SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla li tiddeċiedi fuq domandi preliminari)

26 ta’ Novembru 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 10(2) u (4) tad-Direttiva 2008/118 – Irregolaritajiet imwettqa waqt il-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa – Moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju – Konstatazzjoni tal-irregolarità waqt il-moviment – Kwantità ta’ prodotti nieqsa kkonstatata waqt il-ħatt tal-mezz ta’ trasport”

Fil-Kawża T‑690/24, [Kolinsen] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof’s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ Bois-le-Duc, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Diċembru 2024, fil-proċedura

Inspecteur van de Douane

vs

FL,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla li tiddeċiedi fuq domandi preliminari),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Papasavvas, President, M. Sampol Pucurull, G. Steinfatt, D. Petrlík (Relatur) u W. Valasidis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Martín y Pérez de Nanclares,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat it-trażmissjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Jannar 2025, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

wara li rat is-suġġett imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-assenza ta’ domanda indipendenti ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b tal-imsemmi Statut,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal FL, minn P. J. Ooyevaar,

–

għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens u M. Jacobs, bħala aġenti,

–

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u P. P. Huurnink, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Svediż, minn H. Eklinder, F.-L. Göransson, C. Meyer-Seitz u J. Olsson, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Björkland u W. Roels, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Inspecteur van de Douane (l-Ispettur tad-Dwana, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem l-“ispettur”) u FL dwar ir-rimbors tad-dazji tas-sisa mħallsa minn dan tal-aħħar minħabba l-kwantità ta’ alkoħol etiliku nieqsa kkonstatata waqt il-kunsinna ta’ dan il-prodott f’maħżen tat-taxxa li jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 2008/118 tħassret, b’effett mit‑13 ta’ Frar 2023, bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad‑19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU 2020, L 58, p. 4, rettifiki fil-ĠU 2020, L 409, p. 38 u fil-ĠU 2023, L 188, p. 60). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi eżaminat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/118.

4

Il-premessa 11 tad-Direttiva 2008/118 kienet tipprovdi kif ġej:

“F’każ ta’ irregolarità, id-dazju tas-sisa għandu jkun dovut fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun twettqet l-irregolarità li tkun wasslet għar-rilaxx għall-konsum jew, jekk ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat fejn tkun twettqet, għandu jkun dovut fl-Istat Membru fejn ġiet skoperta. Jekk l-oġġetti soġġetti għas-sisa ma jaslux fid-destinazzjoni tagħhom u ma tkun ġiet skoperta l-ebda irregolarità, jenħtieġ jiġi kkunsidrat li din l-irregolarità seħħet fl-Istat Membru tad-dispaċċ.”

5

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/118 kien jipprovdi kif ġej:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva kif ukoll tad-dispożizzjonijiet implimentattivi tagħha, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

7) ‘arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju’ tfisser arranġament tat-taxxa applikat għall-produzzjoni, l-ipproċessar, iż-żamma jew il-moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa mhux koperti minn proċedura jew arranġament doganali sospensiv, bid-dazju tas-sisa jkun sospiż;

[…]

11) ‘maħżen tat-taxxa’ tfisser post fejn prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa huma prodotti, ipproċessati, miżmuma, riċevuti jew mibgħuta taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju minn magazzinier awtorizzat matul in-negozju tiegħu, soġġett għal ċerti kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-maħżen tat-taxxa.”

6

Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/118 kien previst dan li ġej:

“1.   Id-dazju tas-sisa għandu jsir imponibbli fil-ħin, u fl-Istat Membru, tar-rilaxx għall-konsum.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ir-‘rilaxx għall-konsum’ għandu jfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

a)

it-tluq ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż it-tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

[…]

4.   Il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li tqiegħdu taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, b’riżultat tan-natura inerenti ta’ dawk il-prodotti, ta’ ċirkostanzi mhux previdibbli, jew forza maġġuri, jew b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, m’għandhomx jitqiesu bħala rilaxx għall-konsum.

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, il-prodotti għandhom ikunu kkunsidrati [bħala] meqruda totalment jew mitlufa għal kollox meta ma jkunux jistgħu jintużaw bħala prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa.

