Brussell, 21.4.2017

JOIN(2017) 14 final

ANNESS

tal-

Proposta Konġunta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-
Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti l-oħra, rigward l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu


RAKKOMANDAZZJONI Nru 01/2017 TAS-SITT KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-EĠITTU TA’ [JUM XAHAR SENA]

Fuq qbil dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-EĠITTU,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti l-oħra, u b'mod partikolari l-Artikolu 76 tiegħu,

Billi:

(1)    Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti l-oħra, ġie ffirmat fil-25 ta’ Ġunju 2001 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2004;

(2)    L-Artikolu 76 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju jagħti s-setgħa lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li jieħu d-deċiżjonijiet xierqa, għall-finijiet li jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim;

(3)    Skont l-Artikolu 86 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju, il-Partijiet għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim u għandhom jaraw li jinkisbu l-għanijiet stipulati fil-Ftehim;

(4)    Ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat ippropona fażi ġdida ta’ involviment mas-sħab, li tippermetti sens akbar ta’ sjieda miż-żewġ naħat;

(5)    L-UE u l-Eġittu qablu li jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom billi jaqblu dwar sett ta’ prijoritajiet għall-perjodu 2017-2020 bl-għan li jindirizzaw sfidi komuni li jaffaċċaw l-UE u l-Eġittu, li jippromwovu interessi konġunti u li jiggarantixxu l-istabbiltà fit-tul fiż-żewġ naħat tal-Mediterran.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jirrakkomanda li l-Partijiet jimplimentaw il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu kif stipulat fl-Anness.

Artikolu 2

Il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu kif imsemmija fl-Artikolu 1 jieħdu post il-Pjan ta’ Azzjoni UE-Eġittu, li l-implimentazzjoni tiegħu kienet irrakkomandata bir-Rakkomandazzjoni Nru 1/2007 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni tas-6 ta’ Marzu 2007.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi xx, [jum xahar sena].

Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni

Il-President

***

ANNESS

Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu



Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu 2017-2020

I. Introduzzjoni

Il-qafas ġenerali għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Eġittu huwa stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li ġie ffirmat fl-2001 u daħal fis-seħħ fl-2004. Filwaqt li l-elementi kollha tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għadhom fis-seħħ, dan id-dokument jistabbilixxi l-prijoritajiet stabbiliti b’mod konġunt mill-UE u l-Eġittu fid-dawl tal-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta li se jiggwidaw is-sħubija għat-tliet snin li ġejjin.

Il-Prijoritajiet tas-Sħubija għandhom l-għan li jindirizzaw sfidi komuni li l-UE u l-Eġittu jaffaċċaw, li jippromwovu l-interessi konġunti u li jiggarantixxu l-istabbiltà fit-tul fiż-żewġ naħat tal-Mediterran. Il-Prijoritajiet tas-Sħubija huma ggwidati minn impenn komuni favur il-valuri universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Huma għandhom l-għan ukoll li jsaħħu l-kooperazzjoni favur “L-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli – Viżjoni 2030” tal-Eġittu.

II. Prijoritajiet Proposti

Il-Prijoritajiet tas-Sħubija għandhom jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-aspirazzjonijiet tan-nies fiż-żewġ naħat tal-Mediterran, partikolarment bl-iżgurar tal-ġustizzja soċjali, opportunitajiet tax-xogħol deċenti, il-prosperità ekonomika u kundizzjonijiet tal-għajxien imtejbin sostanzjalment, biex b’hekk l-istabbiltà tal-Eġittu u tal-UE tissaħħaħ. It-tkabbir inklużiv, mirfud mill-innovazzjoni, u governanza effettiva u parteċipatorja, immexxija mill-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, u l-libertajiet fundamentali, huma aspetti ewlenin ta’ dawn l-għanijiet. Il-prijoritajiet jieħdu kont ukoll tar-rwoli rispettivi tal-UE u tal-Eġittu bħala atturi internazzjonali u għandhom l-għan kemm li jżidu l-kooperazzjoni bilaterali kif ukoll il-kooperazzjoni reġjonali u interreġjonali tagħhom. Għaldaqstant, il-prijoritajiet kardinali li ġejjin se jiggwidaw is-sħubija mġedda:

1. L-Ekonomija Moderna Sostenibbli u l-Iżvilupp Soċjali tal-Eġittu

L-UE u l-Eġittu, bħala sħab ewlenin se jikkooperaw biex javvanzaw l-għanijiet soċjoekonomiċi stabbiliti fl-"Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli – Viżjoni 2030" bl-għan li jinbena Eġittu stabbli u prosperuż.

a) Il-modernizzazzjoni ekonomika u l-intraprenditorija

L-Eġittu huwa impenjat li jikseb sostenibbiltà soċjoekonomika fit-tul permezz, fost l-oħrajn, il-ħolqien ta’ ambjent li jwassal iktar għat-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol inklużiv, partikolarment għaż-żgħażagħ u n-nisa, inkluż billi titħeġġeġ l-integrazzjoni tas-settur informali fl-ekonomija. Għas-sostenibbiltà ekonomika fit-tul, din se tinkludi miżuri li jistgħu jiġġeneraw spazju fiskali ikbar għal implimentazzjoni aħjar tal-istrateġija għal żvilupp sostenibbli, ir-riforma ulterjuri tas-sussidji u t-tassazzjoni, it-tisħiħ tar-rwol tas-settur privat u t-titjib tal-klima kummerċjali biex jiġi attirat iktar investiment barrani, inkluż permezz ta’ politika kummerċjali iktar miftuħa u kompetittiva, li jitgawdew bis-sħiħ il-benefiċċji tad-dividend diġitali u permezz ta’ appoġġ għal proġetti infrastrutturali ewlenin bħall-iżvilupp ta’ sistema tat-trasport effiċjenti. Barra minn hek, l-UE se tappoġġja l-isforzi tal-Eġittu favur riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-governanza tajba, inkluż permezz tal-użu ta’ statistiki ta’ kwalità għolja u billi titqies ir-revoluzzjoni diġitali u l-mudelli tan-negozju u tas-soċjetà relatati.

L-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli tal-Eġittu tagħti importanza kbira lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u għal “Megaproġetti” bħall-Proġett ta’ Żvilupp tal-Kanal ta’ Suez, il-Proġett tat-Trijanglu tad-Deheb għar-Riżorsi Minerali fl-Eġittu ta’ Fuq u r-riklamazzjoni ta’ erba’ miljun ettaru għall-agrikoltura u l-urbanizzazzjoni, kif ukoll lill-Bank tal-Għarfien tal-Eġittu bħala kontributuri ewlenin għall-proċess ta’ żvilupp soċjoekonomiku fit-tul. Minħabba l-importanza tal-iżvilupp tal-SMEs għat-tkabbir inklużiv, dan is-settur se jkompli jkollu rwol ċentrali fil-kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu. L-UE se tikkunsidra wkoll modi li bihom jista’ jitkattar il-potenzjal għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Proġett ta’ Żvilupp tal-Kanal ta’ Suez (Suez Canal Hub). Barra minn hekk, l-UE u l-Eġittu se jikkooperaw f’għadd ta’ setturi tar-riċerka u l-innovazzjoni u fl-avvanz tat-teknoloġiji u s-servizzi diġitali. F’dan il-kuntest, l-Eġittu u l-UE enfasizzaw l-interess tagħhom li jintensifikaw il-kooperazzjoni f'għadd ta’ attivitajiet rilevanti ta’ riċerka u edukazzjoni għolja, inkluż fil-qafas tal-Orizzont 2020 u Erasmus+.

Minħabba l-patrimonju imprezzabbli u divers tal-Eġittu, u l-kontribuzzjoni sinifikanti tas-settur kulturali (li t-turiżmu huwa marbut sew miegħu) għall-PDG, l-impjiegi, ir-riżervi tal-kambju tal-Eġittu u tas-soċjetà tiegħu b’mod iktar wiesa’, se titqiegħed enfasi partikolari fuq ir-rabta bejn il-kultura, il-patrimonju kulturali u l-iżvilupp ekonomiku lokali.

b) Kummerċ u investiment

L-UE u l-Eġittu huma sħab kummerċjali importanti, impenjati li jsaħħu r-relazzjoni ta’ kummerċ u investiment eżistenti u li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu li jistabbilixxu żona ta' kummerċ ħieles (FTA) jiġu implimentati b’mod li jippermettilha tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha. Filwaqt li l-UE fl-imgħoddi pproponiet l-idea ta’ inizjattiva ta’ Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv (DCFTA) biex tapprofondixxi u twessa' l-FTA eżistenti, l-UE u l-Eġittu se jidentifikaw ukoll flimkien approċċi adattati oħrajn biex isaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali.

