SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
20 ta’ Novembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u l-moviment liberu ta’ din id-data – Direttiva (UE) 2016/680 – Artikolu 4(1)(c) u (e) – Minimizzazzjoni tal-ipproċessar tad-data – Limitazzjoni tal-ħżin tad-data personali – Artikolu 10 – Ġbir u ħżin ta’ data bijometrika u ġenetika – Neċessità assoluta – Artikolu 6(a) – Obbligu li ssir distinzjoni bejn id-data personali ta’ kategoriji differenti ta’ persuni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna ssuspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali intenzjonali – Artikolu 5 – Termini xierqa għat-tħassir jew għall-verifika regolari tal-ħtieġa li tinħażen din id-data – Assenza ta’ terminu massimu ta’ ħżin – Evalwazzjoni tal-ħtieġa tal-ħżin tad-data bijometrika u ġenetika mill-pulizija abbażi ta’ regoli interni – Artikolu 8(2) – Legalità tal-ipproċessar ta’ din id-data – Kunċett ta’ ‘dispożizzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru’ – Possibbiltà li l-ġurisprudenza nazzjonali tiġi kklassifikata bħala ‘dritt ta’ Stat Membru’”
Fil-Kawża C‑57/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Frar 2023, fil-proċedura
JH
vs
Policejní prezidium
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, J. Passer, E. Regan (Relatur), D. Gratsias u B. Smulders, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Novembru 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal JH, minn M. Mandzák, L. Nezpěvák u L. Trojan, advokáti, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, O. Serdula, J. Vláčil, T. Suchá u L. Březinová, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce u D. O’Reilly, bħala aġenti, assistiti minn A. Mulligan, BL, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn J. Langer, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, H. Kranenborg, P. Němečková u F. Wilman, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Frar 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(c) u (e), tal-Artikolu 6, tal-Artikolu 8(2) u tal-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn JH u l-Policejní prezidium (id-Direttorat tal-Pulizija, ir-Repubblika Ċeka) (iktar ’il quddiem id-“Direttorat tal-Pulizija Ċek”) dwar, b’mod partikolari, il-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika relatata ma’ JH fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kif ukoll iż-żamma tagħha mill-pulizija Ċeka. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 1, 2, 26, 33, 37 u 96 tad-Direttiva 2016/680 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]” |
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u objettivi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli rigward il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika”. |
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva tapplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1)”. |
|
6 |
Skont l-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
|
|
7 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/680, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu: “ L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali tkun:
[…]” |
|
8 |
L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Limiti ta’ żmien għall-ħażna u għar-rieżami”, huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jipprevedu li jiġu stabbiliti limiti taż-żmien għat-tħassir ta’ data personali jew għal reviżjoni perjodika tal-ħtieġa li tinħażen id-data personali. Miżuri proċedurali għandhom jiżguraw li dawk il-limiti ta’ żmien jiġu osservati”. |
|
9 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ suġġett tad-data”, jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur, fejn applikabbli u safejn ikun possibbli, jagħmel distinzjoni ċara bejn data personali ta’ kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data, bħal:
|
|
10 |
L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jippreveduli l-ipproċessar ikun legali biss jekk u sakemm dak l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir minn awtorità kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) u li jkun ibbażat fuq il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. (2) Il-liġi tal-Istat Membru li tirregola l-ipproċessar fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tispeċifika tal-inqas l-objettivi tal-ipproċessar, id-data personali li għandha tiġi pproċessata u l-finijiet tal-ipproċessar”. |
|
11 |
Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, intitolat “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”: “L-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija ma’ trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, ta’ data bijometrika bil-għan li tiġi identifika unikament persuna fiżika, ta’ data dwar is-saħħa jew ta’ data li tikkonċerna l-ħajja sesswali jew orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika għandu jiġi permess biss meta verament ikun meħtieġ, soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, u biss:
|
|
12 |
Skont l-Artikolu 63(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri kellhom jadottaw u jippubblikaw, sas‑6 ta’ Mejju 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw mal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma obbligati japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet minn din l-istess data. |
|
13 |
Konformement mal-Artikolu 64 tal-istess direttiva, din tal-aħħar daħlet fis-seħħ fil‑5 ta’ Mejju 2016. |
Id-dritt Ċek
|
14 |
L-Artikolu 11 taż-zákon č. 273/2008 Sb., o Policii České republiky (il-Liġi Nru 273/2008 dwar il-Pulizija tar-Repubblika Ċeka), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Pulizija Ċeka”), intitolat “Proporzjonalità tal-atti”, jipprovdi: “Il-pulizija u l-impjegati tal-pulizija għandhom: […]
|
|
15 |
L-Artikolu 65 tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka jipprevedi: “(1) Fil-kuntest tat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, il-pulizija tista’, għall-finijiet ta’ identifikazzjoni futura, fil-każ ta’
tieħu l-marki tas-swaba’ tagħha, tfittex partikolaritajiet fiżiċi, tieħu kejl tal-ġisem tiegħu, twettaq reġistrazzjonijiet vidjo, awdjo u simili, u tieħu kampjuni bijoloġiċi li jippermettu li tinkiseb informazzjoni dwar il-materjal ġenetiku tiegħu. (2) Jekk, fuq oppożizzjoni tal-persuna, att previst fil-paragrafu 1 ma jkunx jista’ jitwettaq, il-pulizija għandha d-dritt li tinjora din l-oppożizzjoni wara li tkun talbet inutilment lil din il-persuna sabiex tissottometti ruħha għalih. Il-mod li bih huwa jinjora l-imsemmija oppożizzjoni għandu jkun proporzjonali għall-intensità tagħha. Il-pulizija ma tistax tinjora l-oppożizzjoni ta’ persuna fil-każ ta’ teħid ta’ demm jew ta’ att simili ieħor li jippreġudika l-integrità fiżika. (3) Jekk att previst fil-paragrafu 1 ma jistax jitwettaq fuq il-post, il-pulizija għandha d-dritt li tordna lill-persuna kkonċernata twettaq dan l-att. Il-pulizija għandha teħles lil din il-persuna ladarba l-imsemmi att ikun twettaq. (4) Il-pulizija għandha tfassal rapport dwar l-atti hekk imwettqa. (5) Il-pulizija għandha tħassar id-data personali miksuba skont il-paragrafu 1 meta l-ipproċessar tagħha ma jkunx indispensabbli għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew is-sejbien ta’ reati kriminali jew il-prosekuzzjoni tagħhom, jew għall-iżgurar tas-sigurtà tar-Repubblika Ċeka, l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna”. |
|
16 |
