17.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 245/16


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 817/2010

tas-16 ta' Settembru 2010

li jippreskrivi regoli dettaljati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward ta’ rekwiżiti għall-għoti ta’ rifużjonijiet konnessi mal-welfare tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport

(tfassil mill-ġdid)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 170 flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 639/2003 tad-9 ta’ April 2003 li jippreskrivi regoli dettaljati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 fir-rigward ta' rekwiżiti għall-għoti ta' rifużjonijiet konnessi mal-welfare tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport (2) ġie emendat kemm-il darba b’mod sostanzjali (3). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi rriformulat.

(2)

B’segwitu għall-Artikolu 168 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-għoti u l-ħlas tar-rifużjoni għal esportazzjonijiet ta’ annimali tal-ifrat ħajjin huma suġġetti għall-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-welfare u, b’mod partikolari, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport u operazzjonijiet relatati (4).

(3)

Biex ikun iggarantit li jinżammu l-istandards tal-welfare tal-annimali, għandha tkun introdotta sistema ta’ mmonitorjar li tikkomprendi kontrolli fil-punt ta’ ħruġ mit-territorju doganali tal- Komunità u wara t-tluq mit-territorju doganali tal-Komunità fejn ikun hemm bidla ta’ mezzi ta’ trasport u wkoll fil-post tal-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali.

(4)

Biex ikunu ffaċilitati l-kontrolli xierqa mal-ħruġ mit-territorju doganali tal- Komunità, huwa meħtieġ li jkunu indikati punti ta’ ħruġ.

(5)

Il-valutazzjoni tal-kondizzjoni fiżika u stat ta’ saħħa tal-annimali tirrikjedi kompetenza u esperjenza speċifiċi. Il-kontrolli għalhekk għandhom isiru minn veterinarju. Barra minn dan, l-estensjoni ta’ dawk il-kontrolli għandha tkun iċċarata u rapport mudell għandu jkun stabbilit biex dawk il-kontrolli jintgħamlu b’mod preċiż u armonizzat.

(6)

Kontrolli f’pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu obbligatorji u għandhom jitwettqu minn aġenziji ta’ Stati Membri jew minn aġenziji internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza (minn hawn ’il quddiem imsejħa “SAs”) approvati u kontrollati minn Stati Membri skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 612/2009 tas-7 ta’ Lulju 2009 li jippreskrivi regoli komuni ddettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet ta’ esportazzjoni fuq prodotti agrikoli (5). Biex jitwettqu kontrolli għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, is-SAs għandhom b’mod partikolari jissodisfaw ir-rekwiżiti għal approvazzjoni u kontroll iddikjarati fl-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 612/2009.

(7)

L-Artikolu 168 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u dan ir- Regolament jipprovdu li l-konformita’ mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-benesseri tal-annimali hija kundizzjoni għall-ħlas ta’ rifużjonijiet tal-esportazzjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi stipulat b’mod ċar li, mingħajr preġudizzju għal kawżi ta’ force majeure rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet dwar il-benesseri tal-annimali twassal għat-telf tar-rifużjoni tal-esportazzjoni u mhux għal tnaqqis tagħha, skont l-għadd ta’ annimali li għalih ma jkunux ġew imħarsa r-rekwiżiti tal-benesseri. Bl-istess mod, kemm minn dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll mir-regoli dwar il-benesseri tal-annimali li jinstabu fl-Artikoli 2 u 3 u l-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, jirriżulta li r-rifużjoni tintilef fil-każijiet ta’ dawk l-annimali li għalihom ma jiġux imħarsa r-regoli dwar il-benesseri, irrispettivament mill-kundizzjonijiet fiżiċi reali tal-annimali.

(8)

Flimkien man-nonpagament tar-refużjoni ta’ esportazzjoni, meta jkun hemm xhieda li r-Regolament (KE) Nru 1/2005 ma ġiex osservat għal numru kbir ta’ annimali, pieni xierqa għandhom ikunu appplikati. Barra minn hekk, fejn nuqqas ta’ osservanza bħal din huwa dovut għal nuqqas komplet ta’ rispett għar-rekwiżiti ta’ welfare tal-annimali, it-telf totali tar-rifużjoni għandu jkun stabbilit.

