SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla li tiddeċiedi fuq domandi preliminari)
26 ta’ Novembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ VAT – Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva 2006/112/KE – Eżenzjonijiet għal attivitajiet oħrajn – Negozjar ta’ kreditu – Attivitajiet ta’ intermedjarju tal-kreditu – Klassifikazzjoni”
Fil-Kawża T‑657/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (it-Tribunal tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD), il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Diċembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Diċembru 2024, fil-proċedura
Versãofast, Unipessoal, Lda.
vs
Autoridade Tributária e Aduaneira,
IL-QORTI ĠENERALI (Awla li tiddeċiedi fuq domandi preliminari),
komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Papasavvas, President, T. Pynnä, J. Laitenberger (Relatur), M. Stancu u I. Dimitrakopoulos, Imħallfin,
Avukata Ġenerali: M. Brkan,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat it-trażmissjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Diċembru 2024, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,
wara li rat is-suġġett imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-assenza ta’ domanda indipendenti ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b tal-imsemmi statut,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Versãofast, Unipessoal, Lda., minn S. Brigas Afonso, avukat, |
|
– |
għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, C. Bento, A. Rodrigues u R. Laires, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Herold u L. Santiago de Albuquerque, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta’ 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Versãofast, Unipessoal, Lda. u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità fiskali”) dwar attivitajiet ta’ intermedjarju ta’ kreditu eżerċitati minn din il-kumpannija li ġew ikklassifikati minn din l-awtorità, bħala tranżazzjonijiet ta’ negozjar ta’ kreditu eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). |
Il-qafas ġuridiku
Dritt tal-Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT jirriproduċi, essenzjalment, il-kliem tal-punt 1 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”). |
|
4 |
L-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin: […]
|
Id-dritt Portugiż
|
5 |
Skont il-punt 27(a) tal-Artikolu 9 tal-Código do Imposto sobre o Valor Acrescentado (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), approvat mid-decreto-lei n.o394-B/84 (id-Digriet-Liġi Nru 394-B/84), tas‑26 ta’ Diċembru 1984 (Diário da República, I Serje-A, Nru 297, tas‑26 ta’ Diċembru 1984), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, huma eżentati mill-VAT l-għoti u n-negozjar ta’ kreditu, taħt kwalunkwe forma, inklużi t-tranżazzjonijiet ta’ skont u riskont, kif ukoll l-amministrazzjoni jew l-immaniġġjar tiegħu mill-persuna li tagħtih. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
6 |
Versãofast hija kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Portugiż li kienet irreġistrata, fil-mument tal-fatti fit-tilwima fil-kawża prinċipali, bħala li topera attivitajiet ta’ konsulenza dwar in-negozju u l-immaniġġjar. |
|
7 |
Versãofast hija aċċettata minn Banco de Portugal (il-Bank tal-Portugall) sabiex topera attivitajiet ta’ intermedjarju tal-kreditu. Bħala tali, hija awtorizzata tippreżenta jew tipproponi finanzjamenti lill-konsumaturi, tassisti lill-konsumaturi billi twettaq xogħol ta’ tħejjija jew xogħol amministrattiv ieħor fl-istadju prekuntrattwali fir-rigward ta’ finanzjamenti li ma tkunx ippreżentat jew ipproponiet hija stess jew li tikkonkludi finanzjamenti ma’ konsumaturi f’isem il-kreditur. |
|
8 |
