European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3176

20.12.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3176

tad-19 ta’ Diċembru 2024

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/602 fir-rigward tar-rikonoxximent tal-iskema volontarja “Ċertifikazzjoni Internazzjonali tas-Sostenibbiltà u l-Karbonju — ISCC EU (International Sustainability & Carbon Certification)” għall-bijomassa tal-foresti, għall-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u għall-karburanti tal-karbonju riċiklat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(4) tagħha,

Billi:

(1)

L-iskema volontarja “Ċertifikazzjoni Internazzjonali tas-Sostenibbiltà u l-Karbonju - ISCC EU” (l-iskema ISCC) ressqet talba lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 fis-17 ta’ Diċembru 2020. It-talba wasslet għal valutazzjoni ta’ dik l-iskema min-naħa tal-Kummissjoni, u fiha ġew identifikati ċerti kwistjonijiet li jeħtieġu modifika. Fis-sottomissjoni mill-ġdid tagħha tat-23 ta’ Ġunju 2021, l-iskema indirizzat b’mod korrett il-kwistjonijiet u l-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema kopriet b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa agrikola, stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, filwaqt li kien fiha wkoll data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-fini tal-Artikolu 29(10) ta’ dik id-Direttiva u applikat metodoloġija tal-bilanċ tal-massa f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30(1) u (2) ta’ dik id-Direttiva. Għalhekk, fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/602 (2), l-iskema ISCC ġiet rikonoxxuta biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (5) u (10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, li jikkonċernaw il-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa prodotti mill-bijomassa agrikola u mill-iskart u r-residwi. Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ċertezza legali, jenħtieġ li jiġi ċċarat liema dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/602 japplikaw għall-bijomassa agrikola u liema japplikaw għall-bijomassa tal-foresti.

(2)

Peress li l-iskema ISCC, fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/602, ma kinitx meqjusa li tkopri b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa tal-foresti stabbiliti fl-Artikolu 29(6) u (7) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, l-iskema għamlet aktar modifiki biex tiżgura li l-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijomassa tal-foresti stabbiliti fl-Artikolu 29(6), (7) u (10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, kienu koperti wkoll b’mod adegwat. Fis-sottomissjoni mill-ġdid tagħha tat-30 ta’ Novembru 2023, il-kwistjonijiet kollha li fadal, li kienu ġew identifikati qabel, ġew indirizzati b’mod adegwat u l-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema ISCC issa turi li l-konsenji tal-bijokarburanti, tal-bijolikwidi u tal-bijokarburanti tal-bijomassa prodotti mill-bijomassa tal-foresti, jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u mal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-fini tal-Artikolu 29(10) ta’ dik id-Direttiva. Ġie konkluż ukoll li l-iskema ISCC, fir-rigward tal-bijomassa tal-foresti, tapplika metodoloġija tal-bilanċ tal-massa f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

(3)

Bl-istess mod, l-iskema ISCC ma kinitx tkopri r-rekwiżiti għall-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika stabbiliti fl-Artikolu 27(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1184 (3). Lanqas ma forniet data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika għall-fini tal-Artikolu 29a(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u hija konformi mal-metodoloġija inkluż fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1185 (4). Għalhekk, fit-12 ta’ Settembru 2023, l-iskema ISCC ippreżentat talba oħra lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent fir-rigward tal-produzzjoni ta’ fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u karburanti tal-karbonju riċiklat. Il-Kummissjoni vvalutat l-iskema iżda kkonkludiet li kienu meħtieġa aktar modifiki biex titqies konformi mar-regoli rilevanti għall-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u għall-karburanti tal-karbonju riċiklat. L-iskema reġgħet issottomettiet id-dokumentazzjoni tagħha fit-22 ta’ Lulju 2024 u indirizzat b’mod korrett il-kwistjonijiet identifikati. Il-Kummissjoni sabet li l-iskema ISCC issa tkopri b’mod adegwat ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 27(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u fir-Regolament Delegat (UE) 2023/1184 għall-produzzjoni ta’ fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u tipprovdi data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u tal-karburanti tal-karbonju riċiklat għall-finijiet tal-Artikolu 29a(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u hija konformi mal-metodoloġija inkluża fir-Regolament Delegat (UE) 2023/1185.

(4)

Peress li l-iskema ISCC issa tkopri wkoll il-bijomassa tal-foresti, minbarra l-materja prima li għaliha ġiet rikonoxxuta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/602, l-iskema tkopri t-tipi kollha ta’ fjuwils prodotti mill-bijomassa. Barra minn hekk, l-iskema issa tkopri l-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat. Din għandha kopertura ġeografika globali u tinkludi l-katina kollha tal-kustodja.

