18.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 15/33


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Jannar 2008

li temenda l-Anness II mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 79/542/KEE fir-rigward ta' l-importazzjonijiet ta' laħam frisk tal-bovini mill-Brażil

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 28)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/61/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum mill-bniedem (1), u b'mod partikolari l-punti (1) u (4) ta' l-Artikolu 8 u l-Artikolu 9(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 79/542/KEE tal-21 ta' Diċembru 1979 li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi jew partijiet ta' pajjiżi terzi, u li tistabbilixxi kundizzjonijiet ta' ċertifikazzjoni tas-saħħa, il-kondizzjonijiet tas-saħħa u veterinarja għal importazzjoni fil-Komunità ta' ċerti annimali ħajjin u l-laħam frisk tagħhom (2) tistipula li importazzjonijiet ta’ dawk l-annimali u l-laħam għandhom jilħqu r-rekwiżiti stipulati fiċ-ċertifikati mudell xierqa mfassla f’dik id-Deċiżjoni.

(2)

Mill-2003 'l hawn, ġew identifikati xi defiċjenzi fir-rigward ta’ rekwiżiti Komunitarji ta’ importazzjonijiet għal laħam tal-bovini matul il-missjonijiet tal-Kummissjoni fil-Brażil. Xi wħud minn dawn id-defiċjenzi ġew indirizzati mill-Brażil, iżda xi missjonijiet tal-Kummissjoni ta' dan l-aħħar madankollu identifikaw każi serji ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tar-reġistrazzjoni tar-razzett, l-identifikazzjoni ta’ l-annimal u l-kontroll ta’ moviment u nuqqas ta’ rispett fir-rigward ta’ l-impenji tagħhom ta’ qabel biex jieħdu l-miżuri korrettivi xierqa.

(3)

Huwa biss possibbli li jitħallew l-importazzjonijiet fuq bażi sigura permezz tat-tisħiħ tal-kontroll u s-sorveljanza ta’ l-irziezet li minnhom ġejjin l-annimali eliġibbli għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u permezz ta’ l-istabbiliment ta’ lista proviżorja ta’ rziezet approvati bħal dawn stipulata mill-Brażil, li għaliha huma pprovduti garanziji li dawn jilħqu bis-sħiħ ir-rekwiżiti għall-importazzjonijiet ta’ laħam frisk tal-bovini mingħajr għadam u mmaturat lejn il-Komunità, li huma vverifikati u spezzjonati, u li għalihom rapporti sħaħ ta’ verifiki u spezzjonijiet ikunu disponibbli għall-Kummissjoni.

(4)

Is-servizzi tal-Kummissjoni jagħmlu spezzjonijiet fil-qafas ta’ l-operazzjonijiet ta’ l-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju f'pajjiżi terzi biex jivverifikaw li r-rekwiżiti ta' l-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea qed jintlaħqu fl-irziezet elenkati.

(5)

Il-lista proviżorja ta’ l-irziezet tista’ tiġi rriveduta wara li tiġi mgħarrfa l-Kummissjoni fid-dawl tar-riżultati ta' dawn l-ispezzjonijiet. Din il-lista ta’ rziezet approvati għandha tkun tista' tinkiseb pubblikament permezz ta’ TRACES - is-sistema veterinarja kompjuterizzata integrata tal-Kummissjoni.

(6)

Huwa meħtieġ li tiġi pprovduta fil-lista ta’ pajjiżi terzi li jitħallew jesportaw laħam frisk lejn il-Komunità f'Parti 1 ta' l-Anness II tad-Deċiżjoni 79/542/KEE li biss laħam frisk tal-bovini mingħajr għadam u mmaturat u miksub minn annimali maqtula wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċizjoni jista’ jiġi aċċettat għall-importazzjoni lejn il-Komunità, billi fir-rigward ta’ laħam bħal dan biss jistgħu jiġu ggarantiti r-rekwiżiti l-ġodda li jikkonċernaw l-irziezet approvati. Fl-istess ħin huwa opportun li jiġi kkoreġut żball f’dik it-tabella.

(7)

Il-lista ta’ pajjiżi terzi f’Parti 1 ta’ l-Anness II u l-mudell taċ-ċertifikat “BOV” fil-Parti 2 ta’ l-Anness II tad-Deċiżjoni 79/542/KEE għandhom għalhekk jinbidlu kif xieraq.

