|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1840 |
24.7.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1840
tat-23 ta’ Lulju 2026
li jniedi investigazzjoni dwar l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri tal-anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2333 fuq l-importazzjonijiet ta’ plywood ta’ injam iebes li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina b’importazzjonijiet ta’ plywood ta’ injam iebes kemxejn immodifikat, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,
Wara li infurmat lill-Istati Membri,
Billi:
A. TALBA
|
(1) |
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri tal-anti-dumping imposti fuq importazzjonijiet tal-plywood ta’ injam iebes (l-ispeċijiet tropikali jew mhux koniferu) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u biex tagħmel l-importazzjonijiet tal-plywood ta’ injam iebes ftit immodifikat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina suġġetti għar-reġistrazzjoni, kemm jekk dawn ikunu ddikjarati bħala plywood ta’ injam iebes u kemm jekk le, soġġetti għar-reġistrazzjoni. |
|
(2) |
It-talba ġiet ippreżentata fid-9 ta’ Ġunju 2026 mill-Konsorzju Greenwood. |
B. PRODOTT
|
(3) |
Il-prodott konċernat mill-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni jikkonsisti biss minn folji tal-injam għajr bambù u okoumé, b’kull saff ma taqbiżx il-ħxuna ta’ 6 mm, b’mill-inqas saff wieħed estern ta’ injam tropikali jew injam mhux koniferu, tal-ispeċijiet speċifikati taħt is-subintestaturi 4412 31 , 4412 33 u 4412 34 , kemm jekk miksija jew bil-wiċċ miksi kif ukoll jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 4412 31 10 , ex 4412 31 90 , ex 4412 33 10 , ex 4412 33 20 , ex 4412 33 30 , ex 4412 33 90 , ex 4412 34 00 (il-kodiċijiet TARIC 4412 31 10 80, 4412 31 90 00, 4412 33 10 12, 4412 33 10 22, 4412 33 10 82, 4412 33 20 10, 4412 33 30 10, 4412 33 90 10 u 4412 34 00 10) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”). Dan huwa l-prodott li għalih japplikaw il-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa. |
|
(4) |
Il-prodott taħt investigazzjoni huwa plywood biż-żewġ saffi ta’ barra magħmula minn injam koniferu jew bambù, kull saff estern jkollu ħxuna ta’ anqas minn 2,5 mm, kif ukoll plywood biż-żewġ saffi esterni magħmula minn fuljetta maħduma ta’ injam imħallat li fih mill-inqas 50 % injam koniferu, jew fuljetti tal-bambù, kull saff estern jkollu ħxuna ta’ anqas minn 2,5 mm, u b’qalba li fiha saffi ta’ injam tropikali jew mhux koniferu tal-ispeċijiet speċifikati taħt subintestaturi 4412 31 , 4412 33 u 4412 34 , kemm jekk miksija jew bil-wiċċ miksi kif ukoll jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 4412 10 00 , ex 4412 39 00 (il-kodiċijiet TARIC 4412 10 00 10, 4412 10 00 30, 4412 39 00 20, 4412 39 00 30) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott taħt investigazzjoni”). |
C. MIŻURI EŻISTENTI
|
(5) |
Il-miżuri li huma fis-seħħ attwalment u li possibbilment qiegħed ikun hemm iċ-ċirkomvenzjoni tagħhom huma miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2333 (2) (“il-miżuri eżistenti”). |
D. RAĠUNIJIET
|
(6) |
It-talba fiha provi biżżejjed li qiegħed ikun hemm ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat permezz ta’ importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni. |
|
(7) |
L-evidenza fit-talba turi dan li ġej. |
|
(8) |
Saret bidla fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina lejn l-Unjoni wara l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq il-prodott ikkonċernat. It-talba tipprovdi evidenza li l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fil-mira tal-miżuri eżistenti ġew sostitwiti fil-biċċa l-kbira mill-esportazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni. |
|
(9) |
Din il-bidla tidher li ġejja minn prattika li għaliha ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju, jiġifieri l-modifika żgħira tal-prodott ikkonċernat. Il-produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina qed jimmodifikaw kemxejn il-prodott taħt il-miżuri sabiex jimportawh fl-Unjoni taħt kodiċijiet differenti li ma għandhom l-ebda dazju impost fuqhom. Il-prattika tikkonsisti fiż-żieda ta’ saffi esterni magħmula minn injam koniferu jew bambù, fuljetti maħdumin ta’ injam imħallat li fihom mill-inqas 50 % ta’ injam koniferu jew fuljetti tal-bambù, fuq il-fuljetta tal-wiċċ tal-plywood tal-injam iebes. |
|
(10) |
Barra minn hekk, l-evidenza turi li minħabba l-prattiki deskritti hawn fuq, l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qegħdin jiddgħajfu kemm f’termini ta’ kwantità u/jew f’termini ta’ prezzijiet. Jidher li daħlu volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni fis-suq tal-UE. Barra minn hekk, hemm provi biżżejjed li l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni qegħdin isiru bi prezzijiet dannużi. |