(5)

L-iskema ISCC issa tikkonforma b’mod adegwat mar-regoli stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 (5) anke fir-rigward tal-karburanti prodotti mill-bijomassa tal-foresti.

(6)

L-iskema ISCC tikkonforma b’mod adegwat mar-regoli stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2448 (6) fir-rigward tal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(6) u (7) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

(7)

Il-valutazzjoni tal-iskema ISCC sabet li din tissodisfa l-istandards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti u tikkonforma wkoll fir-rigward tal-karburanti prodotti mill-bijomassa tal-foresti mar-rekwiżiti metodoloġiċi stabbiliti fl-Annessi V u VI tad-Direttiva (UE) 2018/2001, u tal-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2023/1184 u fir-Regolament Delegat (UE) 2023/1185.

(8)

Fir-rigward tal-elementi l-ġodda tal-iskema ISCC li, wara li ġew ivvalutati mill-Kummissjoni wara s-sottomissjonijiet mill-ġdid tat-30 ta’ Novembru 2023 u t-22 ta’ Lulju 2024, li qed jiġu rikonoxxuti f’din id-Deċiżjoni, il-perjodu ta’ validità għandu jkun ta’ 5 snin.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/602 tiġi emendata skont dan.

(10)

L-informazzjoni li l-iskema ISCC ġiet rikonoxxuta wkoll għall-bijomassa tal-foresti, u l-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat se tkun disponibbli fit-taqsima ddedikata għall-iskemi volontarji fuq is-sit web Europa tal-Kummissjoni.

(11)

Sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni f’waqtha tal-miżuri previsti fiha, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(12)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti, il-Bijolikwidi u l-karburanti mill-Bijomassa,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/602 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel paragrafu, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-konformità tal-konsenji tal-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa agrikola stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (5) u (10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001“;

(b)

jiżdiedu t-3 paragrafi li ġejjin:

“Wara s-sottomissjoni tat-30 ta’ Novembru 2023, l-iskema turi wkoll il-konformità tal-kunsinni ta’ bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti tal-bijomassa mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa tal-foresti stabbiliti fl-Artikolu 29(6) u (7) u mar-rekwiżiti tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijomassa tal-foresti fl-Artikolu 29(10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

Wara l-preżentazzjoni tat-22 ta’ Lulju 2024, l-iskema turi wkoll il-konformità tal-kunsinni ta’ fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(6);

Wara l-preżentazzjoni tat-22 ta’ Lulju 2024, l-iskema tipprovdi data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika u tal-karburanti tal-karbonju riċiklat għall-fini tal-Artikolu 29a(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.”

(2)

L-Artikolu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“Id-Deċiżjoni hija valida:

(a)

sat-13 ta’ April 2027 fir-rigward tal-elementi msemmija fl-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punti (a), (b) u (c), u t-tieni paragrafu;

(b)

sal-21 ta’ Diċembru 2029 fir-rigward tal-elementi msemmija fl-Artikolu 1, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames paragrafi.

Meta l-kontenut tal-iskema, kif sottomessa lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent, jinbidel b’mod li jista’ jaffettwa l-mottiv ta’ din id-Deċiżjoni, l-iskema volontarja “ISCC” għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’dawn il-bidliet mingħajr dewmien. Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jivvalutaw il-bidliet innotifikati bil-ħsieb li jistabbilixxu jekk l-iskema tkunx għadha tkopri b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet rikonoxxuta.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/2001/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/602 tat-8 ta’ April 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-iskema volontarja “International Sustainability & Carbon Certification - ISCC EU” biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa, il-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat (ĠU L 114, 12.4.2022, p. 182), ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/602/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1184 tal-10 ta’ Frar 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi metodoloġija tal-Unjoni li tistipula regoli dettaljati għall-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika (ĠU L 157, 20.6.2023, p. 11 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1184/oj).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1185 tal-10 ta’ Frar 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi livell limitu minimu għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ fjuwils tal-karbonju riċiklat u billi jispeċifika metodoloġija għall-valutazzjoni tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn fjuwils rinnovabbli likwidi u gassużi għat-trasport ta’ oriġini mhux bijoloġika u minn fjuwils tal-karbonju riċiklat (ĠU L 157, 20.6.2023, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1185/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 tal-14 ta’ Ġunju 2022 dwar ir-regoli biex jiġu verifikati l-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-kriterji ta’ riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU L 168, 27.6.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/996/oj).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2448 tat-13 ta’ Diċembru 2022 dwar l-istabbiliment ta’ gwida operazzjonali fuq l-evidenza għall-wiri tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa forestali stabbiliti fl-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 14.12.2022, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2448/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/3176/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)