c) Żvilupp soċjali u ġustizzja soċjali

L-Eġittu jtenni l-impenn tiegħu li jirriforma u jippromwovi l-iżvilupp soċjali u l-ġustizzja soċjali, li jindirizza l-isfidi soċjali u demografiċi li qiegħed jaffaċċa, u li jagħti spinta lir-riżorsi umani tal-pajjiż, li se javvanzaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali. F’dan ir-rigward, l-UE se tappoġġja l-isforzi tal-Eġittu biex jipproteġi l-gruppi emarġinati mill-impatti negattivi potenzjali tar-riformi ekonomiċi permezz ta’ xbieki ta’ sikurezza soċjali u protezzjoni soċjali. Barra minn hekk, l-UE u l-Eġittu se jkomplu jippromwovu l-iżvilupp rurali u urban, kif ukoll itejbu l-għoti ta’ servizzi bażiċi, b’enfasi fuq il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni (inkluż it-taħriġ tekniku u vokazzjonali) u s-sistemi tas-saħħa. L-UE se taqsam l-esperjenza tagħha fl-istabbiliment ta’ kopertura tal-kura tas-saħħa inklussiva u servizzi ta’ kura tas-saħħa mtejbin.

d) Is-sigurtà tal-enerġija, l-ambjent, u l-azzjoni klimatika

L-UE u l-Eġittu se jikkooperaw fuq id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija, filwaqt li jkun hemm aċċenn partikolari fuq is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u fuq azzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika. L-UE, fuq talba tal-gvern Eġizzjan, se tappoġġja l-isforzi tal-Eġittu biex jaġġorna l-istrateġija integrata tal-enerġija tiegħu li għandha l-għan li tilħaq il-ħtiġijiet tal-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż u li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Barra minn hekk, l-iskoperta ta’ riżervi ta’ gass barra mill-kosta tal-Eġittu toħloq lok importanti għal sinerġiji bejn l-UE u l-Eġittu b’rabta ma’ sorsi ta' enerġija konvenzjonali, minħabba l-infrastrutturi ta’ likwefazzjoni li diġà hemm fl-Eġittu. Din tkun tippermetti ġenerazzjoni tal-enerġija iktar prevedibbli, xi ħaġa li taqdi l-interessi kemm tal-Eġittu – meta wieħed iqis il-ħtiġijiet ta’ konsum sinifikanti tal-pajjiż u l-potenzjal għall-ġenerazzjoni tad-dħul (inkluż għall-ambjent tan-negozju u l-iżvilupp soċjali) – u tal-UE, biex din tiddiversifika l-provvista tagħha. It-tisħiħ tad-djalogu dwar l-enerġija bejn l-UE u l-Eġittu se jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta’ oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni (bħall-assistenza teknika biex jiġi stabbilit fus tal-enerġija reġjonali), ir-riċerka konġunta, il-qsim tal-esperjenza u l-aħjar prassi, it-trasferimenti tat-teknoloġija u l-promozzjoni ta’ kooperazzjoni sottoreġjonali (intra-Mediterranja), filwaqt li tiġi rikonoxxuta il-ħtieġa li jiġu ppreservati l-ekosistemi marini tal-Mediterran.

L-UE u l-Eġittu se jikkooperaw fil-promozzjoni tal-azzjoni dwar il-klima u l-ambjent fil-kuntest tal-ksib tal-iżvilupp sostenibbli. Konformi mal-impenji tagħhom wara l-adozzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, l-UE se tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Kontributi Maħsuba Determinati fil-Livell Nazzjonali fl-oqsma tal-mitigazzjoni u l-adattament. Barra minn hekk, l-UE u l-Eġittu se jikkooperaw biex jiksbu l-għanijiet identifikati, fost l-oħrajn, fl-Aġenda 2030 tal-Iżvilupp u l-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri.