L-Artikolu 79 ta’ din il-liġi, intitolat “Dispożizzjonijiet fundamentali dwar l-ipproċessar ta’ data personali fl-eżerċizzju ta’ ċerti missjonijiet tal-pulizija”, jipprevedi: “(1) Il-paragrafi 2 sa 6 u l-Artikoli 79a sa 88 japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ sejbien ta’ reati kriminali, ta’ prosekuzzjoni f’din il-kwistjoni, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tar-Repubblika Ċeka jew sabiex jiġu żgurati l-ordni pubbliku u s-sigurtà interna, inkluż għall-finijiet ta’ investigazzjoni ta’ persuni u oġġetti. (2) Il-pulizija tista’ tipproċessa d-data personali jekk dan ikun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Il-pulizija tista’ tipproċessa d-data personali wkoll sabiex tipproteġi l-interessi importanti ta’ suġġett tad-data li huma marbuta mal-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1. […]” |
|
17 |
L-Artikolu 82 tal-imsemmija liġi, intitolat “Verifika tan-neċessità ta’ pproċessar ulterjuri ta’ data personali”, huwa fformulat kif ġej: “(1) Il-pulizija għandha tivverifika mill-inqas darba kull tliet snin li d-data personali pproċessata għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 79(1) għadha neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tagħha f’dan il-qasam. (2) Għall-finijiet tal-verifika msemmija fil-paragrafu 1, il-pulizija hija awtorizzata li titlob estratt mir-rekords kriminali. (3) L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji, il-Ministerstvo spravedlnosti (il-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Repubblika Ċeka), l-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka) u l-Kancelář prezidenta republiky (l-Uffiċċju tal-President tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Ċeka) għandhom jinformaw kontinwament lill-pulizija, fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom, għall-finijiet tal-verifika msemmija fil-paragrafu 1, bid-deċiżjonijiet finali tagħhom, bil-preskrizzjoni ta’ proċeduri kriminali, bl-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ deċiżjonijiet tal-President tar-Repubblika relatati ma’ proċedura kriminali, ma’ pieni jew ma’ amnestija jew ma’ maħfra mogħtija”. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
18 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2015, is-servizz ta’ identifikazzjoni tal-korruzzjoni u tal-kriminalità finanzjarja tal-grupp tal-pulizija kriminali u ta’ investigazzjoni tas-sezzjoni ta’ Plzeň (ir-Repubblika Ċeka), li huwa servizz tal-pulizija Ċeka b’kompetenza nazzjonali, beda proċeduri kriminali kontra JH għar-reat ta’ ksur ta’ obbligu fil-ġestjoni tal-patrimonju ta’ ħaddieħor. |
|
19 |
Fit‑13 ta’ Jannar 2016, il-pulizija Ċeka, qabelxejn, semgħet lil JH fil-kuntest tal-proċedura kriminali kkonċernata kif ukoll ordnat u pproċediet għat-twettiq tal-atti ta’ identifikazzjoni li ġejjin, minkejja n-nuqqas ta’ qbil ta’ JH: teħid diġitali tal-marki tas-swaba ta’ JH, swab minn ħalqu li permezz tiegħu l-pulizija ħolqot profil ġenetiku, it-teħid ta’ ritratti ta’ JH u t-tfassil ta’ deskrizzjoni ta’ JH. Sussegwentement hija rreġistrat din l-informazzjoni fid-databases korrispondenti. |
|
20 |
Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka) iddeċidiet li JH kien wettaq ir-reat ta’ ksur ta’ obbligu fil-ġestjoni tal-patrimonju ta’ ħaddieħor, u dan b’kompliċità, kif ukoll delitt ta’ abbuż ta’ poter min-naħa ta’ uffiċjal. L-imsemmija qorti imponiet fuq JH piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin sospiża, projbizzjoni milli jeżerċita fl-amministrazzjoni pubblika funzjonijiet ta’ tmexxija, inkluża l-ġestjoni ta’ patrimonju immobbli u mobbli, għal erba’ snin, u kkundannatu wkoll jikkumpensa, fil-limiti tal-possibbiltajiet tiegħu, id-dannu kkawżat. |
|
21 |
Fit‑8 ta’ Marzu 2016, JH ippreżenta rikors quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) intiż sabiex jiġi kkonstatat li t-twettiq tal-atti ta’ identifikazzjoni konformement mal-Artikolu 65 tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka, iż-żamma tal-informazzjoni u tal-kampjuni miksuba, kif ukoll il-ħolqien ta’ dħul fid-database tal-Pulizija Ċeka f’din l-okkażjoni kienu jikkostitwixxu ndħil illegali fid-dritt fundamentali tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata. |
|
22 |
Peress li, fil-kuntest ta’ kawża oħra li kienet pendenti dak iż-żmien, huwa kien diġà adixxa lill-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka) b’talba għall-evalwazzjoni tal-kostituzzjonalità tal-Artikolu 65 tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka, il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) issospendiet l-eżami tar-rikors ippreżentat minn JH. |
|
23 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2022, l-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali) ċaħdet it-talba mressqa mill-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) intiża sabiex tiġi kkonstatata l-antikostituzzjonalità tal-Artikolu 65 tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka. Wara dik id-deċiżjoni, dik il-qorti tal-aħħar kompliet l-eżami tar-rikors ippreżentat minn JH. |
|
24 |
Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Ġunju 2022, il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) laqgħet ir-rikors ta’ JH, billi ddeċidiet li l-atti mwettqa mill-pulizija Ċeka fit‑13 ta’ Jannar 2016 kienu illegali. Konsegwentement, dik il-qorti ordnat lill-Pulizija Ċeka tħassar mid-databases tagħha d-data personali kollha li tirriżulta minn dawn l-atti. |
|
25 |
F’dik is-sentenza, l-imsemmija qorti enfasizzat li t-teħid ta’ materjal ġenetiku kien jirrappreżenta ndħil kunsiderevoli fid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata tal-persuna kkonċernata, protett b’mod partikolari fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u fl-Artikolu 10(3) tal-Listina základních práv a svobod (il-Karta tad-Drittijiet u tal-Libertajiet Fundamentali tar-Repubblika Ċeka). Issa, l-Artikolu 65 tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka ma jipprovdix indikazzjonijiet suffiċjenti sabiex tiġi evalwata n-natura proporzjonata ta’ dan l-indħil. Fil-fatt, l-unika verifika li dan l-aħħar artikolu jeżiġi hija li l-pulizija Ċeka tivverifika, qabel ma tagħmel tali teħid, in-natura “intenzjonali” tar-reat imwettaq. |
|
26 |
Barra minn hekk, l-istess qorti rrilevat li JH kien suġġett għal prosekuzzjoni biss għat-twettiq ta’ reat, jiġifieri reat kriminali inqas gravi, li l-piena li ċċaħħad il-libertà tiegħu kienet sospiża, li jikkonferma l-gravità baxxa tal-fatti allegati, li huwa qatt ma kien ġie kkundannat qabel fi proċeduri kriminali, li reċidiviżmu min-naħa tiegħu ma kienx probabbli u li ma kienx ċert li r-reati mwettqa kienu ta’ natura kriminali li l-awturi fil-futur kienu jwettqu reat kriminali li d-data personali miżmuma fid-databases setgħet tikkontribwixxi sabiex jiġi identifikat. Minn dan hija ddeduċiet li l-atti ta’ identifikazzjoni mwettqa mill-pulizija Ċeka u li huma s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità. |
|
27 |
Id-Direttorat tal-Pulizija Ċeka appella fil-kassazzjoni mill-imsemmija sentenza quddiem in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
28 |
Insostenn tal-appell tiegħu, id-Direttorat tal-Pulizija Ċeka jenfasizza li l-għan tal-ipproċessar tad-data personali kien espress b’mod ċar fl-Artikolu 65 tal-Liġi dwar il-Pulizija. Hija tafferma wkoll li, f’dan il-każ, is-servizzi kompetenti tal-Pulizija Ċeka evalwaw in-natura proporzjonata tal-ġbir u taż-żamma tad-data personali ta’ JH, filwaqt li ħadu inkunsiderazzjoni l-fattur tar-reċidiviżmu, il-possibbiltà ta’ aggravazzjoni tal-atti u l-fatt li JH kien fil-passat wettaq diversi reati. |
|
29 |
