European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2149

27.10.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2149

tal-24 ta’ Ottubru 2025

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1976 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ monoetilenglikol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-importazzjonijiet tal-monoetilenglikol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka u mir-Renju tal-Arabja Sawdija huma soġġetti għal dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1976 (2).

(2)

Fit-12 ta’ Diċembru 2024, INEOS Americas LLC (“INEOS Americas”) infurmat lill-awtoritajiet tal-Belġju li, b’effett mill-1 ta’ Mejju 2024, hija kienet akkwistat in-negozju tal-monoetilenglikol, inkluża l-faċilità tal-produzzjoni ta’ Equistar Chemicals, LP (kodiċi addizzjonali TARIC C682 (3)) u għalhekk jenħtieġ li l-isem ta’ Equistar Chemicals, LP fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1976 jiġi sostitwit b’INEOS Americas. Il-kumpanija hija soġġetta għal dazju anti-dumping ta’ 10,3 % previst għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun fl-Istati Uniti tal-Amerika.

(3)

INEOS Americas talbet li tikkonferma li l-bidla fl-isem ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju anti-dumping applikata lilha skont l-isem li kellha qabel.

(4)

Fl-24 ta’ Diċembru 2024, l-awtoritajiet tal-Belġju bagħtu t-talba lill-Kummissjoni.

(5)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lil INEOS Americas, eżaminat l-informazzjoni pprovduta, talbet kjarifika addizzjonali u kkonkludiet li l-bidla fl-isem kienet irreġistrata kif suppost mal-awtoritajiet rilevanti fl-1 ta’ Mejju 2024 u li ma rriżultatx f’xi relazzjoni ġdida ma’ gruppi oħra ta’ produtturi esportaturi li ma kinux investigati mill-Kummissjoni.

(6)

Għaldaqstant, din il-bidla fl-isem ma taffettwax is-sejbiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1976 u b’mod partikolari r-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli għall-kumpanija.

(7)

Il-bidla fl-isem jenħtieġ li tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 2024, id-data li fiha l-akkwiżizzjoni saret effettiva u ġiet irreġistrata mal-awtoritajiet rilevanti.

(8)

Minħabba l-kunsiderazzjonijiet fil-premessi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1976 jiġi emendat biex jirrifletti l-bidla fl-isem tal-kumpanija li qabel kienet attribwita għall-kodiċi TARIC addizzjonali C682.

(9)

Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien beħsiebha tbiddel l-isem Equistar Chemicals, LP għal INEOS Americas (“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali. Ma wasal l-ebda kumment.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1976 huwa emendat kif ġej:

“L-Istati Uniti tal-Amerka

Equistar Chemicals, LP

C682”

huwa sostitwit bi:

“L-Istati Uniti tal-Amerka

INEOS Americas LLC

C682”

2.   Il-kodiċi addizzjonali TARIC C682 li qabel kien attribwit lil Equistar Chemicals, LP għandu japplika għal INEOS Americas LLC, mill-1 ta’ Mejju 2024. Kwalunkwe dazju definittiv imħallas mill-1 ta’ Mejju 2024 fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti manifatturati minn INEOS Americas LLC li jaqbżu d-dazju anti-dumping stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1976 fir-rigward ta’ Equistar Chemicals, LP għandu jitħallas lura jew jitnaqqas f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1976 tat-12 ta’ Novembru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ monoetilenglikol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Renju tal-Arabja Sawdija (ĠU L 402, 15.11.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1976/oj).

(3)  It-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2149/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)