|
(11) |
Fl-aħħar, l-evidenza turi li l-prezzijiet tal-prodott taħt investigazzjoni huma oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat. |
|
(12) |
Fl-eventwalità li l-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, differenti minn dawk imsemmija hawn fuq, jiġu identifikati matul l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri dawn il-prattiki wkoll. |
E. PROĊEDURA
|
(13) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni soġġetti għal reġistrazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. |
|
(14) |
Sabiex jiksbu l-informazzjoni meħtieġa għal din l-investigazzjoni, jenħtieġ li l-partijiet interessati kollha jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, iżda mhux aktar tard mil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. Il-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha. Jekk ikun meħtieġ, jista’ wkoll jintalab tagħrif mingħand l-industrija tal-Unjoni. |
|
(15) |
L-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina se jiġu nnotifikati bil-bidu tal-investigazzjoni. |
(a) Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza
|
(16) |
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni li tkun soġġetta għal drittijiet tal-awtur ta’ terzi, il-partijiet interessati jridu jitolbu permess speċifiku mingħand id-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti espliċitament (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment ta’ difiża tal-kummerċ u (b) li tingħata l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermetti li jeżerċitaw id-dritt tad-difiża tagħhom. |
|
(17) |
Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, kwestjonarji mimlija u korrispondenza pprovduta minn partijiet interessati li jintalab trattament kunfidenzjali għaliha, għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive (3)”. Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali. |
|
(18) |
Il-partijiet li jagħtu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li se jiġu mmarkati “For inspection by interested parties”. Jenħtieġ li dawn is-sommarji jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tkun tinftiehem b’mod raġonevoli. |
|
(19) |
Meta parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta. |
|
(20) |
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi talbiet biex jiġu rreġistrati bħala partijiet interessati, dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni. |
|
(21) |
Sabiex ikollhom aċċess għal TRON.tdi, il-partijiet interessati jeħtieġ ikollhom kont tal-EU Login. L-istruzzjonijiet kollha dwar kif wieħed jirreġistra u juża TRON.tdi jinsabu fuq https://webgate.ec.europa.eu/tron/resources/documents/gettingStarted.pdf. Il-partijiet interessati, meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, ikunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fis-sit tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ u s-Sigurtà Ekonomika: https://europa.eu/!7tHpY3. |
|
(22) |
Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u għandhom jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jagħtu jkun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmijin hawn fuq. |
|
(23) |
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
|
(b) Ġbir ta’ informazzjoni u seduti ta’ smigħ
|
(24) |
Il-partijiet interessati kollha inkluż l-industrija tal-Unjoni, l-importaturi u kwalunkwe assoċjazzjoni rilevanti huma mistiedna jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dment li dawn is-sottomissjonijiet isiru fi żmien l-iskadenza prevista fl-Artikolu 3(2). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, dment li jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn jenħtieġ li jinstemgħu. |
(c) Talbiet għal eżenzjonijiet
|
(25) |
F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni jistgħu jiġu eżentati mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tkunx tikkostitwixxi ċirkomvenzjoni. |
|
(26) |
Peress li ċ-ċirkomvenzjoni possibbli sseħħ barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lill-produtturi tal-prodott investigat fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li jistgħu juru li mhumiex involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif definit fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Jekk ikun hemm produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni jenħtieġ li jippreżentaw ruħhom fil-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament. Kopji tal-kwestjonarju tal-formola tat-talba għal eżenzjoni għall-produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-kwestjonarji għall-importaturi fl-UE huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad--DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika: https://intragate.ec.europa.eu/sherpa/Case.do?action=view&id=2896. Il-kwestjonarji jridu jiġu ppreżentati fil-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. |