Bi tweġiba, JH jenfasizza b’mod partikolari li s-servizzi tal-Pulizija Ċeka kienu wettqu atti ta’ identifikazzjoni mingħajr ma eżaminaw minn qabel in-natura proporzjonata tal-indħil ikkonċernat. JH ikkritika wkoll l-assenza ta’ pubbliċità tal-istruzzjonijiet tal-Pulizija Ċeka dwar it-twettiq ta’ atti ta’ identifikazzjoni. |
|
30 |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont il-ġurisprudenza l-iktar reċenti tagħha, is-sempliċi osservanza tar-rekwiżiti formali stabbiliti fl-Artikolu 65(1) tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka, b’mod partikolari dik dwar il-klassifikazzjoni ta’ reat kriminali “intenzjonali”, ma hijiex biżżejjed sabiex il-ġbir u ż-żamma tad-data personali msemmija f’dan l-artikolu jkunu jistgħu jitqiesu bħala legali. Għalhekk, is-servizzi tal-pulizija għandhom l-obbligu li jevalwaw il-proporzjonalità tat-teħid f’kull każ konkret, billi jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-passat kriminali, il-personalità u l-aġir tal-persuna kkonċernata, il-gravità tar-reat kriminali li għalih din il-persuna ġiet ikkonvokata bl-għan li jitwettqu atti ta’ identifikazzjoni kif ukoll, fil-kuntest ta’ talba għal tħassir ex post, it-tul tal-perijodu li għadda minn meta twettaq ir-reat kriminali kkonċernat. |
|
31 |
Skont din il-ġurisprudenza, il-qrati nazzjonali kkonkludew li atti ta’ identifikazzjoni, bħall-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika, b’mod partikolari fil-każ ta’ reati li ma jinvolvu ebda vjolenza u mwettqa minn persuni li qatt ma ġew ikkundannati, huma illegali. |
|
32 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2016/680 tas-sistema legali stabbilita fl-Artikolu 65 tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka. |
|
33 |
Fl-ewwel lok, dik il-qorti tistaqsi jekk ir-rekwiżiti stabbiliti minn din id-direttiva jipprekludux il-ġbir mingħajr distinzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika għal kull persuna ssuspettata li wettqet reat kriminali intenzjonali. |
|
34 |
Minn naħa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, kif iggarantit fl-Artikolu 8 tal-KEDB, jirriżulta li l-partijiet kontraenti huma obbligati jistabbilixxu distinzjoni bejn ir-reati kriminali li għalihom jinġabru kampjuni tal-aċidu deossiribonuklejku (DNA) skont il-gravità tagħhom għas-soċjetà. Il-partijiet kontraenti ma jistgħux jittrattaw bl-istess mod, minn naħa, l-awturi ta’ reati kriminali serji, bħal dawk imwettqa bi vjolenza, li għalihom it-teħid u ż-żamma ta’ kampjuni tad-DNA jkunu leġittimi, u, min-naħa l-oħra, l-awturi ta’ reati kriminali inqas serji. |
|
35 |
Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, bħal, b’mod partikolari, dak ikkonkretizzat, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680, fil-forma tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tal-ipproċessar tad-data u l-obbligu li jiġu stabbiliti distinzjonijiet bejn diversi kategoriji ta’ persuni kkonċernati, previsti fl-Artikolu 4(1)(c) ta’ din id-direttiva u fl-Artikolu 6 tagħha, rispettivament, iqajmu mistoqsijiet dwar jekk l-istabbiliment ta’ distinzjonijiet in abstracto fil-livell leġiżlattiv, skont, b’mod partikolari, il-gravità tar-reati previsti, huwiex suffiċjenti jew jekk huwiex neċessarju li tiġi evalwata in concreto n-natura proporzjonata ta’ ġbir f’kull każ speċifiku. |
|
36 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2016/680 jipprekludux iż-żamma ta’ data bijometrika u ġenetika mingħajr ma tkun espliċitament prevista limitazzjoni ratione temporis f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma tiffissax limitu massimu għall-perijodu taż-żamma tad-data ta’ identifikazzjoni. Issa, skont l-interpretazzjoni li tagħti l-qorti tar-rinviju tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, din teżiġi li jiġi stabbilit tali limitu massimu. |
|
37 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ġurisprudenza tal-qrati amministrattivi Ċeki tistax tiġi kklassifikata bħala “liġi ta’ Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/680, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar ta’ data personali. |
|
38 |
Fil-fatt, l-Artikolu 65 tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka la jippreċiża l-kundizzjonijiet konkreti ta’ żamma u t-tipi ta’ informazzjoni li jistgħu jiġu estratti mill-kampjun meħud u lanqas il-kundizzjonijiet ta’ żamma u ta’ tħassir ta’ data bijometrika u ġenetika, b’tali mod li dan l-artikolu ma jistax jissodisfa, waħdu, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 10 tagħha. |
|
39 |
Ċertament, dan l-Artikolu 65 huwa kkompletat mill-istruzzjonijiet tal-President tal-pulizija li jimplimentawh, iżda peress li dawn tal-aħħar la huma testi leġiżlattivi u lanqas huma ppubblikati, huma fl-ebda każ ma jistgħu jingħataw il-kwalità ta’ “liġi ta’ Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/680. |
|
40 |
Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dritt ta’ Stat Membru jistax jitqies li jipprevedi garanziji sostantivi u proċedurali suffiċjenti għall-ipproċessar ta’ data sensittiva, fis-sens tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, bħal data bijometrika u ġenetika, meta dawn il-garanziji jiġu pprovduti mill-ġurisprudenza. |
|
41 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq it-tielet domanda
|
42 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 8 u 10 tad-Direttiva 2016/680 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fir-rigward tal-ġbir, tal-ħżin u tat-tħassir ta’ data bijometrika u ġenetika, il-kunċett ta’ “liġi ta’ Stat Membru”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jinftiehem bħala li jkopri biss dispożizzjoni ta’ portata ġenerali li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi għall-ġbir, għall-ħżin u għat-tħassir ta’ tali data jew jekk il-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali li tippreċiża dawn il-kundizzjonijiet tistax ukoll taqa’ taħt dan il-kunċett. |
|
43 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680, moqri fid-dawl tal-punti 12 u 13 tal-Artikolu 3 tagħha, il-ġbir, il-ħażna u t-tħassir ta’ data bijometrika u ġenetika jikkostitwixxu pproċessar ta’ data personali, fis-sens ta’ din id-direttiva. |
|
44 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/680 jistabbilixxi diversi prinċipji li għalihom huwa suġġett dan l-ipproċessar, li jirriflettu, bħalma jsegwi mill-premessi 1 u 2 ta’ din id-direttiva, il-mod kif, fil-limiti previsti fl-Artikolu 52 tal-Karta, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jikkonkretizza, fir-rigward tal-imsemmi pproċessar, id-dritt fundamentali tal-persuni fiżiċi għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom, irrikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta, li huwa stess huwa marbut mill-qrib mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, stabbilit fl-Artikolu 7 tagħha, billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-attivitajiet ta’ prevenzjoni u ta’ skoperta tar-reati kriminali, ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni fil-qasam jew ta’ eżekuzzjoni ta’ sanzjoni kriminali. |
|
45 |
Fost dawn il-prinċipji, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2016/680 jipprevedi li kull data personali għandha tiġi pproċessata b’mod legali u ġust. |
|
46 |
L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/680 jippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-Istati Membri għandhom jipprevedu li pproċessar ta’ data personali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jkun legali biss jekk, u sakemm, ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir minn awtorità kompetenti, għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, u meta jkun ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt ta’ Stat Membru. |
|