(9)

Minħabba d-differenzi bejn verżjonijiet f’lingwi differenti, hu meħtieġ jiġi ċċarat li r-rifużjoni għall-annimali kollha indikati fid-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni għandha tiġi rrifjutata jekk in-numru ta’ annimali li għalih ebda rifużjoni mhi mħallsa tammonta għal iktar minn 5 % tan-numru endorsjat fid-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni aċċettata, imma minn tal-anqas tliet annimali, jew sa 10 annimali, jew iktar iżda tal-anqas 2 % ta’ dak in-numru endorsjat fid-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni aċċettata. L-Artikolu 6(2)(b) għandu għaldaqstant jiġi emendat b’dan il-mod.

(10)

Stati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa għal għanijiet ta’ sorveljanza u rapportar dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(11)

Il-miżuri li jipprovdi għalihom dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija tal- Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ambitu

Il-ħlas ta’ rifużjonijiet tal-esportazzjoni għal annimali tal-ifrat ħajjin li jaqgħu fil-kodiċi NM (Nomenklura Magħquda) 0102 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-annimali”), skont l-Artikolu 168 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, għandu jkun suġġett għall-konformità, waqt it-trasport tal-annimali lejn l-ewwel post tal-ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali, mal-Artikoli 3 sa 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 u ma' dan ir-Regolament.

Għar-raġunijiet f’dan ir-Regolament, fil-każ ta’ trasport bit-triq, “l-ewwel post ta” ħatt fil-pajjiż terz tal-aħħar destinazzjoni’ jfisser il-post fejn l-ewwel annimal inħatt minn veikolu tat-triq, għalhekk jeskludi post fejn il-vjaġġ ġie mwaqqaf għall-mistrieħ, jitimgħu u jagħtu x’jixorbu lill-annimali.

Artikolu 2

Kontrolli ġewwa t-territorju doganali tal-Komunità

1.   Il-ħruġ tal-annimali mit-territorju doganali tal-Komunità jista’ jsir biss mill-punti ta’ ħruġ li ġejjin:

(a)

post ta’ spezzjoni fil-konfini approvati b’deċiżjoni tal-Kummissjoni għal kontrolli veterinarji fuq ungulates ħajjin minn pajjiżi terzi;

jew

(b)

punt ta’ ħruġ indikat mill-Istat Membru.

2.   Il-veterinarju uffiċjali fil-punt ta’ ħruġ għandu jivverifika skont id-Direttiva tal-Kunsill 96/93/KE (6) għal dawk l-annimali li għalihom dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni hija aċċettata jekk:

(a)

ir-rekwiżiti preskritti fir-Regolament (KE) Nru 1/2005 kinux osservati mill-post tat-tluq, kif iddefinit fl-Artikolu 2 (r) ta’ dak ir-Regolament, sal-punt ta’ ħruġ;

u

(b)

il-kondizzjonijiet tat-trasport għall-bqija tal-vjaġġ jikkonformawx mar-Regolament (KE) Nru 1/2005 u li l-arranġamenti meħtieġa ttieħdu biex tkun żgurata l-osservanza tiegħu sal-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali.

L-uffiċjal veterinarju li jkun mexxa l-kontrolli għandu jimla rapport skont il-mudell miġjub fl-Anness I ta' dan ir-Regolament li jiċċertifika jekk ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa skont l-ewwel subparagrafu humiex sodisfaċenti jew mhux sodisfaċenti.

L-awtorità veterinarja responsabbli għall-punt tal-ħruġ għandha żżomm dak ir-rapport għall-anqas għal tliet snin. Kopja tar-rapport għandha tintbagħat lill-aġenżija tal-ħlas.

