European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/711

10.11.2023

Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri kontra s-sussidji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet u b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(C/2023/711)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri kontra s-sussidji fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet u b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma ssussidjati minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal rieżami

It-talba tressqet fil-11 ta’ Awwissu 2023 mill-Koalizzjoni kontra l-Importazzjonijiet mhux Ekwivalenti ta’ Tajers, assoċjazzjoni ad hoc ta’ produtturi Ewropej (“l-applikant”), f’isem l-industrija tal-Unjoni ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet u b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, fis-sens tal-Artikolu 10(6) tar-Regolament bażiku.

Verżjoni pubblika tat-talba u l-analiżi tal-grad ta’ sostenn għat-talba mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl mill-partijiet interessati.

2.   Prodott taħt rieżami

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 (“il-prodott rieżaminat”), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 4011 20 90 u ex 4012 12 00 (il-kodiċi TARIC 4012120010). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma mogħtija għall-informazzjoni biss u mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja.

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri li hemm fis-seħħ bħalissa huma dazji definittivi kontra s-sussidji imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1690 (3). Wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawżi konġunti T-30/19 u T-72/19, il-miżuri kumpensatorji ġew imposti mill-ġdid f’April 2023 (4).

4.   Raġunijiet għar-rieżami

It-talba hija msejsa fuq il-fatt li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx li tirriżulta fil-kontinwazzjoni jew fir-rikorrenza ta’ sussidjar u fir-rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

4.1.    Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ sussidjar

L-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li turi li l-biċċa l-kbira tal-iskemi ta’ sussidju soġġetti għal miżuri ta’ kontrobilanċ fl-investigazzjoni oriġinali għadhom fis-seħħ u li l-produtturi tal-prodott taħt rieżami fil-pajjiż ikkonċernat ibbenefikaw u x’aktarx se jkomplu jibbenefikaw minn għadd ta’ sussidji mogħtija mill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fil-livell nazzjonali u provinċjali.

Abbażi tal-evidenza fit-talba, jidher li l-livell ta’ sussidjar għadu sostanzjali.

Il-prattiki tas-sussidji allegati jikkonsistu, fost l-oħrajn, minn (i) trasferiment dirett ta’ fondi; (ii) dħul tal-gvern mitluf jew mhux miġbur; u (iii) forniment mill-gvern ta’ prodotti jew servizzi għal remunerazzjoni inqas minn dik adegwata. Fost l-oħrajn, l-applikant allega l-eżistenza, pereżempju, ta’ self u għotjiet preferenzjali u eżenzjonijiet jew tnaqqis mit-taxxa. Huwa allega ukoll li l-gvern ipprovda l-art u l-elettriku għal remunerazzjoni inqas minn dik adegwata.

L-applikant jallega li l-miżuri deskritti huma sussidji ġaladarba jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-pajjiż ikkonċernat u jagħtu benefiċċju lill-produtturi tal-prodott taħt rieżami. Dawn is-sussidji huma allegatament speċifiċi għal intrapriża jew industrija li l-attività tagħha hija mħeġġa u għalhekk kumpensabbli.

Fid-dawl tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ħejjiet memorandum dwar is-suffiċjenza tal-evidenza, li jinkludi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-evidenza kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha u li fuq il-bażi tagħha l-Kummissjoni tniedi din l-investigazzjoni. Dan il-memorandum jinsab fil-file li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tinvestiga prattiki oħrajn ta’ sussidju rilevanti li jistgħu jiġu ddivulgati matul l-investigazzjoni.

4.2.    Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu

L-applikant jallega l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu mill-pajjiż ikkonċernat. F’dan ir-rigward l-applikant ta biżżejjed evidenza li turi li jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċitajiet sostanzjali mhux użati fil-pajjiż ikkonċernat, minħabba li ma jkunx jista’ jsir bejgħ lil swieq ta’ pajjiżi terzi minħabba diversi miżuri kummerċjali, u minħabba l-attraenza tas-suq tal-Unjoni fir-rigward tal-livell ta’ prezzijiet tiegħu.

