SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

13 ta’ Frar 2025 ( *1 )

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Settur tal-ajru – Miżuri implimentati mill-ajruport internazzjonali ta’ Timişoara (ir-Rumanija) favur Wizz Air u kumpanniji tal-ajru oħra li jużaw dan l-ajruport – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat – Rikors għal annullament – Artikolu 263 TFUE – Ammissibbiltà – Kundizzjoni li r-rikorrent għandu jkun direttament u individwalment ikkonċernat – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żnaturament tal-provi”

Fil-Kawżi magħquda C‑244/23 P sa C‑246/23 P,

li għandhom bħala suġġett tliet appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fis‑17 ta’ April 2023,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Georgiopoulos u F. Tomat, bħala aġenti,

appellanti fil-Kawża C‑244/23 P,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Carpatair SA, stabbilita f’Timişoara (ir-Rumanija), irrappreżentata minn P. González Alarcón, J. Rivas Andrés, abogados, u J. Saké, advocaat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.), stabbilita f’Budapest (l-Ungerija), irrappreżentata minn I.‑G. Metaxas‑Maranghidis, dikigoros, S. Rating, abogado, u E. Vahida, avocat,

Societatea Națională “Aeroportul Internaţional Timişoara – Traian Vuia”SA (AITTV), stabbilita f’Ghiroda (ir-Rumanija), irrappreżentata minn V. Power, SC, u R. Hourihan, solicitor,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

u

Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.), stabbilita f’Budapest, irrappreżentata minn I.‑G. Metaxas‑Maranghidis, dikigoros, S. Rating, abogado, u E. Vahida, avocat,

appellanti fil-Kawża C‑245/23 P,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Carpatair SA, stabbilita f’Timişoara, irrappreżentata minn P. González Alarcón, J. Rivas Andrés, abogados, u J. Saké, advocaat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Georgiopoulos u F. Tomat, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Societatea Națională “Aeroportul Internaţional Timişoara – Traian Vuia” SA (AITTV), stabbilita f’Ghiroda, irrappreżentata minn V. Power, SC, u R. Hourihan, solicitor,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

u

Societatea Națională “Aeroportul Internaţional Timişoara – Traian Vuia” SA (AITTV), stabbilita f’Ghiroda, irrappreżentata minn V. Power, SC, u R. Hourihan, solicitor,

appellanti fil-Kawża C‑246/23 P,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Carpatair SA, stabbilita f’Timişoara, irrappreżentata minn P. González Alarcón, J. Rivas Andrés, abogados, u J. Saké, advocaat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Georgiopoulos u F. Tomat, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.), stabbilita f’Budapest, irrappreżentata minn I.‑G. Metaxas‑Maranghidis, dikigoros, S. Rating, abogado, u E. Vahida, avocat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), il-President tat-Tielet Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tad-Disa’ Awla, S. Rodin u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Ottubru 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea (Kawża C‑244/23 P), Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.) (iktar ’il quddiem “Wizz Air”) (Kawża C‑245/23 P) u Societatea Naţională “Aeroportul Internaţional Timişoara – Traian Vuia” SA (AITTV) (Kawża C‑246/23 P) qegħdin jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Frar 2023, Carpatair vs Il-Kummissjoni (T‑522/20, iktar ’il quddiem is- sentenza appellata, EU:T:2023:51), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1428 tal‑24 ta’ Frar 2020 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA. 31662 – C/2011 (ex NN/2011) implimentata mir-Rumanija għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Timișoara – Wizz Air (ĠU 2021, L 308, p. 1, rettifika fil-ĠU 2021, L 327, p. 41, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li t-tariffi tal-ajruport li jinsabu fil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ajrunawtika (iktar ’il quddiem il-“PIA”) tas-sena 2010 u l-ftehimiet konklużi bejn AITTV u Wizz Air matul is-sena 2008 (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet tal‑2008”), inklużi l-emendi li għalihom dawn il-ftehimiet kienu suġġetti matul is-sena 2010 (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet emendatorji tal‑2010), ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

Il‑fatti li wasslu għat-tilwima

2

L-ajruport Internazzjonali ta’ Timișoara (ir-Rumanija) huwa operat minn AITTV, kumpanija li tagħha l-Istat Rumen għandu 80 % tal-kapital.

3

Carpatair SA hija kumpannija tal-ajru reġjonali Rumena. Matul is-sena 2000, hija stabbilixxiet il-hub tagħha f’dan l-ajruport, minn fejn operat network ta’ titjiriet b’konnessjoni (magħruf bħala “hub and spoke”).

4

Matul is-sena 2008, fil-kuntest ta’ strateġija intiża li tattira kumpanniji tal-ajru low-cost u li tiżdied il-profittabbiltà globali tal-imsemmi ajruport, AITTV iffirmat ma’ Wizz Air, kumpannija tal-ajru low-cost Ungeriża, il-ftehimiet tal‑2008, li jiddefinixxu l-prinċipji tal-kooperazzjoni tagħhom kif ukoll il-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu tal-infrastruttura u tas-servizzi tal-ajruport minn Wizz Air. Fil‑25 ta’ Ġunju 2010, permezz tal-ftehimiet emendatorji tal‑2010, tnejn mill-ftehimiet tal‑2008 ġew emendati permezz ta’ skema ġdida miftiehma bejn Wizz Air u AITTV, li kienet tkopri l-perijodu sas‑6 ta’ Frar 2011. Wizz Air bdiet topera titjiriet mill-istess ajruport f’Ottubru tal‑2008.

5

Fit‑30 ta’ Settembru 2010, Carpatair ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat allegatament illegali favur Wizz Air.

6

Fl‑24 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni informat lir-Rumanija bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE dwar, b’mod partikolari, il-ftehimiet tal‑2008 kif ukoll l-iskontijiet u r-roħs fuq it-tariffi tal-ajruport mogħtija skont il-PIA tal‑2007, tal‑2008 u tal‑2010.

