European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2084

29.7.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/2084

tas-26 ta’ Lulju 2024

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kosovo (*1)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-4 ta’ Frar 2008, il-Kunsill qabel li jaħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Kosovo.

(2)

Fit-30 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1135 (1), li ħatret lis-Sur Tomáš SZUNYOG bħala l-RSUE għall-Kosovo.

(3)

Fl-20 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1527 (2), li estendiet il-mandat tas-Sur Tomáš SZUNYOG bħala r-RSUE għall-Kosovo. Il-mandat tar-RSUE ser jiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2024.

(4)

Jenħtieġ li s-Sur Aivo ORAV jiġi maħtur bħala r-RSUE għall-Kosovo għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2024 sal-31 ta’ Awwissu 2026.

(5)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-ksib tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Is-Sur Aivo ORAV huwa b’dan maħtur bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Kosovo mill-1 ta’ Settembru 2024 sal-31 ta’ Awwissu 2026. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jiġi estiż jew mitmum aktar kmieni, abbażi ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“RGħ”).

Artikolu 2

Objettivi ta’ politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika li ġejjin tal-Unjoni fil-Kosovo:

(a)

rwol ta’ tmexxija fil-promozzjoni ta’ Kosovo stabbli, vijabbli, paċifiku, demokratiku u multietniku li jimpenja ruħu fil-kooperazzjoni reġjonali;

(b)

it-tisħiħ tal-istabbiltà fir-reġjun u l-kontribut għal kooperazzjoni reġjonali b’mod ġenerali u relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat fil-Balkani tal-Punent;

(c)

il-promozzjoni ta’ Kosovo impenjat lejn l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tal-minoritajiet u tal-wirt kulturali u reliġjuż;

(d)

l-appoġġ għall-perspettiva Ewropea tal-Kosovo u r-ravviċinament tiegħu lejn l-Unjoni b’mod allinjat mal-perspettiva tar-reġjun u f’konformità mal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u l-Kosovo, min-naħa l-oħra (3) (“il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni”) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1988 (4), u b’mod konformi mal-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jappoġġa l-perspettiva Ewropea tal-Kosovo u r-ravviċinament tiegħu lejn l-Unjoni, b’mod allinjat mal-perspettiva reġjonali tagħha,f’konformità mal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u mad-Deċiżjoni (UE) 2015/1988, u b’mod allinjat mal-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill, permezz ta’ komunikazzjoni pubblika mmirata u attivitajiet ta’ komunikazzjoni tal-Unjoni mfassla biex ikunu żgurati l-fehim u l-appoġġ usa’ mill-pubbliku tal-Kosovo dwar kwistjonijiet relatati mal-Unjoni, inkluż il-ħidma tal-EULEX KOSOVO;

(b)

jimmonitorja, jassisti u jiffaċilita, permezz tal-mezzi u l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tar-RSUE u bl-appoġġ tal-Uffiċċju tal-Unjoni fil-Kosovo, il-progress fil-prijoritajiet politiċi, ekonomiċi u Ewropej inkluż is-sigurtà u l-Manipulazzjoni tal-Informazzjoni u Interferenza minn Barranin (FIMI), f’konformità mal-kompetenzi u r-responsabbiltajiet istituzzjonali rispettivi, u jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni inkluż permezz tal-Aġenda Ewropea għar-Riforma;

(c)

jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kosovo, inkluż fir-rigward tan-nisa u t-tfal, il-ġeneru, id-diversità u l-inklużjoni u l-protezzjoni tal-minoranzi, f’konformità mal-politika dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni u l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

(d)

jippromwovi koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni fil-Kosovo;

(e)

isaħħaħ il-preżenza tal-Unjoni fil-Kosovo u jiżgura l-koerenza, l-effettività u l-viżibilità tagħha; jikkoordina l-istrateġija ta’ komunikazzjoni pubblika tal-Unjoni fil-Kosovo, inkluż billi jaħdem mill-qrib mar-RSUE għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u l-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO);

(f)

jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-EULEX KOSOVO, inkluż dwar l-aspetti politiċi ta’ kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltajiet eżekuttivi tal-Missjoni, kif ukoll dwar it-trasferiment eventwali tal-attivitajiet tagħha lill-EUSR jew lill-Uffiċċju tal-Unjoni fil-Kosovo u/jew lill-awtoritajiet lokali, kif adatt u jekk iċ-ċirkostanzi lokali jippermettu;

(g)

jappoġġa, kif meħtieġ, id-Djalogu bejn Belgrad u Pristina ffaċilitat mir-RGħ, b’enfasi fuq il-promozzjoni ta’ ambjent favorevoli għall-proċess; joffri pariri politiċi lokali u għarfien espert lir-RSUE għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina;

(h)

jappoġġa l-mandat tal-Awli Speċjalisti u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat, kif xieraq, f’koordinazzjoni mal-EULEX KOSOVO, inkluż permezz ta’ komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-KPS għandu jżomm kuntatt privileġġjat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2024 sal-31 ta’ Awwissu 2026 għandu jkun ta’ EUR 4 970 500.