F’dan il-kuntest, Versãofast ikkonkludiet kuntratti ta’ konnessjoni ma’ diversi istituzzjonijiet ta’ kreditu Portugiżi, fosthom Caixa Geral de Depósitos, S. A. (iktar ’il quddiem iċ-“CGD”). Dawn il-kuntratti jirrigwardaw attivitajiet ta’ intermedjarju tal-kreditu li Versãofast topera għal dawn l-istituzzjonijiet b’mod indipendenti. Dawn l-attivitajiet jikkonsistu, b’mod partikolari, fit-tfittxija u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ klijenti potenzjali għal self immobiljarju, fl-assistenza lil dawn il-klijenti sabiex jiġbru d-dokumentazzjoni neċessarja għall-applikazzjoni għal self tagħhom, fl-għoti ta’ preċiżazzjonijiet dwar l-aspetti essenzjali tal-finanzjament bħall-ispread, ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta (RPAI) u r-rata tal-isforz, it-twettiq tal-ewwel analiżi tad-dokumentazzjoni mogħtija mill-klijenti għall-istruzzjoni tal-applikazzjoni tagħhom, is-sottomissjoni ta’ din id-dokumentazzjoni lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-preżentazzjoni lill-klijenti tal-offerti ta’ kreditu ta’ dawn l-istituzzjonijiet u l-komunikazzjoni lilhom tad-deċiżjoni finali tal-istituzzjoni li tagħha huma għażlu l-offerta. Għall-kuntrarju, Versãofast ma hijiex awtorizzata tikkonkludi, f’isem l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, finanzjamenti mal-konsumaturi. Hija lanqas ma tintervjeni fid-determinazzjoni tat-termini tal-offerti ta’ kreditu, fl-għażla tal-konsumaturi bejn l-offerti differenti u fid-deċiżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jagħtu l-kreditu. |
|
9 |
Il-kuntratti ta’ konnessjoni jipprevedu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jħallsu lil Versãofast, inkambju għall-attivitajiet tagħha, kummissjoni li tikkorrispondi għal perċentwal tal-ammont annwali tal-finanzjamenti immobiljari konklużi permezz tal-intermedjazzjoni tagħha, imwieżna b’indiċi tal-kwalità tat-tħejjija tal-fajls. |
|
10 |
Għalkemm l-attivitajiet ta’ intermedjarju tal-kreditu ta’ Versãofast u l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tagħhom huma identiċi għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha, il-kummissjonijiet irċevuti minnha madankollu ma kinux suġġetti għall-istess sistema ta’ VAT. Filwaqt li għall-ġeneralità ta’ dawn l-istituzzjonijiet, Versãofast ikkunsidrat li hija kienet tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fil-punt 27(a) tal-Artikolu 9 tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud għat-tranżazzjonijiet ta’ għoti u ta’ negozjar ta’ kreditu, hija ħallset, fir-rigward tal-kummissjonijiet imħallsa minn CGD, il-VAT bir-rata ta’ 23 %, li żiedet mal-ammont ta’ dawn il-kummissjonijiet. |
|
11 |
Wara talba ta’ Versãofast dwar ir-rimbors tal-VAT relatata mal-ewwel trimestru tas-sena 2023, l-Awtorità fiskali bdiet proċedura ta’ verifika li fi tmiemha hija nnotifikat lil Versãofast bl-abbozzi ta’ rettifika dwar il-VAT imnaqqsa matul is-snin 2019 sa 2023. Hija qieset li l-attivitajiet ta’ intermedjarju tal-kreditu mwettqa għal CGD kienu eżentati mill-VAT u, għaldaqstant, li l-VAT tal-input assoċjata ma’ dawn l-attivitajiet ma setgħetx titnaqqas. L-Awtorità fiskali għalhekk ħarġet għall-attenzjoni ta’ Versãofast avviżi ta’ likwidazzjoni tal-VAT għal ammont totali ta’ EUR 208 619.07. |
|
12 |
Fil‑5 ta’ April 2024, Versãofast ippreżentat rikors kontra dawn l-avviżi ta’ likwidazzjoni quddiem it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (it-Tribunal tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD), il-Portugall), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
13 |