L-Eġittu u l-UE se jesploraw il-kooperazzjoni potenzjali f’oqsma bħall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi, fosthom ir-riżorsi tal-ilma, il-konservazzjoni tal-bijodiversità, is-sanitazzjoni, il-ġestjoni tal-iskart solidu, inkluż it-tnaqqis tas-sustanzi niġġiesa industrijali u tas-sustanzi kimiċi niġġiesa, il-ġestjoni tal-iskart perikoluż, kif ukoll il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni tal-art. L-Eġittu u l-UE qegħdin ukoll jesploraw l-opportunitajiet previsti fid-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) dwar l-Ekonomija Blu perezz ta’ faċilità PMI/TK 1 . Oqsma potenzjali għall-kooperazzjoni li qegħdin jiġu kkunsidrati jinkludu portijiet marittimi intelliġenti, raggruppamenti marittimi, ġestjoni integrata taż-żona kostali, u sajd marittimu.

2. Sħab fil-politika barranija

L-UE u l-Eġittu għandhom interess komuni li jsaħħu l-kooperazzjoni fil-politika barranija fil-livelli bilaterali, reġjonali u internazzjonali.

L-istabilizzazzjoni tal-viċinat komuni u lil hinn minnu

L-Eġittu għandu rwol x’jaqdi permezz tas-siġġu tiegħu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll permezz tas-siġġu tiegħu fil-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana. L-Eġittu jospita wkoll il-kwartieri ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab (LAS), li magħha l-UE tixtieq li tfannad u twessa’ l-kooperazzjoni. L-Eġittu u l-UE se jfittxu li jkollhom kooperazzjoni ikbar bejniethom u fehim komuni dwar għadd ta’ kwistjonijiet, inkluż fl-isfera multilaterali. Is-sħubija bejn l-UE u l-Eġittu hija importanti għall-istabbiltà u l-prosperità tal-Mediterran, il-Lvant Nofsani, u l-Afrika. Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu, inkluż f’fora reġjonali, se jkollha l-għan li tikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, għall-bini tal-paċi u li tindirizza sfidi politiċi u ekonomiċi f’dawn ir-reġjuni. Barra minn hekk, l-UE u l-Eġittu se jsaħħu l-iskambju ta’ informazzjoni dwar sfidi reġjonali u internazzjonali maġġuri li jaffettwaw iż-żewġ naħat.

Kooperazzjoni fil-ġestjoni ta’ kriżijiet u l-assistenza umanitarja

L-UE u l-Eġittu se jintensifikaw il-kooperazzjoni u l-konsultazzjonijiet, u se jiskambjaw l-esperjenzi fil-ġestjoni u l-prevenzjoni ta’ kriżijiet, bilateralment u reġjonalment, biex jindirizzaw l-isfidi kumplessi għall-paċi, l-istabbiltà u l-iżvilupp li jinbtu mill-kunflitti u d-diżastri naturali, fil-viċinat komuni tagħhom u lil hinn minnu.

3. It-tisħiħ tal-istabbiltà

L-istabbilizzazzjoni hija sfida komuni li l-UE u l-Eġittu qegħdin iħabbtu wiċċhom magħha. Biex din isseħħ, it-twaqqif ta’ stat modern u demokratiku li jibbenefika lil kulħadd b’mod ekwu huwa essenzjali. Id-drittijiet tal-bniedem – drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, kif misjuba fid-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Kostituzzjoni Eġizzjana – huma valur komuni u l-ġebla tax-xewka ta’ stat demokratiku modern. L-Eġittu u l-UE għaldaqstant huma impenjati li jippromwovu d-demokrazija, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem bħala drittijiet kostituzzjonali taċ-ċittadini kollha tagħhom, konformi mal-obbligi internazzjonali tagħhom. F’dan il-kuntest, l-UE se tappoġġja lill-Eġittu biex isarraf dawn id-drittijiet f’liġijiet.

