Brussell, 21.4.2017

JOIN(2017) 14 final

2017/0084(NLE)

Proposta Konġunta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-
Ftehim Ewro-Meditteranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-
Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti l-oħra, rigward l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Il-Politika Ewropea tal-Viċinat 1 riveduta tipprovdi qafas ġdid biex jiġu definiti relazzjonijiet bilaterali mas-sħab. Dawn ir-relazzjonijiet għandhom jinqabdu f’dokument politiku magħruf bħala “Prijoritajiet tas-Sħubija”. Dan id-dokument politiku jħejji s-sisien għar-relazzjoni ma’ pajjiż li fiha ż-żewġ partijiet jaqblu fuq sett limitat ta’ prijoritajiet immirati għas-snin li ġejjin.

Dan il-kunċett jimxi mal-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà 2 l-ġdida ppreżentata mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f’Ġunju 2016. Hawn, l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tal-UE jintużaw bl-iktar mod effiċjenti possibbli biex l-impatt u viżibilità tal-appoġġ tal-UE jiżdiedu.

Il-Prijoritajiet tas-Sħubija għandhom l-għan li jindirizzaw sfidi komuni li l-UE u l-Eġittu jaffaċċaw, li jippromwovu l-interessi komuni u li jiggarantixxu l-istabbiltà fit-tul fiż-żewġ naħat tal-Mediterran. Dawn huma ggwidati minn impenn komuni favur il-valuri universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

Il-Prijoritajiet tas-Sħubija għandhom jgħinu biex il-popli fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. B’mod partikolari, dawn għandhom jgħinu biex jiżguraw il-ġustizzja soċjali, opportunitajiet ta’ xogħol deċenti, il-prosperità ekonomika u kundizzjonijiet tal-għajxien imtejbin sostanzjalment. Billi jagħmlu hekk, se jikkonsolidaw l-istabbilta tal-Eġittu u tal-UE. It-tkabbir inklużiv, mirfud mill-innovazzjoni, u governanza effettiva u parteċipatorja, immexxija mill-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, u l-libertajiet fundamentali, huma aspetti ewlenin ta’ dawn l-għanijiet. Il-Prijoritajiet tas-Sħubija jieħdu kont ukoll tar-rwoli tal-UE u tal-Eġittu bħala atturi internazzjonali u għandhom l-għan li jżidu l-kooperazzjoni bilaterali u l-kooperazzjoni reġjonali u interreġjonali tagħhom.

F’Settembru tal-2015, l-UE u l-Eġittu ħadu sehem fis-Summit tan-NU li adotta l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li fil-qalba tagħha għandha s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli. L-Aġenda 2030 tagħti qafas u viżjoni komuni għall-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar. Minħabba li din hija aġenda universali, l-adozzjoni tagħha tagħti bażi soda għal konverġenza tal-politiki ulterjuri fil-kuntest tas-Sħubija u l-prijoritajiet tagħha. L-“Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli – Viżjoni 2030” tal-Eġittu hija kontribut għall-implimentazzjoni ta’ din l-aġenda universali. L-UE qiegħda wkoll tagħmel passi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 permezz tal-politiki interni u esterni tagħha. L-UE u l-Eġittu se jikkooperaw biex jiksbu l-għanijiet identifikati, fost l-oħrajn, fl-Aġenda 2030 tal-Iżvilupp.

Il-prijoritajiet kardinali li ġejjin se jiggwidaw is-sħubija mġedda:

–L-ekonomija moderna sostenibbli u l-iżvilupp soċjali tal-Eġittu;

–sħab fil-politika barranija;

–tisħiħ tal-istabbiltà.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu huma konsistenti mal-prijoritajiet u t-termini stipulati fil-qafas miftiehem skont il-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta. Dawn il-prijoritajiet huma l-istabbilizzazzjoni politika u ekonomika tal-viċinat, u l-istabilizzazzjoni tas-sigurtà tiegħu. Il-Prijoritajiet tas-Sħubija huma wkoll konsistenti mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu, li daħal fis-seħħ fl-2004 3 .

•Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

Il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu proposti jirriflettu l-involviment dejjiemi tal-UE favur is-sħab Mediterranji tagħha. Madankollu, il-prijoritajiet huma wkoll allinjati għalkollox mal-Istrateġija Globali li ġiet adottata reċentement u l-appell tagħha għal approċċ integrat meta jiġu indirizzati l-kriżijiet. Din tħaddan fiha l-politiki umanitarji, ta’ żvilupp, tal-migrazzjoni, kummerċjali, tal-investiment, tal-infrastruttura, tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tar-riċerka tal-UE.