3.   Jekk il-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ ikun sodisfatt li r-rekwiżiti tal-paragrafu 2 intlaħqu, hu għandu jiċċertifika dan b’waħda mill-entrati mniżżla fl-Anness II u billi jiġi ttimbrat u jiġi ffirmat id-dokument li jikkostitwixxi l-evidenza tal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Komunità, jew fis-Sezzjoni J tal-kopja ta’ kontroll T5 jew fl-iktar post adattat fid-dokument nazzjonali.

4.   L-uffiċjal veterinarju fil-punt tal-ħruġ għandu jendorsja fuq id-dokument li jirreferi għalih il-paragrafu 3 in-numru totali tal-annimali li għalihom dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni kienet aċċettata bi tnaqqis tan-numru ta’ annimali li welldu jew kellhom abort matul it-trasport, mietu jew li għalihom ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1/2005 ma kinux osservati.

5.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-esportatur javża minn qabel rigward il-wasla tal-kunsinna fil-punt tal-ħruġ lill-veterinarju uffiċjali f dak il-post.

6.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, fejn tapplika l-proċedura komunitarja ssimplifikata ta’ transitu tal-Komunità għal ġarr bil-ferrovija jew kontenituri kbar li jirreferi għaliha l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 612/2009, l-uffiċjal veterinarju għandu jwettaq kontrolli fl-uffiċċju fejn l-annimali jitqiegħdu taħt proċedura tali.

Iċ-ċertifikazzjoni u endorsements li jirreferu għalihom il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru fuq id-dokument użat għall-għan ta’ ħlas tar-rifużjoni jew tal-kopja ta’ kontroll T5 fil-każ deskritt fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 612/2009.

Artikolu 3

Kontrolli f’pajjiżi terzi

1.   Wara li jħallu t-territorju doganali tal-Komunità, l-esportatur għandu jiżgura li l-annimali għandhom ikunu suġġetti għal kontrolli:

(a)

f’kull post fejn ikun hemm bidla fil-mezzi ta’ trasport ħlief fejn bidla tali ma kenitx ippjanata u hija dovuta għal ċirkostanzi eċċezzjonali u imprevedibbli;

(b)

fil-post tal-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali.

2.   Aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza, approvata u kontrollata għal dan il-għan minn Stat Membru skont l-Artikoli 18 sa 23 tar-Regolament (KE) Nru 612/2009, jew aġenzija uffiċjali ta’ Stat Membru għandha tkun responsabbli biex twettaq kontrolli li jipprovdi għalihom il-paragrafu 1.

Il-kontrolli previsti fil-paragrafu 1 għandhom isiru minn veterinarju li għandu diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifika formali fil-mediċina veterinarja kif imsemmi fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Madankollu, l-Istati Membri, li approvaw l-aġenziji internazzjonali tal-kontroll u tas-sorveljanza, imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jivverifikaw li dawk l-aġenziji jikkontrollaw li l-veterinarji li għandhom kwalifika mhux koperta minn dik id-Direttiva, għandhom l-għarfien tar-rekwiżiti imposti mir-Regolament (KE) Nru 1/2005. Dawk il-kontrolli għandhom jitwettqu b’mod raġjonevoli, oġġettiv u imparzjali permezz ta’ proċeduri xierqa.

Rapport ta’ kull kontroll imwettaq skont il-paragrafu 1 għandu jimtela skont il-mudelli miġjuba fl-Annessi III u IV ta' dan ir-Regolament mill-veterinarju li jkun wettaq il-kontroll.

Artikolu 4

Proċedura għal ħlas ta’ rifużjonijiet ta’ esportazzjoni

1.   L-esportatur għandu jgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn id-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni hija aċċettata dwar id-dettalji meħtieġa kollha tal-vjaġġ, l-iktar tard meta d-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni tkun iddepożitata.

Fl-istess żmien, jew l-iktar tard meta jsir jaf b’dan, l-esportatur għandu jgħarraf lill-awtorità kompetenti dwar kull bidla possibbli fil-mezzi ta’ trasport.

