Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fit‑8 ta’ Ottubru 2026 (1)

Kawża C‑222/25

X

vs

Rahapesu Andmebüroo,

parti interessata:

Andmekaitse Inspektsioon

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 2(2)(d) – Direttiva (UE) 2016/680 – Artikolu 1(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘awtorità kompetenti’ – Direttiva (UE) 2015/849 – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu – Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) – Ipproċessar ta’ data personali skambjata b’rabta ma’ suspett ta’ ħasil tal-flus – Dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data – Restrizzjonijiet previsti minn miżura leġiżlattiva – Aċċess indirett permezz ta’ awtorità superviżorja”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-kriminalità, ir-rikavat minn attività kriminali u l-flussi finanzjarji illeċiti ma għandhomx fruntieri. F’dawn l-aħħar deċennji, l-Unjoni Ewropea żviluppat qafas b’saħħtu għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (AML) li huwa intiż ukoll għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (CFT). Dan il-qafas qiegħed jevolvi kontinwament konformement mal-isforzi mwettqa f’dan il-qasam fil-livell internazzjonali u, b’mod partikolari, mar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) (2) u mal-istrumenti ta’ korpi internazzjonali oħra attivi fil-qasam tal-AML/CFT (3).L-intelligence finanzjarja u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni finanzjarja jikkostitwixxu l-pedament ta’ dawn l-isforzi. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fi kwistjonijiet ta’ intelligence finanzjarja, l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF), huma komponent essenzjali tal-qafas internazzjonali u tal-Unjoni fil-qasam tal-AML/CFT (4).

2.        Fil-kuntest tal-kompitu prinċipali tagħhom li jiġbru, janalizzaw u jqassmu lill-awtoritajiet informazzjoni dwar intelligence finanzjarja, l-UIF jipproċessaw ammont kbir ta’ data personali. Minkejja s-setgħat sinjifikattivi tagħhom u l-ammont ta’ data li jipproċessaw, is-sistema ta’ protezzjoni tad-data applikabbli għalihom għadha ma hijiex għalkollox ċara. Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li teżamina fil-fond, għall-ewwel darba, l-istatus legali tal-UIF, is-sistema ta’ protezzjoni tad-data applikabbli għalihom u l-kundizzjonijiet għal-limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess tas-suġġetti tad-data għad-data personali miżmuma mill-UIF.

II.    Il-fatti, il-proċedura nazzjonali u d-domandi preliminari

3.        Fis‑16 ta’ Diċembru 2019 u fis‑27 ta’ Diċembru 2019, X ressaq żewġ talbiet separati għal informazzjoni lir-Rahapesu Andmebüroo (l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja, l-Estonja, iktar ’il quddiem ir-“RAB”), sabiex jaċċerta jekk informazzjoni li tikkonċernah kinitx ġiet trażmessa lil istituzzjonijiet ta’ kreditu Estonjani jew barranin jew lil awtoritajiet barranin, jew jekk dawn tal-aħħar kinux għamlu talbiet għal informazzjoni.

4.        Fl‑20 ta’ Diċembru 2019 u fis‑6 ta’ Jannar 2020, ir-RAB ċaħdet dawn iż-żewġ talbiet rispettivament għar-raġuni li, konformement mal-Artikolu 60(1) tar-Rahapesu ja terrorismi rahastamise tõkestamise seadus (il-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu) tas‑26 ta’ Ottubru 2017 (RT I, 17.11.2017, 2, iktar ’il quddiem ir-“RahaPTS”) (5) u mal-punt 1 tal-Artikolu 23(1) tal-Avaliku teabe seadus (il-Liġi dwar l-Informazzjoni Pubblika) tal‑15 ta’ Novembru 2000 (RT I 2000, 92, 597, iktar ’il quddiem l-“AvTS”) (6), hija ma setgħet tiżvela ebda data miġbura fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha u lanqas informazzjoni dwar l-eżistenza jew xi skambju ta’ tali data. Bi tweġiba għat-talba sussegwenti ta’ X sabiex tispeċifika r-raġuni għar-restrizzjoni tal-aċċess, ir-RAB tenniet li, abbażi tal-Artikolu 60(1) tar-RahaPTS, hija la setgħet tikkonferma l-eżistenza tal-informazzjoni mitluba u lanqas tiżvelaha.

5.        It-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja) u, sussegwentement, it-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja) ċaħdu r-rikors ippreżentat minn X kontra ċ-ċaħda tat-talbiet tiegħu. Iż-żewġ sentenzi ġew annullati mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), li, permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, ordnat lir-RAB tadotta deċiżjoni ġdida dwar it-talbiet ta’ X.

6.        F’din is-sentenza, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li, skont l-Artikolu 41 tad-Direttiva (UE) 2015/849 (7) u fl-assenza ta’ proċeduri kriminali, ir-Regolament (UE) 2016/679 (8) huwa applikabbli għad-dritt ta’ aċċess ta’ X għad-data tiegħu.

7.        Hija ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 60(1) tar-RahaPTS ma jipprevedix, bħala tali, restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data, iżda jagħti lill-kap tar-RAB is-setgħa li jillimita l-aċċess għall-informazzjoni billi jikklassifika din l-informazzjoni bħala intiża għal użu intern. Madankollu, f’dan il-każ ma ġiet adottata ebda deċiżjoni ta’ dan it-tip.

8.        Fil-frattemp, X ressaq it-tielet talba għal informazzjoni lir-RAB sabiex jistabbilixxi jekk din tal-aħħar kinitx fetħet fajl ta’ investigazzjoni li jikkonċernah u jekk kinitx għamlet talbiet għal informazzjoni lill-Istati Uniti tal-Amerika, talba li mill-ġdid ir-RAB ċaħditha.

9.        X ressaq ilment amministrattiv quddiem l-Andmekaitse Inspektsioon (l-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data, l-Estonja, iktar ’il quddiem l-“AKI”). L-AKI laqgħet l-ilment amministrattiv u ordnat lir-RAB teżamina mill-ġdid it-talba għal informazzjoni. Fis‑17 ta’ Frar 2022, ir-RAB ċaħdet għal darba oħra t-talba għal informazzjoni, u wara dan X ressaq ilment amministrattiv ġdid quddiem l-AKI.

10.      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ April 2022, l-AKI ħarġet ordni provviżorja li permezz tagħha ordnat lir-RAB tipprovdi l-informazzjoni mitluba, filwaqt li ddikjarat li d-drittijiet tas-suġġett tad-data ma setgħux jiġu limitati skont l-Artikolu 60(1) tar-RahaPTS.

11.      Il-kap tar-RAB, billi bbaża ruħu fuq it-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-RahaPTS, adotta deċiżjoni fit‑22 ta’ April 2022 li tillimita l-aċċess ta’ X, filwaqt li spjega l-obbligu tar-RAB li tippreżerva l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tinsab fid-database tagħha sabiex tipproteġi s-sistema finanzjarja Estonjana.

12.      Fit‑13 ta’ Mejju 2022, il-kap tar-RAB ħareġ ordni li tillimita, b’effett retroattiv, l-aċċess għad-data rreġistrata fid-database tar-RAB u li tiddikjara li d-data msemmija fl-Artikoli 8 sa 17 tad-Digriet Nru 56 tal-Ministru għall-Finanzi tas‑16 ta’ Diċembru 2020 dwar ir-Rahapesu Andmebüroo andmekogu põhimäärus (l-Istatut tad-Database tar-RAB) (9) hija informazzjoni għall-użu esklużiv tal-awtorità (iktar ’il quddiem l-“ordni tal-kap tar-RAB”).

13.      Fid‑19 ta’ Mejju 2022, il-kap tar-RAB adotta deċiżjoni li fiha tenna r-rifjut li tintlaqa’ t-talba għal informazzjoni ta’ X, billi rrefera għall-punt 1 tal-Artikolu 23(1) tal-AvTS u għar-restrizzjonijiet fuq l-aċċess stabbiliti fid-deċiżjoni tat‑22 ta’ April 2022 u fl-ordni tal-kap tar-RAB.

14.      X ikkontesta d-deċiżjonijiet tat‑22 ta’ April 2022 u tad‑19 ta’ Mejju 2022, kif ukoll l-ordni tal-kap tar-RAB, quddiem it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn). Din il-qorti laqgħet ir-rikors permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2022. Hija kkonstatat li l-Artikolu 60(1) tar-RahaPTS kien inkompatibbli mal-Artikolu 23 tal-GDPR. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li l-Artikolu 60(1) tar-RahaPTS la kien jispeċifika liema attivitajiet tar-RAB kienu jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali, la r-raġunijiet li għalihom tiġi rrifjutata informazzjoni dwar l-ipproċessar ta’ data personali, u lanqas it-tul tar-restrizzjoni. Għalhekk, hija ordnat lir-RAB tiddeċiedi mill-ġdid dwar it-talbiet għal informazzjoni ta’ X.

15.      Ir-RAB ippreżentat appell quddiem it-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn), li ġie miċħud permezz tas-sentenza tal‑10 ta’ April 2024. Din il-qorti kkonfermat il-motivazzjoni tas-sentenza appellata, filwaqt li nnotat li l-Artikolu 60(1) tar-RahaPTS ma huwiex ċar u preċiż u ma jippermettix lis-suġġetti tad-data jaċċertaw it-tul tar-restrizzjoni. Hija qieset ukoll li d-deċiżjonijiet inkwistjoni u l-ordni tal-kap tar-RAB inkwistjoni jistabbilixxu restrizzjoni assoluta u illimitata għad-dritt ta’ aċċess, li ma hijiex proporzjonata.

16.      Ir-RAB ippreżentat appell fuq punt ta’ liġi mis-sentenza tat-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn) quddiem ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema), li hija l-qorti tar-rinviju.

17.      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja dwar liema sistema ta’ protezzjoni tad-data tapplika għad-data pproċessata mir-RAB, fid-dawl, minn naħa, tal-Artikolu 41 tad-Direttiva 2015/849, li jipprevedi li l-ipproċessar tad-data mwettaq skont din id-direttiva huwa suġġett għall-GDPR, u, min-naħa l-oħra, tal-premessa 40 tad-Direttiva (UE) 2018/843 (10), li tiddikjara li din tapplika bla ħsara għall-protezzjoni tad-data personali pproċessata mill-awtoritajiet kompetenti konformement mad-Direttiva (UE) 2016/680 (11).

18.      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-fatt li r-RAB ma hijiex korp investigattiv u ma tmexxix proċeduri kriminali ma għandux neċessarjament ikun determinanti għad-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR u tad-Direttiva 2016/680, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’La Quadrature du Net et (Data personali u l-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni) (12).

19.      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, abbażi tal-Artikolu 23(2)(h) tal-GDPR jew tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2016/680, ir-RAB tistax tastjeni milli tindika l-bażi legali li tiġġustifika rifjut ta’ aċċess. F’dan ir-rigward, hija tinnota li l-GDPR ma jinkludi ebda mekkaniżmu għall-eżerċizzju indirett tad-drittijiet tas-suġġett tad-data permezz tal-awtorità superviżorja kompetenti ekwivalenti għal dak previst fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2016/680.

20.      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, għalkemm limitazzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data permezz ta’ miżura leġiżlattiva hija permessa irrispettivament minn jekk japplikawx il-GDPR jew id-Direttiva 2016/680 fil-każ speċifiku, il-miżura leġiżlattiva rilevanti għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli.

21.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-Artikolu 60(1) tar-RahaPTS la jistabbilixxi espressament il-kundizzjonijiet li fihom il-kap tar-RAB jista’ jieħu d-deċiżjoni li jillimita l-aċċess għall-informazzjoni u lanqas il-portata ratione temporis jew ratione materiae tar-restrizzjoni tal-aċċess. Ir-restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data tista’ ddum sal-iskadenza tal-perijodi ta’ żamma stabbiliti fl-Artikolu 26 tal-Istatut tad-Database tar-RAB (normalment 15-il sena). Wara dan il-perijodu, is-suġġetti tad-data ma jkunux jistgħu iktar jiksbu informazzjoni dwar id-data li tikkonċernahom, peress li d-data titħassar.

22.      Barra minn hekk, l-għan tar-restrizzjoni tal-aċċess skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-RahaPTS jista’ jiġi ddeterminat biss billi din id-dispożizzjoni tiġi interpretata flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-istess liġi u mal-atti legali dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu.

23.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 23 tal-GDPR u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2016/680 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita għalkollox l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal data personali sakemm din id-data tinqered.