Il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa kkonċernati għandhom jiġu ppruvati għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun saret il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli jew, meta ma jkunx possibbli li jiġi determinat fejn seħħ it-telf, fejn ġie misjub.

[…]”

7

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/118 kien jipprovdi kif ġej:

“1.   Fejn tkun seħħet irregolarità waqt moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa, li tirriżulta fir-rilaxx għall-konsum tagħhom skont l-Artikolu 7(2)(a), ir-rilaxx għall-konsum ikun seħħ fl-Istat Membru fejn tkun seħħet l-irregolarità.

2.   Fejn tkun ġiet skoperta irregolarità waqt moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa, li tirriżulta fir-rilaxx għall-konsum tagħhom skont l-Artikolu 7(2)(a), u ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat fejn seħħet l-irregolarità, din għandha titqies li tkun seħħet fl-Istat Membru fejn l-irregolarità ġiet skoperta u fil-ħin li din ġiet skoperta.

[…]

4.   Meta prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju ma jaslux fid-destinazzjoni tagħhom u ma tkun ġiet skoperta ebda irregolarità matul il-moviment li tirriżulta fir-rilaxx għall-konsum skont l-Artikolu 7(2)(a), għandu jitqies li l-irregolarità saret fl-Istat Membru konsenjatur u fil-ħin li beda l-moviment, sakemm, f’perijodu ta’ erba’ xhur mill-bidu taċ-ċaqliq skont l-Artikolu 20(1), tingħata evidenza li tkun sodisfaċenti għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konsenjatur, dwar it-tmiem tal-moviment, skont l-Artikolu 20(2), jew tal-post fejn tkun seħħet l-irregolarità.

[…]

6.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘irregolarità’ għandha tfisser sitwazzjoni li sseħħ waqt il-moviment ta’ prodotti bid-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, għajr dik imsemmija fl-Artikolu 7(4), li minħabba fiha l-moviment jew parti ta’ moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma jkunx intemm skont l-Artikolu 20(2).”

8

L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2008/118 kien jipprovdi dan li ġej:

“Il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jistgħu jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju fit-territorju tal-[Unjoni Ewropea], inkluż fejn il-prodotti jittranżitaw permezz ta’ pajjiż terz jew territorju terz:

a)

minn maħżen tat-taxxa għal:

i)

maħżen tat-taxxa ieħor;

[…]”

9

Skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva Nru 2008/118, kien previst dan li ġej:

“Moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa jintemm, fil-[każ imsemmi] fl-Artikolu 17(1)(a)(i) […], meta d-destinatarju jkun irċieva l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa […]”

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

10

L-Artikolu 2b(2) tal-Wet op de accijns (il-Liġi dwar id-Dazji), tal‑31 ta’ Ottubru 1991 (Stb. 1991, no561), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, kien ifformulat kif ġej:

“Moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa jintemm, fil-każijiet msemmija fl-Artikolu 2a(1)(a), (b), (c) u (e), (2) u 3(a), (b), (c) u (e) meta d-destinatarju jkun irċieva l-kunsinna tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa […]”

11

Skont l-Artikolu 2c tal-Liġi dwar id-Dazji huwa previst dan li ġej:

“[…]

2.   Jekk jiġi kkonstatat fil-Pajjiżi l-Baxxi li seħħet irregolarità waqt moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa msemmija fil-paragrafu 1, li wasslet għar-rilaxx għall-konsum ta’ dawn il-prodotti msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u li ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat fejn seħħet l-irregolarità, din titqies li seħħet fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-mument tal-konstatazzjoni tal-irregolarità.

[…]

7.   Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, irregolarità tfisser sitwazzjoni differenti minn dik imsemmija fl-Artikolu 2(5), li sseħħ waqt moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju u li b’riżultat tagħha moviment jew parti minn moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa ma jkunux intemmu skont l-Artikolu 2(2).

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

FL ikkunsinna permezz tad-dgħajsa, f’Marzu u f’April 2019, żewġ kunsinni ta’ merkanzija, rispettivament, ta’ 1680018 u ta’ 1460715-il litru ta’ alkoħol etiliku bl-ingrossa minn maħżen tat-taxxa li jinsab fil-Belġju lejn maħżen tat-taxxa li jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi. It-trasport seħħ fil-kuntest ta’ moviment b’sospensjoni tad-dazju tal-prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa, kif previst fl-Artikoli 17 sa 31 tad-Direttiva 2008/118.