Barra minn hekk, l-evidenza li ngħatat mill-applikant turi li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni baqgħu sinifikanti f’termini assoluti u f’termini ta’ ishma mis-suq.

Barra minn hekk, l-evidenza li ngħatat turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat taħt rieżami kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u fuq is-sehem tas-suq li l-industrija tal-Unjoni kellha fil-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami, li rriżulta f’effetti negattivi fuq il-prestazzjoni ġenerali u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-evidenza li ngħatat mill-applikant turi li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, kwalunkwe żieda sostanzjali oħra fl-importazzjonijiet bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat x’aktarx li twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

5.   Proċedura

Wara li ġie kkonsultat il-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament bażiku, ġie determinat li jeżistu provi biżżejjed ta’ probabbiltà ta’ sussidjar u ta’ dannu biex tiġi ġustifikata t-tnedija ta’ rieżami ta’ skadenza, u b’dan il-Kummissjoni tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Ir-rieżami ta’ skadenza jiddetermina jekk l-iskadenza tal-miżuri hix probabbli li twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza ta’ sussidjar tal-prodott taħt rieżami li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat, kif ukoll għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

Il-Gvern tal-pajjiż ikkonċernat ġie mistieden għal konsultazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 10(7) tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet għan-Notifika ppubblikata (5) dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u kontra s-sussidji li jistgħu jkunu applikabbli għal dan il-proċediment.

Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet għall-investigazzjoni anti-dumping separata li għadha għaddejja u li tkopri l-istess prodott (6). Il-produtturi esportaturi, l-industrija tal-Unjoni, u l-partijiet interessati kollha f’dik l-investigazzjoni anti-dumping huma mistiedna jirreġistraw separatament għal din l-investigazzjoni u jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti skont il-modalitajiet u l-iskedi ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika mingħajr ma titqies l-informazzjoni possibbilment ippreżentata fil-kuntest tal-investigazzjoni anti-dumping. L-informazzjoni jew il-kummenti ppreżentati fil-kuntest tal-investigazzjoni anti-dumping mhux se jitqiesu awtomatikament f’din l-investigazzjoni, u l-partijiet jridu jippreżentaw, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, l-informazzjoni kollha li tikkonċerna din l-investigazzjoni b’mod separat fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

5.1.    Il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kkunsidrat

L-investigazzjoni dwar il-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza ta’ sussidjar se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2023 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami”). L-istħarriġ dwar ix-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu se jkopri l-perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2020 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2.    Kummenti dwar it-talba u l-bidu tal-investigazzjoni

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar it-talba (inklużi l-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mar-rikorrenza tad-dannu u mal-kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għat-talba) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (7).

Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.3.    Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ sussidjar

F’rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni teżamina l-esportazzjonijiet li saru lejn l-Unjoni fil-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami u, irrispettivament mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, tqis jekk is-sitwazzjoni tal-kumpaniji li jipproduċu u li jbigħu l-prodott taħt rieżami fil-pajjiż ikkonċernat hijiex tali li l-esportazzjonijiet bi prezzijiet issussidjati lejn l-Unjoni x’aktarx li jkomplu jew jirrikorru jekk il-miżuri jiskadu.

Għalhekk, il-produtturi kollha (8) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.3.1.   Il-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat suġġetti għall-investigazzjoni

Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex il-Kummissjoni tlesti l-investigazzjoni sal-limiti ta’ żmien statutorji, hija tista’ tillimita l-produtturi li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għar-rieżami preżenti, huma b’dan mitlubin li jippreżentaw ruħhom u jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/R804_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTING_PRODUCER

L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 ta’ hawn taħt.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, ta’ bejgħ jew ta’ esportazzjonijiet li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk dawn humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni li ġew inklużi fil-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni żżid nota fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati, u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2690

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun, iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun, se jitqiesu li jkunu kkooperaw.