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 2(2)(d) [tal-GDPR] u l-Artikolu 2(1) interpretat flimkien mal-Artikolu 1 tad-[Direttiva 2016/680] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ipproċessar possibbli ta’ data personali minn [UIF] jista’ jikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tas-sejbien jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew tal-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika, minkejja li l-[UIF] ma tkunx awtorità investigattiva fis-sens tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali?

(2)      L-Artikolu 23(2)(h) tal-GDPR u l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2016/680 għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-suġġett tad-data jista’ wkoll jiġi rrifjutat, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja, l-iżvelar tal-att legali li abbażi tiegħu l-aċċess għal data personali li tikkonċernah ikun ġie rrifjutat, sabiex jiġi evitat li l-fatt tal-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċernah jiġi kkonfermat jew ikkonfutat, meta s-suġġett tad-data ma jkollux għarfien dwar l-ipproċessar stess u, f’tali każ, tista’ wkoll ma tingħatax informazzjoni dwar jekk is-suġġett tad-data jkollux il-possibbiltà li jipprevalixxi ruħu mill-miżura prevista fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2016/680?

(3)      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2016/680, interpretat flimkien mal-Artikolu 23 tal-GDPR, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hijiex prekluża leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-kap ta’ [UIF] s-setgħa li jillimita d-drittijiet tas-suġġett tad-data, sakemm ikunu indikati espressament l-għan, il-kundizzjonijiet kif ukoll il-portata ratione temporis u territorjali tal-limitazzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data, anki flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra, inklużi dawk ta’ natura sekondarja?

(4)      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2016/680, interpretat flimkien mal-Artikolu 23 tal-GDPR, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hijiex prekluża leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita b’mod sħiħ l-eżerċizzju tad-dritt previst fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2016/680, jew fl-Artikolu 15 tal-GDPR, sakemm tinqered id-data, b’tali mod li jkun impossibbli għas-suġġett tad-data li qatt jikseb informazzjoni dwar din id-data?”

25.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Latvja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li saret fit‑3 ta’ Ġunju 2026 u wieġbu għall-mistoqsijiet għal tweġiba orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

III. Analiżi

A.      L-ewwel domanda (il-qafas tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-data applikabbli għall-UIF)

26.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(d) tal-GDPR u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) ta’ din tal-aħħar, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-ipproċessar ta’ data personali minn UIF, bħar-RAB, jista’ jitqies li jitwettaq minn awtorità kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tas-sejbien jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew tal-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika, anki jekk l-UIF kkonċernata ma tkunx korp investigattiv fis-sens tal-kodiċi nazzjonali tal-proċedura kriminali.

27.      Din id-domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat liema qafas ġuridiku tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-data huwa applikabbli għal UIF meta twettaq il-missjonijiet mogħtija lilha fil-kuntest tal-AML/CFT. Din id-determinazzjoni hija partikolarment importanti fid-dawl tad-differenzi bejn il-GDPR u d-Direttiva 2016/680. Għall-finijiet ta’ din il-kawża, huwa importanti li tiġi rrilevata d-differenza fil-portata tar-restrizzjonijiet tad-drittijiet tas-suġġett tad-data (13), ir-rwol tal-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680 li teżerċita indirettament id-drittijiet tas-suġġett tad-data, u d-differenzi fis-sistema applikabbli għat-trasferimenti ta’ data lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet (14).

28.      Il-kwistjoni ċentrali sabiex jiġi ddeterminat liema protezzjoni tad-data tapplika hija jekk l-ipproċessar ta’ data minn UIF bħar-RAB għandux jitqies bħala pproċessar minn “awtorità kompetenti”, fis-sens tad-Direttiva 2016/680. Kieku dan kien il-każ, l-ipproċessar ta’ data mir-RAB jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2016/680, skont l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 1(1) tagħha. Sabiex nanalizza din il-kwistjoni, l-ewwel ser nagħti ħarsa ġenerali qasira lejn il-kriterji għad-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR u tad-Direttiva 2016/680. Imbagħad ser neżamina l-istatus, il-missjonijiet u l-funzjonijiet tal-UIF fil-qafas tal-AML/CFT, qabel ma nasal għal konklużjoni dwar liema qafas tal-protezzjoni tad-data japplika għall-UIF fl-eżerċizzju tal-missjonijiet ewlenin tagħhom fil-qasam tal-AML/CFT.

1.      Id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR u tad-Direttiva 2016/680

29.      Id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali huwa stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u fl-Artikolu 16(1) TFUE. Il-qafas tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-data huwa bbażat fuq tliet pilastri: il-GDPR, id-Direttiva 2016/680 u r-Regolament (UE) 2018/1725 (15), li huwa applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

30.      Kif jissuġġerixxi ismu, il-GDPR jistabbilixxi sistema ġenerali u orizzontali għall-protezzjoni tad-data (16). L-Artikolu 2(2) tal-GDPR jistabbilixxi erba’ eċċezzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, kif iddefinit fl-Artikolu 2(1) tiegħu, li għandhom jiġu interpretati b’mod strett (17).

31.      B’mod partikolari, l-Artikolu 2(2)(d) tal-GDPR jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tas-sejbien jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew tal-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

32.      Ir-raġuni għal din l-eċċezzjoni relatata mal-infurzar tal-liġi, kif jirriżulta mill-premessa 19 tal-GDPR, hija li l-ipproċessar ta’ data personali għal tali finijiet mill-awtoritajiet kompetenti huwa rregolat minn att ġuridiku speċifiku tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2016/680, li ġiet adottata fl-istess jum bħall-GDPR (18).

33.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680, stabbilit fl-Artikolu 2(1), moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) tagħha, huwa ddeterminat abbażi tal-persuna jew tal-attur li jwettqu l-ipproċessar u tal-finijiet tal-ipproċessar (19). Il-persuna li twettaq l-operazzjoni għandha tkun “awtorità kompetenti” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680. Il-finijiet tal-operazzjoni ta’ pproċessar ikopru l-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

34.      Mill-premessa 10 tad-Direttiva 2016/680 wieħed jiddeduċi li l-kunċett ta’ “awtorità kompetenti” għandu jinftiehem b’rabta mal-protezzjoni tad-data personali fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u tal-kooperazzjoni mill-pulizija, fid-dawl tal-modalitajiet li jistgħu jirriżultaw neċessarji f’dan ir-rigward minħabba n-natura speċifika ta’ dawn l-oqsma (20).

35.      Id-definizzjoni ta’ “awtorità kompetenti” hija stabbilita fil-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680.

36.      Il-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680 jipprevedi żewġ kategoriji ta’ awtoritajiet kompetenti. Fil-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, l-“awtorità kompetenti” hija ddefinita bħala “kwalunkwe awtorità kompetenti pubblika għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika”. Din id-definizzjoni tkopri l-awtoritajiet pubbliċi, bħall-awtoritajiet ġudizzjarji, il-pulizija jew awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi (21).

37.      Il-punt 7(b) tal-Artikolu 3 jestendi d-definizzjoni ta’ awtorità kompetenti għal “kwalunkwe korp jew entità oħra fdata mil-liġi ta’ Stat Membru li teżerċita awtorità pubblika u setgħat pubbliċi għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika”.

38.      Id-definizzjoni ta’ awtorità kompetenti għandha tiġi applikata, b’analoġija, għall-Artikolu 2(2)(d) tal-GDPR u għall-eċċezzjoni relatata mal-infurzar tal-liġi prevista f’din id-dispożizzjoni (22). Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li, sabiex tapplika l-eċċezzjoni inkwistjoni, iż-żewġ kundizzjonijiet relatati mal-finijiet tal-operazzjoni ta’ pproċessar u mal-persuna li twettaq din l-operazzjoni għandhom jiġu ssodisfatti simultanjament (23).

39.      Għalhekk, il-fatt li l-ipproċessar tad-data jitwettaq għall-għan tal-infurzar tal-liġi ma huwiex, waħdu, biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-GDPR (24). Min-naħa l-oħra, il-fatt li awtorità kompetenti tipproċessa data ma huwiex biżżejjed sabiex dan l-ipproċessar jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680 jekk ma jkunx relatat mal-għan tal-infurzar tal-liġi (25).

40.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi eżempji istruttivi dwar id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ strumenti legali. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, meta twettaq attività li tikkonsisti fl-iżvelar lill-pubbliku, għal finijiet ta’ sigurtà fit-toroq, ta’ data personali dwar punti ta’ penalità imposti fuq sewwieqa ta’ vetturi għal reati tat-traffiku fit-toroq, l-entità responsabbli Latvjana (26) ma tistax titqies li hija “awtorità kompetenti”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680. Għalhekk, tali attività taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-GDPR (27). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, meta l-awtoritajiet tat-taxxa jiġbru data mingħand operatur ekonomiku għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa u tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, huma ma jistgħux jitqiesu li huma “awtoritajiet kompetenti”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680 (28).

41.      Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-finijiet tal-prevenzjoni, tas-sejbien, tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ kriminalità serja minn unità tal-informazzjoni dwar il-passiġġieri (PIU), awtorità kompetenti għall-prevenzjoni, għas-sejbien, għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ kriminalità serja, stabbilita mid-Direttiva (UE) 2016/681 (29), jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680 (30).

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-Direttiva 2016/680 tapplika għall-ipproċessar ta’ data mill-Haute Autorité pour la diffusion des œuvres et la protection des droits sur internet (l-Awtorità Pubblika Franċiża Responsabbli għat-Tixrid tax-Xogħlijiet u għall-Protezzjoni tad-Drittijiet fuq l-Internet, iktar ’il quddiem il-“Hadopi”), meta din l-awtorità tadotta miżuri fil-kuntest tal-proċedura msejħa ta’ “risposta gradwata”, sa fejn dawn il-miżuri huma ta’ natura prekriminali direttament marbuta mal-proċeduri ġudizzjarji (31).

43.      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fir-rigward tal-prevenzjoni tal-kriminalità, l-applikabbiltà tad-Direttiva 2016/680 ma tiddependix minn jekk l-awtorità pubblika kkonċernata hijiex korp investigattiv skont id-dritt kriminali nazzjonali. Din tiddependi mill-missjonijiet u mill-funzjonijiet speċifiċi tal-awtorità pubblika kkonċernata fil-katina tal-prevenzjoni tal-kriminalità skont l-att legali li jirregola l-ipproċessar tad-data minn din l-awtorità għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-kriminalità.

44.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali esposti iktar ’il fuq, issa ser neżamina l-istatus, il-missjonijiet u l-funzjonijiet tal-UIF fil-qafas legali tal-AML/CFT u mbagħad ser nevalwa jekk dawn jissodisfawx il-kriterji għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680.

2.      L-istatus, il-missjonijiet u l-funzjonijiet tal-UIF fil-portata legali tal-AML/CFT tal-Unjoni

45.      L-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu UIF huwa stabbilit fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2015/849 (magħrufa wkoll bħala r-Raba’ Direttiva AML).

46.      Madankollu, l-UIF kienu ilhom jeżistu żmien twil qabel ma ġew irrikonoxxuti formalment f’din id-direttiva (32). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI (33), adottata taħt dak li kien it-“tielet pilastru” dwar il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali (34), kienet tipprevedi, fl-Artikolu 1(1) tagħha, l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li “l-FIUs [UIF], stabbiliti jew nominati sabiex jirċievu l-isvelar ta’ l-informazzjoni finanzjarja għall-għan li jikkumbattu l-money laundering għandhom jikkoperaw sabiex iqabblu [jiġbru], janalizzaw u jinvestigaw l-informazzjoni relevanti fi ħdan il-FIUs dwar kwalunkwe fatt li jista’ jkun ta’ indikazzjoni tal-money laundering b’konformità mal-poteri nazzjonali tagħhom.” Skont l-Artikolu 3 tagħha, l-Istati Membri kellhom jiżguraw li t-twettiq tal-funzjonijiet tal-UIF ma jkunx affettwat “minkejja l-fatt jekk humiex awtoritajiet amministrattivi, ta’ l-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarji.”

47.      L-istatus tal-UIF ivarja bejn l-Istati Membri(35). Il-mudell tal-UIF ma ġiex armonizzat, u l-Istati Membri jibqgħu “kompletament responsabbli biex jistabbilixxu u jiddeċiedu dwar in-natura organizzattiva tal-UIF” (36).

