Brussell, 22.7.2019

COM(2019) 344 final

2019/0157(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tas-Sottokumitat ta’ Ġestjoni Sanitarju u Fitosanitarju stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u l-Ukrajna, fuq in-naħa l-oħra


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-Sottokumitat ta’ Ġestjoni Sanitarja u Fitosanitarja bejn l-UE u l-Ukrajna (minn hawn ’il quddiem “is-Sottokumitat SPS”) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar il-modifika tal-Anness V tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra 1 (minn hawn’ il quddiem “il-Ftehim”) għandu l-għan li jistabbilixxi kundizzjonijiet għal titjib fir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali li jwasslu għall-integrazzjoni gradwali tal-Ukrajnafis-Suq Intern tal-UE, inkluż permezz tat-twaqqif ta’ Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva kif stipulat fit-Titolu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) tal-Ftehim, u biex jappoġġa l-isforzi tal-Ukrajnabiex titlesta t-tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq li tiffunzjona permezz, fost l-oħrajn, tal-approssimazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjoni tagħha lejn dik tal-Unjoni. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017.

2.2.Is-Sottokumitat dwar il-Ġestjoni Sanitarja u Fitosanitarja

Is-Sottokumitat tal-SPS għandu jassisti lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tiegħu tal-Kummerċ biex jikseb l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 59 dwar l-iffaċilitar tal-kummerċ f’komoditajiet koperti minn miżuri sanitarji u fitosanitarji filwaqt li jissalvagwardja l-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti. Is-Sottokumitat SPS jadotta deċiżjonijiet, opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet, rapporti u azzjonijiet konġunti kif previst fl-Artikolu 74 tal-Ftehim. Is-Sottokumitat SPS għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet.

2.3.L-att previst tas-Sottokumitat SPS

Is-Sottokumitat SPS għandu jadotta deċiżjoni dwar il-modifika tal-Anness V tal-Ftehim, li jelenka l-acquis tal-Unjoni li miegħu l-Ukrajna għandha l-ħsieb li tapprossima l-leġiżlazzjoni tagħha fil-qasam tal-miżuri sanitarji, fitosanitarji u tal-benesseri tal-annimali kif previst fl-Artikolu 64 tal-Ftehim. F’Ġunju 2016 l-Ukrajna ppreżentat lista (Strateġija Komprensiva) lill-Kummissjoni. Abbażi ta’ din il-lista, ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1391 2 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-Sottokumitat SPS. Madankollu, id-deċiżjoni mis-Sottokumitat SPS qatt ma ttieħdet minħabba li l-Ukrajna ftit wara ħabbret li kien hemm bżonn ta’ għadd ta’ kjarifiki u bidliet fil-lista, bħal pereżempju li tinkludi ċerti atti leġiżlattivi u biex tiċċara l-iskadenzi għall-adozzjoni. Wara skambji u kjarifiki addizzjonali dwar il-lista bejn il-Kummissjoni u l-Ukrajnamatul l-2018, kien hemm qbil tekniku dwar lista riveduta. L-Ukrajnappreżentat il-lista riveduta f’Ottubru 2018.

3.Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-pożizzjoni li se tiġi adottata f’isem l-Unjoni gġandja l-għan li timmodifika l-Anness V tal-Ftehim, li jelenka l-acquis tal-Unjoni li miegħu l-Ukrajna għandha l-ħsieb li tapprossima l-leġiżlazzjoni tagħha fil-qasam tal-miżuri sanitarji, fitosanitarji u tal-benesseri tal-annimali kif previst fl-Artikolu 64 tal-Ftehim.

Id-Deċiżjoni tikkostitwixxi l-istrument legali li jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi adottata f’isimha fis-Sottokumitat SPS.