Dan id-dokument iqis:

–il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba;

–id-dimensjoni esterna tal-politiki dwar il-migrazzjoni tal-UE;

–fokus miżjud fuq il-kooperazzjoni internazzjonali biex jiġu miġġielda t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti; u

–l-potenzjal tan-negozju li jiġġenera t-tkabbir ġust u x-xogħol deċenti.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Hija proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar pożizzjoni li għandha tittieħed fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu mwaqqaf mill-Ftehim Ewro-Mediterranju. Din il-pożizzjoni għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ rakkomandazzjoni dwar l-adozzjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija.

Il-Prijoritajiet tas-Sħubija għandhom jiġu adottati f’laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu fl-ewwel nofs tal-2017. Dan għandu jsir wara li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jadotta l-pożizzjoni li għandha tittieħed fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu abbażi tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE. Ladarba jiġu adottati, il-Prijoritajiet tas-Sħubija se jkunu qed jistabbilixxu l-bażi użata biex jiġu pprogrammati l-prijoritajiet għall-appoġġ tal-Unjoni skont ir-Regolament dwar l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Minħabba li l-Prijoritajiet tas-Sħubija jikkonċernaw relazzjonijiet bejn l-UE u l-Eġittu, l-Istati Membri ma jistgħux jadottawhom fil-livell nazzjonali.

•Proporzjonalità

Skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE, trid tiġi adottata pożizzjoni tal-Kunsill tal-UE qabel ma l-Prijoritajiet tas-Sħubija jkunu jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu.

•Għażla tal-istrument

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2015 dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat 4 ikkonfermaw “l-intenzjoni tal-Kunsill li jibda fażi ġdida ta’ djalogu mal-pajjiżi sħab fl-2016 li tista’ twassal biex jiġu stabbiliti prijoritajiet ġodda ta’ sħubija, fejn xieraq, iffukati fuq prijoritajiet u interessi maqbula konġuntament”.

Biex tali involviment iseħħ, l-impenji li ġejjin huma l-iktar strument xieraq: Memorandum ta’ Qbil ma kienx ikollu l-livell neċessarju ta’ approvazzjoni meħtieġ mill-“pjani ta' azzjoni jew dokumenti ekwivalenti oħra maqbula b'mod konġunt” li jissemmew 5 fl-Artikolu 3(2) tar-regolament dwar l-Istrument Ewropew tal-Viċinat bħala l-punti ta’ riferiment ewlenin biex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet għall-appoġġ mill-Unjoni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Dawn it-testi ġew abbozzati wara li ġew ikkonsultati mill-qrib id-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill tal-UE dwar il-Magħreb/il-Maxreq, kif ukoll wara taħditiet mal-kontropartijiet Eġizzjani tagħhom.

Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili fil-Kajr u fi Brussell bdiet fi Frar 2016. Il-messaġġ ewlieni li wasal kien dwar il-ħtieġa li jkomplu jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u r-rwol tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta’ żvilupp politiku, soċjali u ekonomiku tal-Eġittu. Punt ewlieni ieħor kien dwar il-ħtieġa li l-garanziji dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali stipulati fil-Kostituzzjoni Eġizzjana jissarrfu f’liġijiet. Dawn il-punti kollha tqiesu fit-test mehmuż.

Dawn il-konsultazzjonijiet imxew mal-orjentazzjonijiet inkwadrati fil-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta.

•Ġbir u użu tal-kompetenzi

L-għarfien espert tematiku kien disponibbli internament, jew fil-kwartieri ġenerali tal-UE fi Brussell jew fid-Delegazzjoni tal-UE għall-Eġittu fil-Kajr.

•Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli.

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

•Drittijiet fundamentali

Ebda konsegwenza fuq id-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Huwa mistenni li l-konsegwenzi fuq id-drittijiet fundamentali fl-Eġittu jkunu pożittivi, meta wieħed iqis li l-impenji tal-Gvern Eġizzjan previsti fil-Prijoritajiet tas-Sħubija jinkludu, fost l-oħrajn, il-promozzjoni tad-demokrazija, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem bħala drittijiet kostituzzjonali taċ-ċittadini kollha tiegħu, konformi mal-obbligi internazzjonali tiegħu. Min-naħa tagħha, l-UE impenjat ruħha li tipprovdi appoġġ lill-Eġittu biex dawn l-impenji jsarrafhom f’liġijiet.