a) Stat modern u demokratiku

L-Eġittu u l-UE huma impenjati li jiżguraw l-obbligu ta' rendikont, l-istat tad-dritt, ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jirrispondi għad-domandi taċ-ċittadini tagħhom. L-UE se tappoġġja l-isforzi tal-Eġittu biex isaħħaħ il-kapaċità għal riforma effettiva tas-settur pubbliku tal-istituzzjonijiet statali, biex isaħħaħ il-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi biex jimplimentaw id-dmirijiet tagħhom biex jagħtu s-sigurtà lil kulħadd, kif ukoll biex jiżviluppa l-funzjonijiet kostituzzjonali tal-Parlament il-ġdid. Barra minn hekk, l-UE u l-Eġittu se jsaħħu l-kooperazzjoni biex is-settur tal-ġustizzja jiġi mmodernizzat u jiżdied l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini kollha permezz tal-għajnuna legali u t-twaqqif ta’ qrati speċjalizzati, biex tiġi riformata l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni. L-UE u l-Eġittu se jikkunsidraw ukoll li jiżviluppaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja dwar kwistjonijiet kriminali u ċivili. Il-kooperazzjoni parlamentari bejn l-UE u l-Eġittu, inkluż permezz ta’ skambji strutturati bejn il-kumitati u l-gruppi parlamentari, issaħħaħ il-koordinazzjoni u tippromwovi l-fehim reċiproku. L-UE se tappoġġja wkoll l-isforzi tal-Eġittu li jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet lokali biex jippjanaw u jagħtu servizzi pubbliċi, kif ukoll biex jiżgura iktar l-ugwaljanza fl-opportunitajiet ekonomiċi, soċjali u politiċi u biex jippromwovi l-integrazzjoni soċjali għal kulħadd.

b) Is-sigurtà u t-terroriżmu

Is-sigurtà hija għan komuni. It-terroriżmu, u l-estremiżmu vjolenti li jwassal għat-terroriżmu, huma theddida għan-nisġa soċjali tan-nazzjonijiet fiż-żewġ naħat tal-Mediterran. Huma theddida maġġuri għas-sigurtà u l-benesseri taċ-ċittadini tagħna. Il-ġlieda kontra dan it-theddid hija għan komuni għall-UE u l-Eġittu, li jistgħu jikkooperaw flimkien permezz ta’ approċċ komprensiv li se jindirizza l-għeruq tat-terroriżmu filwaqt li jingħata r-rispett dovut lid-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, sabiex jiġġieldu u jipprevjenu r-radikalizzazzjoni u jippromwovu l-iżvilupp soċjoekonomiku b’suċċess. L-UE u l-Eġittu jibqgħu impenjati li jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-estremiżmu u kull forma oħra ta’ diskriminazzjoni, inkluża l-Iżlamofobija u l-ksenofobija.

Oqsma oħra ta’ kooperazzjoni jinkludu, fost l-oħrajn, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-avjazzjoni u s-sigurtà protettiva, kif ukoll tal-kapaċità biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata transnazzjonali bħall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni irregolari, it-traffikar ta' bnedmin, il-kummerċ tad-drogi illegali u l-ħasil tal-flus.

Iż-żewġ partijiet jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ġlieda kontra l-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir, inkluż permezz tal-iskambju tal-esperjenzi, it-taħriġ u attivitajiet oħra ta’ bini ta' kapaċità.

c) Il-ġestjoni tal-flussi migratorji għall-benefiċċju reċiproku

Id-dikjarazzjoni politika tas-Summit tal-Belt Valletta u l-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt tal-Belt Valletta se jipprovdu l-kuntest ewlieni għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu fil-qasam tal-migrazzjoni. L-UE se tappoġġja l-isforzi tal-gvern Eġizzjan biex isaħħaħ il-qafas tiegħu għall-governanza tal-migrazzjoni, li jinkludi elementi ta’ riforma leġiżlattiva u strateġiji għall-ġestjoni tal-migrazzjoni. L-UE se tappoġġja l-isforzi tal-Eġittu biex jipprevjeni u jiġġieled il-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin, fosthom l-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar u l-għajnuna għalihom. Se taħdem ukoll biex tappoġġja u ssaħħaħ il-kapaċità tal-Eġittu li jħares id-drittijiet tal-migranti u li jagħti protezzjoni lil dawk li jikkwalifikaw għaliha, skont l-istandards internazzjonali. L-UE u l-Eġittu se jesploraw il-kooperazzjoni dwar ir-ritorn volontarju tal-migranti irregolari lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom biex jiżguraw li globalment, il-migrazzjoni tiġi ġestita b’mod legali. Din se timxi id f’id mal-kooperazzjoni biex jiġu indirizzati l-għeruq tal-migrazzjoni irregolari, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ żvilupp, il-faqar, u l-qgħad.