7

Mis-sena 2014, Carpatair waqfet l-attivitajiet tagħha fl-ajruport internazzjonali ta’ Timișoara u kienet suġġetta għal riorganizzazzjoni ġudizzjarja. Il-bażi ewlenija tal-operazzjonijiet tagħha issa tinsab fl-ajruport ta’ Arad (ir-Rumanija), li jinsab 50 kilometru (km) bogħod mill-ajruport internazzjonali ta’ Timișoara u li minnu toffri b’mod partikolari titjiriet charter. Hija ma għadhiex toffri titjiriet skedati.

8

Fl‑24 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kontenzjuża.

9

Fir-rigward tat-tariffi tal-ajruport stabbiliti fil-PIA tal‑2007, tal‑2008 u tal‑2010, il-Kummissjoni qieset, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, li r-rata bażi, l-iskontijiet u r-roħs fuq dawn it-tariffi ma kinux selettivi.

10

Fir-rigward tal-ftehimiet tal‑2008 u tal‑ftehimiet emendatorji tal‑2010 (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“ftehimiet tal-2008 u tal-2010”), il-Kummissjoni rrilevat, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi stabbiliti wara l-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet, li dawn kellhom iwasslu għal profittabbiltà marġinali għal AITTV. Għalhekk, hija qieset li operatur privat prudenti f’ekonomija tas-suq kien jidħol fi ftehimiet bħal dawn. Barra minn hekk, l-imsemmija ftehimiet kienu jagħmlu parti minn strateġija globali u minn sforz fit-tul sabiex tiġi promossa l-profittabbiltà globali tal-ajruport internazzjonali ta’ Timișoara. Għalhekk il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn il-ftehimiet ma kinux taw vantaġġ ekonomiku lil Wizz Air li din il-kumpannija ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq.

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

11

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑11 ta’ Awwissu 2020, Carpatair talbet l-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża.

12

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, minn naħa, li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli teżamina jekk it-tnaqqis tat-tariffi tal-ajruport previst fil-punt 7.3 tal-PIA tal‑2010, meħud individwalment, kienx ta’ natura selettiva. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma bbażatx legalment l-evalwazzjoni tagħha fis-sens li l-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010 ma kinux taw lil Wizz Air vantaġġ ekonomiku li hija ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Għalhekk, wara li laqgħet l-ewwel motiv u, parzjalment, it-tieni motiv imqajma minn Carpatair insostenn ta’ dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kontenzjuża sa fejn ippreċiżat fil-punt 1 ta’ din is-sentenza.

It-talbiet tal-partijiet fl-appelli

It-talbiet tal-partijiet fil-Kawża C‑244/23 P

13

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata sa fejn laqgħet it-tieni motiv ta’ Carpatair;

–

tiċħad it-tieni motiv invokat fil-Kawża T‑522/20, u

–

tikkundanna lil Carpatair għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

14

Carpatair titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appell u

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza u fl-appell.

It-talbiet tal-partijiet fil-Kawża C‑245/23 P

15

Permezz tal-appell tagħha, Wizz Air titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata;

–

tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Carpatair quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza u fl-appell.

16

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata u

–

tikkundanna lil Carpatair għall-ispejjeż.

17

Carpatair titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appell u

–

tikkundanna lil Wizz Air għall-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza u fl-appell.

It-talbiet tal-partijiet fil-Kawża C‑246/23 P

18

Permezz tal-appell tagħha, AITTV titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata,

–

tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza ppreżentat minn Carpatair jew tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali u,

–

tikkundanna lil Carpatair għall-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza u fl-appell jew, jekk tiddeċiedi li tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, tirriżerva l-kwistjoni tal-ispejjeż.

19

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata u

–

tikkundanna lil Carpatair għall-ispejjeż.

20

Carpatair titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appell u

–

tikkundanna lill-AITTV għall-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza u fl-appell.

Fuq l-aggravji bbażati fuq l-assenza ta’ locus standi ta’ Carpatair

L-argumenti tal-partijiet

Fuq l-ewwel aggravju ta’ Wizz Air fil-Kawża C‑245/23 P

21

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Wizz Air, sostnuta mill-Kummissjoni, issostni li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li l-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010 kienu waħda mill-kawżi tal-preġudizzju għall-pożizzjoni kompetittiva ta’ Carpatair, żnaturat il-provi u kisret rekwiżit formali essenzjali.

22

Fl-ewwel lok, Wizz Air targumenta li l-Qorti Ġenerali qieset li Carpatair kienet individwalment u direttament affettwata mill-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010 minħabba li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, matul is-sena 2011, Carpatair u Wizz Air kienu jikkompetu fuq ħames rotot li kienu jitilqu mill-ajruport internazzjonali ta’ Timişoara u minħabba li, bejn is-sena 2008 u s-sena 2010, in-numru ta’ passiġġieri, ir-rendimenti u d-dħul ta’ Carpatair fuq dawn il-ħames rotot kienu naqsu b’mod kunsiderevoli.

23

Madankollu, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dan it-tnaqqis kien simili jew saħansitra nettament inqas minn dak li Carpatair kienet ġarrbet fuq ir-rotot li fuqhom hija ma kinitx tikkompeti ma’ Wizz Air.

24

Barra minn hekk, is-sentenza appellata fiha żbalji manifesti li jaffettwaw il-kalkolu tat-tnaqqis fir-rendimenti ta’ Carpatair.

25

Fit-tieni lok, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn Carpatair matul il-proċedura amministrattiva kien jirriżulta li din il-kumpannija kienet ilmentat ukoll li ma kienx irnexxielha tieħu t-titjiriet li kienu jitilqu mill-ajruport internazzjonali ta’ Timişoara u li kienu operati minn żewġ kumpanniji tal-ajru oħra li telqu minn dan l-ajruport matul is-sena 2008, peress li dawn it-titjiriet kienu bdew jiġu operati minn Wizz Air. Issa, dan l-element ma ġiex diskuss quddiem il-Qorti Ġenerali. L-Anness A.8 tar-rikors għal annullament, intitolat “Osservazzjonijiet ta’ Carpatair tas‑7 ta’ Ġunju 2011 indirizzati lill-Kummissjoni”, sempliċement issemma f’dan ir-rikors, mingħajr ma ngħata sunt tiegħu. A fortiori, dan l-anness ma kienx is-suġġett ta’ skambju ta’ opinjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali, bi ksur tar-rekwiżit formali essenzjali li jikkostitwixxi d-dritt għal smigħ ta’ Wizz Air f’dan ir-rigward.

26

Carpatair tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju ta’ Wizz Air. Fil-fehma tagħha, din tal-aħħar qiegħda sempliċement titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. Barra minn hekk, l-iżnaturament allegat minn Wizz Air ma jirriżultax b’mod manifest mill-atti tal-proċess.

27

B’mod sussidjarju, Carpatair tqis li dan l-aggravju ma huwiex fondat.

28

Fl-ewwel lok, Carpatair issostni, qabel kollox, li l-imsemmi aggravju huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-punt 73 tas-sentenza appellata, punt li fih il-Qorti Ġenerali sempliċement indikat li Carpatair kienet stabbilixxiet li l-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010 kienu waħda mill-kawżi tal-preġudizzju għall-pożizzjoni kompetittiva tagħha. Il-fatt li rotot operati minn Carpatair minbarra dawk li fuqhom kienet tikkompeti ma’ Wizz Air ġarrbu wkoll tnaqqis fir-rendiment ma jinvalidax din il-konstatazzjoni.

29

Sussegwentement, Wizz Air tinjora l-fatt li l-effetti dannużi tal-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010 ma kinux limitati għar-rotot li fuqhom hija kienet tikkompeti ma’ Carpatair. Madankollu, is-sentenza appellata sempliċement tistabbilixxi dawn l-effetti fuq ir-rotot li fuqhom Carpatair kienet tikkompeti direttament ma’ Wizz Air, kif meħtieġ mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

30

Fl-aħħar nett, huwa minnu li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 75 u 76 tas-sentenza appellata, żball żgħir fil-kalkolu tat-tnaqqis fir-rendimenti fuq ir-rotot ta’ Carpatair. B’dan premess, huwa inkontestabbli li dawn ir-rendimenti naqsu b’mod sinjifikattiv bejn is-sena 2008 u s-sena 2010.

31

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma kisritx id-dritt ta’ Wizz Air li tinstema’ dwar l-argument dwar l-impossibbiltà, għal Carpatair, li tieħu r-rotot ta’ żewġ kumpanniji tal-ajru oħra li kienu jitilqu mill-ajruport internazzjonali ta’ Timişoara. Fil-fatt, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 77 tas-sentenza appellata, Carpatair kienet diġà ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward matul l-investigazzjoni inizjali. Wizz Air għalhekk kienet taf il-pożizzjoni ta’ Carpatair. Barra minn hekk, Wizz Air tipprova tevita l-fatt li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, hija bbażata fuq il-provi li jinsabu fl-Annessi A.7 u A.8 tar-rikors għal annullament.

32

Fit-tielet u l-aħħar lok, Wizz Air ma tiħux inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali, fil-punti 54 sa 86 tas-sentenza appellata, qieset li Carpatair kienet individwalment ikkonċernata.

Fuq l-ewwel aggravju ta’ AITTV fil-Kawża C‑246/23 P

33

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, AITTV, sostnuta mill-Kummissjoni, issostni b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li Carpatair kienet direttament u individwalment ikkonċernata mid-Deċiżjoni kontenzjuża.

34

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali sempliċement assumiet, mingħajr provi suffiċjenti, li Carpatair u Wizz Air kienu kompetituri, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-provi prodotti minn AITTV li juru li Carpatair u Wizz Air ma kinux kumpanniji tal-ajru ta’ tip u ta’ daqs paragunabbli u li dawn kienu joperaw fuq rotot fil-parti l-kbira tagħhom differenti.

35

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali assumiet ukoll, mingħajr provi suffiċjenti, li Carpatair kienet sostanzjalment affettwata mid-Deċiżjoni kontenzjuża mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-argumenti mqajma quddiemha.

36

Minn naħa, AITTV sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li, indipendentement mill-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010, fil-mument tal-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet, is-sitwazzjoni legali u fattwali ta’ Carpatair kienet tali li din il-kumpannija tal-ajru ma setgħetx tkompli topera b’suċċess mill-ajruport internazzjonali ta’ Timişoara peress li l-mudell tal-operat tagħha kien antikwat. Minkejja l-provi li ġew prodotti quddiemha f’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kriżi finanzjarja globali li kienet qiegħda taffettwa lill-kumpanniji tal-ajru fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni u li kienet tikkostitwixxi spjegazzjoni plawżibbli oħra għad-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom Carpatair.

37

Min-naħa l-oħra, Carpatair ma pproduċiet ebda prova ta’ xi effett tal-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010 fuq is-sitwazzjoni tagħha, li hija stess ikkunsidrat, fil-punt 4 tar-rikors għal annullament tagħha, li kienet identika għal dik ta’ diversi kumpanniji tal-ajru oħra li joperaw mill-ajruport internazzjonali ta’ Timişoara. Barra minn hekk, mill-punt 116 ta’ dan ir-rikors jirriżulta li l-effetti ta’ dawn il-ftehimiet ma kinux neċessarjament speċifiċi għal din il-kumpannija tal-ajru. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk l-eventwali telf tal-imsemmija kumpannija kienx dovut għall-kompetizzjoni ma’ kumpanniji tal-ajru oħra għajr Wizz Air jew għal fatturi oħra.