5.3.2.   L-importaturi mhux relatati suġġetti għall-investigazzjoni (9) (10)

L-importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma jkunux ikkooperaw fl-investigazzjoni li tkun wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistednin jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati u li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 7 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika billi jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-importaturi mhux relatati magħrufa kollha u lill-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi magħrufa kollha dwar il-kumpaniji li jkunu ntgħażlu għall-kampjun.

Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Il-Kummissjoni sabiex tikseb informazzjoni li tqis bħala meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati fil-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati, u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2690

5.4.    Il-proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu u għall-produtturi tal-Unjoni suġġetti għall-investigazzjoni

Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). It-teħid ta’ kampjun isir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet kampjun proviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-file li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati.

Il-partijiet interessati huma b’dan mistednin jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, li jqisu li hemm raġunijiet l-għaliex għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-produtturi u/jew lill-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni magħrufin kollha bil-kumpaniji li fl-aħħar mill-aħħar jintgħażlu biex ikunu parti mill-kampjun.

Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun iridu jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni li ġew inklużi fil-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati, u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2690

5.5.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interessi tal-Unjoni

Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ sussidjar u ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu, se tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri kumpensatorji tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni.

Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interessi tal-Unjoni.

L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interessi tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta fi kwalunkwe format, jew inkella billi jiġi komplut il-kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni.

Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott taħt rieżami, hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2690. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Bażiku titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali li tissostanzja l-validità tagħha.

5.6.    Partijiet interessati

Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott soġġett għal rieżami.

Il-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li rendew disponibbli informazzjoni f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3.1, 5.3.2 u 5.4 jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-investigazzjoni bħala parti interessata biss mill-mument li jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami. Il-fatt li wieħed jiġi kkunsidrat bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

L-aċċess għall-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati jsir permezz ta’ Tron.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet tal-paġna sabiex ikollok aċċess (11).

5.7.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.8.    Il-possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

5.9.    Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlijin u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni li tkun soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment ta’ difiża tal-kummerċ u b) li tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive”  (12). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni waqt din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “Sensittiva” (“Sensitive”) huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “ For inspection by interested parties ”. Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi d-dokumenti ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed juru li jaqblu mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz tax-xogħol uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi vverifikat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma dawn jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate G

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi

L-indirizz elettroniku għal aspetti dwar is-sussidju: TRADE-R804-TYRES-SUBSIDY@ec.europa.eu

L-indirizz elettroniku għal kwistjonijiet dwar id-dannu u l-interessi tal-Unjoni: TRADE-R804-TYRES-INJURY@ec.europa.eu

6.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha normalment tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u f’kull każ mhux aktar tard minn 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament bażiku.

7.   Preżentazzjoni tal-informazzjoni

Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsima 5 ta’ din in-Notifika.

Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta iktar sottomissjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni addizzjonali finali.

8.   Possibbiltà ta’ kummenti dwar is-sottomissjonijiet ta’ partijiet oħra

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni tal-konklużjonijiet definittivi, jiġu sottomessi fi żmien ħamest (5) ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar il-konklużjonijiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduti minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal din id-divulgazzjoni ulterjuri jsiru fi żmien ġurnata (1) mill-iskadenza għall-kummenti dwar din id-divulgazzjoni ulterjuri, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-qafas ta’ żmien deskritt huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

9.   Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

Jenħtieġ li kull estensjoni fil-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika jiġu rikjesti f’ċirkostanzi eċċezzjonali u jingħataw biss jekk ikunu debitament ġustifikati. F’kull każ, kull estensjoni fl-iskadenza tat-tweġiba għall-kwestjonarji se tkun limitata normalment għal tlett (3) ijiem, u bħala regola ma taqbiżx is-sebat (7) ijiem. Fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet ikunu limitati għal tlett (3) ijiem dment li ma jintweriex li hemm ċirkostanzi eċċezzjonali.

10.   Nonkooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għaldaqstant il-konklużjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja immedjatament lill-Kummissjoni.