2.   Applikazzjonijiet għall-ħlas ta’ rifużjonijiet ta’ esportazzjoni kompletati skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 612/2009 għandhom ikunu ssupplimentati fil-limitu ta’ żmien preskritt f’dak l-Artikolu:

(a)

bid-dokument li jirreferi għalih l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-Regolament mimli b’mod dovut;

u

(b)

ir-rapporti li jipprovdi għalihom it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament.

3.   Fejn il-kontrolli li jirreferi għalihom l-Artikolu 3(1) ma setgħux jitwettqu minħabba ċirkostanzi barra l-kontroll tal-esportatur, l-awtorità kompetenti, wara talba rraġunata mill-esportatur, tista’ taċċetta dokumenti oħra li jipprovaw għas-sodisfazzjon tagħha li r-Regolament (KE) Nru 1/2005 ġie osservat.

Artikolu 5

Nuqqas ta’ pagament ta’ rifużjonijiet ta’ esportazzjoni

1.   Is-somma totali tar-rifużjoni tal-esportazzjoni għal kull annimal li tiġi kkalkolata skont it-tieni subparagrafu ma għandhiex titħallas għal:

(a)

annimali li jmutu waqt it-trasport, għajr kif previst fil-paragrafu 2;

(b)

annimali li jwelldu jew ikollhom abort waqt it-trasport qabel l-ewwel ħatt tagħhom fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali;

(c)

annimali li għalihom, fid-dawl tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 4(2) u/jew l-elementi l-oħra kollha disponibbli għaliha li jikkonċernaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tqis li ma tkunx inżammet konformità mal-Artikoli 3 sa 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 u l-Annessi msemmija fihom.

Il-peżati ta’ annimali li ma titħallsilhomx rifużjoni jkunu determinati permezz ta’ rata bażika stabbilita minn diviżjoni tat-total tal-peżati f’kilogrammi mogħtija fid-dikjarazzjoni dwar l-esportazzjoni tal-ammont totali ta’ annimali li tingħata fl-istess dikjarazzjoni.

2.   Fejn l-annimali jkunu mietu matul it-trasport b’riżultat ta’ forza maġġuri wara li ħallew it-territorju doganali tal-Komunità:

(a)

fil-każ ta’ rifużjoni mhux diffirenzjata, ir-rifużjoni totali għandha titħallas;

(b)

fil-każ ta’ rifużjoni diffirenzjata, il-parti tar-rifużjoni kkalkulata skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 612/2009 għandha titħallas.

Artikolu 6

Pieni

1.   Ir-rifużjoni għandha titnaqqas iktar b’ammont ugwali għal rifużjoni li ma titħallasx skont l-Artikolu 5(1), jekk in-numru tal-annimali li għalihom ebda rifużjoni ta’ esportazzjoni ma tħallset jammonta għal:

(a)

aktar minn 1 % tan-numru endorsjat fid-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni aċċettata, iżda għall-inqas żewġ annimali;

jew

(b)

aktar minn ħames annimali.

2.   Ir-rifużjoni għall-annimali kollha indikati fid-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni għandha tkun irrifjutata jekk in-numru ta’ annimali li għalihom ebda rifużjoni ma titħallas skont l-Artikolu 5(1) jammonta għal:

(a)

aktar minn 5 % tan-numru endorsjat fid-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni aċċettata, iżda għall-inqas tliet annimali;

jew

(b)

10 annimali, jew iktar iżda għall-anqas 2 % ta’ dak in-numru endorsjat fid-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni aċċettata.

3.   Għall-għan tal-paragrafi 1 u 2, l-annimali li mietu matul it-trasport u l-annimali li welldu jew kellhom abort qabel l-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali li għalihom l-esportatur jipprova għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-mewt jew twelid jew abort tagħħom kien ir-riżultat ta’ nuqqas ta’ konformità mar-Regolament (KE) Nru 1/2005 m’għandhomx jitqiesu.