(8)

Biex jiġi evitat tfixkil fil-kummerċ, il-kunsinni ta’ laħam frisk tal-bovini mingħajr għadam u mmaturat iċċertifikat u mibgħut qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċizjoni għandhom jitħallew għall-importazzjoni lejn il-Komunità għal perjodu speċifiku.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-lista’ ta’ pajjiżi terzi kif stipulat f'Parti 1 ta' l-Anness II tad-Deċiżjoni 79/542/KEE, ir-rig tat-territorju “BR – Brażil ” huwa ssostitwit b’dan li ġej:

BR – Brazil

“BR-0

Il-pajjiż kollu

EQU

 

 

 

 

BR-1

Parti mill-Istat ta' Minas Gerais (minbarra d-delegazzjonijiet reġjonali ta’ Oliveira, Passos, São Gonçalo de Sapucai, Setelagoas u Bambuí);

L-Istat ta' Espíritu Santo;

L-Istat ta' Goias;

Parti mill-Istat ta' Mato Grosso li tinkludi l-unitajiet reġjonali ta':

—

Cuiaba (ħlief għall-muniċipalitajiet ta’ San Antonio de Leverger, Nossa Senhora do Livramento, Pocone u Barão de Melgaço),

—

Caceres (ħlief għall-muniċipalità ta’ Caceres),

—

Lucas do Rio Verde,

—

Rondonopolis (ħlief għall-muniċipalità ta’ Itiquiora),

—

Barra do Garça,

—

Barra do Burgres;

L-Istat ta’ Rio Grande do Sul

BOV

A u H

1

 

31 ta’ Jannar 2008

BR-2

L-Istat ta’ Santa Catarina

BOV

A u H

1

 

31 ta’ Jannar 2008”

Artikolu 2

Fiċ-ċertifikat veterinarju “BOV” stipulat f’Parti 2 ta' l-Anness II tad-Deċiżjoni 79/542/KEE:

(1)

It taqsima 10.3 hija sostitwita b'dan li gej:

“10.3

inkiseb minn annimali ġejjin minn irziezet li fihom:

(a) l-ebda wieħed mill-annimali preżenti fir-razzett ma tlaqqam kontra [l-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer jew] (12) il-marda li tolqot il-bhejjem li jixtarru (rinderpest), u

(5) jew [(b) f’dawn l-irziezet, u fl-irziezet li jinsabu fil-qrib sa 10 km, ma kienx hemm każi/tifqigħat tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer jew il-marda li tolqot bhejjem li jixtarru (rinderpest) fl-aħħar 30 jum ta’ qabel,]

(5) (13) jew [(b) ma hemm ebda restrizzjoni uffiċjali għal raġunijiet ta’ saħħa ta’ l-annimali u fejn, f’dawn l-irziezet, u fl-irziezet li jinsabu fil-qrib tagħhom sa 25 km, ma kienx hemm każi/tifqigħat tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer jew il-marda li tolqot bhejjem li jixtarru (rinderpest) fl-aħħar 60 jum ta’ qabel, u,

(c) huma baqgħu hemm għal mill-inqas 40 jum qabel ma ntbagħtu direttament lejn il-biċċerija;]

(5) (18) [(d) l-annimali ma ġewx introdotti minn żoni mhux approvati tal-KE tul l-aħħar 3 xhur;

(e) l-annimali huma identifikati u rreġistrati fis-Sistema nazzjonali ta’ l-Identifikazzjoni u ċ-Ċertifikat ta’ l-Oriġini għall-annimali bovini;

(f) l-irziezet partikolari huma elenkati bħala rziezet approvati, wara spezzjoni favorevoli kompetenti u rapport uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti, fi TRACES (19) u l-ispezzjonijiet jitwettqu regolarment mill-awtoritajiet kompetenti biex jiżguraw li r-rekwiżiti rilevanti stipulati f’din id-Deċiżjoni huma rrispettati]

(5) (14) jew [(b) ma hemm l-ebda restrizzjoni uffiċjali għal raġunijiet ta’ saħħa ta’ l-annimali u fejn, f’dawn l-irziezet, u fl-irziezet li jinsabu fil-qrib tagħhom sa 10 km, ma kienx hemm każi/tifqigħat tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer jew il-marda li tolqot il-bhejjem li jixtarru (rinderpest) fl-aħħar 12-il xahar ta’ qabel, u,

(c) huma baqgħu hemm għal mill-inqas 40 jum qabel ma ntbagħtu direttament lejn il-biċċerija;]”

(2)

Wara n-nota (18) tiżdied in-nota (19) li ġejja:

“(19)

Il-lista ta’ rziezet approvati mogħtija mill-awtorità kompetenti tkun irriveduta fuq bażi regolari u tinżamm aġġornata mill-awtorità kompetenti. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-lista ta' rziezet approvati tkun tista' tinkiseb pubblikament għall-għanijiet ta' tagħrif permezz tas-sistema kompjuterizzata integrata tal-Kummissjoni (TRACES).”

Artikolu 3

Il-kunsinni tal-laħam frisk tal-bovini mingħajr għadam u mmaturat li għalihom ħarġu ċertifikati veterinarji skond id-Deċiżjoni 79/542/KEE qabel l-emendi introdotti bid-Deċiżjoni preżenti b’data ta’ ħruġ qabel il-31 ta' Jannar 2008 u li kienu fi triqthom lejn il-Komunità f'dik id-data jistgħu jiġu importati lejn il-Komunità sal-15 ta' Marzu 2008.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni tapplika mill-31 ta’ Jannar 2008.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Jannar 2008.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 18, 23.1.2002, p. 11.

(2)   ĠU L 146, 14.6.1979, p. 15. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/736/KE (ĠU L 296, 15.11.2007, p. 29).