Insostenn tar-rikors tagħha, Versãofast issostni li l-attivitajiet ta’ intermedjarju tal-kreditu mwettqa għal CGD ma jaqgħux taħt l-eżenzjoni mill-VAT applikabbli għan-negozjar ta’ kreditu, peress li hija ma tintervjenix fl-approvazzjoni tal-kreditu. Skont Versãofast, l-attivitajiet tagħha jillimitaw ruħhom li tgħarraf u tispjega lill-klijenti potenzjali l-fuljetti ppubblikati minn CGD u l-kundizzjonijiet tas-self immobiljarju li hija tipproponi, mingħajr ma tkun tista’ tirrakkomanda self immobiljarju iktar milli ieħor. F’dan ir-rigward, hija tipprovdi biss informazzjoni imparzjali u oġġettiva lill-klijenti kkonċernati. Barra minn hekk, hija ma tanalizzax l-informazzjoni miġbura mingħand dawn il-klijenti u fl-ebda każ ma tista’ tidħol f’finanzjamenti f’isem iċ-CGD. Fl-aħħar nett, il-kummissjonijiet li hija tirċievi jirremuneraw biss meta hija tħajjar lil klijenti u mhux in-negozjar ta’ kreditu. |
|
14 |
L-Awtorità fiskali, min-naħa tagħha, issostni li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħha ta’ intermedjarja tal-kreditu, Versãofast tipprovdi servizzi tal-istess natura lil diversi istituzzjonijiet ta’ kreditu, iżda tapplika trattament differenti għal dawk li hija tipprovdi lil CGD, li għalihom hija tħallas il-VAT, meta mqabbla ma’ dawk li hija tipprovdi lill-istituzzjonijiet l-oħra, li għalihom hija tapplika s-sistema ta’ eżenzjoni mill-VAT. Skont l-Awtorità fiskali, il-preżentazzjoni tal-finanzjamenti u l-assistenza lill-konsumaturi, miftiehma kuntrattwalment, huma inseparabbli mill-perspettiva tal-għan imfittex, jiġifieri l-konklużjoni ta’ finanzjamenti. |
|
15 |
Skont it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (it-Tribunal tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD)), hemm dubju dwar jekk l-attivitajiet ta’ intermedjarja tal-kreditu, kif eżerċitati minn Versãofast, jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “negozjar ta’ kreditu”, fis-sens tal-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT, li jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fl-ordinament intern. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, anki jekk huwa t-tħajjir “(pro)attiv” ta’ Versãofast li jqarreb lill-partijiet lejn xulxin u jiffavorixxi l-konklużjoni ta’ finanzjamenti, din ma tinnegozjax it-termini ta’ dawn il-kuntratti u ma taġixxix la f’isem l-akkwirenti ta’ kreditu u lanqas f’isem iċ-CGD. |
|
16 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (it-Tribunal tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD)) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
17 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni li huwa jipprevedi għat-tranżazzjonijiet ta’ negozjar ta’ kreditu tapplika għall-attivitajiet ta’ intermedjarju tal-kreditu li jfittex u jħajjar lil klijenti sabiex joffrilhom finanzjamenti immobiljari, li jassistihom billi jwettaq xogħlijiet qabel il-konklużjoni tal-kuntratti, li huwa inkarigat mill-komunikazzjoni mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li huwa rremunerat minn dawn l-istituzzjonijiet skont l-ammont ta’ finanzjamenti konklużi permezz tal-intermedjazzjoni tiegħu, u dan minkejja l-fatt li la għandu s-setgħa li jaġixxi f’isem l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u lanqas ma għandu ebda influwenza fuq il-kontenut tal-offerti ta’ kreditu u li l-klijenti jibqgħu liberi li jikkonkludu jew le finanzjament u li jagħżlu l-istituzzjoni ta’ kreditu li magħha huma ser jikkonkludu l-kuntratt. |
|
18 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn id-Direttiva tal-VAT tħassar u tissostitwixxi s-Sitt Direttiva, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva tal-aħħar tapplika wkoll għal dawk tad-Direttiva tal-VAT meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ strumenti tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, K u DBKAG, C‑58/20 u C‑59/20, EU:C:2021:491, punt 27). |
|
19 |
Konsegwentement, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva tapplika wkoll għall-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT, peress li, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 3 iktar ’il fuq, dawn id-dispożizzjonijiet huma fformulati f’termini sostanzjalment identiċi u jistgħu, għaldaqstant, jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, K u DBKAG, C‑58/20 u C‑59/20, EU:C:2021:491, punt 28). |