4.   Il-piena li jirreferi għaliha l-Artikolu 48 tar-Regolament (KE) Nru 612/2009 m’għandhiex tkun applikata fuq l-ammont mhux imħallas u l-ammont tat-tnaqqis skont l-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament u l-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Irkuprar ta’ ammonti mħallsin aktar milli ħaqqhom

Fejn ikun stabbilit wara l-ħlas tar-rifużjoni li r-Regolament (KE) Nru 1/2005 ma ġiex osservat, il-parti relevanti tar-rifużjoni, inkluża fejn xieraq il-piena skont l-Artikolu 6 ta’dan ir-Regolament, għandha titqies li kienet tħallset mingħajr raġuni u għandha tkun irkuprata skont l-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 612/2009.

Artikolu 8

Komunikazzjoni ta’ informazzjoni

Stati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena l-informazzjoni li ġejja konnessa mal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament matul is-sena kalendarja preċedenti:

(a)

in-numru ta’ dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni għal annimali li għalihom ir-rifużjoni tħallset u n-numru ta’ annimali li għalihom ir-rifużjoni tħallset;

(b)

in-numru ta’ dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni li għalihom ir-rifużjoni totalment jew parzjalment ma tħallsitx u n-numru ta’ annimali li għalihom ir-rifużjoni ma tħallsitx;

(c)

in-numru ta’ dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni li għalihom ir-rifużjoni totalment jew parzjalment kienet irkuprata u n-numru ta’ annimali li għalihom ir-rifużjoni kienet irkuprata, inklużi dawk li għalihom l-irkupru tar-rifużjonijiet huwa konness ma’ operazzjonijiet ta’ esportazzjoni mwettqa qabel il-perijodu kkonċernat;

(d)

ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ ħlas u l-irkupru tar-rifużjoni għall-annimali msemmija fil-punti (b) u (c), kif ukoll l-għadd ta’ dawk l-annimali rreġistrati taħt il-kategorija B, C u D rispettivament kif imsemmi fl-Annessi I, III u IV;

(e)

l-għadd ta’ penali għal kull kategorija provduta fl-Artikolu 6(1) u (2) bl-għadd ta’ annimali u l-ammonti ta’ rifużjonijiet mhux imħallsa korrispondenti;

(f)

l-ammonti tar-rifużjonijiet f’euro li ma tħallsux u l-ammonti li kienu rkuprati, inklużi l-ammonti rkuprati li jikkorrispondu ma’ operazzjonijiet ta’ esportazzjoni mwettqa qabel il-perjodu kkonċernat;

(g)

in-numru ta’ dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni u l-ammonti li għalihom il-proċedura ta’ rkupru għadha għaddejja;

(h)

kull informazzjoni oħra li l-Istati Membri jqisu relevanti dwar il-funzjonament ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Repeal

Ir-Regolament (KE) Nru 639/2003 hu mħassar.

Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness VI.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 93, 10.4.2003, p. 10.

(3)  Ara l-Anness V.

(4)   ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1.

(5)   ĠU L 186, 17.7.2009, p. 1.

(6)   ĠU L 13, 16.1.1997, p. 28.

(7)   ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.


ANNESS I

MUDELL

Rapport ta' kontroll fil-punt ta' ħruġ (l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 817/2010)

Image 1

Test ta 'immaġni

ANNESS II

Entrati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3):

—

Bulgaru

:

Резултатите от проверките съгласно член 2 от Регламент (EC) № 817/2010 са удовлетворителни

—

Spanjol

:

Resultados de los controles de conformidad con el artículo 2 del Reglamento (UE) no 817/2010 satisfactorios

—

Ċek

:

Výsledky kontrol podle článku 2 nařízení (EU) č. 817/2010 jsou uspokojivé

—

Daniż

:

Resultater af kontrollen efter artikel 2 i forordning (EU) nr. 817/2010 er tilfredsstillende

—

Ġermaniż

:

Ergebnisse der Kontrollen nach Artikel 2 der Verordnung (EU) Nr. 817/2010 zufriedenstellend

—

Estonjan

:

Määruse (EL) nr 817/2010 artiklis 2 osutatud kontrollide tulemused rahuldavad

—

Grieg

:

Αποτελέσματα των ελέγχων βάσει του άρθρου 2 του κανονισμού (EE) αριθ. 817/2010 ικανοποιητικά