F. REĠISTRAZZJONI
|
(27) |
Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk mill-investigazzjoni jirriżulta li tkun ikkonstatata ċirkomvenzjoni, ikun jista’ jiġi impost ammont xieraq ta’ dazji anti-dumping, li ma jaqbiżx id-dazju residwu impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2333, mid-data li fiha tkun ġiet imposta r-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet. |
G. LIMITI TA’ ŻMIEN
|
(28) |
Sabiex ikun hemm amministrazzjoni tajba, jenħtieġ li jiġu ddikjarati l-limiti ta’ żmien li fihom:
|
|
(29) |
Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċitar tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-partijiet jippreżentaw lilhom infushom fil-limiti ta’ żmien indikati fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. |
H. NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI
|
(30) |
Jekk xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti ta’ skadenza stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. |
|
(31) |
Jekk jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet tagħrif falz jew qarrieq, it-tagħrif ma għandux jitqies u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. |
|
(32) |
Meta parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għaldaqstant is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat. |
I. SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI
|
(33) |
L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament. |
J. IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI
|
(34) |
Ta’ min jinnota li kull data personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ u Sigurtà Ekonomika: https://europa.eu/!vr4g9W. |
K. UFFIĊJAL TAS-SEDUTA
|
(35) |
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għall-proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment. |
|
(36) |
L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jiġu eżerċitati bis-sħiħ. It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ jsiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu. |
|
(37) |
Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u bla dewmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, il-partijiet interessati għandhom jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati barra mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn dawn it-talbiet ikunu saru tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi tal-amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin. |
|
(38) |
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ KUMMERĊ U SIGURTÀ EKONOMIKA: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Qed tinbeda investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ plywood biż-żewġ saffi esterni magħmula minn injam koniferu jew bambù, kull saff estern jkollu ħxuna ta’ anqas minn 2,5 mm, kif ukoll plywood biż-żewġ saffi esterni magħmula minn fuljetta maħduma ta’ injam imħallat li jkun fih mill-inqas 50 % injam koniferu, jew fuljetti tal-bambù, kull saff estern jkollu ħxuna ta’ anqas minn 2,5 mm, u b’qalba li jkun fiha saffi ta’ injam tropikali u injam mhux koniferu tal-ispeċijiet speċifikati fis-subintestaturi 4412 31 , 4412 33 u 4412 34 , kemm jekk miksija jew bil-wiċċ miksi kif ukoll jekk le, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 4412 10 00 , ex 4412 39 00 (il-kodiċijiet TARIC 4412 10 00 10, 4412 10 00 30, 4412 39 00 20 u 4412 39 00 30) humiex qed jevitaw il-miżuri imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2333.
Artikolu 2
1. L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.
2. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
1. Il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
2. Biex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jiġu kkunsidrati waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju, talbiet għal eżenzjonijiet, jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
3. Il-partijiet interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum. Għal seduti ta’ smigħ li jikkonċernaw il-fażi tal-bidu tal-investigazzjoni t-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2333 tad-19 ta’ Novembru 2025 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ plywood ta’ injam iebes li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2025/2533, 20.11.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2333/oj).
(3) Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1049/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1840/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)