|
20 |
L-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw mill-VAT in-negozjar ta’ kreditu. |
|
21 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva tal-VAT jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom l-għan li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor, li għalhekk għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Generali Seguros, C‑42/22, EU:C:2023:183, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
22 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-termini użati sabiex jiġu indikati l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li dawn l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ġenerali li skontu l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi li ssir bi ħlas minn persuna taxxabbli (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Blackrock Investment Management (UK), C‑231/19, EU:C:2020:513, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “negozjar”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kuntest tal-punt 5 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, riprodott essenzjalment fl-Artikolu 135(1)(f) tad-Direttiva tal-VAT, li dan il-kunċett ikopri attività eżerċitata minn persuna intermedjarja li ma tokkupax il-post ta’ parti f’kuntratt u li l-attività tagħha hija differenti mis-servizzi kuntrattwali tipiċi pprovduti minn tali parti. Fil-fatt, l-attività ta’ negozjar hija servizz ipprovdut lil parti fil-kuntratt u mħallsa minnha bħala attività distinta ta’ medjazzjoni. Hija tista’ tikkonsisti, fost l-oħrajn, f’li tindikalha l-okkażjonijiet sabiex tikkonkludi tali kuntratt, sabiex tidħol f’kuntratt mal-parti l-oħra u sabiex tinnegozja f’isem u akkont tal-klijent id-dettalji tas-servizzi reċiproċi. L-għan ta’ din l-attività huwa b’hekk li jsir in-neċessarju sabiex żewġ partijiet jikkonkludu kuntratt, mingħajr ma n-negozjatur ikollu interess proprju fir-rigward tal-kontenut tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2001, CSC Financial Services, C‑235/00, EU:C:2001:696, punt 39, u tal‑5 ta’ Lulju 2012, DTZ Zadelhoff, C‑259/11, EU:C:2012:423, punt 27). |
|
24 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-attivitajiet ta’ medjazzjoni, li jikkonsistu fit-tfittxija, bi ħlas ta’ remunerazzjoni, ta’ akkwirenti għal proprjetajiet immobbli li sussegwentement inbiegħu u ġew ittrasferiti permezz ta’ trasferimenti ta’ azzjonijiet, mingħajr ma l-intermedjarju jkollu interess proprju fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn il-kuntratti, huma attivitajiet li jikkorrispondu għat-terminu “negozjar” li jirrigwarda azzjonijiet u ishma ta’ kumpanniji jew ta’ assoċjazzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 135(1)(f) tad-Direttiva tal-VAT (digriet tal‑21 ta’ Novembru 2017, Kerr, C‑615/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:906, punt 43). |
|
25 |
Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-provvista ta’ sempliċi servizz materjali, tekniku jew amministrattiv li ma jwassalx għal bidla fis-sitwazzjoni legali u finanzjarja bejn il-partijiet ma hijiex koperta mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(f) tad-Direttiva tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2001, CSC Financial Services, C‑235/00, EU:C:2001:696, punt 28). |
|
26 |
Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-termini “negozjar f’titoli” ma jirrigwardawx is-servizzi li jipprovdu biss informazzjoni dwar prodott finanzjarju u, jekk ikun il-każ, li jirċievu u jipproċessaw it-talbiet għas-sottoskrizzjoni tat-titoli korrispondenti, mingħajr ma joħorġuhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2001, CSC Financial Services, C‑235/00, EU:C:2001:696, punt 41). |