47 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2) tal-istess direttiva, l-ipproċessar ta’ tali data huwa possibbli biss jekk id-dispożizzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru li tirregola dan l-ipproċessar tispeċifika tal-inqas l-għanijiet ta’ dan l-ipproċessar, id-data personali li għandha tkun is-suġġett tal-imsemmi pproċessar u l-għanijiet tiegħu. |
|
48 |
Fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ data personali, bħad-data bijometrika jew ġenetika, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 huwa intiż li jiżguralhom protezzjoni ikbar billi jiddefinixxi kundizzjonijiet imsaħħa ta’ legalità tal-ipproċessar ta’ tali data (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsia Natsionalna politsia pri MVR–Sofia, C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 48, u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari), C‑548/21, EU:C:2024:830, punt 107). Fil-fatt, dawn il-kategoriji ta’ data huma, bħalma tenfasizza l-premessa 37 ta’ din id-direttiva, min-natura tagħhom, partikolarment sensittivi mill-perspettiva tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali, għaliex il-kuntest li fih tiġi pproċessata tali data jista’ joħloq riskji sinjifikattivi għal-libertajiet u għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data. |
|
49 |
Għalhekk, konformement mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, kull ipproċessar li jirrigwarda data personali li taqa’ taħt waħda mill-kategoriji elenkati b’mod eżawrjenti f’dan l-artikolu (iktar ’il quddiem id-“data personali sensittiva”), għandu jiġi awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt ta’ Stat Membru. |
|
50 |
Minn dan isegwi li l-Artikoli 8 u 10 tad-Direttiva 2016/680 huma intiżi li jippreċiżaw il-portata ta’ wħud mill-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li jikkonkretizzaw, fil-qasam kopert mill-imsemmija direttiva, b’mod partikolari d-dritt fundamentali tal-persuni fiżiċi għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom irrikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta. |
|
51 |
Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “dritt ta’ Stat Membru” użat f’dawn l-Artikoli 8 u 10 għandu jinftiehem fis-sens li jimmaterjalizza, fil-qasam kopert mid-Direttiva 2016/680, il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(2) tal-Karta, li tipprovdi li kull ipproċessar ta’ data personali li ma jsirx abbażi tal-kunsens tas-suġġett tad-data, għandu jitwettaq skont bażi leġittima oħra prevista mil-liġi, kundizzjoni li sempliċement tirrifletti r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 52 tal-Karta li kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi. Dan il-kunċett jirrigwarda għalhekk il-validità tal-użu tad-dritt nazzjonali bħala bażi legali għall-ipproċessar ta’ data personali. |
|
52 |
Issa, minn naħa, bħalma enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, iddeċidiet li t-terminu “liġi”, użat fl-Artikolu 8(2) tal-Karta, fl-espressjoni “bażi […] stabbilita mil-liġi”, għandu jinftiehem fl-aċċettazzjoni materjali u mhux formali tiegħu (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Roos et vs Il‑Parlament, C‑458/22 P, mhux ippubblikata, EU:C:2023:871, punt 61). Min-naħa l-oħra, skont din il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-imsemmija tifsira tat-terminu “liġi”, fl-espressjoni “stabbilita mil-liġi”, imsemmija fl-Artikolu 8(2) tal-KEDB, timplika li din il-kelma tirreferi għat-test fis-seħħ kif interpretat mill-qrati kompetenti (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 23 ta’ Jannar 2025, H.W. vs Franza, CE:ECHR:2025:0123JUD001380521, punt 65). |
|
53 |
Barra minn hekk, bħalma jsegwi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm ir-rekwiżit li kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta għandha tkun prevista mil-liġi jimplika li l-att li jippermetti l-indħil f’dawn id-drittijiet għandu jiddefinixxi huwa stess il-portata ta’ din il-limitazzjoni, dan ir-rekwiżit ma jeskludix madankollu li, minn naħa, il-limitazzjoni inkwistjoni tkun ifformulata f’termini suffiċjentement wiesgħa sabiex tkun tista’ tiġi adattata għal każijiet differenti kif ukoll għall-bidliet ta’ sitwazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li l-qorti kompetenti tkun tista’, jekk ikun il-każ, tippreċiża, permezz ta’ interpretazzjoni, il-portata konkreta tal-imsemmija limitazzjoni fir-rigward kemm tal-kliem stess ta’ dan l-att li jippermetti l-indħil kif ukoll tal-istruttura ġenerali tal-imsemmi att u tal-għanijiet imfittxija minn dan tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 114). |
|
54 |
Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “dritt ta’ Stat Membru”, fis-sens tal-Artikoli 8 u 10 tad-Direttiva 2016/680, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 8(2) tal-Karta, għandu jinftiehem bħala li jista’ jirreferi għal dispożizzjoni li tipprevedi espressament l-ipproċessar ta’ data personali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali. |
|
55 |
Fi kwalunkwe każ, bħalma huwa rrilevat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/680 jipprevedi li pproċessar ta’ data personali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva huwa possibbli biss jekk id-dispożizzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru li tirregola dan l-ipproċessar tispeċifika tal-inqas l-għanijiet, id-data personali li għandha tkun is-suġġett tiegħu u l-għanijiet. |
|
56 |
Issa, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, ir-riferiment għal “liġi” tad-dritt ta’ Stat Membru li “tirregola” l-ipproċessar inkwistjoni jimplika li l-għanijiet, id-data personali li għandha tiġi pproċessata u l-iskopijiet ikunu, tal-inqas fil-prinċipju tagħhom, previsti minn dispożizzjoni ta’ portata ġenerali. Min-naħa l-oħra, dan l-Artikolu 8(2) huwa intiż, bħalma jirriżulta espressament mill-premessa 33 tal-imsemmija direttiva, sabiex id-dritt tal-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar ikun ċar u preċiż u l-applikazzjoni tiegħu tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. |
|
57 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kull miżura li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ pproċessar ta’ data personali għandu jkollha ċerti kwalitajiet, jiġifieri, essenzjalment, li hija għandha tkun, qabelxejn, konformi mar-regoli ta’ livell superjuri, sussegwentement, aċċessibbli u, fl-aħħar nett, suffiċjentement prevedibbli, jiġifieri sa livell raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, sabiex tippermetti lill-individwi kkonċernati jirregolaw l-aġir tagħhom, li jippreżupponi li din il-miżura tiddefinixxi b’ċarezza suffiċjenti l-portata u l-modalitajiet tal-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, Qorti EDB, 26 ta’ April 1979, Sunday Times vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1979:0426JUD00065387, punti 25 u 52; Qorti EDB, 1 ta’ Lulju 2008, Liberty et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2008:0701JUD005824300, punti 62 u 63; Qorti EDB, 4 ta’ Diċembru 2008, S. u Marper vs Ir‑Renju Unit, CE:ECHR:2008:1204JUD003056204, punt 95). |
|
58 |
Bl-istess mod, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li, sabiex tkun tissodisfa r-rekwiżit li tkun prevista mil-liġi stabbilit fl-Artikolu 52 tal-Karta, leġiżlazzjoni li tinvolvi ndħil fid-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni ta’ miżura u li jimponu minimu ta’ rekwiżiti, b’tali mod li l-persuni li d-data personali tagħhom tkun ikkonċernata jkollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li tiġi protetta b’mod effikaċi d-data personali tagħhom kontra r-riskji ta’ abbuż, kif ukoll kontra kull aċċess u kull użu illegali ta’ din id-data (ara s-sentenzi tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 54, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems,C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 91). |
