, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, dik il-qorti għandha tibgħat it-talba lill-Awtorità ċentrali Franċiża u hija din l-awtorità li għandha tiddeċiedi jekk il-kisba diretta ta’ kampjuni ġenetiċi mill-espert Taljan wara l-eżumazzjoni hijiex permessa. Jekk dan ikun il-każ, tista’ tqum il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(7)(c) tar-Regolament 2020/1783.


17      Konvenzjoni tat‑18 ta’ Marzu 1970 dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda Barra mill-Pajjiż f’Materji Ċivili jew Kummerċjali ((iktar’ il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Provi”).


18      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat fis-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, Weryński (C‑283/09, EU:C:2011:85, punt 65). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’Weryński (C‑283/09, EU:C:2010:490, punt 60).


19      Enfasi miżjuda minni.


20      Ara, pereżempju, id-Dokument Preliminari Nru 6 ta’ Diċembru 2008 għall-attenzjoni tal-Kummissjoni Speċjali ta’ Frar 2009 dwar il-funzjonament prattiku tal-Konvenzjonijiet ta’ Den Haag dwar il-Postilli, in-Notifiki, il-Provi u l-Aċċess għall-Ġustizzja, The Taking of Evidence by Video-Link under the Hague Evidence Convention. Fil-kuntest tal-eżami tal-Artikolu 9(1), ir-Rapport isemmi l-kisba tal-provi permezz ta’ video-link bħala eżempju ta’ applikazzjoni prattika ta’ din id-dispożizzjoni.


21      Ara, b’analoġija, iżda fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Gjensidige (C‑90/22, EU:C:2024:252, punt 46).


22      Ara l-Artikolu 67(4) u l-Artikolu 81(2) TFUE. Ara wkoll l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 191) (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni 2/13”). Dan huwa l-każ, anki jekk ir-Regolament 2020/1783 ma jsemmix dan il-prinċipju. Ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 1206/2001 preċedenti, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fi ProRail (C‑332/11, EU:C:2012:551, punt 48), li fihom huwa jsostni li dan l-istrument huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa l-bażi tal-kooperazzjoni bejn il-qrati f’materji ċivili u kummerċjali. Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni (C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 47).


23      Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punti 168 u 192).


24      Ara l-Artikolu 6 u 9 tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16, iktar ’il quddiem id-“Direttiva OIE”).


25      Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat‑12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, (ĠU 2017, L 283, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament UPPE”). Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, G.K. et (Prosekutur Pubbliku Ewropew) (C‑281/22, EU:C:2023:1018, punt 71).


26      Ara, fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas dwar il-MAE”), is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat tali possibbiltà għall-ewwel darba fis-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198 punti 88 u 91 sa 93), u kkonfermatha f’diversi okkażjonijiet minn dakinhar.


28      L-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2020/1783, li wkoll jistabbilixxi r-raġunijiet għal rifjut, jikkonċerna biss il-produzzjoni tal-provi permezz ta’ smigħ ta’ xhud u ma huwiex applikabbli fil-kawża ineżami.


29      Barra minn hekk, il-premessa 16 tar-Regolament 2020/1783 tistabbilixxi li ċ-ċirkustanzi li fihom huwa possibbli li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ talba għall-kisba tal-provi għandhom ikunu limitati għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali strettament limitati.


30      Sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, Weryński (C‑283/09, EU:C:2011:85, punt 53).


31      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, ProRail (C‑332/11, EU:C:2013:87, punti 44 sa 46).


32      Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal‑20 ta’ Novembru 1989 (Nazzjonijiet Uniti, Ġabra ta’ Trattati, Vol. 1577, Nru 31922, p. 167 (1995)).


33      Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ulied u l-Kooperazzjoni f’Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor tad‑29 ta’ Mejju 1993 (Nazzjonijiet Uniti, Ġabra ta’ Trattati, Vol. 1870, No 31922, p. 167 (1995)).


34      Qorti EDB, Rapport tal-Kummissjoni KEDB tat‑13 ta’ Novembru 1987, Gaskin vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1987:1113REP001045483, punt 89).


35      Qorti EDB, 7 ta’ Frar 2002, Mikulić vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2002:0207JUD005317699, punt 64). Ara, f’dan ir-rigward, l-analiżi ta’ Blauwhoff, R., J., “Tracing down the historical development of the legal concept of the right to know one’s origins. Has ‘to know or not to know’ ever been the legal question?”, Utrecht Law Review, Vol. 4, Issue 2, 2008, p. 107.