—

Ingliż

:

Results of the checks pursuant to Article 2 of Regulation (EU) No 817/2010 satisfactory

—

Franċiż

:

Résultats des contrôles visés à l’article 2 du règlement (UE) no 817/2010 satisfaisants

—

Taljan

:

Risultati dei controlli conformi alle disposizioni dell’articolo 2 del regolamento (UE) n. 817/2010

—

Latvjan

:

Regulas (ES) Nr. 817/20100 2. pantā minēto pārbaužu rezultāti ir apmierinoši

—

Litwan

:

Reglamento (ES) Nr. 817/2010 2 straipsnyje numatytų patikrinimų rezultatai yra patenkinami

—

Ungeriż

:

A 817/2010/EU rendelet 2. cikke szerinti ellenőrzések eredményei kielégítőek

—

Malti

:

Riżultati tal-kontrolli konformi mal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 817/2010 sodisfaċenti

—

Olandiż

:

Bevindingen bij controle overeenkomstig artikel 2 van Verordening (EU) nr. 817/2010 bevredigend

—

Pollakk

:

Wyniki kontroli, o której mowa w art. 2 rozporządzenia (UE) nr 817/2010, zadowalające

—

Portugiż

:

Resultados dos controlos satisfatórios nos termos do artigo 2.o do Regulamento (UE) n.o 817/2010

—

Rumen

:

Rezultatele controalelor menționate la articolul 2 din Regulamentul (UE) nr. 817/2010 – satisfăcătoare

—

Slovakk

:

Výsledky kontrol podľa článku 2 nariadenia (EÚ) č. 817/2010 uspokojivé

—

Sloven

:

Rezultati kontrol, izhajajoči iz člena 2 Uredbe (EU) št. 817/2010 so zadovoljivi

—

Finlandiż

:

Asetuksen (EU) N:o 817/2010 2 artiklan mukaisen tarkastuksen tulos tyydyttävä

—

Svediż

:

Resultaten av kontrollen enligt artikel 2 i förordning (EU) nr 817/2010 är tillfredsställande


ANNESS III

MUDELL

Rapport ta' kontroll fil-post ta' trasferiment f pajjiż terl (l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 817/2010)

Image 2

Test ta 'immaġni

ANNESS IV

MUDELL

Rapport ta' kontroll fil-post tal-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali (l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 817/2010)

Image 3

Test ta 'immaġni

ANNESS V

Regolament imħassar flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tiegħu

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 639/2003

(ĠU L 93, tal-10.4.2003, p. 10)

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2187/2003

(ĠU L 327, tas-16.12.2003, p. 15)

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 687/2004

(ĠU L 106, tal-15.4.2004, p. 13)

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1979/2004

(ĠU L 342, tat-18.11.2004, p. 23)

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 354/2006

(ĠU L 59, tal-1.3.2006, p. 10)

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1847/2006

(ĠU L 355, tal-15.12.2006, p. 21)

L-Artikolu 7 u l-Anness VII biss

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 498/2009

(ĠU L 150, tat-13.6.2009, p. 3)

 


ANNESS VI

Tabella Ta’ Korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 639/2003

Dan ir-Regolament

Artikoli 1 sa 7

Artikoli 1 sa 7

Artikolu 8, kliem introduttiv

Artikolu 8, il-kliem introduttiv

Artikolu 8(a) sa (d)

Artikolu 8(a) sa (d)

Artikolu 8(da)

Artikolu 8(e)

Artikolu 8(e)

Artikolu 8(f)

Artikolu 8(f)

Artikolu 8(g)

Artikolu 8(g)

Artikolu 8(h)

Artikolu 9

—

—

Artikolu 9

Artikolu 10, l-ewwel paragrafu

Artikolu 10

Artikolu 10, it-tieni u t-tielet paragrafi

—

Anness I

Anness I

Anness Ia

Anness II

Anness II

Anness III

Anness III

Anness IV

Anness IV

—

—

Anness V

—

Anness VI