38

Huwa minnu li, kif indikat fil-punt 70 tas-sentenza appellata, bejn is-sena 2008 u s-sena 2010, in-numru ta’ passiġġieri, ir-rendimenti u d-dħul ta’ Carpatair fuq il-ħames rotot li fuqhom kienet tikkompeti ma’ Wizz Air kienu naqsu b’mod kunsiderevoli. Madankollu, il-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali juru li r-rendimenti ta’ Carpatair naqsu fuq ir-rotot kollha ta’ din il-kumpannija tal-ajru li kienu jitilqu mill-ajruport internazzjonali ta’ Timişoara u mhux biss fuq dawk li kienu jikkoinċidu mar-rotot operati minn Wizz Air. Issa, is-sentenza appellata ma tindirizzax dawn l-elementi li juru li Carpatair ma hijiex direttament u individwalment ikkonċernata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

39

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali invokat, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, lucrum cessans għal Carpatair, filwaqt li din tal-aħħar ma invokatux fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha fl-ewwel istanza.

40

Carpatair tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju ta’ AITTV għaliex huwa vag u impreċiż, sa fejn AITTV la tagħmel distinzjoni bejn il-miżuri kontenzjużi u l-kriterji legali korrispondenti u lanqas bejn l-eżami tal-locus standi u tal-interess ġuridiku mwettaq mill-Qorti Ġenerali.

41

B’mod sussidjarju, Carpatair issostni li dan l-aggravju ma huwiex fondat.

42

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddefinixxiet u applikat b’mod metikoluż il-kriterji legali rilevanti sabiex tistabbilixxi l-locus standi ta’ Carpatair sabiex titlob l-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tikkonċerna kemm il-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010 kif ukoll il-PIA tal‑2010. Mill-istruttura tas-sentenza appellata, li tindirizza b’mod eżawrjenti l-kwistjoni ta’ jekk Carpatair hijiex individwalment ikkonċernata mill-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010 kif ukoll il-kwistjoni ta’ jekk hijiex direttament ikkonċernata kemm minn dawn il-ftehimiet kif ukoll mill-PIA tal‑2010, jirriżulta b’mod ċar li l-locus standi ta’ Carpatair ġie stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt.

Fuq il-ħames aggravju ta’ AITTV fil-Kawża C‑246/23 P

43

Permezz tal-ħames aggravju tagħha, AITTV, sostnuta mill-Kummissjoni, tqis, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-provi prodotti mill-Kummissjoni, minn Wizz Air u minn AITTV li juru l-assenza ta’ kompetizzjoni effettiva bejn Wizz Air u Carpatair fid-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010.

44

AITTV tqis li, għalkemm il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata tevalwa kull argument invokat quddiemha, din tal-aħħar madankollu tikser rekwiżit formali essenzjali meta ssemmi, bħalma għamlet f’dan il-każ fil-punti 63 u 69 tas-sentenza appellata, numru kbir ta’ argumenti u ta’ provi materjali, mingħajr ma twettaq l-evalwazzjoni tagħhom, minkejja li evalwazzjoni oħra ta’ dawn il-provi setgħet twassal sabiex ir-rikors ta’ Carpatair jiġi ddikjarat inammissibbli.

45

Il-provi prodotti minn AITTV, minn Wizz Air u mill-Kummissjoni juru, b’mod partikolari, ir-razzjonalità ekonomika tal-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010 kif ukoll il-fatt li l-kumpanniji tal-ajru kienu ntgħażlu permezz ta’ sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess, li ppermetta lil AITTV tagħżel l-iktar offerti attraenti. Dawn il-provi kienu jippermettu li jintwera li dawn il-ftehimiet kellhom iwasslu għal profittabbiltà marġinali.

46

Barra minn hekk, is-sentenza appellata ma tinkludix preċiżazzjonijiet dwar is-swieq u l-ishma tas-suq inkwistjoni, dwar il-kapaċitajiet tal-kumpanniji tal-ajru, dwar is-sostitwibbiltà tar-rotot, dwar l-ispejjeż u dwar il-marġni ta’ profitt, u lanqas dwar parametri oħra li kienu jippermettu li jiġi ddeterminat jekk Wizz Air u Carpatair kinux kompetituri.

47

Barra minn hekk, għalkemm il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil-punt 15 tas-sentenza appellata, li Carpatair kienet waqqfet l-attivitajiet tagħha fl-ajruport internazzjonali ta’ Timişoara u li hija ma kinitx għadha toffri titjiriet skedati, hija naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti dawn il-fatti essenzjali.

48

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi ma identifikatx ir-rabta kawżali eżistenti bejn id-diffikultajiet finanzjarji ta’ Carpatair u l-allegata kompetizzjoni ma’ Wizz Air kif ukoll billi sempliċement ifformulat, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, suppożizzjonijiet filwaqt li injorat spjegazzjonijiet oħra possibbli li kienu jirriżultaw mill-proċess.

49

Filwaqt li ssostni, fil-punt 46 tar-rikors fl-ewwel istanza tagħha, li hija kienet tikkompeti direttament ma’ Wizz Air fuq ħames rotot, Carpartair ammettiet, fil-punt 50 ta’ dan ir-rikors, li hija kienet waqqfet l-attivitajiet tagħha fuq ħmistax-il rotta li kienu jitilqu mill-ajruport internazzjonali ta’ Timişoara. Minn dan isegwi li d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom Carpatair kienu kbar wisq sabiex ikunu jistgħu jiġu attribwiti għall-kompetizzjoni ma’ Wizz Air fuq terz biss tar-rotot operati minn Carpatair li kienu jitilqu minn dan l-ajruport.