36      Qorti EDB, 13 ta’ Frar 2003, Odièvre vs Franza (CE:ECHR:2003:0213JUD004232698, punt 44). Għal analiżi tal-ordinament ġuridiku Taljan u tad-dritt li wieħed ikun jaf l-oriġini ġenetika tiegħu, ara S. Praduroux, “The Right to know one’s genetic origins: A right in need of regulation”, The Italian Law Journal, 2021, p. 803‑820.


37      Qorti EDB, 15 ta’ Novembru 2016, Dubská u Krejzová vs Ir‑Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2016:1115JUD002885911, punti 178 u 179). Din il-qorti spjegat li, bħala prinċipju, il-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lil Stat jiddependi mill-importanza tad-drittijiet tal-individwi inkwistjoni. Jekk id-dritt huwa kruċjali għad-drittijiet intimi jew essenzjali ta’ individwu, il-marġni huwa strett. Madankollu, jekk ma jkunx hemm kunsens bejn il-pajjiżi Ewropej dwar il-kwistjoni, u tqajjem kwistjonijiet morali jew etiċi, il-marġni jkun usa’.


38      Qorti EDB, 13 ta’ Lulju 2006, Jäggi vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2006:0713JUD005875700, punt 25).


39      Qorti EDB, 13 ta’ Lulju 2006, Jäggi vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2006:0713JUD005875700, punt 40).


40      Qorti EDB, 16 ta’ Ġunju 2011, Pascaud vs Franza (CE:ECHR:2011:0616JUD001953508, § 67).


41      Ara d-Décision n° 2011-173 QPC du 30 septembre 2011 (id-Deċiżjoni Nru‑2011‑173 QPC tat‑30 ta’ Settembru 2011) tal-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali) u d-Décision n° 2024-1110 QPC du 31 octobre 2024 (id-Deċiżjoni Nru 2024‑1110 QPC tal‑31 ta’ Ottubru 2024) tal-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali).


42      Il-kunċett ta’ dritt “assolut” ifisser li dan id-dritt dejjem jipprevali fuq kwalunkwe dritt ieħor, fi kliem ieħor, li ma jistax jiġi bbilanċjat ma’ drittijiet oħra f’sitwazzjonijiet konkreti. Għal din ir-raġuni, ċerti awturi jippreferu jagħtu lid-dritt għad-dinjità tal-bniedem kwalità relattiva, pjuttost milli assoluta. Ara, pereżempju, Alexy, R., “Human Dignity and Proportionality Analysis”, 16 (2015): Espaço Jurídico Journal of Law [EJJL] 83.


43      Anki jekk il-parti l-kbira tas-sistemi kostituzzjonali li jipproteġu espressament id-dritt għad-dinjità tal-bniedem iqisu dan id-dritt bħala dritt relattiv, il-Karta, l-istess bħall-Kostituzzjoni Ġermaniża, għażlet li tittratta d-dritt għad-dinjità tal-bniedem bħala dritt assolut. L-għażla tal-protezzjoni assoluta tad-dinjità tal-bniedem fl-ordinament kostituzzjonali Ġermaniż kellha l-konsegwenza li tattribwixxi sens u portata stretti lil dan id-dritt. F’dan ir-rigward, ara Grimm, “Dignity in a Legal Context: Dignity as an Absolute Right’, f’Understanding Human Dignity, (Proceedings of the British Academy: Themed volumes of essays in the humanities and social sciences, 192), McCrudden (editur), fi 381.


44      Fuq id-differenza bejn id-dinjità tal-bniedem bħala valur u bħala dritt, ara Barak, A., “Human Dignity: The constitutional value and the constitutional rights’, f’McCrudden, C. (ed.), Understanding Human Dignity (Proceedings of the British Academy: Themed volumes of essays in the humanities and social sciences, Vol. 192), f’p. 363.


45      Dan huwa evidenti min-Nota ta’ riċerka 25/002, imfassla mid-Direttorat għar-Riċerka u d-Dokumentazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’Jannar 2025. Din ir-riċerka kopriet l-ordinamenti ġuridiċi ta’ 13‑il Stat Membru.


46      Waqt is-seduta, il-Gvern Franċiż spjega li l-Kodiċi Ċivili Franċiż jew il-ġurisprudenza tal-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali) ma jagħtux valur assolut lir-rispett għall-ġisem il-bniedem wara l-mewt. Hemm sitwazzjonijiet differenti, bħal, pereżempju investigazzjoni kriminali, permessi mid-dritt Franċiż, fejn l-eżumazzjoni għat-teħid ta’ kampjuni ġenetiċi post-mortem tista’ ssir legalment mingħajr ma l-persuna inkwistjoni tkun tat il-kunsens tagħha matul ħajjitha. Dan ifisser li fid-dritt Franċiż, kemm id-dritt għar-rispett għall-ġisem il-bniedem kif ukoll id-dritt li jingħata l-kunsens fir-rigward tat-tfassil ta’ impronti ġenetiċi jistgħu jiġu limitati għal finijiet leġittimi.