13

Mal-wasla fil-post tad-destinazzjoni, id-destinatarju kkonstata li kien irċieva kwantitajiet ta’ alkoħol etiliku inqas, rispettivament, ta’ 9239 u ta’ 4732 litru, minn dawk indikati fid-dokumenti amministrattivi elettroniċi stabbiliti għall-applikazzjoni tal-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.

14

Permezz ta’ żewġ ittri mibgħuta f’Lulju 2019, l-ispettur informa lil FL bl-obbligu tiegħu li jħallas fil-Pajjiżi l-Baxxi dazji tas-sisa fl-ammont, rispettivament, ta’ EUR 42405 u ta’ EUR 5889 fir-rigward tal-kwantitajiet neqsin ta’ alkoħol etiliku kkonstatati.

15

Skont l-informazzjoni mogħtija mill-ispettur, FL ippreżenta fil-Pajjiżi l-Baxxi żewġ dikjarazzjonijiet ta’ dazji tas-sisa għall-ammonti ta’ EUR 42405 u ta’ EUR 5889 u ħallashom. Barra minn hekk, ir-Renju tal-Belġju ġabar ukoll dazji tas-sisa fl-ammont ta’ EUR 49 997.60 fir-rigward tal-ewwel waħda miż-żewġ kunsinni inkwistjoni.

16

Peress li FL ressaq ilment quddiem l-ispettur, dan tal-aħħar, permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Jannar 2020, ċaħad dan l-ilment u rrifjuta r-rimbors tad-dazji tas-sisa mħallsa minn FL.

17

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ġunju 2022, ir-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant, il-Pajjiżi l-Baxxi) laqgħet ir-rikorsi ta’ FL kontra d-deċiżjoni tal-ispettur u ddeċidiet li d-dazji tas-sisa mħallsa minn FL fil-Pajjiżi l-Baxxi kellhom jiġu rrimborsati lilu.

18

L-ispettur appella quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Gerechtshof’s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi).

19

Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kwistjoni jekk id-dazji tas-sisa relatati mal-kwantità nieqsa ta’ alkoħol etiliku kkunsinnat kinux eżiġibbli fil-Pajjiżi l-Baxxi abbażi tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/118 jew fil-Belġju abbażi tal-Artikolu 10(4) ta’ din id-direttiva. B’mod partikolari, hija tistaqsi, essenzjalment, jekk il-konstatazzjoni ta’ kwantità nieqsa ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa li jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju waqt il-ħatt tal-mezz ta’ trasport li kien fih l-imsemmija prodotti għandhiex tiġi analizzata bħala konstatazzjoni ta’ irregolarità mwettqa matul moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, konformement mal-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva, jew pjuttost bħala sitwazzjoni fejn prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa ma waslux fid-destinazzjoni tagħhom mingħajr ma ġiet ikkonstatata ebda irregolarità matul dan il-moviment, fis-sens tal-Artikolu 10(4) tal-istess direttiva.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof’s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ Bois-le-Duc) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva [2008/118] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet [tiegħu] jiġu ssodisfatti meta prodotti suġġetti għas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju ma jkunux waslu għad-destinazzjoni, jew ma jkunux waslu għad-destinazzjoni fl-intier tagħhom, u li dan in-nuqqas kien ġie kkonstatat biss fil-mument tar-rilaxx [ħatt] tal-mezz ta’ trasport, b’mod li l-konstatazzjoni ta’ tali nuqqas tikkostitwixxi l-irregolarità u li l-Istat Membru ta’ destinazzjoni huwa għalhekk kompetenti sabiex jiġbor id-dazji tas-sisa? Jew l-avveniment preċedenti li baqa’ mhux magħruf u li jkun wassal għall-imsemmi nuqqas għandu jitqies bħala l-irregolarità msemmija fl-Artikolu 10(4) tad-Direttiva [2008/118], b’mod li l-Istat Membru ta’ spedizzjoni għandu kompetenza sabiex jiġbor dawn id-dazji?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/118 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni li fiha prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa li jiċċirkulaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju ma jkunux waslu fid-destinazzjoni tagħhom fl-intier tagħhom u l-kwantità nieqsa ta’ prodotti tkun ġiet ikkonstatata biss waqt il-ħatt tal-mezz ta’ trasport li kien fih l-imsemmija prodotti, b’tali mod li, peress li l-irregolarità fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni titqies li twettqet fl-Istat ta’ destinazzjoni, id-dazji tas-sisa huma eżiġibbli f’dan tal-aħħar.