|
59 |
Peress li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/680 huwa intiż li jiżgura l-osservanza tar-rekwiżiti mfakkra fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza, minn dan isegwi li, l-għanijiet imfittxija, id-data personali kkonċernata u l-iskopijiet ta’ pproċessar li jaqgħu taħt din id-direttiva għandhom jirriżultaw b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti mid-dispożizzjoni li tirregola dan l-ipproċessar stess, sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti li jkun previst mil-liġi, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Artikolu 52 tal-Karta. |
|
60 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 8 u 10 tad-Direttiva 2016/680 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fir-rigward tal-ġbir, tal-ħżin u tat-tħassir ta’ data bijometrika u ġenetika, il-kunċett ta’ “dritt ta’ Stat Membru”, fis-sens ta’ dawn l-artikoli, għandu jinftiehem bħala li jkopri dispożizzjoni ta’ portata ġenerali li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi għall-ġbir, għall-ħżin u għat-tħassir ta’ tali data, kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali, sakemm din il-ġurisprudenza tkun aċċessibbli u prevedibbli biżżejjed. |
Fuq l-ewwel domanda
Fuq l-ammissibbiltà
|
61 |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-ewwel domanda tiġi ddikjarata inammissibbli għar-raġuni li l-ġbir tad-data ġenetika u bijometrika ta’ JH mill-Pulizija Ċeka seħħ fit‑13 ta’ Jannar 2016, jiġifieri qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2016/680, li seħħ fil‑5 ta’ Mejju 2016, u qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, stabbilit għas‑6 ta’ Mejju 2018 mill-Artikolu 63(1) ta’ din id-direttiva. |
|
62 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2025, Anib et, C‑728/22 sa C‑730/22, EU:C:2025:200, punt 48). |
|
63 |
F’dan il-każ, l-Artikolu 64 tad-Direttiva 2016/680 jipprevedi li din tidħol fis-seħħ fil‑5 ta’ Mejju 2016 filwaqt li l-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva jippreċiża li l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha, sa mhux iktar tard mis‑6 ta’ Mejju 2018. |
|
64 |
Madankollu, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li d-data personali miġbura fir-rigward ta’ JH mit-teħid ta’ kampjuni ġenetiċi u bijometriċi ta’ dan tal-aħħar, fit‑13 ta’ Jannar 2016, baqgħet tinżamm fid-databases tal-pulizija Ċeka u għalhekk ġiet ipproċessata wara s‑6 ta’ Mejju 2018. |
|
65 |
Issa, bla ħsara għas-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/680, mill-Artikolu 4(1)(b) ta’ din id-direttiva jsegwi li data personali ma tistax tiġi pproċessata jekk il-ġbir tagħha ma jkunx ġie ġġustifikat minn għanijiet leġittimi. |
|
66 |
Konsegwentement, bħalma enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-data personali li taqa’ taħt id-Direttiva 2016/680 li nġabret b’mod legali qabel id-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, iżda li kienet tinġabar bi ksur tal-prinċipji stabbiliti minn din id-direttiva li kieku kienet inġabret wara d-data li fiha l-imsemmija direttiva ġiet trasposta jew, fin-nuqqas ta’ dan, wara d-data ta’ skadenza li fiha din kellha tinġabar, jiġifieri s‑6 ta’ Mejju 2018, ma tistax tinżamm wara d-data li fiha ġiet trasposti din id-direttiva jew, fin-nuqqas, wara d-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tagħha. |
|
67 |
Għalhekk, f’dan il-każ, ma jidhirx b’mod manifest li l-ewwel domanda hija neċessarjament nieqsa minn kull rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew inkella li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika, għar-raġuni, invokata mill-Kummissjoni, li tirrigwarda data bijometrika u ġenetika miġbura qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2016/680. |
|
68 |
Sa fejn, barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji kollha sabiex tkun tista’ tirrispondi b’mod utli għall-ewwel domanda, din tal-aħħar għandha titqies li hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
69 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 jew l-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 2016/680, moqrija flimkien mal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika tal-persuni kollha akkużati li wettqu reat kriminali intenzjonali jew issuspettati li wettqu tali reat. |
|
70 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/680, għandu jitfakkar li dan l-artikolu jobbliga lill-Istati Membri jipprevedu li l-kontrollur tad-data għandu jagħmel, “fejn applikabbli u safejn ikun possibbli”, distinzjoni ċara bejn id-data personali ta’ kategoriji differenti ta’ persuni kkonċernati, bħal dawk imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-imsemmi artikolu, jiġifieri, rispettivament, il-persuni li fir-rigward tagħhom hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li huma wettqu jew huma fil-proċess li jwettqu reat kriminali, il-persuni misjuba ħatja ta’ reat, il-vittmi ta’ reat kriminali jew il-persuni li fir-rigward tagħhom ċerti fatti jwasslu sabiex wieħed jemmen li huma jistgħu jkunu vittmi ta’ reat kriminali u, fl-aħħar, partijiet terzi għal reat kriminali, bħall-persuni li jistgħu jintalbu jixhdu waqt investigazzjonijiet dwar reati kriminali jew proċeduri kriminali sussegwenti, persuni li jistgħu jagħtu informazzjoni dwar reati kriminali, jew kuntatti jew assoċjati ta’ waħda mill-persuni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-istess artikolu. |
|
71 |
Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom għaldaqstant jiżguraw li l-kontrollur, “fejn applikabbli u safejn ikun possibbli”, jagħmel distinzjoni ċara bejn id-data tad-diversi kategoriji ta’ suġġetti tad-data b’mod li l-istess livell ta’ ndħil fid-dritt fundamentali tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom ma jiġix impost fuqhom mingħajr distinzjoni, tkun xi tkun il-kategorija li jagħmlu parti minnha, liema kategoriji għandhom jiġu stabbiliti essenzjalment skont l-istatus kriminali tas-suġġett tad-data. |
|
72 |
Bħalma tenfasizza l-espressjoni “fejn applikabbli u safejn ikun possibbli” li tinsab fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/680, l-obbligu li ssir distinzjoni bejn ċerti kategoriji ta’ persuni li dan l-artikolu jimponi fuq l-Istati Membri ma huwiex assolut iżda jiddependi, b’mod partikolari, mill-kwistjoni dwar jekk, f’kull każ, tistax issir distinzjoni ċara bejn dawn il-kategoriji ta’ persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 84) u mill-għanijiet tal-ipproċessar. |
|
73 |
F’dan il-każ, il-Gvern Ċek isostni li r-riferiment magħmul, mill-qorti tar-rinviju, għall-kategorija ta’ persuni ssuspettati għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-persuni li, fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari, ġew ikkomunikati lilhom suspetti, li, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jeħtieġ, bħal fil-każ tal-persuni akkużati, li jkunu nġabru biżżejjed elementi li juru li l-persuni kkonċernati wettqu reat. |
|
74 |
Issa, jekk dan kellu jkun il-każ, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni jkunu jistgħu jitqiesu, għall-finijiet ta’ pproċessar partikolari, li jaqgħu t-tnejn li huma taħt il-kategorija prevista fl-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2016/680, sakemm l-għanijiet imfittxija mill-ipproċessar ikkonċernat ma jimponux in-neċessità li tiġi stabbilita distinzjoni bejn l-imsemmija żewġ kategoriji. |