48.      Madankollu, id-Direttiva 2015/849 tistabbilixxi rekwiżit essenzjali wieħed li japplika irrispettivament mill-istatus tal-UIF magħżul minn kull Stat Membru. Skont l-Artikolu 32(3) tad-Direttiva 2015/849, l-UIF għandha “topera b’mod indipendenti u awtonomu”, u dan ifisser li UIF għandu jkollha “l-awtorità u l-kapaċità li twettaq il-funzjonijiet tagħha liberament, inkluża l-kapaċità li tieħu deċiżjonijiet awtonomi li tanalizza, titlob u tqassam informazzjoni speċifika”.

49.      Barra minn hekk, il-varjetà fl-istatus legali tal-UIF ma għandhiex ixxekkel il-kooperazzjoni tagħhom (37) u l-effettività tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn is-servizzi tal-infurzar tal-liġi jew tal-prosekuzzjoni u l-UIF (38).

50.      Il-missjoni ewlenija ta’ UIF (39), stabbilita fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2015/849, hija li “tipprevjeni, tindividwa u tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu b’mod effettiv”. Għal dan il-għan, skont l-Artikolu 32(3) tad-Direttiva 2015/849, l-UIF hija l-unità nazzjonali ċentrali responsabbli sabiex tirċievi (40) u tanalizza rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi u informazzjoni oħra rilevanti għall-ħasil tal-flus, għar-reati predikati assoċjati jew għall-finanzjament tat-terroriżmu. Hija responsabbli wkoll sabiex tqassam ir-riżultati tal-analiżijiet tagħha u kull informazzjoni rilevanti addizzjonali lill-awtoritajiet kompetenti meta jkun hemm raġunijiet għal suspett ta’ ħasil tal-flus, ta’ reati predikati assoċjati jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

51.      Mill-Artikolu 32(4) tad-Direttiva 2015/849 jirriżulta li, fit-twettiq tal-missjoni u tal-funzjonijiet tagħhom, l-UIF għandhom setgħat sinjifikattivi ta’ aċċess għall-informazzjoni marbuta mal-infurzar tal-liġi li huma jkunu jeħtieġu sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom adegwatament (41).

52.      L-UIF għandhom ukoll is-setgħa, skont l-Artikolu 32(7) tad-Direttiva 2015/849, li jieħdu “azzjoni urġenti […] fejn jkun hemm suspett li transazzjoni tkun relatata mal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li tissospendi [jissospendu] jew tiċħad [jiċħdu] il-kunsens li transazzjoni tipproċedi, sabiex tanalizza [janalizzaw] t-transazzjoni, tikkonferma [jikkonfermaw] s-suspett u tikkondividi [jikkondividu] r-riżultati tal-analiżi tagħha [tagħhom] mal-awtoritajiet kompetenti”.

53.      Il-missjonijiet, il-funzjonijiet u s-setgħat tal-UIF juru l-importanza tagħhom fl-identifikazzjoni u fil-prevenzjoni tal-kriminalità fil-qasam tal-AML/CFT. L-UIF, minbarra li huma fdati bil-missjoni li jipprevjenu u jiġġieldu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li hija missjoni tal-infurzar tal-liġi, jikkooperaw ukoll mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi (42).

54.      L-UIF għandhom status sui generis. Għalkemm joperaw fi ħdan l-“isfera usa’ tal-attività tal-pulizija” (43), ma humiex neċessarjament integrati fl-istruttura tal-pulizija. Mingħajr ma tiġi miċħuda l-importanza tagħhom sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq finanzjarju tal-Unjoni (li jiġġustifika r-rikors għall-Artikolu 114 TFUE għall-adozzjoni tad-Direttiva 2015/849), għandu jiġi enfasizzat li r-rwol tagħhom speċifikament fl-iskambju ta’ informazzjoni finanzjarja mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u mal-Europol huwa stabbilit fi strument ta’ kooperazzjoni mill-pulizija bbażat fuq l-Artikolu 87(2) TFUE, jiġifieri d-Direttiva 2019/1153 (li ssostitwixxiet id-Deċiżjoni 2000/642, strument li qabel kien jagħmel parti mit-“tielet pilastru”).

55.      Il-missjoni ewlenija, il-kompiti u s-setgħat tal-UIF jindikaw, kif ser jiġi spjegat f’iktar dettall iktar ’il quddiem, li s-sistema tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għall-ipproċessar tad-data minn UIF għandha tkun dik li hija l-iktar xierqa għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi. Ser nelabora dwar dan hawn taħt.

3.      Il-qafas tal-protezzjoni tad-data applikabbli għall-UIF

56.      Il-gvernijiet kollha li ħadu pożizzjoni dwar il-kwistjoni tas-sistema tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għall-UIF (44), fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom jew waqt is-seduta, qiesu li l-UIF, fl-eżerċizzju tal-missjoni ewlenija tagħhom, huma “awtoritajiet kompetenti” fis-sens tad-Direttiva 2016/680. F’dan ir-rigward, huma jadottaw, essenzjalment, approċċ funzjonali għall-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva, li jiffoka fuq il-missjonijiet u fuq il-funzjonijiet eżerċitati mill-UIF.

57.      Naqbel li l-ipproċessar ta’ data personali mill-UIF, fl-eżerċizzju tal-missjonijiet u tal-funzjonijiet ewlenin tagħhom, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680.

58.      Kif diġà spjegajt, il-missjoni ewlenija tal-UIF tirrigwarda l-identifikazzjoni u l-prevenzjoni tal-kriminalità fil-qasam tal-AML/CFT. L-Artikolu 83(1) TFUE jinkludi t-terroriżmu u l-ħasil tal-flus fost l-oqsma ta’ kriminalità partikolarment serja, b’dimensjoni transkonfinali, li għalihom il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni tar-reati kriminali u tas-sanzjonijiet (45). Fl-eżerċizzju ta’ din il-missjoni, l-UIF jipparteċipaw fil-prevenzjoni u fl-identifikazzjoni tar-reati kriminali kkonċernati.

59.      Kif diġà osservajt iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-missjonijiet tagħhom, l-UIF għandhom rabtiet mill-qrib mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u mal-Europol. Huma jqassmu r-riżultati tal-analiżi tagħhom lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, iwieġbu għal talbiet għal informazzjoni minn tali awtoritajiet u huma stess għandhom ukoll aċċess għall-informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi li jkunu jeħtieġu.

60.      L-UIF jinsabu bejn, minn naħa, l-entitajiet tas-settur privat li huma suġġetti għall-obbligi ta’ rapportar fil-qasam tal-AML, jiġifieri l-entitajiet marbuta b’obbligu, u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Madankollu, ir-rwol tagħhom ma huwiex limitat għas-sempliċi riċezzjoni u trażmissjoni ta’ informazzjoni. Il-valur miżjud tal-UIF jinsab fl-analiżi tagħhom tal-informazzjoni (46), li hija essenzjali fil-katina tal-prevenzjoni tal-kriminalità. Fid-dawl tar-rwol tagħhom f’din l-analiżi u tal-kanali ta’ skambju u ta’ komunikazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom, l-UIF huma, kif deskritti b’mod xieraq fid-duttrina, iċ-“ċentri tal-intelligence finanzjarja” tal-Unjoni Ewropea (47) u, bħala tali, għandhom rwol ċentrali fl-istruttura tal-AML/CFT.

61.      Huma jinsabu f’salib it-toroq (48) bejn il-prevenzjoni, minn naħa, u l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni minn awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi, min-naħa l-oħra, fi ħdan is-sistema statali tal-AML/CFT. Il-missjoni ewlenija ta’ UIF, kif sostna l-Gvern Latvjan waqt is-seduta, tinsab fl-istadju inizjali tal-proċeduri kriminali. Bl-istess mod, il-Gvern Lussemburgiż osserva ġustament li l-UIF għandhom funzjoni “prekriminali” li tagħmel parti minn “kontinwu funzjonali” li jwassal għall-infurzar tal-liġi.

62.      Fid-dawl tar-rwol tagħhom fl-identifikazzjoni u fil-prevenzjoni tal-kriminalità, ċerti gvernijiet li pparteċipaw fil-proċedura bil-miktub u waqt is-seduta għamlu analoġija mal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża La Quadrature du Net et  (Data personali u l-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni)(49), fir-rigward tal-awtorità Franċiża Hadopi. F’din il-kawża, kif diġà nnotajt iktar ’il fuq (50), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Hadopi, awtorità amministrattiva li għandha s-setgħa li tadotta miżuri ta’ natura “prekriminali”, għandha tiġi kklassifikata bħala “awtorità kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680, involuta fil-prevenzjoni, fl-investigazzjoni, fl-identifikazzjoni jew fil-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jiġifieri l-kontravenzjoni ta’ negliġenza grossolana jew id-delitt ta’ kontrafazzjoni, u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva konformement mal-Artikolu 1 tagħha (51). Dan kien il-każ minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, il-Hadopi “ma għandhiex setgħat deċiżjonali tagħha stess” (52).

63.      Jekk l-ipproċessar tad-data minn awtorità amministrattiva bħall-Hadopi jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680, l-istess konklużjoni għandha tapplika a fortiori għal UIF, awtorità pubblika li, irrispettivament mill-istatus tagħha skont id-dritt nazzjonali, hija kompetenti sabiex tieħu deċiżjonijiet awtonomi sabiex tanalizza, titlob u tqassam informazzjoni ta’ intelligence finanzjarja u li għandha setgħat sinjifikattivi mogħtija mid-dritt tal-Unjoni neċessarji għall-identifikazzjoni u għall-prevenzjoni tal-kriminalità fil-qasam tal-AML/CFT.

64.      Il-maġġoranza tal-gvernijiet enfasizzaw, ġustament fil-fehma tiegħi, ix-xebh bejn il-missjonijiet tal-UIF u dawk tal-PIU (53), li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza fil-kawża Ligue des droits humains (54), ikklassifikathom bħala “awtoritajiet kompetenti” li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680. Il-PIU ġew ikklassifikati bħala tali minħabba l-kompetenza tagħhom, li tirriżulta mill-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva PNR, għall-prevenzjoni, għas-sejbien, għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ kriminalità serja. Dawn il-PIU jiġbru data mingħand it-trasportaturi tal-ajru, jipproċessawha u jittrasferixxu d-data jew ir-riżultat tal-ipproċessar lill-awtoritajiet kompetenti. Huma responsabbli wkoll għall-iskambju ta’ data PNR u tar-riżultat ta’ dan l-ipproċessar mal-PIU ta’ Stati Membri oħra u mal-Europol. Il-PIU b’mod ċar jaqgħu fl-isfera kriminali u huma integrati fil-katina tal-prevenzjoni u tas-sejbien tal-kriminalità.

65.      Il-funzjoni tal-UIF fil-katina tal-prevenzjoni tal-kriminalità hija simili għal dik tal-PIU, peress li huma wkoll jirċievu informazzjoni, janalizzawha u jqassmuha lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

66.      Għalhekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ssostni l-konklużjoni li l-ipproċessar tad-data mill-UIF għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-kriminalità fil-qasam tal-AML/CFT jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680.

67.      L-UIF jissodisfaw ukoll il-kundizzjonijiet ta’ “awtorità kompetenti” fis-sens tal-punt 7(a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680. Kif ġie nnotat iktar ’il fuq (55), din id-definizzjoni ma tkoprix biss l-awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-infurzar tal-liġi “tradizzjonali”, iżda testendi għal “kwalunkwe awtorità […] pubblika” (enfasi miżjuda) li għandha kompetenza fil-qasam tal-infurzar tal-liġi.

68.      Il-klassifikazzjoni ta’ UIF bħala “awtorità kompetenti” skont il-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680 ma għandhiex tiddependi mill-istruttura organizzattiva magħżula (tal-infurzar tal-liġi, ġudizzjarju, amministrattiv jew ibridu), iżda mill-missjoni u mill-funzjonijiet li bihom hija fdata u mis-setgħat eżerċitati. Lanqas il-fatt li UIF, bħalma hija r-RAB, ma hijiex korp ta’ investigazzjoni skont it-tifsira tal-kodiċi tal-proċedura kriminali nazzjonali, ma huwa deċiżiv (56).