50

Barra minn hekk, Carpatair naqset milli tirrileva, fir-rikors fl-ewwel istanza tagħha, li, fuq ċerti rotot, hija kienet tikkompeti ma’ kumpanniji tal-ajru oħra minbarra Wizz Air. Issa, din il-kompetizzjoni, li seta’ kellha wkoll impatt fuq is-sitwazzjoni ta’ Carpatair, ma ġietx eżaminata fis-sentenza appellata.

51

Carpatair tqis li l-ħames aggravju ta’ AITTV huwa inammissibbli sa fejn, permezz ta’ dan l-aggravju, din l-aħħar kumpannija qiegħda sempliċement tirrepeti argumenti diġà invokati quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tipproduċi prova ta’ żball ta’ liġi jew ta’ żnaturament tal-provi.

52

B’mod sussidjarju, Carpatair issostni li dan l-aggravju ma huwiex fondat.

53

F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-preġudizzju sostanzjali għall-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent fis-swieq inkwistjoni ma jirriżultax minn analiżi fil-fond tad-diversi relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni f’dawn is-swieq iżda, bħala prinċipju, minn konstatazzjoni prima facie li l-għoti tal-miżura kkonċernata għandu l-effett li jippreġudika sostanzjalment din il-pożizzjoni.

54

L-analiżi ddettaljata li tinsab fis-sentenza appellata turi li l-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod suffiċjenti l-provi kollha li ġew prodotti quddiemha u li hija kkonkludiet, ġustament, li l-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010 setgħu jaffettwaw sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva ta’ Carpatair fis-swieq ikkonċernati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ammissibbiltà

55

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju ta’ Wizz Air, għandu jiġi kkonstatat li, Carpatair, filwaqt li ssostni li l-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali ma humiex materjalment ineżatti, Carpatair madankollu rrikonoxxiet li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-kalkolu tat-tnaqqis fir-rendimenti ta’ Carpatair, fid-dawl tal-ammonti msemmija f’wieħed mill-annessi tar-rikors għal annullament tagħha. Barra minn hekk, meta tinvoka l-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tad-dritt għal smigħ, Wizz Air ma hijiex qiegħda sempliċement titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti iżda qiegħda tinvoka ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali, li jikkostitwixxi aggravju li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu konjizzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ appell.

56

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju ta’ AITTV, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li dan l-aggravju ma huwiex redatt b’mod tant impreċiż li ma jippermettix li jinftiehmu l-argumenti li fuqhom huwa bbażat. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li din il-kumpannija tinterpreta b’mod żbaljat il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament, previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma jistax ikollu bħala konsegwenza li l-imsemmi aggravju jkollu jiġi ddikjarat inammissibbli. Fil-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, tali żball għandu jwassal sabiex l-istess aggravju jkollu jiġi miċħud bħala infondat.

57

Fir-rigward, fit-tielet u l-aħħar lok, tal-ammissibbiltà tal-ħames aggravju ta’ AITTV, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-aggravju, din il-kumpannija qiegħda tikkontesta s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni provi prodotti quddiemha u sa fejn il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Għaldaqstant, peress li huwa msejjes fuq is-sentenza appellata, l-imsemmi aggravju ma jistax, ipotetikament, jikkostitwixxi repetizzjoni tal-argumenti ppreżentati fl-ewwel istanza.

58

Minn dan isegwi li l-argumenti ta’ Carpatair dwar l-inammissibbiltà tal-ewwel aggravju ta’ Wizz Air kif ukoll tal-ewwel u tal-ħames aggravju ta’ AITTV għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

Fuq il-mertu

59

Ma huwiex ikkontestat li d-Deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi, minn naħa, att individwali, sa fejn fiha huwa kkonstatat li l-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010 ma humiex għajnuna mill-Istat, u, min-naħa l-oħra, att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, fis-sens tat-tielet parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn fiha huwa kkonstatat li l-iskema ta’ tariffi tal-ajruport, stabbilita mill-PIA tal‑2010, ma hijiex għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li, sabiex tistabbilixxi l-locus standi tagħha, Carpatair kellha turi li kienet direttament u individwalment ikkonċernata mill-parti tad-Deċiżjoni kontenzjuża dwar il-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010, filwaqt li kien biżżejjed għaliha li turi li kienet direttament ikkonċernata mill-parti ta’ din id-deċiżjoni dwar il-PIA tal‑2010.

60

AITTV u Wizz Air, sostnuti mill-Kummissjoni, jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li permezz tagħhom din tal-aħħar iddeċidiet li Carpatair kienet direttament u individwalment ikkonċernata mill-parti tad-Deċiżjoni kontenzjuża dwar il-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010 kif ukoll direttament ikkonċernata mill-parti ta’ din id-deċiżjoni dwar il-PIA tal‑2010.

– Fuq il-kundizzjoni li Carpatair għandha tkun individwalment ikkonċernata

61

Meta rikorrent jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna meħuda abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE jew fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, huwa għandu juri li din id-deċiżjoni taffettwah minħabba ċerti kwalitajiet li jkunu partikolari għalih jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzah meta mqabbel ma’ kull persuna oħra u, minħabba f’hekk, tindividwalizzah bl-istess mod bħalma jkun individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni. Dan ikun il-każ b’mod partikolari meta l-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq ikkonċernat tkun sostanzjalment affettwata mill-għajnuna li tkun is-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 97, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il‑Kummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 54).

62

Fil-punti 61 sa 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li Carpatair kienet individwalment ikkonċernata mill-parti tad-Deċiżjoni kontenzjuża dwar il-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010. B’mod iktar partikolari, wara li rrifjutat li tagħti importanza deċiżiva lill-fatt li Carpatair kellha rwol attiv fl-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, minn naħa, li din il-kumpannija kienet ipproduċiet provi dwar is-swieq li fihom hija kellha relazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ Wizz Air u kienet stabbilixxiet li dawn il-ftehimiet kienu waħda mill-kawżi tal-preġudizzju sostanzjali għall-pożizzjoni kompetittiva tagħha f’dawn is-swieq u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija kumpannija kienet uriet li hija kellha status partikolari li kien jikkaratterizzaha meta mqabbla mal-kumpanniji tal-ajru l-oħra preżenti fl-ajruport internazzjonali ta’ Timișoara.