Il-mobilità tal-persuni tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-għarfien li min-naħa tagħhom jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-Eġittu. Din tista’ twassal biex jinħolqu konnessjonijijiet bejn forzi tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati fl-UE u l-Eġittu. L-UE u l-Eġittu huma impenjati favur il-ħarsien sħiħ tad-drittijiet tal-migranti.

III. Il-prinċipji ta' kooperazzjoni

Il-promozzjoni tal-fattur uman u l-kuntatti bejn il-persuni se jsaħħu r-rabtiet, u b’hekk jikkonsolidaw is-sħubija, bejn l-UE u l-Eġittu. Ir-responsabbiltà reċiproka u l-obbligu ta’ rendikont, lejn in-nies Ewropej u Eġizzjani huma aspett essenzjali tal-Prijoritajiet tas-Sħubija.

Kwistjonijiet ta’ interess komuni għandhom ukoll jiġu indirizzati permezz ta’ kooperazzjoni reġjonali u sottoreġjonali (kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar) isħaħ. F’dan ir-rigward, l-UE u l-Eġittu se jaħdmu flimkien fil-qafas tal-UgħM u permezz tal-Fondazzjoni Anna Lindh, partikolarment dwar id-djalogu bejn il-kulturi.

L-esperjenza turi li l-kultura tad-djalogu hija għodda siewja biex jiġi żviluppat ir-rispett reċiproku. L-approfondiment tad-djalogu politiku dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u ż-żamma tal-aspetti tekniċi li jsaħħuh se jkunu essenzjali. Id-djalogu se jagħti wkoll il-mezzi biex is-sħubija tiġi sostanzjata u biex naraw il-qagħda tal-fond u l-kisbiet tagħha.

Konformi mal-prijoritajiet tal-gvern Eġizzjan, enfasi fuq iż-żgħażagħ – li fuqhom tiddependi l-istabbiltà fit-tul tas-soċjetajiet tagħna – u fuq in-nisa – essenzjali għall-progress fi kwalunkwe soċjetà – se tiġi integrata fil-Prijoritajiet tas-Sħubija. Wieħed mill-objettivi ewlenin huwa li dawn jiġu emanċipati u jiġu mgħammra bl-għodod legali u prattiċi biex ikunu jistgħu jaqdu r-rwol dovut tagħhom fis-soċjetà permezz tas-sehem attiv tagħhom fl-ekonomija u l-governanza ta’ pajjiżhom. L-UE se tkompli taqsam l-esperjenza tagħha tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-konfront tan-nisa u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, kif ukoll fil-promozzjoni tal-inklużjoni u l-għoti ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ.

L-UE u l-Eġittu jaqblu li s-soċjetà ċivili hija kontributur importanti u qawwi għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tas-sħubija tagħhom u għall-governanza trasparenti u parteċipatorja, u li tista’ tappoġġja l-proċess ta’ żvilupp sostenibbli li għaddej bħalissa fl-Eġittu. Huma se jaħdmu mas-soċjetà ċivili biex jikkontribwixxu b’mod effettiv fil-proċess ta’ żvilupp ekonomiku, politiku, u soċjali, f'konformità mal-Kostituzzjoni Eġizzjana u l-leġiżlazzjoni nazzjonali rispettiva.

IV. Konklużjoni

Fl-ispirtu tas-sjieda konġunta, l-UE u l-Eġittu ddefinew il-Prijoritajiet tas-Sħubija flimkien, u se jiżviluppaw mekkaniżmu ta' evalwazzjoni u monitoraġġ miftiehem. Huwa previst ukoll rieżami ta' nofs it-terminu biex jevalwa l-impatt tal-Prijoritajiet tas-Sħubija. Konformi mal-approċċ iffukat tal-Prijoritajiet tas-Sħubija, l-UE u l-Eġittu flimkien se jirrazzjonalizzaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għall-interessi reċiproċi tagħhom. Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni u l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni se jibqgħu l-korpi ewlenin li se jwettqu l-valutazzjoni kumplessiva tal-implimentazzjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija fuq bażi annwali.

(1) Faċilità għad-Djalogu ta' Politika Reġjonali dwar il-Politika Marittima Integrata/it-Tibdil fil-Klima