22

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/118, huma suġġetti għad-dazju tas-sisa l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, waqt il-produzzjoni tagħhom fit-territorju tal-Unjoni Ewropea jew waqt l-importazzjoni tagħhom f’dan it-territorju. Peress li l-fatt li jagħti lok għall-ħlas tad-dazju tas-sisa huwa għalhekk il-produzzjoni jew l-importazzjoni tal-prodotti kkonċernati fl-imsemmi territorju, din it-taxxa ssir eżiġibbli biss, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/118, matul ir-rilaxx għall-konsum ta’ dawn il-prodotti.

23

Skont l-Artikolu 17(1)(a)(i) tad-Direttiva 2008/118, il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jistgħu jiċċirkulaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju fit-territorju tal-Unjoni, b’mod partikolari, bħal fil-kawża prinċipali, minn maħżen tat-taxxa li jinsab fi Stat Membru lejn maħżen tat-taxxa li jinsab fi Stat Membru ieħor. Tali arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju huwa kkaratterizzat mill-fatt li d-dazji tas-sisa relatati mal-prodotti li jaqgħu taħtu għadhom mhux eżiġibbli, għalkemm il-fatt li jagħti lok għat-tassazzjoni seħħ diġà. Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, dan l-arranġament jipposponi l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa sakemm tiġi ssodisfatta kundizzjoni ta’ eżiġibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, BP Europa, C‑64/15, EU:C:2016:62 punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa li jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju (iktar ’il quddiem il-“prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa”), l-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 2008/118 jipprevedi li kull ħruġ minn dan l-arranġament – kemm jekk regolari jew irregolari – għandu jitqies bħala rilaxx għall-konsum.

25

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/118 jistabbilixxi regoli ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru li fih il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ġew irrilaxxati għall-konsum minħabba irregolaritajiet li seħħew waqt il-moviment tagħhom.

26

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/118, l-Artikolu 10(6) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-“irregolarità” bħala sitwazzjoni li sseħħ waqt il-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, għajr dik imsemmija fl-Artikolu 7(4) tal-imsemmija direttiva, li minħabba fiha l-moviment jew parti minn dan il-moviment ma jkunx intemm skont l-Artikolu 20(2) tal-istess direttiva.

27

F’dak li jirrigwarda dan il-kunċett ta’ “irregolarità”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-konstatazzjoni ta’ kwantità nieqsa ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa waqt il-kunsinna tal-imsemmija prodotti kienet indikazzjoni ta’ sitwazzjoni neċessarjament fil-passat li matulha l-prodotti nieqsa ma kinux ikkonsenjati u li għalhekk il-moviment tal-imsemmija prodotti ma kienx intemm konformement mal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/118. Din is-sitwazzjoni konsegwentement tikkostitwixxi irregolarità skont l-Artikolu 10(6) ta’ din id-direttiva. Irregolarità ta’ din in-natura tirriżulta neċessarjament fi ħruġ mill-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju u, konsegwentement, f’rilaxx għall-konsum kif preżunt fl-Artikolu 7(2)(a) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, BP Europa, C‑64/15, EU:C:2016:62 punt 43).

28

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li ma hijiex il-konstatazzjoni ta’ kwantità nieqsa ta’ prodotti waqt il-kunsinna li tikkostitwixxi fiha nnifisha l-irregolarità fis-sens tal-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2008/118. Fil-fatt, is-sitwazzjoni li ġiet ikklassifikata bħala irregolarità mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 27 iktar ’il fuq hija dik li fiha l-prodotti nieqsa ma kinux ikkonsenjati u l-moviment tal-imsemmija prodotti, għalhekk, ma ntemmx konformement mal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/118. Hija għalhekk l-eżistenza stess ta’ kwantità nieqsa li tikkostitwixxi l-irregolarità fis-sens tal-Artikolu 10(6) ta’ din id-direttiva.

29

Barra minn hekk, peress li l-kunċett ta’ irregolarità huwa ddefinit bl-istess mod għall-Artikolu 10 kollu tad-Direttiva 2008/118, dan għandu jkollu l-istess tifsira għall-finijiet tal-applikazzjoni kemm tal-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva kif ukoll tal-Artikolu 10(4) tagħha. Għalhekk, is-sitwazzjoni li fiha l-prodotti nieqsa ma kinux is-suġġett tal-kunsinna ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa tista’, bħala irregolarità fis-sens tal-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2008/118, taqa’, skont iċ-ċirkustanzi, kemm taħt l-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva, kif ukoll taħt l-Artikolu 10(4) tagħha.

30

F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 10(2) u (4) tad-Direttiva 2008/118 jirriżulta li l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva huwa intiż li japplika meta irregolarità tkun ġiet ikkonstatata “waqt moviment” ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, filwaqt li l-Artikolu 10(4) tal-imsemmija direttiva jkopri l-każ fejn l-irregolarità, minkejja li tkun seħħet waqt il-moviment, ma tkunx ġiet ikkonstatata waqt dan il-moviment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, BP Europa, C‑64/15, EU:C:2016:62 punti 38 u 53).

31

Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-konstatazzjoni ta’ kwantità nieqsa ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa mwettqa waqt il-ħatt tal-mezz ta’ trasport li kien fih dawn il-prodotti għandhiex titqies li għadha sseħħ waqt moviment ta’ dawn il-prodotti, fis-sens tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/118, jew wara t-tmiem ta’ dan il-moviment.

32

F’dan ir-rigward, jirriżulta, qabelxejn, mill-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/118 li l-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jintemm, fil-każ ta’ moviment minn maħżen tat-taxxa lejn maħżen tat-taxxa ieħor, meta d-destinatarju jkun irċieva dawn il-prodotti.

33

Sussegwentement, mill-kuntest li jagħmel parti minnu l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/118 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħmel ir-riċezzjoni effettiva tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa l-element determinanti tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom il-moviment ta’ dawn il-prodotti għandu jiġi evalwat waqt il-kunsinna tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, BP Europa, C‑64/15, EU:C:2016:62 punt 30).

34

Barra minn hekk, jekk it-teħid tal-kunsinna kellu jitqies bħala li seħħ fil-mument fejn il-mezz ta’ trasport tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jkun wasal fil-post tad-destinazzjoni tagħhom mingħajr ma d-destinatarju seta’ jivverifika l-kwantità effettivament kkonsenjata tagħhom, it-taxxa tkun għalhekk saret eżiġibbli bi ksur tar-rekwiżiti marbuta man-natura stess tat-taxxa inkwistjoni, li tippreżupponi għarfien eżatt tal-kwantità tal-prodotti rrilaxxati għall-konsum (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, BP Europa, C‑64/15, EU:C:2016:62 punti 32 u 33).

35

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa huma kkunsinnati, bħala regola ġenerali, lil magazzinier ta’ maħżen tat-taxxa. Issa, billi huwa meħtieġ li tali magazzinier, skont l-Artikolu 16(2)(d) tad-Direttiva 2008/118, idaħħal fil-maħżen tat-taxxa tiegħu u jinkludi fil-kontabbiltà tiegħu, fit-tmiem tal-moviment, il-prodotti kollha suġġetti għad-dazju tas-sisa, u billi jagħmel mod, li l-operazzjonijiet materjali u kontabbli jikkoinċidu mat-tmiem tal-moviment tal-imsemmija prodotti, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jqiegħed dan it-tmiem f’mument fejn il-prodotti inkwistjoni jkunu ġew effettivament riċevuti mill-magazzinier u fejn il-kwantità setgħet tiġi mkejla eżattament bil-għan li jiġu inklużi fil-kontabbiltà tal-maħżen (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, BP Europa, C‑64/15, EU:C:2016:62 punt 34).

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tmiem tal-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa għandu jitqies li jseħħ biss fil-mument meta d-destinatarju jkun f’pożizzjoni li jkollu għarfien eżatt tal-kwantità tal-prodotti li huwa jkun effettivament irċieva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, BP Europa, C‑64/15, EU:C:2016:62 punt 32).

37

Konsegwentement, it-tmiem tal-moviment tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa ma jistax jitqies li seħħ qabel il-ħatt komplet tal-mezz ta’ trasport li kien fih dawn il-prodotti, peress li tali ħatt jew kontroll qabel dan il-ħatt jippermetti lid-destinatarju jikseb għarfien eżatt tal-kwantità tal-prodotti li huwa jkun effettivament irċieva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, BP Europa, C‑64/15, EU:C:2016:62 punt 33).

38

Minn dan isegwi li l-konstatazzjoni ta’ kwantità nieqsa ta’ prodotti magħmula waqt il-ħatt tal-mezz ta’ trasport li kien fih dawn il-prodotti, jew fi tmiem il-ħatt sħiħ tiegħu, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tkun għadha sseħħ waqt il-moviment ta’ tali prodotti, fis-sens tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/118.

39

Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mid-domanda tal-qorti tar-rinviju li tgħid li, bl-għoti ta’ tali portata lill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/118, l-Artikolu 10(4) ta’ din id-direttiva jirriskja li jitlef is-sens tiegħu, peress li kwantità nieqsa ta’ prodotti dejjem tiġi kkonstatata, l-iktar tard, waqt il-ħatt tal-mezz ta’ trasport u għalhekk tali sitwazzjoni taqa’ dejjem taħt l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva.

40

Fil-fatt, l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2008/118 huwa dejjem intiż li japplika, b’mod partikolari, meta l-kwantità ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa rċevuta mid-destinatarju tkun inqas minn dik li kellha tiġi kkonsenjata lilu, iżda meta din l-irregolarità, tkun xi tkun ir-raġuni, ma tiġix ikkonstatata matul il-moviment, iżda fi stadju sussegwenti. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta d-destinatarju ma jkunx wettaq kontroll tal-kwantità tal-prodotti waqt il-ħatt tagħhom u meta l-kwantità nieqsa ta’ prodotti tkun ġiet ikkonstatata biss wara t-tmiem tal-moviment tal-imsemmija prodotti, jew inkella meta d-destinatarju, minħabba kontroll żbaljat tal-kwantità tal-prodotti waqt il-ħatt tagħhom, ikun qies li l-kwantità kkunsinnata kienet kompleta, peress li l-konstatazzjoni ta’ kwantità nieqsa saret biss sussegwentement.

41

Bl-istess mod, il-premessa 11 tad-Direttiva 2008/118 ma tistax twassal għal interpretazzjoni differenti, peress li sempliċement tiġbor fil-qosor il-kontenut tal-Artikolu 10(1), (2) u (4) ta’ din id-direttiva u ma tippermettix li wieħed jitbiegħed mir-regoli dwar id-determinazzjoni tal-Istat Membru li fih id-dazji tas-sisa huma eżiġibbli, kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, BP Europa (C‑64/15, EU:C:2016:62), fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 20(2) tal-imsemmija direttiva.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni li fiha prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa ma jkunux waslu fid-destinazzjoni tagħhom fl-intier tagħhom u l-kwantità nieqsa ta’ prodotti tkun ġiet ikkonstatata biss waqt il-ħatt tal-mezz ta’ trasport li kien fih l-imsemmija prodotti, b’tali mod li, peress li l-irregolarità fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni titqies li twettqet fl-Istat ta’ destinazzjoni, id-dazji tas-sisa jkunu eżiġibbli f’dan tal-aħħar.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti Ġenerali, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla li tiddeċiedi fuq domandi preliminari)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

japplika għal sitwazzjoni li fiha prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa li jiċċirkulaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju ma jkunux waslu fid-destinazzjoni tagħhom fl-intier tagħhom u l-kwantità nieqsa ta’ prodotti tkun ġiet ikkonstatata biss waqt il-ħatt tal-mezz ta’ trasport li kien fih l-imsemmija prodotti, b’tali mod li, peress li l-irregolarità fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni titqies li twettqet fl-Istat ta’ destinazzjoni, id-dazji tas-sisa jkunu eżiġibbli f’dan tal-aħħar.

 

Papasavvas

Sampol Pucurull

Steinfatt

Petrlík

Valasidis

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑26 ta’ Novembru 2025.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.