63

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 63 sa 70 u 73 sa 85 tas-sentenza appellata, fis-sens li Carpatair kienet uriet li l-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010 setgħu jaffettwaw b’mod sostanzjali l-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-swieq ikkonċernati, għandu jitfakkar li l-prova, minn rikorrent, ta’ preġudizzju sostanzjali għall-pożizzjoni tiegħu fis-suq ikkonċernat ma timplikax li jkollha tingħata deċiżjoni definittiva dwar ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn dan ir-rikorrent u l-impriżi benefiċjarji tal-miżura kontenzjuża, iżda teħtieġ biss min-naħa tal-imsemmi rikorrent li jindika b’mod rilevanti r-raġunijiet għaliex id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi tiegħu billi tippreġudika sostanzjalment il-pożizzjoni tiegħu f’dan is-suq. Fil-fatt, il-preġudizzju sostanzjali għall-pożizzjoni kompetittiva ta’ rikorrent fl-imsemmi suq ma jirriżultax minn analiżi fil-fond tad-diversi relazzjonijiet kompetittivi fl-istess suq, li tippermetti li tiġi stabbilita bi preċiżjoni l-portata tal-preġudizzju għall-pożizzjoni kompetittiva tiegħu, iżda, bħala prinċipju, minn konstatazzjoni prima facie li l-għoti tal-miżura li tkun is-suġġett tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni jippreġudika sostanzjalment din il-pożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 1990, COFAZ vs Il‑Kummissjoni, C‑169/84, EU:C:1990:301, punt 28, u tal‑20 ta’ Jannar 2022, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑594/19 P, EU:C:2022:40, punti 74 u 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64

F’dan il-każ, AITTV tikkritika, l-ewwel, lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li Wizz Air u Carpatair kienu kompetituri fuq ħames rotot li kienu jitilqu mill-ajruport internazzjonali ta’ Timișoara, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kontroargumenti invokati quddiemha.

65

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ tweġiba mill-Qorti Ġenerali għal argumenti invokati fl-ewwel istanza jwassal, essenzjalment, sabiex jiġi invokat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut, u mill-Artikolu 117 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il‑Kummissjoni, C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 29, u tal‑14 ta’ Settembru 2023, Land Rheinland-Pfalz vs Deutsche Lufthansa,C‑466/21 P, EU:C:2023:666, punt 93).

66

Min-naħa l-oħra, mill-punti 64 sa 69 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li Wizz Air u Carpatair kienu kompetituri fuq ħames rotot li kienu jitilqu mill-ajruport internazzjonali ta’ Timişoara, għar-raġuni li dawn ir-rotot kienu bejn l-istess ajruporti jew ajruporti li kienu inqas minn 100 km ’l bogħod. Għall-kuntrarju, minn ebda silta tas-sentenza appellata ma jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kienet eżaminat l-argumenti li permezz tagħhom AITTV ikkontestat l-eżistenza ta’ tali kompetizzjoni, fejn din l-aħħar kumpannija kienet qiegħda ssostni, b’mod partikolari fil-punt 15 tan-nota ta’ intervent tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li Wizz Air u Carpatair kellhom mudelli kummerċjali differenti kif ukoll flotta ta’ ajruplani b’karatteristiċi tekniċi distinti.

67

Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha magħmula mill-partijiet fil-kawża u l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni interessati jsiru jafu r-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 96, kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2023, Land Rheinland-Pfalz vs Deutsche Lufthansa,C‑466/21 P, EU:C:2023:666, punt 94).

68

Huwa wkoll minnu, kif tfakkar fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-prova, minn rikorrent, ta’ preġudizzju sostanzjali għall-pożizzjoni tiegħu fis-suq ikkonċernat ma timplikax li għandha tingħata deċiżjoni definittiva dwar ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn dan ir-rikorrent u l-allegat benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni.

69

B’dan premess, sa fejn, f’dan il-każ, id-data prodotta minn AITTV kienet intiża li tikkontesta r-rilevanza tal-provi prodotti minn Carpatair sabiex tistabbilixxi li, prima facie, din il-kumpannija tal-ajru kienet tikkompeti ma’ Wizz Air, il-Qorti Ġenerali kellha, sabiex tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, tesponi r-raġunijiet għaliex qieset li din id-data ma setgħetx tikkontesta l-evalwazzjoni tagħha fis-sens li Carpatair u Wizz Air kienu kompetituri.

70

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li Carpatair kienet tikkompeti ma’ Wizz Air fuq ħames rotot li kienu jitilqu mill-ajruport internazzjonali ta’ Timișoara, mingħajr ma esponiet ir-raġunijiet għaliex ma laqgħetx l-argumenti ta’ AITTV intiżi li jikkontestaw l-eżistenza ta’ tali kompetizzjoni, kisret l-obbligu li timmotiva s-sentenzi tagħha b’mod suffiċjenti sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu r-raġunijiet li fuqhom ibbażat ruħha u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell.

71

It-tieni, Wizz Air u AITTV iqisu li l-Qorti Ġenerali ma wrietx, fil-punti 73 sa 85 tas-sentenza appellata, li l-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010 setgħu kienu l-kawża tal-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva ta’ Carpatair.

72

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq żewġ motivi sabiex tikkonkludi, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li Carpatair kienet stabbilixxiet li l-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010 kienu waħda mill-kawżi tal-inċidenza sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħha fis-swieq u tal-preġudizzju għall-pożizzjoni kompetittiva tagħha.

73

Minn naħa, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, li, matul il-proċedura amministrattiva, Carpatair ilmentat dwar lucrum cessans li jirriżulta mill-impossibbiltà, għal din il-kumpannija tal-ajru, li tieħu żewġ rotot mill-ajruport internazzjonali ta’ Timișoara lejn it-Tramuntana tal-Italja.

74

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, huwa madankollu r-rikorrent li għandu jipproduċi quddiem il-Qorti Ġenerali l-provi li juru l-locus standi tiegħu. Issa, kif jirrilevaw Wizz Air u AITTV, sostnuti mill-Kummissjoni, Carpatair ma invokatx dan il-lucrum cessans fir-rikors fl-ewwel istanza tagħha.

75

Għalkemm huwa minnu li Carpatair annettiet ma’ dan ir-rikors, bħala l-Anness A.8, l-osservazzjonijiet li hija kienet ippreżentat fl-okkażjoni tal-proċedura amministrattiva u li fihom hija semmiet l-imsemmi lucrum cessans, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi rikors isemmi dan l-anness biss fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 tiegħu u li din in-nota tirreferi biss b’mod globali għall-imsemmi anness. Ebda silta mir-rikors ta’ Carpatair iddedikata għall-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament tagħha ma kienet issemmi tali lucrum cessans ikkawżat mill-kompetizzjoni żleali ta’ Wizz Air.

76

Issa, “is-sunt tal-motivi”, li għandu jiġi indikat f’kull rikors, fis-sens tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut, u tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ifisser li r-rikors għandu jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu jkun ibbażat ir-rikors. B’hekk, sabiex rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jkun ammissibbli huwa neċessarju, b’mod partikolari, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Għalkemm huwa minnu li t-test tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi f’dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-argumenti essenzjali ta’ liġi li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom ikunu inklużi fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 2022, WV vs SEAE,C‑162/20 P, EU:C:2022:153, punti 67 u 68, kif ukoll tas‑27 ta’ Frar 2024, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann,C‑382/21 P, EU:C:2024:172, punt 96).

77

Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tikkompleta l-argumenti żviluppati minn Carpatair fir-rikors tagħha, billi tfittex u tidentifika, fl-annessi tiegħu, provi li setgħu jsostnu l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ din il-kumpannija.

78

Il-Qorti Ġenerali għalhekk wettqet żball ta’ liġi meta bbażat ruħha, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, fuq l-eżistenza ta’ lucrum cessans li jirriżulta mill-impossibbiltà, għal Carpatair, li tieħu żewġ rotot mill-ajruport internazzjonali ta’ Timișoara lejn it-Tramuntana tal-Italja.

79

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 74 sa 76 tas-sentenza appellata, li mill-Anness A.7. tar-rikors kien jirriżulta li, bejn is-sena 2008 u s-sena 2010, ir-rendiment nett ta’ Carpatair fuq il-ħames rotot li kienu jitilqu mill-ajruport internazzjonali ta’ Timișoara li fuqhom hija ddeċidiet li din il-kumpannija kienet tikkompeti ma’ Wizz Air kien naqas b’52 %, fir-rigward ta’ erba’ rotot lejn l-Italja, u b’57 %, fir-rigward tar-rotta lejn Düsseldorf (il-Ġermanja).

80

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif sostniet Wizz Air, din il-konstatazzjoni tirriżulta minn żnaturament tal-Anness A.7 tar-rikors għal annullament ta’ Carpatair. Fil-fatt, dawn il-perċentwali ma jirriflettux it-tnaqqis fir-rendiment ta’ dawn ir-rotot, iżda huwa ekwivalenti għall-proporzjon li jirrappreżentaw ir-rendimenti fuq l-imsemmija rotot għas-sena 2010 meta mqabbla mar-rendimenti fuq l-istess rotot għas-sena 2008, kif barra minn hekk tirrikonoxxi Carpatair fir-risposta tagħha.

81

Barra minn hekk, kif isostnu Wizz Air u AITTV, mingħajr ma ġew kontradetti minn Carpatair, minn dan l-Anness A.7 jirriżulta li, matul l-istess perijodu, ir-rendiment ta’ ċerti rotot operati minn Carpatair mill-ajruport internazzjonali ta’ Timișoara, li fuqhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li din l-aħħar kumpannija ma kinitx uriet li kienet tikkompeti ma’ Wizz Air, naqas daqs, jekk mhux iktar, mir-rendiment tar-rotot li fuqhom, skont il-Qorti Ġenerali, Carpatair kienet tikkompeti direttament ma’ Wizz Air.

82

Billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni tali elementi meta dawn kienu jirriżultaw manifestament mill-Anness A.7 tar-rikors fl-ewwel istanza ta’ Carpatair u billi naqset milli tispjega r-raġunijiet għal din l-ommissjoni, il-Qorti Ġenerali żnaturat din il-prova u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

83

Barra minn hekk, fid-dawl ta’ tali tnaqqis globali fir-rendiment tar-rotot operati minn Carpatair li kienu jitilqu mill-ajruport internazzjonali ta’ Timișoara, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx sempliċement tiddikjara, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li l-provi prodotti minn din il-kumpannija tal-ajru sabiex tistabbilixxi li l-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010 setgħu jaffettwaw b’mod sostanzjali l-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-swieq ikkonċernati ma kinux ikkontestati mill-argumenti intiżi li juru li dan it-tnaqqis seta’ kien ikkawżat minn fatturi oħra, bħalma huma l-mudell kummerċjali allegatament antikwat tal-imsemmija kumpannija tal-ajru, il-kompetizzjoni li l-istess kumpannija kellha ma’ kumpanniji tal-ajru differenti minn Wizz Air jew il-kriżi finanzjarja globali, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-argumenti u, fi kwalunkwe każ, mingħajr ma spjegat ir-raġunijiet għaliex l-imsemmija argumenti kellhom jiġu miċħuda.

84

Huwa minnu li, kif tfakkar il-Qorti Ġenerali fil-punt 82 tas-sentenza appellata, Carpatair ma tistax tkun mistennija turi li d-diffikultajiet finanzjarji sostanzjali tagħha kienu dovuti esklużivament għall-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010. B’dan premess, xorta waħda huwa meħtieġ li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi li kien, minn tal-inqas, plawżibbli li dawn il-ftehimiet kienu l-kawża ta’ dawn id-diffikultajiet.

85

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma ġġustifikatx l-evalwazzjoni tagħha fis-sens li l-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010 setgħu jaffettwaw b’mod sostanzjali l-pożizzjoni kompetittiva ta’ Carpatair fis-swieq ikkonċernati.

86

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 71 u 72 tas-sentenza appellata, fis-sens li Carpatair uriet li kellha status partikolari li kien jikkaratterizzaha meta mqabbla mal-kumpanniji tal-ajru l-oħra preżenti fl-ajruport internazzjonali ta’ Timișoara, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-kwistjonijiet dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament jikkostitwixxu kwistjonijiet ta’ ordni pubbliku li l-qrati tal-Unjoni għandhom jeżaminaw f’kull mument, anki ex officio (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni, C‑478/21 P, EU:C:2023:685, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

87

Issa, l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 72 tas-sentenza appellata, fis-sens li Carpatair kellha status partikolari sa fejn kienet l-unika kumpannija f’kompetizzjoni diretta ma’ Wizz Air fuq ħames rotot li kienu jitilqu mill-ajruport internazzjonali ta’ Timișoara hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, kif ġie rrilevat fil-punt 70 ta’ din is-sentenza.

88

B’hekk, l-allegati relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn Wizz Air u Carpatair ma setgħux isostnu l-konstatazzjoni li din l-aħħar kumpannija tal-ajru kellha status partikolari li kien jikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba f’hekk, kien jindividwalizzaha b’mod analogu għal dak tad-destinatarju tad-Deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri r-Rumanija.

89

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-affermazzjoni, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, fis-sens li l-attività tal-ajruport internazzjonali ta’ Timișoara kienet iffokata fuq l-attivitajiet ta’ Carpatair u li din tal-aħħar kienet tiġġenera 90 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha mill-attivitajiet tagħha minn dan l-ajruport, ma tistax tkun biżżejjed sabiex jintwera li din l-aħħar kumpannija, li fir-rigward tagħha ma ġiex stabbilit, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li kienet tikkompeti ma’ Wizz Air, hija affettwata individwalment mill-parti tad-Deċiżjoni kontenzjuża li tikkonstata li l-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010, konklużi bejn l-imsemmi ajruport u Wizz Air, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

90

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma ġġustifikatx b’mod suffiċjenti fid-dritt il-konklużjoni tagħha li Carpatair kienet uriet li kienet individwalment ikkonċernata mill-parti tad-Deċiżjoni kontenzjuża dwar il-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010.

– Fuq il-kundizzjoni li Carpatair għandha tkun direttament ikkonċernata

91

Kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 87 u 89 tas-sentenza appellata, sabiex jiġi stabbilit li kienet direttament ikkonċernata mid-Deċiżjoni kontenzjuża, Carpatair kellha, b’mod partikolari, turi li din id-deċiżjoni kienet tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha billi tesponi, b’mod rilevanti, ir-raġunijiet għaliex l-imsemmija deċiżjoni tista’ tpoġġiha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata.

92

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li mill-proċess kien jirriżulta li Wizz Air kienet l-allegata benefiċjarja tal-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010 u tal-PIA tal‑2010, li din il-kumpannija u Carpatair kienu jeżerċitaw attivitajiet simili u li kienu attivi fl-istess suq ta’ servizzi kif ukoll fl-istess suq ġeografiku. Minn dan hija għalhekk ikkonkludiet li Carpatair kienet iġġustifikat b’mod rilevanti li d-Deċiżjoni kontenzjuża setgħet tpoġġiha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata.

93

Madankollu, AITTV tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, essenzjalment, ikkonstatat, f’dan il-punt 90, li Wizz Air u Carpatair kienu kompetituri, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kontroargumenti li kienu tressqu quddiemha f’dan ir-rigward.

94

Kif diġà ġie espost fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, tali konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija effettivament ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

95

Is-sentenza appellata hija għalhekk ivvizzjata wkoll minn nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li Carpatair hija direttament ikkonċernata mid-Deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tal-aħħar tirrigwarda kemm il-ftehimiet tal‑2008 u tal‑2010 kif ukoll il-PIA tal‑2010.

96

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma ġġustifikatx b’mod suffiċjenti fid-dritt li Carpatair kellha locus standi sabiex titlob l-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, l-ewwel aggravju ta’ Wizz Air kif ukoll l-ewwel u l-ħames aggravju ta’ AITTV, sa fejn jikkontestaw dan il-locus standi ta’ Carpatair, għandhom jintlaqgħu.

97

Mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-aggravji l-oħra ta’ AITTV u ta’ Wizz Air, u lanqas dwar l-appell tal-Kummissjoni, b’mod partikolari sa fejn huma intiżi li jikkontestaw ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar il-mertu, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

98

Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, taqta’ l-kawża b’mod definittiv meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

99

Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

100

Fil-fatt, fid-dawl tal-eżistenza, fis-sentenza appellata, ta’ diversi każijiet ta’ żnaturament tal-provi u ta’ nuqqasijiet ta’ motivazzjoni, l-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza u, jekk ikun il-każ, tal-fondatezza ta’ dan ir-rikors jimplika evalwazzjonijiet ta’ fatt li jeħtieġu, min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ istruzzjoni tal-proċess.

101

Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fuq l-ispejjeż

102

Peress li l-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati ma’ dawn l-appelli għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Frar 2023, Carpatair vs Il‑Kummissjoni (T‑522/20, EU:T:2023:51), hija annullata.

 

2)

Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.