2014D0909 — MT — 29.10.2015 — 002.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta' Diċembru 2014

dwar ċerti miżuri protettivi fir-rigward tal-okkorrenzi konfermati tal-koleotteru tal-ġabsala fl-Italja

(notifikata bid-dokument C(2014) 9415)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/909/UE)

(ĠU L 359 16.12.2014, p. 161)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/838 tat-28 ta' Mejju 2015

  L 132

86

29.5.2015

►M2

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1943 tas-27 ta' Ottubru 2015

  L 283

11

29.10.2015




▼B

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta' Diċembru 2014

dwar ċerti miżuri protettivi fir-rigward tal-okkorrenzi konfermati tal-koleotteru tal-ġabsala fl-Italja

(notifikata bid-dokument C(2014) 9415)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/909/UE)



IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern ( 1 ), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern ( 2 ), u partikolarment l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Il-koleotteru tal-ġabsala (Aethina tumida) huwa parassit tan-naħal. Huwa endemiku fl-Afrika sub-Saħarjana u kapaċi jimmultiplika malajr fil-preżenza tad-duqqajs tan-naħal u l-għasel tax-xehda. L-ispeċi adulti jistgħu jtiru sa diversi kilometri biex jinvadu postijiet oħra bħal dawn. Il-koleotteru tal-ġabsala huwa marda notifikabbli fl-Unjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE ( 3 ).

(2)

Fil-11 ta' Settembru 2014, l-Italja għarrfet lill-Kummissjoni bl-okkorrenza tal-koleotteru tal-ġabsala f'kolonja ta' nukleu, maħluqa mid-dipartiment tal-Università li tinsab fir-reġjun tal-Kalabrija.

(3)

Minnufih, l-Italja daħħlet fis-seħħ miżuri biex teqred u tippreveni l-firxa tal-koleotteru tal-ġabsala, kif ukoll biex tistħarreġ kemm hi kbira l-okkorrenza ta' dak il-parassit fiż-żoni madwar it-tifqigħa fil-Kalabrija. B'mod partikolari, ġew stabbiliti żona ta' protezzjoni b'raġġ ta' 20 km u żona ta' sorveljanza b'raġġ ta' 100 km mis-sit tat-tifqigħa. Iż-żoni ta' raġġ ta' 100 km jikkonċernaw ukoll il-provinċji ta' Messina u Katanja fi Sqallija.

(4)

Wara li skopriet l-okkorrenza tal-koleotteru tal-ġabsala fi mġiebaħ tan-naħal oħrajn, qrib is-sit tal-ewwel okkorrenza, l-Italja estendiet il-miżuri, inkluż it-twaqqif ta' żona ta' sorveljanza u projbizzjoni fuq il-moviment tan-naħal tal-għasel u n-naħal bagħli (Bombus spp.) sabiex jiġi kopert ir-reġjun kollu tal-Kalabrija.

(5)

Mid-data tal-ewwel okkorrenza tal-koleotteru tal-ġabsala fil-Kalabrija, ġew ikkonfermati 35 okkorrenza oħra fi mġiebaħ tan-naħal li jinsabu qrib ħafna taż-żona ta' protezzjoni b'raġġ ta' 20 km. Kontrolli li twettqu f'partijiet oħra tal-Kalabrija s'issa taw riżultati negattivi għall-preżenza tal-parassit.

(6)

Fis-7 ta' Novembru 2014, l-Italja infurmat dwar okkorrenza ġdida tal-koleotteru tal-ġabsala fi Sqallija, fil-provinċja ta' Siracusa li tinsab barra ż-żoni li qabel kienu taħt restrizzjoni. L-okkorrenza nkixfet f'miġbaħ tan-naħal li ġie trasferit miż-żona ta' protezzjoni fil-Kalabrija fl-aħħar ta' Awwissu 2014, qabel l-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi.

(7)

Fil-każijiet pożittivi kollha, l-imġiebaħ tan-naħal affettwati nqerdu; Madankollu, il-firxa tal-koleotteru tal-ġabsala miż-żona affettwata fl-Italja tista' tkun ta' periklu serju għan-naħal tal-għasel u n-naħal bagħli fl-Unjoni.

(8)

Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u biex jiġu evitati ostakoli mhux iġġustifikati għall-kummerċ imposti minn pajjiżi terzi, kif ukoll għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-koleotteru tal-ġabsala lejn partijiet oħra tal-Unjoni, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita, fil-livell tal-Unjoni, lista taż-żoni fl-Italja li għandhom ikunu soġġetti għal ċerti restrizzjonijiet ta' moviment għall-prodotti f'rabta mal-okkorrenza tal-koleotteru tal-ġabsala.

