|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2283 |
12.10.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/2283
tat-12 ta’ Ottubru 2026
li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fis-27 ta' Mejju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 (1). |
|
(2) |
Fil-11 ta' Settembru 2017, fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2375 (2017), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) ddeċieda li jipprojbixxi l-ftuħ, iż-żamma u l-operat tal-impriżi konġunti jew l-entitajiet kooperattivi kollha ma' entitajiet jew individwi tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK). |
|
(3) |
Fit-22 ta' Diċembru 2017, fl-UNSCR 2397 (2017), il-KSNU rrikonoxxa li r-rikavat mill-kummerċ tar-RDPK fi prodotti settorjali, kif ukoll id-dħul iġġenerat mill-ħaddiema tar-RDPK barra mill-pajjiż, fost l-oħrajn, jikkontribwixxu għall-programmi tar-RDPK dwar l-armi nukleari u l-missili ballistiċi. Il-KSNU ddeċieda li jirrikjedi r-ripatrijazzjoni tal-ħaddiema kollha tar-RDPK barra mill-pajjiż, soġġett għal-liġi nazzjonali u internazzjonali applikabbli. Barra minn hekk, il-KSNU ddeċieda li jżid il-miżuri restrittivi eżistenti f'għadd ta' setturi, inkluż fir-rigward tal-provvista, il-bejgħ jew it-trasferiment lir-RDPK ta' żejt mhux maħdum u l-prodotti tal-petroleum raffinati kollha. |
|
(4) |
Fid-19 ta' Diċembru 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) ħareġ dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni li tissottolinja li r-RDPK trid tikkonforma mal-obbligi tagħha skont l-UNSCRs billi tabbanduna l-armi nukleari kollha tagħha, armi oħra ta' qerda massiva, programmi ta' missili ballistiċi u programmi nukleari eżistenti, b'mod sħiħ, verifikabbli u irriversibbli u twaqqaf l-attivitajiet relatati kollha. Tenniet li r-RDPK ma jista' u qatt mhu ser ikollha l-istatus ta' stat li għandu armi nukleari skont it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari F'dik id-dikjarazzjoni, l-Unjoni ħeġġet lir-RDPK u lir-Russja jżommu lura minn kwalunkwe skambju ta' tagħmir militari, teknoloġija tal-missili jew munizzjon u jirrispettaw l-UNSCRs suċċessivi li jipprojbixxu b'mod ċar kwalunkwe esportazzjoni jew importazzjoni tal-armi li jinvolvu r-RDPK. L-Unjoni kkundannat ukoll kwalunkwe appoġġ militari għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna pprovdut mir-RDPK, u tenniet it-tħassib serju tagħha dwar rapporti ta' trasferimenti tal-armi tar-RDPK lejn ir-Russja. |
|
(5) |
Fil-31 ta' Mejju 2024, ir-Rappreżentant Għoli, flimkien mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Awstralja, il-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Ġappun, New Zealand, ir-Repubblika tal-Korea u, r-Renju Unit u s-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti tal-Amerka, ħarġu stqarrija konġunta li tesprimi tħassib serju dwar l-approfondiment tal-kooperazzjoni bejn ir-RDPK u r-Russja bi ksur flagranti ta' diversi UNSCRs u li tikkundanna l-veto tar-Russja għal UNSCR li kien jestendi l-mandat tal-Bord ta' Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), li jappoġġa lill-Kumitat tal-KSNU stabbilit skont l-UNSCR 1718 (2006), u b'hekk jipprova jċaħħad lill-Istati Membri kollha tan-NU mill-informazzjoni u l-gwida oġġettivi u indipendenti li jeħtieġu biex jimplimentaw l-UNSCRs vinkolanti dwar ir-RDPK. |
|
(6) |
Fit-30 ta' Ottubru 2024, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni li tafferma li l-preżenza fit-territorju Russu ta' diversi eluf ta' truppi tar-RDPK li jikkooperaw mal-militar Russu tirrappreżenta ksur flagranti tal-Karta tan-NU u ta' diversi UNSCRs. |
|
(7) |
Fil-31 ta' Ottubru 2024, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni li tikkundanna l-illanċjar mir-RDPK ta' missila ballistika interkontinentali f’dak il-jum, u appella lill-Istati Membri kollha tan-NU, speċjalment lill-Membri tal-KSNU, biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tas-sanzjonijiet tan-NU u jħeġġu lir-RDPK twaqqaf l-azzjonijiet illegali tagħha, iżżomm lura milli tkompli teskala t-tensjonijiet militari u terġa' lura għad-diplomazija. |
|
(8) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2026, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bil-qawwa l-iskjerament tal-forzi militari tar-RDPK fil-gwerra kontra l-Ukrajna kif ukoll l-appoġġ militari sostnut ipprovdut lir-Russja mir-RDPK, l-Iran u l-Belarussja. |
|
(9) |
Il-Kunsill huwa mħasseb serjament dwar l-attivitajiet kontinwi relatati mal-armi nukleari u mal-missili ballistiċi mwettqa mir-RDPK bi ksur tal-UNSCRs rilevanti u b'nuqqas ta' rispett sfaċċat għalihom u mill-approfondiment ulterjuri tal-kooperazzjoni bejn ir-RDPK u r-Russja, inkluż l-impjieg ta' ħaddiema tar-RDPK fir-Russja, l-istabbiliment ta' impriżi konġunti kummerċjali u l-kummerċ ta' “armi għaż-żejt” bejn ir-RDPK u r-Russja. Tali kooperazzjoni bejn ir-RDPK u r-Russja toħloq theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali u tikser is-sanzjonijiet imposti mill-KSNU. |
|
(10) |
Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li tliet persuni u erba' entitajiet li jassistu fl-evażjoni tas-sanzjonijiet tan-NU u li jiksru s-sanzjonijiet imposti mill-KSNU, responsabbili għal programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma' armi oħrajn ta' qerda massiva, jew li jappoġġaw, jippromwovu jew ikunu involuti fi provvisti li jistgħu jikkontribwixxu għal dawk il-programmi jiġu inklużi fil-listi ta' persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi li jinsabu fl-Annessi II u III tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/849. |
|
(11) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Annessi II u III tad-Deċiżjoni (UE) 2016/849 huma emendati f'konformità mal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ Ottubru 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (ĠU L 141, 28.5.2016, p. 79, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/849/oj).
ANNESS
Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 hija emendata kif ġej:
|
(1) |
L-Anness II, intitolat “Lista tal-persuni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 23(1) u tal-persuni u entitajiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 27(1)”, huwa emendat kif ġej:
|
|
(2) |
L-Anness III, intitolat “Lista tal-persuni msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 23(1) u tal-persuni u entitajiet imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 27(1)”, huwa emendat kif ġej:
|
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2283/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)