Din id-deċiżjoni timplimenta l-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni lejn Pajjiż Sieħeb tal-Lvant, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni msemmi hawn fuq.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill se tħassar ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1391 peress li l-lista adottata b’dik id-deċiżjoni ġiet emendata u sostitwita bil-lista għal din id-Deċiżjoni.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE” 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Is-Sottokumitat SPS huwa korp stabbilit permezz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. L-att, li s-Sottokumitat SPS huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-atti previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f'konformità mal-Artikolu 466(4) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. L-att previst la jissupplimenta jew lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva hija l-Artikolu 207(4) flimkien ma’ 218(9) tat-TFUE.

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207(4).

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-att tas-Sottokumitat ta’ Ġestjoni Sanitarju u Fitosanitarju se jemenda l-Anness V tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, huwa xieraq li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2019/0157 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tas-Sottokumitat ta’ Ġestjoni Sanitarju u Fitosanitarju stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u l-Ukrajna, fuq in-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikoli 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2017.

(2)L-Artikolu 64(1) tal-Ftehim jistipula li l-Ukrajna għandha gradwalment tapprossima il-leġislazzjoni sanitarja u fitosanitarja u dik dwar il-benesseri tal-annimali tagħha lejn dik tal-Unjoni kif stipulat fl-Anness V għall-Ftehim.

(3)L-Artikolu 64(4) tal-Ftehim jorbot lill-Ukrajna sabiex tippreżenta lista tal-acquis tal-Unjoni dwar miżuri sanitarji, fitosanitarji u tal-benessri tal-annimali li lejh biħsiebha tapprossima l-leġiżlazzjoni domestika tagħha. Il-lista għandha sservi bħala dokument ta' referenza għall-implimentazzjoni ta' Kapitolu 4 (Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji) tat-Titolu IV (Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) tal-Ftehim, u għandha tiżdied mal-Anness V għall-Ftehim. Għaldaqstant, l-Anness V tal-Ftehim għandu jiġi modifikat b'deċiżjoni tas-Sottokumitat ta’ Ġestjoni Sanitarju u Fitosanitarju (“is-Sottokumitat SPS”), kif stipulat fl-Artikolu 74 tal-Ftehim.

(4)L-Ukrajna ppreżentat il-lista lill-Kummissjoni f'Ġunju 2016. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1391 tal-17 ta’ Lulju 2017 adottat pożizzjoni tal-Unjoni fuq il-bażi ta’ dik il-lista. L-Ukrajna ħabbret ftit wara li hija qieset li kien meħtieġ li tagħmel aktar kjarifiki u bidliet dwar id-dati tal-approssimazzjoni u tal-korrezzjonijiet fir-rigward tad-duplikazzjoni tal-atti u ż-żieda tal-atti l-ġodda. Konsegwentement, id-deċiżjoni mis-Sottokumitat SPS ma ġietx adottata abbażi tal-pożizzjoni tal-Unjoni adottata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2017/1391.

(5)L-Ukrajna ppreżentat lista riveduta lill-Kummissjoni Ewropea f'Ottubru 2018. Abbażi ta’ dik il-lista, is-Sottokumitat tal-SPS għalhekk se jadotta l-att previst li jimmodifika l-Anness V tal-Ftehim.

(6)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fis-Sottokumitat tal-SPS għax id-deċiżjoni dwar il-modifika tal-Anness V se tkun vinkolanti għall-Unjoni.

(7)Minħabba li l-lista adottata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1391 ġiet emendata u riveduta huwa meħtieġ li titħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1391,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-Sottokumitat SPS stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra fir-rigward tal-modifika tal-Anness V għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

2.Bidliet żgħar fl-abbozz tad-deċiżjonijiet jistgħu jiġu miftehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fis-Sottokumitat tal-SPS, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1391 tas-17 ta’ Lulju 2017 hija b’dan imħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Id-deċiżjoni tas-Sottokumitat tal-SPS għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 161, 29.5.2014, p. 1.
(2)    ĠU L 195, 27.7.2017, p. 13.
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.