|
27 |
Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kunċett ta’ “negozjar ta’ kreditu”, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, li ġiet issostitwita bl-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT, ma tistax tiddependi mill-eżistenza ta’ rabta kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizz ta’ negozjar u parti fil-finanzjament, iżda għandha tiġi evalwata fid-dawl tan-natura stess tas-servizz ipprovdut u tal-għan tiegħu (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Ludwig, C‑453/05, EU:C:2007:369, punt 33). |
|
28 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt stess li klawżoli tal-finanzjament kienu ġew stabbiliti minn qabel minn waħda mill-partijiet fil-kuntratt ma jistax jipprekludi, bħala tali, il-provvista ta’ servizz ta’ negozjar, peress li l-attività ta’ negozjar tista’ sempliċement tindika lil parti fil-kuntratt l-okkażjonijiet li jiġi konkluż tali kuntratt (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Ludwig, C‑453/05, EU:C:2007:369, punt 39). |
|
29 |
F’dan il-każ, għalkemm, meħuda individwalment, uħud mis-servizzi tan-natura ta’ dawk ipprovduti minn Versãofast, bħat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-klijenti ta’ fuljetti pprovduti mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew ir-riċeviment tat-tweġibiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet għat-talbiet ta’ kreditu, għandhom in-natura ta’ sempliċi servizzi materjali, tekniċi jew amministrattivi, dawn is-servizzi, meħuda flimkien, huma intiżi bħala prinċipju li istituzzjoni ta’ kreditu, f’dan il-każ CGD, tikkonkludi finanzjamenti ma’ klijenti potenzjali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Tali għan jista’ jirriżulta wkoll mill-mod ta’ remunerazzjoni tal-imsemmija servizzi, meta dan ikun ibbażat, bħal fil-kawża prinċipali, fuq il-konklużjoni effettiva ta’ finanzjamenti u meta l-intermedjarju tal-kreditu jitħallas mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-ammont tal-finanzjamenti konklużi permezz tal-intermedjazzjoni tiegħu u l-kwalità tas-servizzi mogħtija, b’mod partikolari l-kwalità ta’ tħejjija tal-fajls. |
|
30 |
Sa fejn, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq, il-fatt stess li klawżoli tal-finanzjament kienu ġew stabbiliti minn qabel minn waħda mill-partijiet fil-kuntratt ma jistax jipprekludi, bħala tali, il-provvista ta’ servizz ta’ negozjar ta’ kreditu, l-assenza ta’ influwenza tal-intermedjarju tal-kreditu fuq il-kontenut tal-offerta ta’ kreditu hija neċessarjament mingħajr effett fuq il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ dan l-intermedjarju bħala servizzi ta’ negozjar li jaqgħu taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT. |
|
31 |
L-istess japplika fir-rigward tal-fatt li l-intermedjarju tal-kreditu ma għandux is-setgħa li jaġixxi f’isem u akkont tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT ma tistax tiddependi mill-eżistenza ta’ rabta kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizz ta’ negozjar u parti fil-finanzjament, iżda għandha tiġi evalwata fid-dawl tan-natura stess tas-servizz ipprovdut u tal-għan tiegħu. Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 29 iktar ’il fuq u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-attivitajiet ta’ intermedjarju ta’ kreditu bħal dawk eżerċitati minn Versãofast, meħuda flimkien, huma intiżi li jagħmlu dak li huwa neċessarju sabiex istituzzjoni ta’ kreditu tikkonkludi finanzjamenti ma’ klijenti potenzjali u jistgħu, għaldaqstant, minħabba dan il-fatt biss, jikkostitwixxu attività ta’ “negozjar ta’ kreditu” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, għalkemm verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT, bħall-verżjonijiet bil-lingwa Portugiża, Franċiża jew Ingliża, jużaw rispettivament it-termini “negociação”, “négociation” u “negotiation”, verżjonijiet lingwistiċi oħra bħall-verżjonijiet tal-lingwa Ġermaniża, Finlandiża, Svediża, Daniża u Olandiża jużaw rispettivament il-kliem “Vermittlung”, “välitys”, “förmedling”, “formidling” u “bemiddeling”. Dawn it-termini jirreferu, fil-lingwaġġ ta’ kuljum, għal attività ta’ medjazzjoni intiża li tqiegħed lil żewġ partijiet f’pożizzjoni li jikkonkludu, bejniethom, kuntratt, mingħajr ma l-intermedjarju jkun neċessarjament inkarigat minn waħda mill-partijiet fil-kuntratt sabiex jiddetermina l-klawżoli kuntrattwali jew sabiex jaġixxi f’isem u akkont ta’ din il-parti, pereżempju bl-għan tal-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt. Għalhekk, dawn jaqblu mal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “negozjar” mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq. |
|
33 |
Il-klassifikazzjoni ta’ servizzi bħal dawk ipprovduti minn Versãofast bħala li jaqgħu taħt l-attività ta’ “negozjar ta’ kreditu” fis-sens tal-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT lanqas ma tista’ tiġi kkontestata mill-fatt li l-klijenti jibqgħu liberi li jikkonkludu jew le finanzjament u li jagħżlu l-istituzzjoni ta’ kreditu li magħha huma jkunu ser jidħlu f’kuntratt. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq, negozjar ta’ kreditu jista’ sempliċement iqiegħed lil żewġ partijiet f’pożizzjoni li jikkonkludu, permezz tagħhom stess, finanzjament. L-attività eżentata skont l-imsemmija dispożizzjoni ma timplikax b’mod partikolari, għall-partijiet potenzjali f’finanzjament, restrizzjoni tal-libertà kuntrattwali tagħhom. |
|
34 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni li huwa jipprevedi għat-tranżazzjonijiet ta’ negozjar ta’ kreditu tapplika għall-attivitajiet ta’ intermedjarju tal-kreditu li jfittex u jħajjar lil klijenti sabiex joffrilhom finanzjamenti immobiljari, li jassistihom billi jwettaq xogħlijiet qabel il-konklużjoni tal-kuntratti, li huwa inkarigat mill-komunikazzjoni mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li huwa rremunerat minn dawn l-istituzzjonijiet skont l-ammont tal-finanzjamenti konklużi permezz tal-intermedjazzjoni tiegħu, u dan minkejja l-fatt li la għandu s-setgħa li jaġixxi f’isem l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u lanqas ma għandu ebda influwenza fuq il-kontenut tal-offerti ta’ kreditu u li l-klijenti jibqgħu liberi li jikkonkludu jew le finanzjament u li jagħżlu l-istituzzjoni ta’ kreditu li magħha huma jkunu ser jidħlu f’kuntratt. |
Fuq l-ispejjeż
|
35 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Awla li tiddeċiedi fuq domandi preliminari) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 135(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta’ 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
l-eżenzjoni li huwa jipprevedi għat-tranżazzjonijiet ta’ negozjar ta’ kreditu tapplika għall-attivitajiet ta’ intermedjarju tal-kreditu li jfittex u jħajjar lil klijenti sabiex joffrilhom finanzjamenti immobiljari, li jassistihom billi jwettaq xogħlijiet qabel il-konklużjoni tal-kuntratti, li huwa inkarigat mill-komunikazzjoni mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li huwa rremunerat minn dawn l-istituzzjonijiet skont l-ammont tal-finanzjamenti konklużi permezz tal-intermedjazzjoni tiegħu, u dan minkejja l-fatt li la għandu s-setgħa li jaġixxi f’isem l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u lanqas ma għandu ebda influwenza fuq il-kontenut tal-offerti ta’ kreditu u li l-klijenti jibqgħu liberi li jikkonkludu jew le finanzjament u li jagħżlu l-istituzzjoni ta’ kreditu li magħha huma jkunu ser jidħlu f’kuntratt. |
|
Papasavvas Pynnä Laitenberger Stancu Dimitrakopoulos Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑26 ta’ Novembru 2025. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.