69.      Anki jekk jitqies li UIF ma taqax taħt il-punt 7(a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680, kif il-Gvern Lussemburgiż iddikjara, hija għandha titqies li taqa’, fi kwalunkwe każ, taħt il-punt 7(b) ta’ din id-dispożizzjoni, li japplika għal “kwalunkwe korp jew entità oħra” b’missjonijiet tal-infurzar tal-liġi. Sa fejn, skont il-punt 7(b) tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, entità privata tista’ tiġi kklassifikata bħala “awtorità kompetenti” meta tkun fdata mid-dritt ta’ Stat Membru sabiex teżerċita setgħat tal-infurzar tal-liġi, dan għandu japplika iktar u iktar għal UIF, li hija awtorità pubblika b’setgħat sinjifikattivi fil-qasam tal-AML/CFT.

70.      Minn dan jirriżulta li UIF għandha tiġi kklassifikata bħala “awtorità kompetenti” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680 meta twettaq il-missjonijiet ewlenin tagħha fil-qasam tal-AML/CFT.

71.      Dan huwa bla ħsara għall-applikazzjoni tal-GDPR meta l-UIF jipproċessaw data, fil-kuntest ta’ missjonijiet oħra fdati lilhom mid-dritt ta’ Stat Membru, li ma tirrigwardax waħda mill-attivitajiet previsti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680. Mill-Artikolu 9(2) tagħha jirriżulta li l-GDPR għandu japplika għall-ipproċessar għal tali finijiet oħra. Il-Gvern Estonjan sostna li r-RAB għandha kompetenza superviżorja fir-rigward tas-settur mhux finanzjarju u tikkontrolla wkoll l-eżekuzzjoni ta’ ċerti sanzjonijiet finanzjarji. Għalhekk, meta UIF tipproċessa data għal finijiet li ma humiex relatati mal-missjoni ewlenija tagħha fil-qasam tal-AML/CFT, tali pproċessar jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR (57).

72.      Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-UIF ma humiex “awtoritajiet kompetenti” fis-sens tad-Direttiva 2016/680, b’tali mod li l-ipproċessar tad-data minn dawn l-awtoritajiet jaqa’ taħt il-GDPR.

73.      F’dan ir-rigward, hija tqis li l-attività tal-UIF hija limitata għat-“trattament amministrattiv preliminari” ta’ kull informazzjoni li huma jiksbu. Huma biss l-awtoritajiet kompetenti li lilhom huma jqassmu informazzjoni li jistgħu jisiltu konklużjonijiet dwar jekk l-attivitajiet ikkonċernati humiex ta’ natura kriminali.

74.      Fid-dawl tal-missjonijiet, tal-funzjonijiet u tas-setgħat tal-UIF, li diġà ġew spjegati fit-tul, dan l-approċċ, fil-fehma tiegħi, ma huwiex konformi mar-rwol ċentrali tal-UIF fil-katina tal-prevenzjoni tal-kriminalità. L-UIF, kif jindika isimhom, huma ċentri veri ta’ intelligence li għandhom il-kapaċità li jieħdu deċiżjonijiet awtonomi meta jkunu qegħdin janalizzaw informazzjoni rilevanti. Is-setgħat tal-UIF li jaċċedu għall-informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi li jeħtieġu sabiex iwettqu sewwa l-kompiti tagħhom (skont l-Artikolu 32(4) tad-Direttiva 2015/849), li jiskambjaw informazzjoni bejniethom, mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u mal-Europol, u s-setgħa li jissospendu tranżazzjoni jew li ma jagħtux il-kunsens tagħhom għaliha, jindikaw b’mod qawwi li r-rwol tagħhom ma huwiex limitat għal sempliċi trattament amministrattiv preliminari.

75.      Il-fatt li l-UIF jinsabu f’nofs il-katina ta’ identifikazzjoni u ta’ prevenzjoni tal-kriminalità u li jqassmu informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ma jipprekludihomx milli jiġu kklassifikati bħala “awtoritajiet kompetenti”. Fil-fatt, tali klassifikazzjoni ma tiddependix mill-pożizzjoni eżatta tal-awtorità fl-istruttura fil-qasam kriminali, iżda mill-missjoni u mill-funzjonijiet tagħha (58).

76.      L-iktar argument b’saħħtu mressaq mill-Kummissjoni jirrigwarda l-formulazzjoni tal-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2015/849 li, kif emendat, jipprovdi li l-ipproċessar ta’ data personali skont din id-direttiva huwa suġġett għall-GDPR. Il-Kummissjoni tosserva li din id-dispożizzjoni hija fformulata b’mod wiesa’ sabiex tkopri l-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar skont id-Direttiva 2015/849, inkluż l-ipproċessar mill-UIF.

77.      Madankollu, kif sostnew kważi l-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u li kienu preżenti fis-seduta (59), l-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2015/849 għandu jinftiehem mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680.

78.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa sett komprensiv ta’ regoli dwar il-protezzjoni tad-data li għandhom jiġu applikati b’mod konsistenti fl-oqsma kollha tad-dritt tal-Unjoni. Kemm il-GDPR u kif ukoll id-Direttiva 2016/680 huma applikabbli fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom. Fi kliem ieħor, kif indika l-Gvern Spanjol waqt is-seduta, l-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2015/849 ma jbiddilx il-kundizzjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tal-GDPR u tad-Direttiva 2016/680.

79.      Dan huwa kkonfermat mill-premessa 42 tad-Direttiva 2015/849, li tgħid li din id-direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, inkluża d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (60), li ppreċediet id-Direttiva 2016/680. Għandu jitfakkar li din id-deċiżjoni qafas, imħassra bid-Direttiva 2016/680, kellha kamp ta’ applikazzjoni limitat fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, peress li kienet tkopri biss l-ipproċessar transkonfinali.

80.      Kif sostna l-Gvern Franċiż waqt is-seduta, mill-premessa 22 tad-Direttiva 2016/680 jirriżulta wkoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprovax jemenda r-regola ta’ delimitazzjoni bejn il-GDPR u d-Direttiva 2016/680 fil-qasam tal-AML/CFT. Din il-premessa tirreferi għal għadd ta’ awtoritajiet pubbliċi li lilhom tiġi żvelata data personali konformement ma’ obbligu legali marbut mal-missjoni uffiċjali tagħhom, u tippreċiża li l-ipproċessar ta’ data personali minn dawn l-awtoritajiet pubbliċi għandu josserva r-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data skont il-finijiet tal-ipproċessar.

81.      Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza bejn id-Direttiva 2015/849 u l-qafas ġuridiku eżistenti tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-data hija finalment ikkonfermata mid-Direttiva 2024/1640 (is-Sitt Direttiva AML), li tħassar id-Direttiva 2015/849. Id-Direttiva 2024/1640 ma għadha tinkludi ebda dispożizzjoni espliċita dwar is-sistema ta’ protezzjoni tad-data applikabbli. Għalkemm il-premessa 122 tindika li l-GDPR japplika għall-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ din id-direttiva, l-istess premessa tirreferi wkoll għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680.

82.      Il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib li, jekk l-UIF jitqiesu bħala awtoritajiet kompetenti, dan jista’ jikkomprometti l-indipendenza tagħhom fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti li lilhom jgħaddu l-informazzjoni.

83.      Insibha diffiċli li naqbel mat-tħassib tal-Kummissjoni. L-UIF għandhom jitqiesu li huma “awtoritajiet kompetenti” għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sistema tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-data applikabbli. Din id-determinazzjoni ma taffettwax l-indipendenza operazzjonali u l-awtonomija tagħhom, li għandhom jiġu żgurati irrispettivament mill-istatus organizzattiv tagħhom, anki meta l-UIF tkun tinsab fi ħdan l-istruttura eżistenti ta’ awtorità oħra (61).

84.      Argument tal-aħħar favur l-applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680 għall-UIF, fl-eżerċizzju tal-missjonijiet u tal-funzjonijiet tagħhom fil-qasam tal-AML/CFT, huwa l-bżonn li titħares il-possibbiltà li s-suġġetti tad-data jeżerċitaw indirettament id-dritt ta’ aċċess tagħhom permezz tal-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva. Kif ser nispjega f’iktar dettall fl-analiżi tiegħi tar-raba’ domanda preliminari, il-kontroll indirett permezz tal-awtorità superviżorja jikkostitwixxi garanzija importanti sabiex tikkumpensa għall-possibbiltà ta’ restrizzjoni totali tad-dritt ta’ aċċess skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2016/680.

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l‑Artikolu 2(2)(d) tal-GDPR u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/680, moqrija flimkien mal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ipproċessar ta’ data personali minn UIF, bħar-RAB, fit-twettiq tal-missjoni tagħha ta’ prevenzjoni, ta’ sejbien u ta’ ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u fid-dawl tal-funzjonijiet u tas-setgħat tagħha f’dan il-qasam, għandu jitqies li jitwettaq minn awtorità kompetenti, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680, anki jekk l-UIF ikkonċernata ma tkunx korp investigattiv fis-sens tal-kodiċi nazzjonali tal-proċedura kriminali. Għaldaqstant, l-ipproċessar ta’ din id-data jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680.

86.      Fid-dawl tar-risposta li jiena qed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti għall-ewwel domanda mressqa, ser nanalizza d-domandi l-oħra dwar il-limitazzjonijiet tad-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2016/680 mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-GDPR.

B.      Fuq ir-raba’ domanda

87.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2016/680 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tillimita kompletament l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data għad-data personali tiegħu miżmuma minn UIF, sad-distruzzjoni ta’ din id-data, b’tali mod li s-suġġett tad-data ma jkun jista’ qatt jikseb informazzjoni dwar din id-data.

88.      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2016/680 jawtorizza lil-leġiżlatur nazzjonali, fid-dawl tan-natura speċifika tal-finijiet li għalihom jitwettaq l-ipproċessar tad-data kopert minn din id-direttiva (li għaliha tiġbed l-attenzjoni, b’mod partikolari, il-premessa 10 tagħha), jadotta miżuri leġiżlattivi li jillimitaw id-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data taħt ċerti kundizzjonijiet. Id-dritt ta’ aċċess jista’ jiġi limitat “b’mod sħiħ jew parzjali [...] sa fejn u sakemm tali miżura [restrizzjoni sħiħa jew parzjali] tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika b’kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet fundamentali u l-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata”, sabiex jiġu ssalvagwardjati għadd ta’ għanijiet ta’ interess ġenerali, elenkati b’mod eżawrjenti fil-punti (a) sa (e) ta’ din id-dispożizzjoni. Dawn l-għanijiet jinkludu l-ħtieġa li “ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali” u li “ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali […]”.

89.      Skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2016/680, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jadottaw miżuri leġiżlattivi sabiex jiddeterminaw kategoriji ta’ pproċessar li jistgħu jaqgħu, b’mod sħiħ jew parzjali, taħt dawn il-finijiet.

90.      L-Artikolu 41(4) tad-Direttiva 2015/849 jipprevedi obbligu speċifiku għall-Istati Membri li jillimitaw id-dritt ta’ aċċess tas-suġġetti tad-data “[f]l-applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-iżvelar stipulata fl-Artikolu 39(1)”. Skont din id-dispożizzjoni, meta japplikaw din il-projbizzjoni, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri leġiżlattivi li jillimitaw, “kompletament jew parzjalment”, id-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmija dispożizzjoni. Dawn il-kundizzjonijiet huma essenzjalment l-istess bħal dawk previsti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2016/680. Dawn jirreferu għan-neċessità u għall-proporzjonalità tar-restrizzjoni parzjali jew kompleta u għall-ħtieġa li jiġu żgurati l-għanijiet previsti fl-Artikolu 41(4) tad-Direttiva 2015/849 (62).

91.      Il-projbizzjoni ta’ żvelar li għaliha tirreferi s-sentenza introduttiva tal-Artikolu 41(4) tad-Direttiva 2015/849 tikkonċerna l-entitajiet marbuta b’obbligu, li huma pprojbiti milli jiżvelaw (jew jikkomunikaw, “tipping-off”, fi kliem ir-Rakkomandazzjoni 21 tal-FATF) il-fatt li informazzjoni dwar tranżazzjonijiet suspettużi qiegħda tiġi, ser tiġi jew ġiet trażmessa lil UIF konformement mal-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva (63).