|
75 |
Konsegwentement, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/680 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, mingħajr distinzjoni, il-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika tal-persuni li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ persuni “suġġetti għal prosekuzzjoni għat-twettiq ta’ reat kriminali intenzjonali” kif ukoll tal-persuni li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ persuni “suspettati li wettqu tali reat”, fis-sens tad-dritt nazzjonali, meta l-għanijiet ta’ dan il-ġbir ma jimponux obbligu li tiġi stabbilita distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni li d-data tagħhom tista’ tiġi miġbura abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni. |
|
76 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, dan l-artikolu tal-ewwel jipprevedi li d-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata. Dan ir-rekwiżit tal-aħħar jirrikjedi għalhekk l-osservanza, mill-Istati Membri, ta’ prinċipju ta’ minimizzazzjoni tal-ipproċessar tad-data fid-dawl tal-għan u tal-iskop imfittex mill-ipproċessar ikkonċernat. |
|
77 |
L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva jipprevedi, min-naħa tiegħu, li, fir-rigward ta’ data personali sensittiva, fosthom id-data bijometrika u ġenetika, l-ipproċessar għandu jissodisfa, minbarra l-kundizzjoni li jaqa’ taħt wieħed mit-tliet każijiet elenkati b’mod eżawrjenti fil-punti (a) sa (c) tagħha, żewġ kundizzjonijiet oħra, jiġifieri, minn naħa, dik li tgħid li għandu jkun hemm salvagwardji xierqa għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġett tad-data u, min-naħa l-oħra, dik li l-ipproċessar maħsub għandu jissodisfa neċessità assoluta. |
|
78 |
Issa, fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni tal-aħħar, qabelxejn din timplika li din in-neċessità tiġi evalwata b’mod partikolarment rigoruż fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mill-ipproċessar inkwistjoni u li, konsegwentement, tali pproċessar jista’ jitqies li huwa neċessarju f’numru limitat ta’ każijiet biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 118). |
|
79 |
Għalhekk, il-finijiet ta’ pproċessar ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ natura personali ma jistgħux jiġu indikati f’termini ta’ natura ġenerali wisq, iżda jeħtieġu li jiġu ddefiniti b’mod suffiċjentement preċiż u konkret sabiex tkun tista’ tiġi evalwata n-“neċessità assoluta” tiegħu (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 124). |
|
80 |
F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li d-Direttiva 2016/680 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “finijiet tal-ipproċessar”, jista’ jiġi rrilevat li l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva jiddistingwi espressament dan il-kunċett minn dak ta’ “objettivi tal-ipproċessar”. Issa, l-Artikolu 4(1)(b) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-finijiet imfittxija minn ipproċessar ta’ data personali għandhom ikunu b’mod partikolari ddeterminati u espliċiti u li din id-data ma tistax tiġi pproċessata b’mod inkompatibbli ma’ dawn il-finijiet, filwaqt li l-Artikolu 4(1)(c) tal-istess direttiva jipprevedi li huwa fid-dawl tal-imsemmija finijiet li għandha tiġi evalwata b’mod partikolari n-natura adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva tad-data personali li tkun is-suġġett ta’ dan l-ipproċessar. |
|
81 |
Għaldaqstant, minn dan jista’ jiġi dedott li l-kunċett ta’ “objettivi tal-ipproċessar”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 8(2), jirreferi għall-finijiet iktar ġenerali msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680 li għandu jfittex ipproċessar sabiex jaqa’ taħt din id-direttiva, filwaqt li dak ta’ “finijiet tal-ipproċessar”, fis-sens, b’mod partikolari, tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-għanijiet speċifiċi u konkreti mfittxija minn ipproċessar ta’ data personali fir-rigward tal-missjoni li għandu l-kontrollur, bħal kompitu speċifiku marbut mal-prevenzjoni jew mal-iskoperta tar-reati kriminali, jew mat-twettiq ta’ investigazzjoni u ta’ proċeduri kriminali fil-qasam jew ta’ eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali. |
|
82 |
Sussegwentement, peress li, bħalma jsegwi mill-premessa 26 tad-Direttiva 2016/680, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għad-data personali mhux sensittiva, il-kundizzjoni ta’ neċessità, fis-sens ta’ din id-direttiva, hija ssodisfatta peress li l-finalità tal-ipproċessar ikkonċernat ma jistax raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effettiv b’mezzi oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, għandu jiġi dedott minnha li l-kundizzjoni, għall-ipproċessar ta’ data personali sensittiva, li tiġi ssodisfatta neċessità assoluta, teħtieġ, min-naħa tagħha, li l-kontrollur jiżgura li l-finalità mfittxija mill-ipproċessar ikkonċernat ma tkunx tista’ tintlaħaq b’mod daqstant effikaċi billi jirrikorri għal kategoriji ta’ data differenti minn dawk elenkati fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 126). |
|
83 |
Barra minn hekk, fid-dawl tar-riskji sinjifikattivi li jirrappreżenta l-ipproċessar ta’ data personali sensittiva għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, il-kundizzjoni ta’ “meta verament ikun meħtieġ” teżiġi li tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza partikolari tal-finalità mfittxija mill-ipproċessar ikkonċernat, liema importanza tista’ tiġi evalwata, fost l-oħrajn, skont in-natura ta’ din il-finalità, minħabba l-fatt li dan l-ipproċessar iservi għan speċifiku u konkret b’rabta mal-prevenzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ theddid kontra s-sigurtà pubblika li jippreżentaw ċertu livell ta’ gravità, ir-repressjoni ta’ tali reati jew il-protezzjoni kontra tali theddid, kif ukoll fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom isir l-imsemmi pproċessar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 127). |
|
84 |
Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ persuni akkużati li wettqu reat kriminali intenzjonali jew issuspettati li wettqu tali reat għal finijiet ta’ identifikazzjoni u ta’ paragun futur ta’ dawn il-persuni, in-natura assolutament neċessarja ta’ dan il-ġbir għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, bħal, b’mod partikolari, in-natura u l-gravità tar-reat issuspettat li għalih hija mixlija, iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan ir-reat, ir-rabta eventwali tal-imsemmi reat ma’ proċeduri oħra pendenti, il-preċedenti ġudizzjarji jew il-profil individwali tal-persuna inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 132). |
|
85 |
Fl-aħħar nett, il-kundizzjoni ta’ “meta verament ikun meħtieġ”, timplika stħarriġ partikolarment strett tal-osservanza tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tal-ipproċessar tad-data kkonċernata, stabbilit fl-Artikolu 4(1)(c) ta’ din id-direttiva (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 125). |
|
86 |
B’mod partikolari, fir-rigward taż-żamma jew tal-użu ta’ data estratta mid-DNA ta’ persuna għal finijiet ta’ identifikazzjoni jew ta’ paragun, tali prinċipju jimplika li, sabiex tiġi evalwata n-neċessità assoluta ta’ tali pproċessar, għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li jintużaw esklużivament il-poliformiżmi preżenti fiż-żoni li ma humiex kodifikanti tad-DNA, jiġifieri żoni li huwa aċċettat li ma jagħtu ebda informazzjoni dwar l-etniċità jew il-mard ġenetiku ta’ dawn il-persuni. |
|
87 |