11.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li jiġu speċifikati r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-oqfsa ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi tal-amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en

12.   Il-possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku

Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed jinbeda skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawn il-miżuri jiġu revokati jew jinżammu f’konformità mal-Artikolu 22(3) tar-Regolament bażiku.

Jekk kwalunkwe parti interessata tqis li jkun ġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jixtiequ jitolbu rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

13.   L-ipproċessar ta’ data personali

Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni hija disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W


(1)   ĠU C 62, 20.2.2023, p. 4.

(2)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2018/1690 tad-9 ta’ Novembru 2018 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi ġodda jew b’wiċċ ġdid, ta’ tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet u b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2018/1579 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/163 (ĠU L 283, 12.11.2018, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2023/738 tal-4 ta’ April 2023 li jimponi mill-ġdid dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, ta’ tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawżi magħquda T-30/19 u T-72/19 (ĠU L 96, 5.4.2023, p. 45).

(5)  Dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6).

(6)  https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2690

(7)  Ir-referenzi kollha għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika se jkunu referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(8)  Produttur huwa kwalunkwe kumpanija (f’dan il-każ fil-pajjiż ikkonċernat) li tipproduċi l-prodott taħt rieżami, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami.

(9)  L-importaturi li mhumiex relatati ma’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat biss jistgħu jiddaħħlu fil-kampjun. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju f’isem dawn il-produtturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(10)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, u mhux biss biex jiġi determinat l-interessi tal-Unjoni.

(11)  F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lis-servizz ta’ assistenza tad-DĠ Kumerċ (Trade Service Desk) permezz ta’ ittra elettronika lil trade-service-desk@ec.europa.eu or by telephone +32 22979797.

(12)  Dokument immarkat “ Sensitive ” huwa dokument li jitqies li hu kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji. Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

☐

Verżjoni sensittiva

☐

Verżjoni għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati.

(immarka l-kaxxa rilevanti)

NOTIFIKA TA’ BIDU TA’ RIEŻAMI TA’ SKADENZA TAL-MIŻURI KONTRA S-SUSSIDJI APPLIKABBLI GĦALL-IMPORTAZZJONIJIET TA’ ĊERTI TAJERS PNEWMATIĊI, ĠODDA JEW B’WIĊĊ ĠDID, TAL-LASTIKU, TAT-TIP UŻAT GĦALL-KAROZZI TAL-LINJA JEW GĦAT-TRAKKIJIET U B’INDIĊI TAT-TAGĦBIJA LI JAQBEŻ IL-121 LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għal talba għall-informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.2 tan-Notifika ta’ Bidu.

Kemm il-verżjoni Sensitive (il-verżjoni Sensittiva) kif ukoll il-verżjoni For inspection by interested parties (li jistgħu jikkonsultawha l-partijiet interessati) jenħtieġ li jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-notifika ta’ bidu.

1.   DETTALJI TAL-KUNTATT U TAL-IDENTITÀ

Agħti dawn id-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:

Isem il-kumpanija

 

Indirizz

 

Persuna ta’ kuntatt

 

Indirizz tal-Email:

 

Numru tat-telefown

 

Numru tal-VAT

 

2.   FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ

Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’unitajiet tal-importazzjoni u tal-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami, tal-prodott taħt rieżami, kif definit fin-Notifika ta’ bidu.

 

Unitajiet

Valur f’euro (EUR)

Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR)

 

 

Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

 

Importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami (kwalunkwe oriġini)

 

 

Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tal-prodott taħt rieżami

 

 

3.   ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)

Agħti d-dettalji tal-attivitajiet eżatti tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u / jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u / jew domestiku) tal-prodott taħt rieżami. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott taħt rieżami, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott taħt rieżami, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

Isem u lokalità tal-kumpanija

Attivitajiet

Relazzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

4.   INFORMAZZJONI OĦRA

Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tista’ tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

5.   ĊERTIFIKAZZJONI

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u li taċċetta żjara fil-post fejn tinsab biex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, din se titqies li ma kkoperatx fl-investigazzjoni. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:

Data:


(1)  F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/711/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)