Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - ATT FINALI - A.Dikjarazzjonijiet dwar disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni - 17.Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu III-184
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0460 - 0461
17. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu III-184 Fir-rigward ta' l — Artikolu III-76, il-Konferenza tikkonferma li ż-żieda fil-potenzjal ta' tkabbir ekonomiku u l-kisba ta' posizzjonijiet sodi ta' budget huma ż-żewġ kolonni tal-politika ekonomika u ta' budget ta' l-Unjoni u ta' l-Istati Membri. Il-Patt ta' Stabbiltà u ta' Tkabbir huwa strument importanti għall-kisba ta' dawn il-finijiet. Il-Konferenza tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha lejn id-disposizzjonijiet dwar l-Patt ta' Stabbiltà u ta' Tkabbir bħala l-qafas għall-kordinazzjoni tal-politiki finanzjarji fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Konferenza tikkonferma li sistema bbażata fuq ir-regoli hija l-aqwa garanzija tar-rispett ta' l-impenji u sabiex l-Istati Membri kollha jiġu trattati b'mod ugwali. F'dan il-qafas, il-Konferenza tafferma wkoll mill-ġdid l-impenn tagħha għall-finijiet ta' l-Istrateġija ta' Lisbona: il-ħolqien ta' l-impjiegi, r-riformi strutturali, u l-koeżjoni soċjali. L-Unjoni timmira għall-kisba ta' tkabbir ekonomiku bilanċjat u ta' l-istabbilità tal-prezzijiet. Għaldaqstant, il-politiki ekonomiċi u tal-budget għandhom jistabbilixxu l-prioritajiet ġusti rigward riformi ekonomiċi, ta' innovazzjoni, ta' kompetittività u ta' tisħiħ ta' l-investiment privat u l-konsum fi żminijiet ta' fit-tkabbir ekonomiku dgħajjef. Dan għandu jiġi rifless fl-orjentazzjonijiet tad-deċiżjonijiet dwar il-budget kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq il-livell ta' l-Unjoni, b'mod partikolari permezz tar-ristrutturazzjoni tad-dħul u ta' l-infiq pubbliku, b'rispett għad-dixxiplina fil-budget skond il-Kostituzzjoni u l-Patt ta' Stabbiltà u ta' Tkabbir. L-isfidi finanzjarji u ekonomiċi li jiffaċċjaw l-Istati Membri jaċċentwaw l-importanza ta' politika tal-budget soda matul il-ċiklu ekonomiku. Il-Konferenza taqbel li l-Istati Membri għandhom jużaw perijodi ta' rkupru ekonomiku b'mod attiv biex jikkonsolidaw il-finanzi pubbliċi tagħhom jtejbu l-posizzjonijiet tagħhom tal-budget. L-għan hu li jinkiseb b'mod progressiv bilanċ favorevoli fi żminijiet tajba, li joħloq l-ispazju meħtieġ biex jiġi akkomodat kull tnaqqis fl-attività ekonomika u b'hekk jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. L-Istati Membri jistennew bil-ħerqa proposti possibbli tal-Kummissjoni kif ukoll kontribuzzjonijiet ġodda mill-Istati Membri għat-tisħiħ u l-iċċarar ta' l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u ta' Tkabbir. L-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex itejbu l-potenzjal għat-tkabbir ta' l-ekonomiji tagħhom. Kordinazzjoni aħjar tal-politika ekonomika tista' tiffavorixxi dan il-għan. Din id-Dikjarazzjoni ma tippreġudikax d-dibattitu futur dwar il-Patt ta' Stabbiltà u ta' Tkabbir. --------------------------------------------------