Konsegwentement, għalkemm Stat Membru jista’ jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2016/680 jew billi jiddelega lill-awtoritajiet kompetenti l-kompitu li jiżguraw, f’kull każ inkwistjoni, l-osservanza tal-kundizzjoni, għal kull ipproċessar ta’ data personali sensittiva, li tiġi ssodisfatta neċessità assoluta, jew billi jistabbilixxi, fil-livell leġiżlattiv, kriterji ta’ evalwazzjoni li l-awtoritajiet għandhom sussegwentement japplikaw b’mod mhux diskrezzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li, f’din it-tieni ipoteżi, dawn il-kriterji għandhom ikunu ta’ natura li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha li jirriżultaw minn din l-istess kundizzjoni, kif stabbiliti fil-punti 77 sa 83 ta’ din is-sentenza. |
|
88 |
Għalhekk, fis-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 135), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir sistematiku tad-data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna mixlija għal reat intenzjonali li huwa suġġett għal prosekuzzjoni ex officio għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, mingħajr ma tipprevedi l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li tivverifika jew li turi, minn naħa, li dan il-ġbir huwa assolutament neċessarju sabiex jintlaħqu għanijiet speċifiċi u konkreti mfittxija u, min-naħa l-oħra, li dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu permezz ta’ miżuri li jikkostitwixxu ndħil inqas serju għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuna kkonċernata, hija kuntrarja għal din il-kundizzjoni ta’ neċessità assoluta. |
|
89 |
Madankollu, filwaqt li l-ġbir previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kien japplika b’mod imperattiv fir-rigward tal-persuni kollha mixlija għal reati intenzjonali suġġetti għal prosekuzzjoni ex officio, l-ewwel domanda tirrigwarda leġiżlazzjoni li tagħti lis-servizzi tal-pulizija possibbiltà biss li jiġbru data bijometrika u ġenetika fir-rigward tal-persuni akkużati jew issuspettati li wettqu reat intenzjonali. |
|
90 |
Issa, il-fatt li leġiżlazzjoni tagħti tali possibbiltà lis-servizzi tal-pulizija ma jimplikax li d-dritt tal-Istat Membru kkonċernat jippermetti li dan il-ġbir ikun sistematiku jew li jkun jista’ jsir bi ksur b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tal-ipproċessar tad-data, stabbilit fl-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 2016/680, jew tal-kundizzjoni, għall-ipproċessar ikkonċernat, li tiġi ssodisfatta neċessità assoluta, prevista fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, sakemm dan id-dritt, inkluża l-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali, tiddefinixxi b’mod xieraq u suffiċjentement preċiż l-iskopijiet imfittxija minn tali pproċessar ta’ data bijometrika u ġenetika, jiġifieri l-għanijiet speċifiċi u konkreti mfittxija minn ipproċessar ta’ data personali fid-dawl tal-kompitu mogħti lill-kontrollur, u li tali possibbiltà tiġi eżerċitata konformement mar-rekwiżiti esposti fil-punti 77 sa 83 ta’ din is-sentenza. |
|
91 |
Għalhekk, mill-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li, f’dan il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali timponi ċerti rekwiżiti intiżi li jiżguraw l-osservanza ta’ dan il-prinċipju, bħall-obbligu għall-pulizija, qabel ma tieħu kampjun ta’ DNA, li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-passat kriminali tal-awtur tar-reat imwettaq, il-gravità ta’ dan tal-aħħar skont it-tip ta’ reat ikkonċernat u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tiegħu li jimplika teħid ta’ kampjun, kif ukoll il-personalità tal-awtur tal-fatti. |
|
92 |
F’din is-sitwazzjoni, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw, f’kull każ, jekk il-ġbir imwettaq sarx mis-servizzi tal-pulizija bi ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali, stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/680, u tar-rekwiżiti partikolari applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali sensittiva, stabbiliti fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, kif interpretati fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. |
|
93 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li s-sempliċi ċirkustanza li r-reat li bih hija akkużata persuna huwa ta’ natura ekonomika u li l-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika ta’ din il-persuna jseħħ qabel ma tiġi kkundannata definittivament ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi eskluż li tali ġbir jista’ jitqies li jissodisfa neċessità assoluta, peress li, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija, l-imsemmi ġbir, inkluż fid-dawl tat-tip ta’ data kkonċernata, jista’ jirriżulta assolutament neċessarju, b’mod partikolari sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk, minħabba l-appartenenza eventwali tagħha f’organizzazzjoni kriminali, l-imsemmija persuna setgħetx ipparteċipat f’reati oħra li għalihom data ta’ dan it-tip tista’ tkun rilevanti, jew jekk jeżisti riskju li taħrab, sabiex tippermetti l-identifikazzjoni tagħha. |
|
94 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6 u l-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, mingħajr distinzjoni, il-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna akkużata li wettqet reat kriminali intenzjonali jew issuspettata li wettqet tali reat, sa fejn, minn naħa, il-finijiet ta’ dan il-ġbir ma jimponux l-obbligu li tiġi stabbilita distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni u, min-naħa l-oħra, il-kontrolluri jkunu obbligati, konformement mad-dritt nazzjonali, inkluża l-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali, josservaw il-prinċipji u r-rekwiżiti partikolari, stabbiliti fl-Artikoli 4 u 10 tal-imsemmija direttiva. |
Fuq it-tieni domanda
|
95 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li għalkemm, fil-formulazzjoni tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju ssemmi leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala konsegwenza li d-data personali kkonċernata tinżamm, fil-parti l-kbira tal-każijiet, għal “żmien indeterminat”, mill-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li, bi “żmien indeterminat”, dik il-qorti għandha l-intenzjoni, definittivament, li tirreferi għaċ-ċirkustanza li ebda perijodu massimu ta’ żamma ma huwa speċifikat, u mhux għal dak li tali żamma tkun mingħajr limitu ratione temporis. |
|
96 |
Konsegwentement, għandu jinftiehem li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(e) tad-Direttiva 2016/680 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li n-neċessità li tinżamm data bijometrika u ġenetika hija evalwata mis-servizzi tal-pulizija abbażi ta’ regoli interni, mingħajr ma din il-leġiżlazzjoni tipprevedi perijodu massimu ta’ żamma. |
|
97 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1)(e) tad-Direttiva 2016/680 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali għandha tinħażen taħt forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal tul li ma jeċċedix dak li huwa neċessarju fid-dawl tal-finijiet li għalihom din id-data tiġi pproċessata. |
|
98 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, taċ-ċirkustanza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma tipprevedix perijodu massimu ta’ żamma, għandu jitfakkar li, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1)(e) tad-Direttiva 2016/680, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu l-iffissar ta’ termini xierqa għat-tħassir tad-data personali jew għall-verifika regolari tan-neċessità li tinżamm din id-data, kif ukoll tar-regoli proċedurali li jippermettu li tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn it-termini. |