47      Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, (ĠU 2007, C 303, p. 17) (iktar ’il quddiem l-“Ispjegazzjonijiet”).


48      L-unika manifestazzjoni assoluta tad-dinjità tal-bniedem, espressament protetta mill-Karta, hija l-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti, żgurata mill-Artikolu 4 tal-Karta. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru  (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198 punt 85); tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 78); u tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Ararat (C‑156/23, EU:C:2024:892, punt 36).


49      F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Valuri tal-Unjoni Ewropea) (C‑769/22, EU:C:2025:408, punti 134 sa 137).


50      Ara, f’dan ir-rigward, C. Dupré, “Article 1 – Human dignity”, f’Peers, S., et al., The EU Charter of Fundamental Rights – A Commentary, it-tieni edizzjoni, Bloomsbury, 2021, p. 18. L-awtur jiddikjara li “huwa iktar utli li wieħed jifhem l-invjolabbiltà tad-dinjità bħala l-impenn tal-Unjoni li tagħmel dak kollu li hu possibbli biex tevita li tikser id-dinjità tal-bniedem. F’dan is-sens, l-invjolabbiltà tad-dinjità ssir il-bażi assjomatika tal-Unjoni kollha, billi tirrifletti d-‘drittijiet inaljenabbli u sagri tal-Bniedem’ tad-Dikjarazzjoni Franċiża tad-Drittijiet tal-Bniedem u taċ-Ċittadin tal‑1789” [traduzzjoni libera].


51      Ara, f’dan ir-rigward, Heselhaus, S. u Hemsley, R., ‘Human dignity and the European Convention on Human Rights’, f’Becchi, P. u Mathis, K. (edituri), Handbook of Human Dignity in Europe, Springer, 2019, p. 987.


52      Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Memoria u Dall’Antonia (C‑342/17, EU:C:2018:906, punt 57).


53      Konklużjonijiet f’Memoria u Dall’Antonia (C‑342/17, EU:C:2018:479, nota ta’ qiegħ il-paġna 44).


54      Lenaerts, K. u Gutmann, K., “The comparative law method and the European Court of Justice: Echoes across the Atlantic”, The American Journal of Comparative Law, Vol. 64, Ħarġa 4, 2016, p. 841 sa 864.


55      Ara n-Nota ta’ riċerka 25/002, imfassla mid-Direttorat għar-Riċerka u d-Dokumentazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’Jannar 2025.


56      Minbarra r-Repubblika Franċiża, eċċezzjoni oħra tista’ tkun ir-Repubblika ta’ Ċipru.


57      Qorti EDB, 13 ta’ Lulju 2006, Jäggi vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2006:0713JUD005875700, punti 43 u 44).


58      Qorti EDB, 16 ta’ Ġunju 2011, Pascaud vs Franza (CE:ECHR:2011:0616JUD001953508, punt 68).


59      Ara Qorti EDB, 13 ta’ Lulju 2006, Jäggi vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2006:0713JUD005875700, punti 38 u 39), u Qorti EDB, 16 ta’ Ġunju 2011, Pascaud vs Franza (CE:ECHR:2011:0616JUD001953508, punti 59 u 60).


60      L-iktar kawża famuża f’dan ir-rigward hija Omega, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat bħala ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għan ta’ ordni pubbliku fil-Ġermanja bbażat fuq il-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem li kienet mifhuma b’mod differenti f’dan l-Istat mill-mod kif dan il-kunċett kien mifhum fl-istess sitwazzjoni fi Stati Membri oħra. Il-kunċett kostituzzjonali Ġermaniż tad-dinjità tal-bniedem ġie interpretat bħala li jipprojbixxi l-isfruttament kummerċjali ta’ logħob li jinvolvi l-qtil simulat ta’ bnedmin, li ma kienx il-każ fi Stati Membri oħra (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Omega  (C‑36/02, EU:C:2004:614)).


61      Madankollu, jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni armonizza kwistjoni fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw l-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali żgurat mill-kostituzzjonijiet tagħhom anki meta dan l-istandard ikun ogħla minn dak magħżul mil-leġiżlatur tal-Unjoni, għaliex dan jippreġudika l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punti 56 sa 58).