92.      Ir-riferiment għall-projbizzjoni tal-iżvelar jidher li jindika li l-Artikolu 41(4) tad-Direttiva 2015/849 jirregola speċifikament il-limitazzjonijiet tad-dritt ta’ aċċess tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-informazzjoni miżmuma mill-entitajiet marbuta b’obbligu u tal-fatt li din l-informazzjoni qiegħda tiġi, ser tiġi jew ġiet trażmessa lil UIF (jew lil korp awtoregolatorju). Madankollu, fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għad-data miżmuma minn UIF, għandu jitfakkar li dawn l-awtoritajiet mhux biss jirċievu informazzjoni mill-entitajiet marbuta b’obbligu, iżda wkoll minn sorsi oħra (awtoritajiet kompetenti nazzjonali u barranin, UIF minn Stati Membri differenti u l-Europol), li magħhom jiskambjaw ukoll informazzjoni. L-UIF joħolqu wkoll intelligence finanzjarja (64). Wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2016/680 u fid-dawl tal-formulazzjoni wiesgħa tat-talbiet għal aċċess tas-suġġett tad-data fil-kawża prinċipali, jidher iktar xieraq li l-limitazzjonijiet tad-dritt ta’ aċċess jiġu eżaminati fid-dawl tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva. Din id-dispożizzjoni għandha kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ u tista’ tapplika għad-data u għall-informazzjoni kollha miżmuma mill-UIF (65).

93.      Mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2016/680 jirriżulta li r-restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess li l-Istati Membri għandhom id-dritt jipprevedu tista’ tkun “sħiħa”. Madankollu, tali restrizzjoni sħiħa (jew parzjali) għandha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont din id-dispożizzjoni, il-miżura leġiżlattiva li tirrestrinġi kompletament jew parzjalment id-dritt tas-suġġett tad-data ta’ aċċess tista’ tiġi adottata “sa fejn, u sakemm tali restrizzjoni sħiħa jew parzjali tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika, b’kont debitu tad-drittijiet fundamentali u tal-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata”. Għalhekk, kwalunkwe restrizzjoni għandha tkun limitata, fil-portata tagħha u fiż-żmien, għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat (66).

94.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ persuna li taċċedi għad-data personali tagħha huwa stabbilit fl-Artikolu 8(2) tal-Karta. Dan id-dritt ma huwiex assolut iżda għandu jitqies fir-rigward tal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà.

95.      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, din id-dispożizzjoni tippermetti li jiġu imposti limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu meħtieġa u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor (67).

96.      Fil-kuntest tad-Direttiva 2015/849, il-kunfidenzjalità sħiħa tal-informazzjoni hija prerekwiżit essenzjali għall-effettività tas-sistema tal-AML/CFT stabbilita minn din id-direttiva (68). Mill-premessa 46 ta’ din id-direttiva jirriżulta wkoll li l-aċċess tas-suġġett tad-data għal kwalunkwe informazzjoni marbuta ma’ rapport ta’ tranżazzjoni suspettuża jippreġudika serjament l-effettività tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. L-informazzjoni hija u għandha tibqa’ kunfidenzjali tul il-katina kollha tal-atturi prinċipali ta’ din is-sistema: l-entitajiet marbuta b’obbligu, li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ żvelar; l-UIF, li jiġbru u janalizzaw informazzjoni kunfidenzjali; u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

97.      Il-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub sostnew waqt is-seduta li r-rekwiżit ta’ kunfidenzjalità huwa karatteristika intrinsika tas-sistema tal-AML/CFT u huwa ċentrali għall-kooperazzjoni tal-UIF. Dawn il-gvernijiet enfasizzaw in-natura sensittiva tal-informazzjoni miżmuma mill-UIF, tant li s-sempliċi fatt li wieħed ikun jaf li d-data qiegħda tiġi pproċessata jista’ jippreġudika l-analiżi u l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin u jippermetti lill-persuni ssuspettati jaħbu l-oriġini tal-fondi.

98.      Għalhekk, restrizzjoni totali tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-UIF fil-kuntest tal-missjoni prinċipali tagħhom tidher meħtieġa u xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-AML/CFT.

99.      B’dan premess, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proporzjonalità tal-miżuri li jwasslu għal indħil fid-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 8 tal-Karta teżiġi l-osservanza mhux biss tar-rekwiżiti ta’ adegwatezza u ta’ neċessità, iżda wkoll tar-rekwiżit li n-natura ta’ dawn il-miżuri tkun proporzjonata fid-dawl tal-għan imfittex (69). B’mod iktar speċifiku, id-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom japplikaw biss sa fejn ikun strettament meħtieġ (70).

100. B’mod iktar speċifiku, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull leġiżlazzjoni li tagħti lok għal indħil fid-dritt għall-protezzjoni tad-data personali għandha, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tistabbilixxi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu rekwiżiti minimi, b’tali mod li l-persuni li d-data personali tagħhom tkun qiegħda tiġi pproċessata jkollhom garanziji suffiċjenti li din id-data tkun effettivament protetta kontra r-riskju ta’ abbuż, kif ukoll kontra kull aċċess għal din id-data jew użu tagħha li jkunu illegali (71). Din il-leġiżlazzjoni għandha tkun legalment vinkolanti fid-dritt intern u, b’mod partikolari, għandha tindika f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tiġi adottata miżura li tipprevedi l-ipproċessar ta’ tali data, u b’hekk tiżgura li l-indħil ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex ma jiġix ippreġudikat għan ta’ interess pubbliku (72).

101. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li restrizzjoni assoluta u inkundizzjonata tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-UIF, li ma tippermettix li din ir-restrizzjoni tkun suġġetta għal xi ċirkustanzi, kundizzjonijiet jew garanziji, tikkostitwixxi ndħil mhux iġġustifikat fid-dritt għall-protezzjoni tad-data, li ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2016/680. Fl-assenza ta’ kwalunkwe kundizzjoni jew kriterju stabbilit mil-liġi, la l-awtorità superviżorja u lanqas il-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-kontrollur ma jistgħu jeżaminaw il-legalità tar-restrizzjoni imposta.

102. Għandu jiġi osservat ukoll li, skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2016/680, il-kontrollur għandu jiddokumenta r-raġunijiet ta’ fatt jew ta’ liġi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li jiġi rrifjutat l-aċċess u jqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet superviżorji. L-obbligu tal-kontrollur li jiddokumenta r-rifjut jiżgura li l-kontrollur jagħti rendikont lill-awtorità superviżorja u jippermetti stħarriġ ġudizzjarju effettiv (73). Fi kliem ieħor, il-possibbiltà li l-kontrollur jirrifjuta l-aċċess lis-suġġett tad-data ma tagħtix carte blanche lill-kontrollur (f’dan il-każ lill-UIF).

103. Ir-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità, li jirriżultaw mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhom jiġu ssodisfatti wkoll meta l-Istati Membri jiddeterminaw, konformement mal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2016/680, kategoriji ta’ pproċessar li għalihom japplikaw limitazzjonijiet skont l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva.

104. Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju indikat li din tipprevedi limitazzjoni assoluta tad-dritt ta’ aċċess tal-individwi kollha f’kull ċirkustanza u sad-distruzzjoni tad-data. L-ordni tal-kap tar-RAB, li tillimita l-aċċess għad-data kollha fid-database tar-RAB, ma tidhirx li tipprevedi regoli preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tar-restrizzjoni tal-aċċess, u lanqas ma timponi rekwiżiti minimi sabiex tipproteġi kontra r-riskju ta’ abbuż u tiżgura li l-UIF tapplika r-restrizzjonijiet rilevanti biss sa fejn ikun strettament meħtieġ. Kif essenzjalment innotat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, in-neċessità u l-proporzjonalità tal-limitazzjoni tad-dritt għandhom jiġu żgurati abbażi ta’ kriterji ġenerali li jippermettu evalwazzjoni ta’ kull talba individwali għal aċċess.

105. Il-Gvern Estonjan indika waqt is-seduta li l-qafas legali nazzjonali ma jistabbilixxix limitazzjoni assoluta jew kategorika. Huwa sostna li l-kap tar-RAB għandu setgħa diskrezzjonali sabiex jevalwa u jiddeċiedi fuq kull talba għal aċċess. Huwa kkonferma li tali setgħa tiġi eżerċitata, pereżempju, meta persuna tkun diġà taf li tkun għaddejja inkjesta jew meta r-RAB tiddeċiedi li tiffriża l-fondi ta’ din il-persuna.

106. Hija l-qorti tar-rinviju, li għandha l-kompetenza sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha, li għandha tivverifika jekk jeżistux elementi fil-qafas legali nazzjonali li jiżguraw li r-restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess tapplika biss sa fejn ikun strettament meħtieġ sabiex ma jiġix ippreġudikat l-għan ta’ interess ġenerali li għalih hija prevista r-restrizzjoni tal-aċċess u li din ir-restrizzjoni ma tkunx arbitrarja.

107. Madankollu, kif osservat ġustament il-Kummissjoni waqt is-seduta, anki jekk jitqies li l-kap tar-RAB għandu marġni ta’ diskrezzjoni, l-elementi jew il-kriterji li jiddefinixxu l-parametri ta’ din id-diskrezzjoni għandhom jiġu pprovduti fil-miżura nazzjonali rispettiva. Madankollu, dawn l-elementi ma jirriżultawx mill-preżentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

108. Għaldaqstant, għalkemm id-dritt nazzjonali jista’ jistabbilixxi restrizzjoni totali tal-aċċess għad-data miżmuma mill-UIF, huwa għandu jipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-miżura leġiżlattiva inkwistjoni u li jimponu rekwiżiti minimi, b’tali mod li l-persuni li d-data personali tagħhom tkun qiegħda tiġi pproċessata jkollhom garanziji suffiċjenti li din id-data tkun effettivament protetta kontra r-riskju ta’ abbuż, kif ukoll kontra kull aċċess jew kull użu illegali ta’ din id-data mill-UIF jew minn kwalunkwe awtorità kompetenti oħra fi ħdan is-sistema tal-AML/CFT (74).

109. Barra minn hekk, kull restrizzjoni sħiħa tal-aċċess imposta fuq is-suġġett tad-data għandha tiġi bbilanċjata mill-mekkaniżmu kumpensatorju stabbilit fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680. Din id-dispożizzjoni tipprovdi għall-eżerċizzju indirett tad-drittijiet tas-suġġett tad-data mill-awtorità superviżorja. Dan l-eżerċizzju indirett japplika, fost l-oħrajn, fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, li tagħti lill-kontrollur il-possibbiltà li ma jinformax lis-suġġett tad-data bir-rifjut jew bir-restrizzjoni tal-aċċess u r-raġunijiet għar-rifjut jew għar-restrizzjoni tal-informazzjoni, meta l-għoti ta’ din l-informazzjoni jippreġudika wieħed mill-għanijiet ta’ interess pubbliku stabbiliti fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva. Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 17, meta l-awtorità superviżorja teżerċita d-dritt ta’ aċċess f’isem is-suġġett tad-data, din l-awtorità għandha tinforma lis-suġġett tad-data tal-inqas li jkunu saru l-verifiki kollha neċessarji jew rieżami minn din l-awtorità.

110. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza l-importanza tal-eżerċizzju indirett tad-drittijiet tas-suġġett tad-data sabiex jiġi żgurat li jkun hemm bilanċ xieraq bejn l-interess ġenerali li jiġġustifika l-limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data għall-protezzjoni tad-data u għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta. Fis-sentenza fil-kawża Ligue des droits humains (Verifika tal-ipproċessar tad-data mill-awtorità superviżorja), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, kif jirriżulta mill-premessa 48 tad-Direttiva 2016/680, l-eżerċizzju indirett tad-drittijiet tas-suġġett tad-data permezz tal-awtorità superviżorja kompetenti għandu jitqies li huwa meħtieġ għall-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet, peress li l-eżerċizzju dirett tagħhom fir-rigward tal-kontrollur ikun diffiċli jew saħansitra impossibbli (75).

111. Fir-rigward tar-rwol preċiż tal-awtorità superviżorja fl-eżerċizzju indirett ta’ dawn id-drittijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali awtorità għandha tidħol fi djalogu kunfidenzjali mal-kontrollur u, fi tmiem dan id-djalogu, tiddeċiedi liema informazzjoni hija meħtieġa sabiex is-suġġett tad-data jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju ġudizzjarju effettiv (76).

112. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu regoli li jippermettu lill-qorti kompetenti tieħu konjizzjoni kemm tal-motivi kollha kif ukoll tal-provi relatati magħhom li fuqhom l-awtorità superviżorja bbażat, f’dan il-kuntest, il-verifika tal-legalità tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni, kif ukoll tal-konklużjonijiet li hija siltet minn din il-verifika (77). L-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-awtorità superviżorja mill-kontrollur dwar il-motivi li fuqhom huwa bbaża d-deċiżjoni tiegħu għandha titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-qorti li quddiemha jkun ġie ppreżentat rikors kontra l-awtorità superviżorja (78).