2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni għal kull nefqa.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni ta’ tim. It-tim għandu jinkludi l-kompetenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif jirrikjedi l-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati sabiex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali kkuntrattat għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jissekonda, tal-istituzzjoni tal-Unjoni li tissekonda jew tas-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tar-RSUE

Il-privileġġi, immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-partijiet ospitanti, skont il-każ. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan.

Artikolu 8

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

1.   Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (5).

2.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lin-NATO/KFOR informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” iġġenerati għall-finijiet tal-azzjoni, f’konformità mar-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE.

3.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, f’konformità mal-ħtiġijiet operattivi tar-RSUE, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-azzjoni, f’konformità mar-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti lokali għal dak il-għan.

4.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lil partijiet terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni dokumenti mhux klassifikati tal-UE li jkunu relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill rigward l-azzjoni koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (6).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u sostenn loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   L-uffiċċju tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, kif xieraq, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku lir-RSUE.

Artikolu 10

Sigurtà

F’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal stazzjonat barra l-Unjoni f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, skont il-mandat tar-RSUE u s-sitwazzjoni ta’ sigurtà fiż-żona ta’ responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b’mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment sigur tal-persunal lejn iż-żona ta’ responsabbiltà u ġewwa fiha, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà u li jipprevedu pjan ta’ kontinġenza u ta’ evakwazzjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu stazzjonat barra l-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli, kif meħtieġ mill-kundizzjonijiet fiż-żona ta’ responsabbiltà;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li jkunu ser jiġu stazzjonati barra l-Unjoni, inkluż persunal li jkun ingħata kuntratt lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona ta’ responsabbiltà jew kif jaslu fiha, abbażi tal-livelli tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE;

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha miftehmin, magħmula b’segwitu għal valutazzjonijiet regolari tas-sigurtà, u jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta’ progress regolari u rapport komprensiv u finali dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rapporti

Ir-RSUE għandu regolarment jipprovdi lir-RGħ u lill-KPS rapporti. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill, kif meħtieġ. Ir-rapporti regolari għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin.Ir-RSUE jista’ jkun involut fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiżgura konsistenza fl-użu tal-istrumenti kollha tal-Unjoni u fit-teħid tal-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri, biex jinkisbu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni. Għandhom jintalbu kuntatti mal-Istati Membri fejn xieraq. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll ma’ dawk ta’ RSUE oħrajn li jkunu attivi fir-reġjun, kif adatt. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

2.   Fuq il-post, għandhom jinżammu kuntatti mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u mal-Kapijiet ta’ Missjoni tal-Istati Membri. Dawn għandhom jagħmlu kull sforz biex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-EULEX KOSOVO, inkluż dwar l-aspetti politiċi ta’ kwistjonijiet relatati ma’ responsabbiltajiet eżekuttivi. Ir-RSUE u l-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili għandhom jikkonsultaw lil xulxin, kif meħtieġ. Ir-RSUE għandu jikkoordina mill-qrib mar-RSUE għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina, u joffri pariri politiċi u għarfien espert lokali. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kuntatti ma’ aġenziji lokali rilevanti u ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.

3.   Ir-RSUE, flimkien ma’ atturi oħra tal-Unjoni preżenti fuq il-post, għandu jiżgura t-tixrid u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fost l-atturi tal-Unjoni fuq il-post bil-ħsieb li jinkiseb livell għoli ta’ għarfien u valutazzjoni komuni dwar is-sitwazzjoni.

Artikolu 13

Assistenza rigward pretensjonijiet

Ir-RSUE u l-persunal tar-RSUE għandhom jassistu fil-forniment ta’ elementi b’rispons għal kwalunkwe talba u obbligu li jirriżultaw mill-mandati tar-RSUE preċedenti għall-Kosovo, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal dawn l-għanijiet.

Artikolu 14

Rieżami

L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħra mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jiġu rieżaminati regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti ta’ progress regolari u rapport komprensiv u finali dwar l-implementazzjoni tal-mandat sat-30 ta’ Mejju 2026.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(*1)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1135 tat-30 ta’ Lulju 2020 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo (ĠU L 247, 31.7.2020, p. 25).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1527 tal-20 ta’ Lulju 2023 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1135 (ĠU L 185, 24.7.2023, p. 30).

(3)   ĠU L 71, 16.3.2016, p. 3.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1988 tat-22 ta’ Ottubru 2015 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u l-Kosovo, min-naħa l-oħra (ĠU L 290, 6.11.2015, p. 4).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2084/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)