L-UE se tappoġġja u ssaħħaħ ukoll il-kapaċità tal-Eġittu li jipproteġi d-drittijiet tal-migranti u li jipprovdi protezzjoni lil dawk li jikkwalifikaw għaliha, konformi ma’ standards internazzjonali, kif ukoll l-isforzi tal-Eġittu biex jipproteġi gruppi emarġinati mill-impatti negattivi potenzjali tar-riformi ekonomiċi permezz ta’ xbieki ta’ sikurezza soċjali u l-protezzjoni soċjali. Barra minn hekk, l-UE u l-Eġittu se jkomplu jippromwovu l-iżvilupp rurali u urban, kif ukoll itejbu l-għoti ta’ servizzi bażiċi, b’enfasi fuq il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni (inkluż it-taħriġ tekniku u vokazzjonali) u s-sistemi tas-saħħa. Fost il-prinċipji tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu hemm l-emanċipazzjoni l-għoti ta’ opportunità ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u n-nisa fl-ekonomija u l-governanza.

L-UE u l-Eġittu jimpenjaw ruħhom li jaħdmu mas-soċjetà ċivili għall-kontribuzzjoni effettiva fil-proċess ta’ żvilupp ekonomiku, politiku u soċjali. Finalment, l-UE u l-Eġittu se japprofondixxu wkoll id-djalogu politiku tagħhom dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.

4.IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT

Ebda implikazzjonijiet addizzjonali għall-baġit lil hinn minn dak li hu previst f’impenji internazzjonali preċedenti tal-UE. Kull implikazzjoni għall-baġit ulterjuri se tiġi ddefinita fi proposti separati, bħall-Qafas ta’ Appoġġ Uniku tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat 2017-2020.

5.ELEMENTI OĦRA

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

L-implimentazzjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu se tkun soġġetta għal monitoraġġ regolari fil-kuntest tal-mekkaniżmi ta’ rieżami u l-kooperazzjoni bilaterali bejn l-UE u l-Eġittu kif previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni eżistenti.

6.REFERENZI

(a)Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni; Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; JOIN(2015)050 final tat-18 ta’ Novembru 2015.

(b)Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti l-oħra; ĠU L 304 , 30.9.2004

(c)Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tal-14 ta’ Diċembru 2015

(d)Ir-Regolament UE 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat; ĠU L77/27; 15.3.2014

2017/0084 (NLE)

Proposta Konġunta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-
Ftehim Ewro-Meditteranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-

Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti l-oħra, rigward l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti l-oħra, ġie ffirmat fil-25 ta’ Ġunju 2001 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2004 6 .

(2)Il-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea tat-18 ta’ Novembru 2015 dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat 7 intlaqgħet tajjeb mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2015, fejn, fost l-oħrajn, il-Kunsill ikkonferma l-intenzjoni li tinbeda fażi ġdida ta’ involviment mas-sħab fl-2016 li tista’ twassal biex jiġu stabbiliti prijoritajiet ġodda ta’ sħubija, fejn xieraq, iffokati fuq prijoritajiet u interessi miftiehma.

(3)L-UE u l-Eġittu qablu li jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom billi jaqblu dwar sett ta’ prijoritajiet għall-perjodu 2017-2020 bl-għan li jindirizzaw sfidi komuni li jaffaċċaw l-UE u l-Eġittu, li jippromwovu interessi konġunti u li jiggarantixxu l-istabbiltà fit-tul fiż-żewġ naħat tal-Mediterran.

(4)Il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu huma ggwidati minn impenn komuni favur il-valuri universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

(5)Il-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni dwar l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu għandha tiġi adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu għandu jkun ibbażat fuq l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni; Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; JOIN(2015)050 final tat-18 ta’ Novembru 2015.
(2) “Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha. Strateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà”.
(3) Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti l-oħra; OJ L 304, 30.9.2004.
(4) Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tal-14 ta’ Diċembru 2015.
(5) Ir-Regolament UE 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat; ĠU L77/27; 15.3.2014, pp. 27-43.
(6) Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, mill-parti l-oħra; ĠU L 304 , 30.9.2004.
(7) Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni; Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; JOIN/2015/050 final.