113. Waqt is-seduta, il-Gvern Estonjan sostna li l-awtorità superviżorja nazzjonali għandha s-setgħa li tivverifika l-legalità tal-ipproċessar tad-data mir-RAB. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li d-dritt nazzjonali jiżgura l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2016/680.

114. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2016/680 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tillimita kompletament l-eżerċizzju tad-dritt tas-suġġett tad-data ta’ aċċess għad-data personali tiegħu miżmuma minn UIF, sakemm din id-data tinqered, b’tali mod li s-suġġett tad-data qatt ma jkun jista’ jikseb informazzjoni dwar din id-data, sa fejn il-miżura nazzjonali rilevanti ma tidhirx li tistabbilixxi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu rekwiżiti minimi, b’tali mod li l-persuni li d-data personali tagħhom tkun qiegħda tiġi pproċessata jkollhom garanziji suffiċjenti li din id-data tkun effettivament protetta kontra r-riskju ta’ abbuż, kif ukoll kontra kull aċċess għal din id-data jew użu tagħha mill-UIF ikkonċernata li jkunu illegali.

C.      Fuq it-tieni domanda

115. Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża mressqa quddiemha. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun meħtieġ, tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (79).

116. F’dan il-każ, fl-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2016/680 jippermettix lil UIF tirrifjuta li tiżvela lis-suġġett tad-data l-att legali li abbażi tiegħu jkun ġie rrifjutat l-aċċess għad-data personali tiegħu, sabiex tevita li tikkonferma jew tiċħad il-fatt li tkun ġiet ipproċessata data personali dwaru.

117. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni argumentat li t-tieni domanda hija inammissibbli. Hija ddikjarat li d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess tar-RAB fil-kawża prinċipali kienet tirreferi espliċitament għall-bażi legali tar-rifjut, jiġifieri l-Artikolu 60(1) tar-RahaPTS u l-punt 1 tal-Artikolu 23(1) tal-AvTS.

118. Waqt is-seduta, il-Gvern Estonjan sostna li d-domanda hija ammissibbli, filwaqt li l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi sostna li ma huwiex eżatt li jiġi ssuġġerit li l-iżvelar ta’ raġuni għal restrizzjoni jista’ jiżvela l-fatt li ġiet ipproċessata data personali. Fi kwalunkwe każ, ir-restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess tippermetti li tiġi limitata l-informazzjoni dwar jekk id-data tkunx qiegħda tiġi pproċessata jew le.

119. Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet fid-digriet tar-rinviju, li jirreferi, f’termini ġenerali, għall-“bażi legali” tar-restrizzjoni, iżda wkoll għar-“raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi” ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw lis-suġġetti tad-data, l-ewwel parti tat-tieni domanda tista’ tinftiehem bħala li tistaqsi jekk UIF tistax tirrifjuta li tikkomunika r-raġunijiet għar-rifjut.

120. Għalhekk, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 115 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2016/680 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil UIF tirrifjuta li tipprovdi r-raġunijiet għar-rifjut jew għar-restrizzjoni, sabiex tevita li tikkonferma jew tiċħad il-fatt li ġiet ipproċessata data personali dwar is-suġġett tad-data, u, f’tali sitwazzjoni, jekk tistax tiġi rrifjutata lis-suġġetti tad-data informazzjoni dwar jekk huwiex possibbli għalihom li jeżerċitaw id-dritt ta’ aċċess tagħhom permezz tal-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2016/680.

121. Skont l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2016/680, meta tkun tapplika restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data (80), il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-data, bil-miktub u mingħajr dewmien żejjed, dwar kwalunkwe rifjut jew restrizzjoni tal-aċċess u dwar ir-raġunijiet għar-rifjut jew għar-restrizzjoni. Madankollu, tali informazzjoni tista’ titħalla barra meta l-għoti tagħha jippreġudika għan ta’ interess ġenerali (kif previst fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva) (81).

122. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, bla ħsara għall-kundizzjonijiet previsti fiha, UIF tista’ tipprovdi tweġiba bħal “la nikkonferma u lanqas niċħad”, billi tħalli barra l-informazzjoni dwar jekk ikunx twettaq xi pproċessar.

123. Madankollu, mill-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2016/680 jirriżulta li, f’tali każ, il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-data bil-possibbiltà li jressaq ilment quddiem l-awtorità superviżorja jew li jfittex rimedju ġudizzjarju. Il-kontrollur għandu wkoll, konformement mal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2016/680, jinforma lis-suġġett tad-data bil-possibbiltà li jeżerċita d-drittijiet tiegħu permezz tal-awtorità superviżorja skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Ma hija permessa ebda eżenzjoni mill-għoti ta’ tali informazzjoni.

124. Dan huwa dovut għall-importanza kbira ħafna tad-dritt ta’ aċċess indirett permezz tal-awtorità superviżorja. Kif diġà ġie nnotat iktar ’il fuq fil-kuntest tal-analiżi tar-raba’ domanda (82), l-eżistenza ta’ dan id-dritt tikkumpensa għar-rifjut tal-kontrollur li jagħti kwalunkwe informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data. Meta l-eżerċizzju dirett tad-dritt ta’ aċċess ikun diffiċli jew impossibbli, is-suġġett tad-data għandu dejjem jiġi informat bil-possibbiltà li jeżerċita d-drittijiet tiegħu indirettament. Barra minn hekk, UIF ma hijiex eżentata mill-obbligu li tiddokumenta r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni tar-rifjut tal-aċċess u li tagħmel tali informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet superviżorji, skont l-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva (83).

125. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2016/680 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil UIF tirrifjuta li tagħti r-raġunijiet għar-rifjut jew għar-restrizzjoni, sabiex tevita li tikkonferma jew tiċħad il-fatt li data personali relatata mas-suġġett tad-data tkun ġiet ipproċessata. Madankollu, f’tali sitwazzjoni, is-suġġetti tad-data għandhom dejjem jingħataw informazzjoni dwar il-possibbiltà li jeżerċitaw id-dritt ta’ aċċess tagħhom permezz tal-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2016/680.

D.      Fuq it-tielet domanda

126. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2016/680 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, permezz ta’ dispożizzjoni ġenerali, tagħti lill-kap ta’ UIF is-setgħa li jillimita d-drittijiet tas-suġġetti tad-data, meta l-fehim tal-għan, tal-kundizzjonijiet u tal-portata ta’ din ir-restrizzjoni jeħtieġ il-qari flimkien ta’ dispożizzjonijiet legali oħra, inklużi dispożizzjonijiet legali subordinati.

127. Mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2016/680 jirriżulta li kwalunkwe restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess tas-suġġetti tad-data teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżura leġiżlattiva mill-Istati Membri.

128. Mill-premessa 33 ta’ din id-direttiva jirriżulta li r-riferiment għal miżura leġiżlattiva ma jeħtieġx neċessarjament att leġiżlattiv adottat minn parlament. Madankollu, tali miżura leġiżlattiva għandha tkun ċara u preċiża u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għaliha, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Din il-premessa tippreċiża wkoll li d-dritt tal-Istati Membri li jirregola l-ipproċessar tad-data personali għandu jispeċifika mill-inqas l-għanijiet, id-data personali li għandha tiġi pproċessata, il-finijiet tal-ipproċessar, il-proċeduri għas-salvagwardja tal-integrità u tal-kunfidenzjalità tad-data personali u l-proċeduri għad-distruzzjoni tagħha, u b’hekk jipprovdi garanziji suffiċjenti kontra r-riskju ta’ abbuż u ta’ arbitrarjetà.

129. Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet mill-Artikolu 8(2) tal-Karta, li huwa stess sempliċement jirrifletti, billi jagħtih espressjoni konkreta, ir-rekwiżit tal-Artikolu 52 tal-Karta li kwalunkwe limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta għandha, b’mod partikolari, tkun prevista mil-liġi, li kwalunkwe bażi legali li tippermetti ndħil fid-dritt għall-protezzjoni tad-data personali għandha tiddefinixxi hija stess il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt li tista’ tirriżulta minnha (84).

130. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 52 tal-Karta, li kwalunkwe ndħil fid-dritt għall-protezzjoni tad-data personali għandu jseħħ ukoll b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jeżiġi li kwalunkwe leġiżlazzjoni li twassal għal tali ndħil għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu rekwiżiti minimi, b’tali mod li l-persuni li d-data personali tagħhom tkun qiegħda tiġi pproċessata jkollhom garanziji suffiċjenti li din id-data tkun effettivament protetta kontra r-riskju ta’ abbuż, kif ukoll kontra kull aċċess jew kull użu illegali ta’ din id-data (85).

131. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, b’riferiment għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-espressjoni “stabbilita mil-liġi” użata fl-Artikolu 8(2) tal-Karta għandha tinftiehem fis-sens materjali tagħha u mhux fis-sens formali tagħha (86). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li t-terminu “liġi” fl-espressjoni “stabbilita mil-liġi”, li tinsab fl-Artikolu 8(2) tal-KEDB, jirreferi mhux biss għal atti leġiżlattivi, iżda wkoll għal dispożizzjonijiet legali subordinati (87). Huwa jirreferi għat-test fis-seħħ, kif interpretat mill-qrati kompetenti (88).

132. Għaldaqstant, ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2016/680 li kull restrizzjoni għandha tkun ibbażata fuq miżuri leġiżlattivi għandu jinftiehem b’mod wiesa’, b’tali mod li ma jkunx issodisfatt biss meta jkun hemm att leġiżlattiv wieħed li jirregola l-aspetti kollha tar-restrizzjoni tal-aċċess għal ċerta kategorija ta’ data, bħad-data miżmuma mir-RAB. Il-kunċett ta’ “miżuri leġiżlattivi” jista’ jkopri sett ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, inklużi dispożizzjonijiet legali subordinati, kif interpretati mill-qrati kompetenti.

133. Dan huwa l-każ, madankollu, bil-kundizzjoni li l-miżuri leġiżlattivi rilevanti jippermettu li l-portata tar-restrizzjoni li jimponu tinftiehem b’mod ċar u preċiż u li l-applikazzjoni ta’ tali miżuri tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għaliha. L-applikazzjoni ta’ miżura adottata skont id-Direttiva 2016/680 hija prevedibbli għall-persuni suġġetti għaliha meta dawn ikunu jistgħu jidentifikaw iċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom il-portata tad-drittijiet mogħtija lilhom minn din id-direttiva tista’ tkun suġġetta għal restrizzjoni (89).

134. Fil-kawża prinċipali, diversi miżuri leġiżlattivi jistabbilixxu dispożizzjonijiet rilevanti għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess. L‑Artikolu 60(1) tar-RahaPTS jawtorizza lill-kap tar-RAB jillimita l-aċċess għad-data li tinsab fid-database tar-RAB u jikklassifikaha bħala informazzjoni għal użu intern. L-ordni tar-RAB tat‑13 ta’ Mejju 2022 tistabbilixxi restrizzjoni tal-aċċess għad-data tad-database tar-RAB billi tiddikjara li din id-data hija intiża għal użu intern. Il-punt 1 tal-Artikolu 23(1) tal-AvTS jippermetti r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data meta l-persuna li tressaq it-talba ma jkollhiex id-dritt taċċedi għal din id-data.

135. Dawn id-dispożizzjonijiet jidhru li huma fformulati f’termini ġenerali ħafna mingħajr ma jippermettu lis-suġġetti tad-data jidentifikaw il-kundizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li fihom tkun permessa restrizzjoni u l-garanziji li jiżguraw li d-data pproċessata tkun effettivament protetta kontra r-riskju ta’ abbuż, kif ukoll kontra kull aċċess għal din id-data jew użu tagħha li jkunu illegali (90).

136. Huwa minnu li r-regolament intern tar-RAB jinkludi ċerta informazzjoni rilevanti għall-ipproċessar tad-data, jiġifieri l-ispeċifikazzjoni tal-kontrollur tad-data (ir-RAB), it-tip ta’ data mdaħħla fid-database (91), il-klassifikazzjoni tas-sigurtà tad-data (92) u l-perijodu ta’ żmien li matulu d-data li tikkonċerna persuna fid-database tkun miżmuma (93).