(9)

Barra minn hekk, dawn iż-żoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala referenza wkoll fiċ-ċertifikazzjoni tal-kummerċ intra-UE peress li ċ-ċertifikat tas-saħħa għall-kummerċ tan-naħal u n-naħal bagħli previst fil-Parti 2 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE jgħid li dawn iridu jiġu minn żona ta' raġġ ta' mill-inqas 100 km li mhi soġġetta għall-ebda restrizzjoni marbuta mas-suspett jew mal-okkorrenza kkonfermata tal-koleotteru tal-ġabsala u fejn dawn l-infestazzjonijiet mhumiex preżenti.

(10)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni għandhom jiġu riveduti fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-qagħda epidemjoloġika tal-koleotteru tal-ġabsala fl-Italja f'perjodu ta' tmien xhur mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(11)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-miżuri protettivi li għandhom jittieħdu mill-Italja wara li kkonfermat l-okkorrenzi tal-koleotteru tal-ġabsala (Aethina tumida) fin-naħal tal-għasel (Apis mellifera), fiż-żoni mniżżla fl-Anness.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “doqqajs” tfisser:

(i) kenn mibni għan-naħal tal-għasel;

(ii) kontenitur jew kolonja tan-naħal bagħli (Bombus spp.);

(b) “miġbħa” tfisser grupp ta' doqqajs u l-bini jew il-faċilitajiet f'post ġeografiku, fejn dan il-grupp ta' doqqajs jinżamm jew inżamm;

(c) “prodotti sekondarji tal-apikultura mhux ipproċessati” tfisser għasel, xama' tan-naħal, ħalib tan-naħal, żaftur jew polline mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem kif definit fil-punt 10 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 ( 4 ) li ma jkunx għadda minn xi proċedura ta' proċessar kif imsemmi fir-ringiela 10 tal-kolonna 4 tat-Tabella 2 stabbilita fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tal-Anness XIV ta' dak ir-Regolament;

(d) “tagħmir għat-trobbija tan-naħal” tfisser id-doqqajs użati, partijiet tad-doqqajs u għodod użati fl-attivitajiet tat-trobbija tan-naħal.

Artikolu 3

1.  L-Italja għandha tiżgura li jiġu implimentati l-miżuri protettivi li ġejjin fiż-żoni elenkati fl-Anness:

(a) projbizzjoni fuq id-dispaċċ ta' kunsinni tal-prodotti li ġejjin miż-żoni elenkati fl-Anness lejn żoni oħra tal-Unjoni:

(i) naħal tal-għasel;

(ii) naħal bagħli;

(iii) prodotti sekondarji tal-apikultura mhux proċessati;

(iv) tagħmir għat-trobbija tan-naħal;

(v) għasel tax-xehda maħsub biex jittiekel mill-bniedem.

(b) twettiq ta' spezzjonijiet immedjati u investigazzjonijiet epidemjoloġiċi, fosthom:

(i) l-identifikazzjoni u t-traċċar tal-movimenti tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) lejn u mill-imġiebaħ u l-istabbilimenti tal-estrazzjoni tal-għasel stabbiliti f'żona ta' raġġ ta' 20 km madwar id-doqqajs fejn ġiet konfermata l-okkorrenza tal-koleotteru tal-ġabsala;

(ii) in-notifika tar-riżultati ta' tali spezzjonijiet immedjati u investigazzjonijiet epidemjoloġiċi lill-Kummissjoni.

2.  L-Italja għandha twettaq aktar spezzjonijiet u investigazzjonijiet epidemjoloġiċi, inkluż it-traċċar ta' movimenti preċedenti tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) minn u lejn żoni elenkati fl-Anness.

3.  Abbażi tar-riżultati tal-ispezzjonijiet u l-investigazzjonijiet epidemjoloġiċi previsti fil-paragrafu 1(b) u l-paragrafu 2, l-Italja tista' timplimenta miżuri addizzjonali xierqa kif meħtieġ.

4.  L-Italja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri protettivi previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3.

▼M2

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Marzu 2017.

▼B

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.




ANNESS



L-Istat Membru

Iż-żoni soġġetti għall-miżuri protettivi

L-Italja

Ir-Reġjun tal-Kalabrija: Ir-Reġjun kollu

Ir-Reġjun ta' Sqallija: Ir-Reġjun kollu



( 1 ) ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

( 2 ) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

( 3 ) Id-Direttiva 92/65/KEE tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A (I) tad-Direttiva 90/425/KEE (ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54).

( 4 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta' Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).