|
99 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jħalli f’idejn l-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw l-imsemmija termini, sa fejn dawn ikunu “xierqa”, u li jiddeċiedu jekk dawn jikkonċernawx it-tħassir tal-imsemmija data jew il-verifika regolari tan-neċessità li din tinżamm. |
|
100 |
Ċertament, l-Artikolu 4(1)(e) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2016/680 għandhom jinqraw flimkien b’mod partikolari mal-Artikolu 10 tagħha, b’tali mod li ż-żamma ta’ data bijometrika jew ġenetika għandha tissodisfa neċessità assoluta u għandha tippreżenta salvagwardji xierqa għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuna kkonċernata. |
|
101 |
Madankollu, meta Stat Membru jistabbilixxi termini xierqa għall-verifika regolari tan-neċessità li tinżamm data personali u meta, fl-okkażjoni ta’ din il-verifika, in-neċessità assoluta li din iż-żamma tiġi estiża għandha tiġi evalwata, id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat għandu jitqies li jissodisfa tali rekwiżiti. Għalhekk, anki meta d-data miżmuma tkun data personali sensittiva, tali Stat Membru ma huwiex obbligat jiddefinixxi limiti ratione temporis assoluti għaż-żamma ta’ din id-data, li lil hinn minnhom din tal-aħħar għandha titħassar awtomatikament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsiaNatsionalna politsia pri MVR–Sofia, C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 52). |
|
102 |
Min-naħa l-oħra, in-natura xierqa ta’ tali termini ta’ verifika regolari teħtieġ li, minn naħa, konformement mal-Artikolu 4(1)(ċ) u (e) tad-Direttiva 2016/680, moqri fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, id-data personali miżmuma sa dak iż-żmien titħassar, u dan fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(2) u (3) ta’ din id-direttiva, jekk, f’waħda mill-verifiki mwettqa, iż-żamma tal-istess data ma tidhirx li hija assolutament neċessarja iktar u, konsegwentement, tirriżulta eċċessiva fid-dawl tal-finijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsiaNatsionalna politsia pri MVR–Sofia, C‑118/22, EU:C:2024:97, punti 45, 48 u 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
103 |
Min-naħa l-oħra, fid-dawl tar-rekwiżiti, previsti fl-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 2016/680, li kull data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva fid-dawl tal-finijiet li għalihom hija pproċessata, taċ-ċirkustanza li din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva għandhom jinqraw fid-dawl tar-rekwiżiti li joħorġu mill-Artikolu 52 tal-Karta, kif ukoll tal-obbligu, previst fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, għall-kontrollur, li jistabbilixxi, jekk ikun il-każ, distinzjoni ċara bejn id-data personali tad-diversi kategoriji ta’ suġġetti tad-data, dawn it-termini ta’ verifika ma jistgħux jitqiesu li huma xierqa jekk il-bidliet fl-istatus kriminali tas-suġġett tad-data, meqjusa bħala rilevanti fid-dawl tal-finalità mfittxija minn din iż-żamma, ma jwasslux għal obbligu, għall-kontrollur, li jeżamina mill-ġdid, f’terminu raġonevoli, in-neċessità li d-data relatata ma’ din il-persuna tinżamm. |
|
104 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, iċ-ċirkustanza li n-neċessità li tinżamm id-data bijometrika u ġenetika tiġi evalwata mid-dipartimenti tal-pulizija abbażi ta’ regoli interni, tali ċirkustanza ma hijiex, fiha nnifisha, kuntrarja għall-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/680, sa fejn dawn ir-regoli interni jimponu fuq dawn id-dipartimenti l-obbligu li jiżguraw l-osservanza tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ neċessità assoluta li tinżamm din id-data u li l-marġni ta’ evalwazzjoni ta’ dawn id-dipartimenti huwa suffiċjentement irregolat mid-dritt nazzjonali, inkluża l-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali. |
|
105 |
Fil-fatt, għalkemm iċ-ċirkustanza li regoli jkunu interni, u għalhekk mhux aċċessibbli għall-persuni kollha li d-data personali tagħhom tista’ tiġi pproċessata, għandha l-konsegwenza li tali regoli ma jistgħux jiġu invokati mill-awtoritajiet kompetenti sabiex juru li josservaw ir-rekwiżiti imposti fuqhom, din iċ-ċirkustanza madankollu ma għandhiex bħala konsegwenza li tirrendi awtomatikament illegali l-ipproċessar ta’ data personali deċiż fid-dawl ta’ dawn ir-regoli, iżda timplika li, jekk ikun il-każ, fil-każ ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li jitwettaq tali pproċessar, id-dipartimenti tal-pulizija jistabbilixxu quddiem il-qorti kompetenti, indipendentement minn dawn ir-regoli interni, li l-kundizzjoni ta’ “meta verament ikun meħtieġ” ġiet debitament osservata. |
|
106 |
F’dan il-każ, minn naħa, skont il-Gvern Ċek, jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 65(5) tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li l-profili tad-DNA tal-persuni akkużati li wettqu reat kriminali intenzjonali jew issuspettati li wettqu tali reat għandhom jitħassru meta ż-żamma tagħhom ma tkunx iktar neċessarja fid-dawl tal-għanijiet imfittxija, jiġifieri meta dawn il-persuni ma jkunux iktar akkużati jew issuspettati u meta dawn il-persuni ma jkunux suġġetti għal prosekuzzjoni kriminali oħra, jew meta dawn il-persuni ma jkunux wettqu delitti jew reati oħra preċedentement. |
|
107 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, madankollu, li ż-żamma ta’ data bijometrika u ġenetika tista’ titqies li tissodisfa r-rekwiżit li hija għandha tiġi awtorizzata biss “meta verament ikun meħtieġ”, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, biss jekk tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss ir-rabta eventwali tal-persuna kkonċernata ma’ proċeduri oħra pendenti jew inkella sitwazzjonijiet preċedenti jew il-profil tagħha, iżda wkoll in-natura u l-gravità tar-reat li jkun wassal għall-kundanna kriminali definittiva, jew ċirkustanzi oħra bħall-kuntest partikolari li fih dan ir-reat ikun twettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsiaNatsionalna politsia pri MVR–Sofia, C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 67). |
|
108 |
Min-naħa l-oħra, għalkemm id-dritt Ċek ma jipprevedix perijodu massimu ta’ żamma tad-data personali miġbura abbażi tal-Artikolu 65(1) tal-Liġi Ċeka dwar il-Pulizija, l-Artikolu 82(1) ta’ din il-liġi madankollu jobbliga lis-servizzi tal-pulizija jivverifikaw mill-inqas darba kull tliet snin li ż-żamma ta’ din id-data għadha neċessarja għall-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom. |
|
109 |
Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl tal-finijiet imfittxija miż-żamma tad-data bijometrika u ġenetika kkonċernata, tali terminu ta’ verifika ta’ tliet snin jistax jitqies li huwa xieraq, filwaqt li madankollu għandu jiġi ppreċiżat li, fil-każ kuntrarju, it-tħassir ta’ din id-data ma jkunx madankollu meħtieġ jekk jiġi stabbilit li ż-żamma tagħha għadha, fi kwalunkwe każ, assolutament neċessarja. |
|
110 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1)(e) tad-Direttiva 2016/680 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li n-neċessità li tinżamm id-data bijometrika u ġenetika għandha tiġi evalwata mid-dipartimenti tal-pulizija abbażi ta’ regoli interni, mingħajr ma din il-leġiżlazzjoni tipprevedi perijodu massimu ta’ żamma, sakemm l-imsemmija leġiżlazzjoni tistabbilixxi termini xierqa għall-verifika regolari tan-neċessità li tinżamm din id-data u, meta ssir din il-verifika, tiġi evalwata n-neċessità assoluta li tiġi estiża ż-żamma tagħha. |
Fuq l-ispejjeż
|
111 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.