137. Madankollu, dawn l-elementi jikkonċernaw, b’mod iktar ġenerali, l-ipproċessar tad-data mir-RAB, mingħajr riferiment speċifiku għall-kundizzjonijiet u għaċ-ċirkustanzi tar-restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess u għas-salvagwardji kontra r-riskju ta’ abbuż.

138. Waqt is-seduta, il-Gvern Estonjan iddikjara li l-kap tar-RAB għandu setgħa diskrezzjonali sabiex jiddeċiedi jekk jagħtix jew le aċċess għad-data li tinsab fid-database tar-RAB, u li hemm ċirkustanzi li fihom jista’ jingħata aċċess. Madankollu, kif diġà ġie nnotat iktar ’il fuq (94), il-qafas leġiżlattiv rilevanti ma jidhirx li jirregola din is-setgħa diskrezzjonali jew li jipprevedi kundizzjonijiet ċari u preċiżi għar-restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess. Dan jikkorrobora l-konklużjoni li l-miżuri leġiżlattivi nazzjonali rilevanti ma jidhrux li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ regola ċara u preċiża li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għas-suġġett tad-data li jfittex li jeżerċita d-dritt ta’ aċċess, fatt li, madankollu, għandu jiġi evalwat mill-qorti nazzjonali.

139. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2016/680 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, permezz ta’ dispożizzjoni ġenerali, tagħti lill-kap ta’ UIF is-setgħa li jillimita d-drittijiet tas-suġġetti tad-data, għas-sempliċi raġuni li sabiex jinftiehmu l-għan, il-kundizzjonijiet u l-portata ta’ din ir-restrizzjoni jkun meħtieġ li jinqraw flimkien dispożizzjonijiet legali oħra, inklużi dispożizzjonijiet legali subordinati. Madankollu, l-istess dispożizzjoni tipprekludi tali leġiżlazzjoni nazzjonali sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ma tidhirx li tistabbilixxi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess, b’tali mod li l-persuni li d-data personali tagħhom tkun qiegħda tiġi pproċessata jkollhom garanziji suffiċjenti li d-data pproċessata tkun effettivament protetta kontra r-riskju ta’ abbuż, kif ukoll kontra kull aċċess għal din id-data jew użu tagħha li jkunu illegali.

IV.    Konklużjoni

140. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja) għal deċiżjoni preliminari kif ġej:

(1)      L-Artikolu 2(2)(d) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, moqrija flimkien mal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ipproċessar ta’ data personali minn Unità tal-Intelligence Finanzjarja (UIF), bħar-RAB, fit-twettiq tal-missjoni tagħha ta’ prevenzjoni, ta’ sejbien u ta’ ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u fid-dawl tal-funzjonijiet u tas-setgħat tagħha f’dan il-qasam, għandu jitqies li jitwettaq minn awtorità kompetenti, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680, anki jekk l-UIF ikkonċernata ma tkunx korp investigattiv fis-sens tal-kodiċi ta’ proċedura kriminali nazzjonali. L-ipproċessar ta’ din id-data jaqa’ għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680.

(2)      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2016/680

għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tirrestrinġi kompletament l-eżerċizzju tad-dritt tas-suġġett tad-data ta’ aċċess għad-data personali tiegħu miżmuma minn UIF, sakemm din id-data tinqered, b’tali mod li s-suġġett tad-data qatt ma jkun jista’ jikseb informazzjoni dwar din id-data, sa fejn il-miżura nazzjonali rilevanti ma tidhirx li tistabbilixxi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu rekwiżiti minimi, b’tali mod li l-persuni li d-data personali tagħhom tkun qiegħda tiġi pproċessata jkollhom garanziji suffiċjenti li din id-data tkun effettivament protetta kontra r-riskju ta’ abbuż, kif ukoll kontra kull aċċess għal din id-data jew użu tagħha mill-UIF ikkonċernata li jkunu illegali.

(3)      L-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2016/680

għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil UIF tirrifjuta li tagħti r-raġunijiet għar-rifjut jew għar-restrizzjoni, sabiex tevita li tikkonferma jew tiċħad il-fatt li data personali relatata mas-suġġett tad-data tkun ġiet ipproċessata. Madankollu, f’tali sitwazzjoni, is-suġġetti tad-data għandhom dejjem jingħataw informazzjoni dwar il-possibbiltà li jeżerċitaw id-dritt ta’ aċċess tagħhom permezz tal-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2016/680.

(4)      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2016/680

għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, permezz ta’ dispożizzjoni ġenerali, tagħti lill-kap ta’ UIF is-setgħa li jillimita d-drittijiet tas-suġġetti tad-data, għas-sempliċi raġuni li sabiex jinftiehmu l-għan, il-kundizzjonijiet u l-portata ta’ din ir-restrizzjoni jkun meħtieġ li jinqraw flimkien dispożizzjonijiet legali oħra, inklużi dispożizzjonijiet legali subordinati. Madankollu, l-istess dispożizzjoni tipprekludi tali leġiżlazzjoni nazzjonali sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ma tidhirx li tistabbilixxi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess, b’tali mod li l-persuni li d-data personali tagħhom tkun qiegħda tiġi pproċessata jkollhom garanziji suffiċjenti li d-data pproċessata tkun effettivament protetta kontra r-riskju ta’ abbuż, kif ukoll kontra kull aċċess għal din id-data jew użu tagħha li jkunu illegali.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Il-FATF hija korp intergovernattiv li jistabbilixxi standards u jiżviluppa u jippromwovi politiki għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.


3      Ara l-premessa 4 tar-Regolament (UE) 2024/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Mejju 2024 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L, 2024/1624); Mitsilegas, V. u Vavoula, N., “The evolving EU anti-money laundering regime: Challenges for fundamental rights and the rule of law”, Maastricht Journal of European and Comparative Law,  Vol. 23, Nru 2, 2016, p. 261 sa 293.


4      Ara l-preambolu tal-Karta tal-Grupp Egmont tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja, approvata f’Lulju 2013 mill-Kapijiet tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-Grupp Egmont.


5      Skont din id-dispożizzjoni: “Huwa biss uffiċjal jew impjegat tal-Unità tal-Intelligence Finanzjarja li għandu aċċess għall-informazzjoni fid-database tal-Unità tal-Intelligence Finanzjarja u d-dritt li jipproċessaha. Abbażi ta’ din il-liġi, il-kap tal-Unità tal-Intelligence Finanzjarja jista’ jistabbilixxi restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-informazzjoni billi jikklassifika l-informazzjoni bħala intiża għal użu intern. […]”.


6      Skont din id-dispożizzjoni: “Detentur tal-informazzjoni għandu jirrifjuta li jissodisfa talba għal informazzjoni jekk: 1) ikunu japplikaw restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-informazzjoni mitluba u l-persuna li tagħmel it-talba għal informazzjoni ma jkollhiex id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni mitluba; […]”


7      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73, rettifika fil-ĠU L, 2024/90601).


8      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“GDPR”).


9      RT I, 18.12.2020, 38.


10      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2015/849, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (ĠU 2018, L 156, p. 43).


11      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6).


12      Sentenza tat‑30 ta’ April 2024 (C‑470/21, EU:C:2024:370, punt 158).


13      Il-GDPR jinkludi klawżola orizzontali fl-Artikolu 23, filwaqt li, skont id-Direttiva 2016/680, kull dritt jista’ jiġi limitat fuq bażi individwali. B’mod partikolari, fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2016/680 espressament jippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri leġiżlattivi li jirrestrinġu dan id-dritt “b’mod sħiħ jew parzjali” dan id-dritt u jadottaw miżuri leġiżlattivi sabiex jiddeterminaw “kategoriji ta’ pproċessar” li jistgħu jaqgħu “kompletament jew parzjalment” taħt id-diversi kategoriji tar-raġunijiet għar-restrizzjonijiet. Id-duttrina tosserva ġustament li, għalkemm id-drittijiet tas-suġġett tad-data, inkluż id-dritt ta’ aċċess, ukoll jistgħu jiġu limitati skont il-GDPR, hemm iktar possibbiltajiet ta’ limitazzjonijiet skont id-Direttiva 2016/680, u dan jagħmilha iktar probabbli li persuna li titlob aċċess għal data mingħand awtorità tal-infurzar tal-liġi tirċievi risposta tat-tip “la nikkonfermaw u lanqas niċħdu”; ara Mouzakiti, F., “Cooperation between financial intelligence units in the European Union: Stuck in the middle between the General Data Protection Regulation and the Police Data Protection Directive”, 2020, Vol. 11, Nru 3, New Journal of European Criminal Law, p. 351 sa 374, f’p. 366.


14      Id-deċiżjonijiet ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 45 tal-GDPR li jiddeterminaw jekk pajjiż terz joffrix livell adegwat ta’ protezzjoni ma japplikawx għall-iskambji ta’ data skont id-Direttiva 2016/680, li għalihom għandha tkun teżisti deċiżjoni ta’ adegwatezza separata skont l-Artikolu 36 ta’ din tal-aħħar. Fl-assenza ta’ tali deċiżjoni, it-trasferimenti jistgħu jsiru suġġetti għal salvagwardji xierqa, skont l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2016/680.


15      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39).


16      Ara l-premessa 10 tal-GDPR.


17      Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali) (C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 40).


18      Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali)  (C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara Vogiatzoglou, P., “Scope”, f’Kosta, E. u Boehm, F. (edituri), The EU Law Enforcement Directive (LED), Oxford University Press, Oxford, 2024, p. 67 sa 77, fil-paġna 74.


20      Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali)  (C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Ara l-premessa 11 tad-Direttiva 2016/680.


22      Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali)  (C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 67). Ara Brewczyńska, M., “A critical reflection on the material scope of the application of the Law Enforcement Directive and its boundaries with the General Data Protection Regulation”, f’Kosta, E. et al. (edituri) Research handbook on EU data protection law, Edward Elgar, Cheltenham, 2022, p. 91 sa 114, fil-paġna 104.


24      Mill-Artikolu 23(1)(d) u (h) tal-GDPR jirriżulta li l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn individwi privati għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi stabbiliti fl-Artikolu 2(2)(d) ta’ dan ir-regolament jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu; ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Kif jirriżulta mill-premessi 11 u 12 tad-Direttiva 2016/680, il-GDPR japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn “awtorità kompetenti”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, iżda għal finijiet oħra għajr dawk tal-infurzar tal-liġi; sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali)  (C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Iċ-Ceļu satiksmes drošības direkcija (id-Direttorat tas-Sigurtà tat-Traffiku, il-Latvja).


27      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 72).


28      Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali) (C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 44).


29      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU 2016, L 119, p. 132; iktar ’il quddiem id-“Direttiva PNR”).


30      Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 80).


31      Sentenza tat‑30 ta’ April 2024, La Quadrature du Net et (Data personali u l-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni) (C‑470/21, EU:C:2024:370, punti 158 u 159).


32      Għal ħarsa ġenerali lejn l-istorja tal-UIF fil-qasam tal-AML, ara European Parliament: European Parliamentary Research Service u Scherrer, A., Fighting tax-crimes – Cooperation between Financial Intelligence Units, Ex-post impact assessment, il-Parlament Ewropew, Studju tal-ERS ta’ Marzu 2017, p. 8 (iktar ’il quddiem l-“Istudju tal-PE tal‑2017”); Mitsilegas, V., “New forms of transnational policing: The emergence of financial intelligence units in the European Union and the challenges for human rights: Part 1”, Journal of Money Laundering Control, Vol. 3, Nru 2, 1999, p. 147.  Il-kooperazzjoni bejn l-unitajiet speċjalizzati fl-intelligence finanzjarja ġiet materjalizzata fl-ewwel laqgħa tal-“Grupp Egmont” fl‑1995. Fl‑2003, il-FATF adottat sett rivedut ta’ 40 rakkomandazzjoni li kien jinkludi formalment rakkomandazzjoni dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tal-UIF. Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF tal‑2012, aġġornati f’Ġunju 2026, jinkludu rakkomandazzjoni dwar l-UIF (ir-Rakkomandazzjoni Nru 29).


33      Deċiżjoni tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ottubru 2000 li tikkonċerna l-arranġamenti għall-koperazzjoni bejn il-unitajiet ta’ l-intelliġenza finanzjarja ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-iskambju ta’ l-informazzjoni  (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 15).


34      Dak li kien l-Artikolu 34(2)(ċ) TUE.


35      Ara International Monetary Fund , Financial Intelligence Units, An Overview, 2004 (disponibbli fuq: https://www.elibrary.imf.org/display/book/9781589063624/9781589063624.xml), p. 9. L-Istudju tal-PE tal‑2017 jirreferi, fil-paġni 13 u 14, għal rapport tal‑2016 imħejji mill-pjattaforma tal-UIF tal-Unjoni, li fih isir riferiment għal tliet mudelli ta’ UIF: amministrattiv, tal-infurzar tal-liġi (jew ġudizzjarju) u ibridu. Il-mudelli ta’ UIF li għalihom dan ir-rapport irrefera huma mqassma kif ġej: 12-il UIF tal-Unjoni huma ta’ natura amministrattiva, u jinsabu pereżempju fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi, il-Ministeru għall-Ġustizzja jew il-Ministeru għall-Affarijiet Interni, jew integrati fil-bank ċentrali jew f’awtorità superviżorja, b’riferiment għall-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, il-Latvja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovenja; 11-il UIF tal-Unjoni huma organizzati skont mudell tal-infurzar tal-liġi (tal-pulizija u/jew tal-ġustizzja), b’riferiment għall-Awstrija, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Portugall, is-Slovakkja, l-Iżvezja, il-Lussemburgu, u r-Renju Unit; 5 UIF iddeskrivew lilhom infushom bħala li għandhom natura “ibrida” minħabba l-preżenza flimkien ta’ elementi tal-pulizija u elementi amministrattivi, b’riferiment għad-Danimarka, il-Greċja, Ċipru, l-Ungerija u l-Pajjiżi l-Baxxi. Dwar ir-raġunijiet wara l-għażla tal-istruttura tal-UIF, ara Masciandaro, D., u Volpicella, A., “Designing financial supervision: The puzzling case of the FIUs against money laundering”, Journal of Financial Regulation, Vol. 2, Nru 1, 2016, p. 79 sa 113.


36      Ara l-premessa 14 tad-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI (ĠU 2019, L 186, p. 122).


37      Ara l-Artikolu 52 tad-Direttiva 2015/849, li jipprovdi li l-UIF għandhom jikkooperaw kemm jista’ jkun ma’ xulxin “irrispettivament mill-istatus tal-organizzazzjoni tagħhom”.


38      Ara l-premessa 14 tad-Direttiva 2019/1153. Din id-direttiva, adottata abbażi tal-Artikolu 87(2) TFUE dwar il-kooperazzjoni mill-pulizija (u li ħassret id-Deċiżjoni 2000/642), fittxet li ssaħħaħ l-iskambju ta’ informazzjoni finanzjarja mal-awtoritajiet kompetenti nnominati u li ttejjeb iċ-ċertezza legali u l-effettività operazzjonali. L-Artikolu 1(2)(a) tagħha jippreċiża li hija bla ħsara għad-Direttiva 2015/849 u għad-dispożizzjonijiet relatati tad-dritt nazzjonali, “inkluż l-istatus organizzattiv mogħti lill-UIF skont il-liġi nazzjonali kif ukoll l-indipendenza u l-awtonomija operazzjonali tagħhom”.


39      L-UIF jistgħu, skont l-Istat Membru, jiġu fdati b’missjonijiet u b’funzjonijiet oħra, sa fejn dawn ma jinterferixxux mal-missjoni ewlenija tagħhom. Il-Gvern Estonjan sostna li r-RAB għandha wkoll rwol superviżorju. Madankollu, il-kawża prinċipali tirrigwarda d-dritt ta’ aċċess fir-rigward tad-data miżmuma mill-UIF fl-eżerċizzju tal-missjoni u tal-funzjonijiet ewlenin tagħha.


40      Huma jirċievu informazzjoni mingħand l-entitajiet marbuta b’obbligu li għalihom tapplika d-Direttiva 2015/849, skont l-Artikolu 2(1) tagħha. L-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom l-obbligu li jinformaw lill-UIF, inkluż billi jippreżentaw rapport, dwar tranżazzjonijiet suspettużi, skont l-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva.


41      Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2019/1153, li l-awtoritajiet kompetenti nnominati tagħhom ikunu obbligati jwieġbu fil-ħin għat-talbiet għal informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi magħmula minn UIF nazzjonali, fuq bażi ta’ każ b’każ, meta l-informazzjoni tkun neċessarja għall-prevenzjoni, għall-identifikazzjoni u għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati assoċjati u l-finanzjament tat-terroriżmu.


42      Madankollu, anki meta l-UIF ikunu jinsabu fi ħdan l-istruttura tal-pulizija jew tal-ġudikatura, huma għandhom jibqgħu indipendenti u operazzjonalment separati. Ara l-Artikolu 19(4) tad-Direttiva (UE) 2024/1640 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Mejju 2024 dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937, u li temenda u tħassar id-Direttiva 2015/849 [b’effett mill-10 ta’ Lulju 2027] (ĠU L, 2024/1640) (is-Sitt Direttiva AML).


43      Mouzakiti, F., nota ta’ qiegħ il-paġna 13, op. cit., p. 373, li jiddeskrivi l-UIF bħala “new policing institutions”.


44      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, fis-sottomissjonijiet orali tiegħu, naqas milli jieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni tal-qafas legali tal-protezzjoni tad-data applikabbli għall-UIF.


45      Fuq din il-bażi, id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2018, L 284, p. 22) tistabbilixxi rekwiżiti dwar il-kriminalizzazzjoni tal-ħasil tal-flus.


46      Dan huwa enfasizzat ukoll mill-Kunsill tal-Ewropa: Kumitat ta’ Esperti dwar l-Evalwazzjoni ta’ Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (Moneyval) fil-preżentazzjoni tal-funzjonijiet tal-UIF (disponibbli fuq: https://www.coe.int/en/web/moneyval/implementation/fiu). Skont l-assoċjazzjoni Transparency International, meta janalizzaw l-informazzjoni, l-UIF “jgħaqqdu frammenti li ebda bank jew awtorità waħedhom ma jistgħu jaraw” [traduzzjoni libera] (ara https://www.transparency.org/en/news/financial-intelligence-units-powerful-tools-against-corruption).


47      Mouzakiti, F., nota ta’ qiegħ il-paġna 13, op. cit., p. 353.


48      Ara Senat ta’ Franza, “Rapport fait au nom de la commission d’enquête aux fins d’évaluer les outils de la lutte contre la délinquance financière, la criminalité organisée et le contournement des sanctions internationales, en France et en Europe, et de proposer des mesures face aux nouveaux défis”, Vol I, 18 ta’ Ġunju 2005, p. 197, li jirrimarka li l-UIF Franċiża (Tracfin) tinsab fil-marġni bejn il-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni (“à la frontière entre les volets préventif et répressif”).


49      Sentenza tat‑30 ta’ April 2024 (C‑470/21, EU:C:2024:370).


50      Punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51      Sentenza tat‑30 ta’ April 2024, La Quadrature du Net et (Data personali u l-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni)  (C‑470/21, EU:C:2024:370, punt 158).


52      Ibid.


53      Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


54      Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022 (C‑817/19, EU:C:2022:491, punti 79 u 80).


55      Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


56      Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


57      Għall-finijiet ta’ kompletezza, ninnota li, kif jirriżulta mill-premessa 14 tad-Direttiva 2016/680, din id-direttiva ma tapplikax għall-ipproċessar tad-data fil-kuntest ta’ attività li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari attivitajiet li jirrigwardaw is-sigurtà nazzjonali.


58      Dan huwa kkorroborat mis-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-PIU għandhom jiġu kklassifikati bħala “awtoritajiet kompetenti” fis-sens tad-Direttiva 2016/680. Tali klassifikazzjoni ma kinitx eskluża mill-fatt li l-PIU jittrasferixxu d-data PNR jew ir-riżultat tal-ipproċessar lill-awtoritajiet kompetenti.


59      Bl-eċċezzjoni tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, li ma adottax pożizzjoni dwar din il-kwistjoni.


60      Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU 2008, L 350, p. 60).


61      Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(4) tad-Direttiva 2024/1640.


62      Jiġifieri sabiex l-entità marbuta b’obbligu jew l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha kif xieraq u sabiex jiġi evitat it-tfixkil ta’ inkjesti, ta’ analiżijiet, ta’ investigazzjonijiet jew ta’ proċeduri uffiċjali jew legali għall-finijiet ta’ din id-direttiva, u jiġi żgurat li l-prevenzjoni, l-investigazzjoni u d-identifikazzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu ma jiġux ippreġudikati. L-eżistenza ta’ tali restrizzjoni settorjali speċifika tad-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data fir-rigward tal-projbizzjoni tal-iżvelar tista’ forsi tiġi spjegata bil-fatt li d-Direttiva 2015/849 tiġi qabel l-adozzjoni tal-istrument tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data għall-infurzar tal-liġi, jiġifieri d-Direttiva 2016/680. Id-Direttiva 2024/1640, li, kif imsemmija hawn fuq (fil-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet), tħassar id-Direttiva 2015/849, ma tinkludix iktar din id-dispożizzjoni dwar ir-restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess.


63      Jew lil korp awtoregolatorju tal-professjoni skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2015/849.


64      Ara l-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


65      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta l-pożizzjoni li l-Artikolu 41(4) tad-Direttiva 2015/849 huwa applikabbli b’mod iktar wiesa’ fir-rigward tad-data kollha miżmuma mill-UIF, l-analiżi tiegħi fir-rigward tar-raba’ domanda tibqa’ rilevanti sa fejn din id-dispożizzjoni tirrifletti, essenzjalment, il-kundizzjonijiet prinċipali għar-restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess previsti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2016/680.


66      Ara Dimitrova, D., “Limitations to the right of access”, f’Kosta, E. u Boehm, F. (edituri), The EU Law Enforcement Directive (LED), nota ta’ qiegħ il-paġna 19, op. cit., p. 288.


67      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International (C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 64).


68      Ara l-Artikolu 38(2) u l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2015/849, u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 61(3) tagħha.


69      Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers (C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 63).


70      Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers (C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 64).


71      Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2026, NTH Haustechnik (C‑484/24, EU:C:2026:496, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).


72      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International (C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).


73      Ara Dimitrova, D., nota ta’ qiegħ il-paġna 66, op. cit., p. 292, li tindika li l-obbligu ta’ dokumentazzjoni huwa intiż sabiex jiżgura li r-restrizzjonijiet ma jiġux imposti b’mod każwali.


74      Tali garanziji għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-garanziji previsti fid-dritt kriminali nazzjonali fil-każ li s-suġġett tad-data jiġi formalment akkużat b’reat.


75      Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023 (C‑333/22, EU:C:2023:874, punt 44).


76      Ibid., punt 66.


77      Ibid., punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata.


78      Ibid., punt 70.


79      Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2026, AEDT u État du Grand-Duché de Luxembourg (C‑158/25, EU:C:2026:591, punt 21).


80      Ara l-punti 88 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


81      Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Ligue des droits humains (Verifika tal-ipproċessar tad-data mill-awtorità superviżorja) (C‑333/22, EU:C:2023:874, punt 42).


82      Ara l-punt 109 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


83      Ara l-punt 102 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


84      Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2026, NTH Haustechnik (C‑484/24, EU:C:2026:496, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).


85      Ibid., punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata.


86      Ibid., punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata.


87      Qorti EDB, it‑23 ta’ Jannar 2025, H.W. vs Franza, ECLI:CE:ECHR:2025:0123JUD001380521, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata.


88      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2026, NTH Haustechnik (C‑484/24, EU:C:2026:496, punt 75, li tiċċita, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, it‑23 ta’ Jannar 2025, H.W. vs Franza, CE:ECHR:2025:0123JUD001380521, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).


89      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali) (C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 56).


90      Ara l-punti 100 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


91      Artikoli 8 sa 17 tal-Istatut tad-Database tar-RAB.


92      Il-livell ta’ sigurtà tad-data pproċessata huwa indikat bħala “għoli” fl-Artikolu 5(2) tal-Istatut tad-Database tar-RAB.


93      L-Artikolu 26(1) tal-Istatut tad-Database tar-RAB jippreċiża li d-data fid-database u d-dokumenti mdaħħla fid-database dwar persuna jinżammu fiha għal 15‑il sena wara l-għeluq tar-rapport jew tal-fajl rispettiv. Id-data dwar persuna, ir-rabtiet tal-persuna ma’ data oħra u d-dokumenti relatati magħha jitħassru mid-database b’tali mod li tiġi żgurata l-integrità tad-data dwar il-persuni, ir-rapporti u l-fajls.


94      Ara l-punt 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet.