SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla Estiża)

27 ta’ Novembru 2024 ( *1 )

“Enerġija – Suq intern tal-gass naturali – Direttiva (UE) 2019/692 – Emenda tad-Direttiva 2009/73/KE – Ċertezza legali – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità – Użu ħażin ta’ poter – Irregolaritajiet proċedurali

Fil-Kawża T‑526/19 RENV,

Nord Stream 2 AG, stabbilita fi Steinhausen (l‑Isvizzera), irrappreżentata minn T. Winter u K. Hobér, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Tamás, O. Denkov u J. Etienne, bħala aġenti,

u

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn K. Pavlaki, L. Vétillard u A. Jensen, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn

Ir‑Repubblika tal‑Estonja, irrappreżentata minn M. Kriisa, bħala aġent,

minn

Ir‑Repubblika tal‑Latvja, irrappreżentata minn K. Pommere, bħala aġent,

minn

Ir‑Repubblika tal‑Litwanja, irrappreżentata minn K. Dieninis, R. Dzikovič, S. Grigonis u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

minn

Ir‑Repubblika tal‑Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, K. Rudzińska, S. Żyrek u M. Rzotkiewicz, bħala aġenti,

u minn

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet u B. De Meester, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, J. Svenningsen (Relatur), C. Mac Eochaidh, J. Martín y Pérez de Nanclares u M. Stancu, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Lulju 2022,

wara s-seduta tal‑11 ta’ April 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Nord Stream 2 AG, titlob l-annullament tad-Direttiva (UE) 2019/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 li temenda d-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (ĠU 2019, L 117, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva kkontestata”).

I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

A. Id‑Direttiva 2009/73

2

Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94) taqa’ taħt qafas regolamentari usa’ msejjaħ “It-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija”. Id-Direttiva 2009/73 hija intiża li tistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tat-trasport, tad-distribuzzjoni, tal-provvista u tal-ħżin ta’ gass naturali sabiex tippermetti aċċess għas-suq u tiffavorixxi kompetizzjoni ġusta u nondiskriminatorja.

3

Id-Direttiva 2009/73 tipprevedi diversi obbligi sabiex jintlaħaq dan l-għan. F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, l-imsemmija direttiva tipprevedi fl-Artikolu 9 tagħha l-obbligu li jiġu sseparati n-networks ta’ trasport u l-operaturi tan-networks ta’ trasport u tistabbilixxi fl-Artikolu 32 tagħha sistema ta’ aċċess għal terzi għan-networks ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni kif ukoll għall-installazzjonijiet tal-gass naturali likwifikat (LNG) ibbażata fuq tariffi ppubblikati, li għandha tiġi applikata oġġettivament u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tan-network (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73”).

4

L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73 jipprevedi, essenzjalment, li l-infrastrutturi l-kbar ġodda tal-gass, jiġifieri l-interkonnetturi, il-faċilitajiet ta’ ħżin u ta’ LNG, jistgħu, fuq talba, jiġu eżentati, għal perijodu definit ta’ żmien, mill-obbligi previsti mill-imsemmija direttiva, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu.

B. Ir‑rikorrenti

5

L-appellanti hija kumpannija rregolata mid-dritt Svizzeru li l-uniku azzjonist tagħha huwa l-kumpannija b’responsabbiltà limitata pubblika Russa Gazprom. Hija responsabbli mill-ippjanar, mill-kostruzzjoni u mill-operat tal-pipeline Nord Stream 2.

6

Bħal fil-każ tal-pipeline Nord Stream 1, li huwa kompost minn network ta’ żewġ linji li l-kostruzzjoni tagħhom tlestiet fl‑2012 u li l-kapaċità tiegħu hija ta’ 55 biljun metri kubi fis-sena, il-pipeline Nord Stream 2, ukoll kompost minn żewġ linji ta’ trasport tal-gass li kienu jaqsmu l-baħar Baltiku, għandu bħala għan li jiżgura t-trasport tal-gass bejn Oust-Louga (ir-Russja) u Lubmin (il-Ġermanja), u jġib il-kapaċità gobali ta’ trasport taż-żewġ pipelines Nord Stream 1 u Nord Stream 2 għal 110 biljun metri kubi fis-sena. Minn Lubmin, il-gass ittrasportat mill-pipeline Nord Stream 2 għandu jiġi ttrasportat permezz ta’ pipelines terrestri.

C. Id‑Direttiva kkontestata

7

Fit‑8 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal direttiva (COM (2017) 660 final) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li temenda d-Direttiva 2009/73 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (COM(2017) 660 final, iktar ’il quddiem il-“proposta għal direttiva”).

8

Fis‑17 ta’ April 2019, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw id-Direttiva kkontestata, li daħlet fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali, jiġifieri fit‑23 ta’ Mejju 2019.

9

Il-punt 17 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73, kif issostitwit bil-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata, jipprovdi li l-kunċett ta’ “interkonnettur” ikopri mhux biss kwalunkwe linja ta’ trasport li taqsam jew tinfirex tul fruntiera bejn żewġ Stati Membri għall-finijiet li tgħaqqad in-network ta’ trasport nazzjonali ta’ dawk l-Istati Membri iżda wkoll, minn dak iż-żmien, kull linja ta’ transport bejn Stat Membru u pajjiż terz sat-territorju tal-Istati Membri jew sal-baħar territorjali tal-imsemmi Stat Membru (iktar ’il quddiem il-“pipeline bejn Stat Membru u pajiż terz”.

10

Madankollu, fir-rigward tal-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li tlestew qabel it‑23 ta’ Mejju 2019, l-Artikolu 49a(1) tad-Direttiva 2009/73, kif introdott bil-punt 9 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata, jipprevedi li l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-ewwel punt ta’ konnessjoni ta’ tali pipeline man-network ta’ dan l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jidderoga mill-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għat-taqsimiet ta’ dan il-pipeline li jinsabu fit-territorju tiegħu u fil-baħar territorjali tiegħu (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 49a”). Din id-deroga qed tingħata minħabba raġunijiet oġġettivi, bħall-fatt li jkun jista’ jsir l-irkupru tal-investiment imwettaq jew għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista, sakemm din ma tkunx ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, għall-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-gass naturali jew għas-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni Ewropea.

11

L-imsemmi Artikolu 49a jipprevedi wkoll, minn naħa, li d-derogi ta’ dan it-tip ikunu limitati għal tul massimu ta’ 20 sena fuq il-bażi ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, li jista’ jiġġedded jekk ikun hemm ġustifikazzjoni u jistgħu jkunu suġġetti għal kundizzjonijiet li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, li tali derogi ma japplikawx għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li jkun obbligat li jittrasponi d-Direttiva 2009/73, kif emendata, fl-ordinament ġuridiku tiegħu skont ftehim konkluż mal-Unjoni.

12

Barra minn hekk, il-punt 5(a) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata emenda l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73 billi żied, fil-paragrafu 1(e) ta’ dan l-artikolu, essenzjalment, li l-eżenzjoni mogħtija skont dan l-istess artikolu ma għandhiex tippreġudika s-sigurtà tal-provvista ta’ gass naturali fl-Unjoni (iktar ’il quddiem “l-Artikolu 36, kif emendat”).

13

Fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-emendi magħmula mid-Direttiva kkontestata għad-Direttiva 2009/73, l-Artikolu 2 tad-Direttiva kkontestata jipprevedi li l-Istati Membri jġibu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din l-aħħar direttiva mhux iktar tard mill‑24 ta’ Frar 2020, bla ħsara għal kwalunkwe deroga skont l-Artikolu 49a.

II. Il‑proċeduri preċedenti quddiem il‑Qorti Ġenerali u l‑Qorti tal-Ġustizzja

14

Fil-punt 4 tad-dispożittiv tad-digriet tal‑20 ta’ Mejju 2020, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑526/19, EU:T:2020:210), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti bħala inammissibbli.

15

Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548), minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat l-imsemmi punt 4 tad-dispożittiv tad-digriet tal‑20 ta’ Mejju 2020, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑526/19, EU:T:2020:210). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kien ammissibbli sa fejn kien dirett kontra l-Artikoli 36 u 49a tad-Direttiva 2009/73, kif kienu ġew, rispettivament, emendati u mdaħħla bid-Direttiva kkontestata.

III. It‑talbiet tal‑partijiet

16

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-Direttiva kkontestata fl-intier tagħha;

–

tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

17

Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

18

Ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Polonja jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

IV. Id‑dritt

A. Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-Direttiva kkontestata fl-intier tagħha.

19

Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti spjegat li, wara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548), hija kienet għadha qed titlob l-annullament tad-Direttiva kkontestata fl-intier tagħha minħabba li din is-sentenza ma kinitx tipprekludi dan. Essenzjalment, hija ssostni li l-imsemmija sentenza limitat biss l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għall-evalwazzjoni tal-legalità tal-Artikolu 36, kif emendat, u tal-Artikolu 49a. Hija tqis li, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jew waħda minnhom ma kinux konformi mad-dritt tal-Unjoni, hija jkollha teżamina jekk l-illegalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tistax twassal għall-annullament tad-Direttiva kkontestata kollha kemm hi. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li, minħabba n-natura tagħha u l-għan tagħha, id-Direttiva kkontestata hija speċifikament indirizzata kontra tagħha u li, konsegwentement, hija nieqsa minn bażi legali leġittima u għandha tiġi annullata fl-intier tagħha.

20

F’din l-istess tweġiba, ir-rikorrenti żiedet li, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li ma tannullax id-Direttiva kkontestata fl-intier tagħha, hija kienet qed titlob, sussidjarjament, l-annullament tal-Artikolu 49a.

21

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat li, f’din l-ipoteżi, jiġifieri jekk il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li ma tannullax id-Direttiva kkontestata fl-intier tagħha, hija ma kinitx qed titlob l-annullament tal-Artikolu 36, kif emendat.

22

F’dan ir-rigward, huwa minnu li, kif issostni r-rikorrenti, meta l-qorti tal-Unjoni tikkonstata l-illegalità ta’ dispożizzjoni ta’ att u jkollha l-intenzjoni li tannulla din id-dispożizzjoni, hija għandha teżamina jekk dan l-annullament għandux iwassal għall-annullament tal-att inkwistjoni fl-intier tiegħu.

23

Huwa minnu wkoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament parzjali ta’ att tad-dritt l-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li tagħhom ikun qiegħed jintalab l-annullament ikunu separabbli mill-kumplament ta’ dan l-att (sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 27, u tas‑26 ta’ April 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑401/19, EU:C:2022:297, punt 17).

24

Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548), li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kien ammissibbli sa fejn kien indirizzat kontra l-Artikoli 36 u 49a tad-Direttiva 2009/73, kif kienu ġew, rispettivament, emendati u mdaħħla bid-Direttiva kkontestata.

25

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset b’mod partikolari, fil-punt 165 tas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548), li l-imsemmija Artikoli 36 u 49a kienu separabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 2009/73, kif emendata bid-Direttiva kkontestata.

26

Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata, li jemenda l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73, u l-punt 9 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata, li jdaħħal l-Artikolu 49(a) fid-Direttiva 2009/73 (ara l-punti 10 u 12 iktar ’il fuq), kienu separabbli mid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva kkontestata u, b’mod partikolari, mill-punt 1 tal-Artikolu 1 tagħha, li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73 għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz, billi jissostitwixxi l-punt 17 tal-Artikolu 2 ta’ din l-aħħar direttiva. (ara l-punt 9 iktar ’il fuq).

27

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’każ ta’ rinviju, fuq punti ta’ liġi, il-Qorti Ġenerali tkun marbuta bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod definittiv li r-rikorrenti ma setgħetx titlob l-annullament tad-Direttiva kkontestata fl-intier tagħha. Minbarra dan, il-Qorti Ġenerali hija marbuta b’dan il-punt ta’ liġi skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

29

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors għandu jiġi miċħud sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-Direttiva kkontestata fl-intier tagħha.

30

Min-naħa l-oħra, dan l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors, kif ippreċiżat mir-rikorrenti waqt is-seduta (ara l-punt 20 iktar ’il fuq), huwa effettivament ammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tal-punt 9 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata, li jdaħħal l-Artikolu 49a fid-Direttiva 2009/73.

B. Fuq it‑talbiet intiżi għall‑annullament tal‑Artikolu 49a

31

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, it-tieni, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tielet, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-raba’, fuq użu ħażin ta’ poter, il-ħames, fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u, is-sitt wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

32

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li hija kienet qiegħda tirrinunzja għas-sitt motiv tagħha.

33

Fir-rigward tal-ħames motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, wara osservazzjonijiet preliminari, huwa xieraq li l-ewwel jiġi eżaminat it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

1.   Osservazzjonijiet preliminari

34

Fl-ewwel lok, il-qorti tal-Unjoni rrikonoxxiet lil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, meta l-azzjoni tiegħu tkun timplika għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u meta jkun mitlub jagħmel evalwazzjonijiet u eżamijiet kumplessi. Madankollu, anki fil-preżenza ta’ tali setgħa, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa marbut li jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi u xierqa fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ fatt kollha kif ukoll l-informazzjoni teknika u xjentifika disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-att inkwistjoni (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punti 57 u 58).

35

F’dan il-każ, id-Direttiva kkontestata hija bbażata fuq l-Artikolu 194(2) TFUE li jipprevedi essenzjalment li, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, il-Parlament u l-Kunsill għandhom jistabbilixxu l-miżuri neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu.

36

Għalhekk, it-Trattat FUE jawtorizza lill-Parlament u lill-Kunsill jiddeċiedu dwar il-kontenut tal-intervent tagħhom fil-qasam tal-enerġija minn meta l-miżuri meħuda jkunu neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni.

37

Konsegwentement, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-eżerċizzju ta’ tali kompetenza, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-leġiżlatur tal-Unjoni, iżda għandha tillimita ruħha li teżamina jekk din hijiex ivvizzjata bi żball manifest jew b’użu ħażin ta’ poter jew jekk l-awtorità inkwistjoni marritx manifestament lil hinn mil-limiti tas-setgħa leġiżlattiva tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2011, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑176/09, EU:C:2011:290, punt 35, u tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 150).

38

Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha l-att kien ġie adottat (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 260).

39

Għalhekk, il-fatt, allegat mir-rikorrenti, li l-pipelines l-oħra bejn Stat Membru u pajjiż terz, li huma offshore u li tlestew qabel it‑23 ta’ Mejju 2019, kollha kisbu deroga abbażi tal-Artikolu 49a wara l-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni. L-istess japplika għall-fatt, allegat b’mod partikolari mill-Kunsill, li l-pipeline tar-rikorrenti għadu mhux qed jaħdem.

40

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi evalwata l-fondatezza tal-motivi invokati mir-rikorrenti.

2.   Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑prinċipju ta’ ċertezza legali

41

Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-pipelines li ma tlestewx qabel it‑23 ta’ Mejju 2019 huma l-uniċi pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li l-operaturi tiegħu ma jistgħux jinvokaw la eżenzjoni, abbażi tal-Artikolu 36, kif emendat, u lanqas deroga, abbażi tal-Artikolu 49a, huwa sors ta’ inċertezza legali. Ir-rikorrenti tispjega li, fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata, hija kienet diġà għamlet investimenti sostanzjali u irriversibbli fil-pipeline Nord Stream 2, kuntrarjament għall-operaturi ma kinux għadhom ħadu deċiżjoni ta’ investiment definittiva.

42

Hija tippreċiża li, meta hija wettqet dawn l-investimenti, il-pipeline Nord Stream 2, bħall-pipeline Nord Stream 1, ma kienx meqjus bħala li jaqa’ taħt id-Direttiva 2009/73. Huwa għalhekk li hija ma talbitx eżenzjoni skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73. Hija żżid li hija setgħet leġittimament temmen li l-investimenti tagħha ma kinux ser jiġu mċaħħda minn profittabbiltà minħabba bidla mhux mistennija u f’daqqa tal-leġiżlazzjoni.

43

Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tiegħu sabiex jadatta l-applikazzjoni tad-Direttiva kkontestata u, b’mod partikolari, il-kamp ta’ applikazzjoni temporali tal-Artikolu 49a.

44

Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Repubblika tal-Estonja, mir-Repubblika tal-Litwanja, mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

45

Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet u f’relazzjonijiet legali li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta dawn ir-regoli jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u fuq l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ sajd tal-pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 111).

46

Id-dritt li tintalab il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi, bħala korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għal kull individwu li jsib ruħu f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni nisslet fih speranzi fondati. Tikkostitwixxi garanzija li tista’ tnissel tali aspettattivi, informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fl-assenza ta’ garanziji preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni. Bl-istess mod, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jkunx jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ tali prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

L-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tkun tista’ tinbidel fil-kuntest tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2012, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, C‑335/09 P, EU:C:2012:385, punt 180 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dan il-każ, huwa minnu li, fil-punt 80 tas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li, fil-mument tal-adozzjoni u tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata, ir-rikorrenti kienet diġà wettqet investimenti sinjifikattivi bl-għan tal-kostruzzjoni tal-interkonnettur tagħha fis-sens tal-punt 17 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73, kif emendata, u li dan l-interkonnettur kien jinsab fi stadju avvanzat.

49

Barra minn hekk, fil-punti 104 u 160 tas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet essenzjalment li, fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata, ir-rikorrenti la setgħet tibbenefika minn eżenzjoni taħt l-Artikolu 36, kif emendat, u lanqas minn deroga skont l-Artikolu 49a. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, minn naħa, li l-investimenti għall-pipeline Nord Stream 2 kienu diġà ġew deċiżi fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata, li kien jeskludi dan il-pipeline mill-benefiċċju ta’ eżenzjoni skont l-Artikolu 36, kif emendat, u, min-naħa l-oħra, li, f’din id-data, kien evidenti li l-imsemmi pipeline ma setax jitlesta qabel it‑23 ta’ Mejju 2019, li b’hekk kien jipprekludi l-għoti ta’ deroga skont l-Artikolu 49a.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanza li skontha r-rikorrenti la setgħet tibbenefika minn eżenzjoni skont l-Artikolu 36, kif emendat, u lanqas minn deroga skont l-Artikolu 49a fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548), ma jistax juri li l-leġiżlatur kiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-korollarju tiegħu, jiġifieri l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

51

Fil-fatt, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-korollarju tiegħu għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-konoxxenzi li operatur ekonomiku avżat u informat seta’ raġonevolment ikollu fir-rigward tal-iżvilupp tal-kuntest ġuridiku u tal-konsegwenzi li kellu jislet minnu sabiex jiddefinixxi l-aġir tiegħu. Din l-osservanza għandha tiġi eżaminata wkoll fid-dawl taċ-ċirkustanzi madwar dan l-iżvilupp u, b’mod partikolari, tal-aġir tal-istituzzjonijiet kompetenti.

a)   Fuq iċ-ċirkustanza li skontha r-rikorrenti ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 36, kif emendat

52

Il-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali ma jippermettux li tiġi vverifikata l-allegazzjoni tar-rikorrenti li hija ħadet id-deċiżjoni finali tagħha ta’ investiment fil-proġett Nord Stream 2 f’Settembru 2015. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tibbaża ruħha fuq ebda anness sabiex issostni l-allegazzjoni tagħha. Barra minn hekk, elementi oħra tal-proċess jissuġġerixxu li din id-deċiżjoni kienet ittieħdet, mhux f’Settembru 2015, iżda fl‑2016, u sussegwentement ġiet implimentata mir-rebbiegħa tal-2017.

53

Indipendentement mid-data preċiża li fiha r-rikorrenti effettivament adottat deċiżjoni finali ta’ investiment, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti ddeċidiet li tinvesti f’kuntest ta’ applikazzjoni prevedibbli tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz u, it-tieni nett, li hija kompliet bl-investimenti tagħha wara li seħħet din il-possibbiltà.

1) Fuq il‑kuntest li fih ir‑rikorrenti ddeċidiet li tinvesti

54

Ir-rikorrenti ddeċidiet li tinvesti f’kuntest li fih diversi istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu, b’mod ċar u għal żmien twil, urew ir-rieda tagħhom li japplikaw l-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73, l-ewwel nett, għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz b’mod ġenerali u, it-tieni nett, għall-pipeline Nord Stream 2, b’mod partikolari.

55

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ddeċidiet li tinvesti f’kuntest ikkaratterizzat minn diversi pożizzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni, mill-Kunsill Ewropew, mill-Kunsill u mill-Parlament, intiż sabiex, b’mod ġenerali, l-importazzjonijiet tal-enerġija fl-Unjoni u l-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz ikunu, abbażi tad-dritt eżistenti jew abbażi ta’ dritt li għandu jiġi emendat, kompletament suġġetti għar-regoli li jirregolaw is-suq intern tal-enerġija.

56

Fil-fatt, il-premessa 22 tad-Direttiva 2009/73 kienet diġà tispjega li s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija kienet element essenzjali tas-sigurtà pubblika u minn dan iddeduċiet li persuni ta’ pajjiżi terzi għandhom jiġu awtorizzati jeżerċitaw kontroll fuq network ta’ trasport jew fuq operatur ta’ network ta’ trasport biss jekk kienu konformi mar-rekwiżiti dwar is-separazzjoni effettiva applikabbli fl-Unjoni. F’din l-istess premessa, il-Kummissjoni kienet ukoll imħeġġa, jekk ikun il-każ, tippreżenta rakkomandazzjonijiet bl-għan li tinnegozja ftehimiet rilevanti ma’ pajjiżi terzi li jittrattaw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni.

57

Sa mill-2010, il-Kummissjoni, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Ministru Russu għall-Enerġija, indikat, essenzjalment, li l-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz kienu suġġetti għall-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, sakemm il-kuntest ġuridiku ma jinbidilx bi ftehim internazzjonali.

58

Sussegwentement, il-Parlament u l-Kunsill, fil-premessa 3 tad-Deċiżjoni 994/2012/UE tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija (ĠU 2012, L 299, p. 13) tagħhom, spjegaw li, sabiex is-suq intern tal-enerġija jiffunzjona korrettament, kien meħtieġ li l-importazzjonijiet tal-enerġija fl-Unjoni jkunu kompletament irregolati mir-regoli li jistabbilixxu s-suq intern tal-enerġija.

59

F’Diċembru 2013, rappreżentant tal-Kummissjoni esprima pubblikament l-opinjoni ta’ din l-istituzzjoni li l-ftehimiet intergovernattivi konklużi minn diversi Stati Membri mal-Federazzjoni Russa dwar proġett ta’ pipeline imsejjaħ “South Stream”, li kellu jgħaqqad lir-Russja mal-Italja u mal-Awstrija permezz tal-Baħar Iswed u li għalih kienu nbdew ċerti xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, ma kinux konformi mal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73.

60

Bi tweġiba għal mistoqsija parlamentari, il-membru tal-Kummissjoni, responsabbli għall-Enerġija, fil‑31 ta’ Marzu 2014, indika li l-Kummissjoni kienet ser teżamina d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali adottati wara talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73 magħmula mill-promoturi tal-proġett South Stream.

61

Fil-komunikazzjoni tagħha lill-Parlament u lill-Kunsill tat‑28 ta’ Mejju 2014, intitolata “Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija” (COM (2014) 330 final), il-Kummissjoni enfasizzat li, fi żmien qasir, l-investimenti l-ġodda fl-infrastruttura, imħeġġa mill-fornituri dominanti, kellhom josservaw ir-regoli kollha dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni. B’mod partikolari, skont il-Kummissjoni, il-proġett South Stream kellu jiġi sospiż sakemm tiġi żgurata l-osservanza sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u wara jiġi evalwat mill-ġdid fid-dawl tal-prijoritajiet tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija.

62

Fil-komunikazzjoni tagħha lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment tal‑25 ta’ Frar 2015, intitolata “Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ’il quddiem”, (COM(2015) 80 final), il-Kummissjoni indikat li l-konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni tal-ftehimiet dwar ix-xiri ta’ enerġija minn pajjiżi terzi kienet tikkostitwixxi element importanti mill-istrateġija intiża li tiżgura s-sigurtà tal-enerġija.

63

Fil‑15 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni wriet ukoll ix-xewqa tagħha li tissuġġetta lill-operatur tat-taqsima Pollakka tal-pipeline Yamal-Europe, li jittrasporta l-gass provenjenti mir-Russja, għall-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73.

64

Fir-riżoluzzjoni tiegħu 2015/2113(INI), tal‑15 ta’ Diċembru 2015, intitolata “Lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija”, il-Parlament, min-naħa tiegħu, qies, b’mod partikolari, li l-Unjoni kienet dipendenti ħafna fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja, li ż-żmien wera li ma hijiex sieħeb affidabbli u li tuża l-provvisti tal-enerġija tagħha bħala arma politika. Huwa żied li t-tilwim dwar il-gass tal‑2006 u tal‑2009 bejn ir-Russja u l-Ukraina, li huwa pajjiż ta’ tranżitu, ħalla lil diversi pajjiżi tal-Unjoni b’nuqqasijiet serji ta’ provvista. Skont il-Parlament, dawn l-interruzzjonijiet juru li l-miżuri li ttieħdu sal-lum kienu insuffiċjenti biex jeliminaw id-dipendenza fuq il-gass Russu. Huwa għalhekk stieden lill-Kummissjoni sabiex tinforza d-dritt tal-Unjoni sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq intern.

65

Fl-aħħar nett, l-elementi tal-proċess juru li, fil-konklużjonijiet tiegħu tat‑18 ta’ Diċembru 2015 (EUCO 28/15), il-Kunsill Ewropew indika li kwalunkwe infrastruttura ġdida għandha tkun kompletament konformi mat-“Tielet Pakkett dwar l-Enerġija” u mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi l-oħra applikabbli tal-Unjoni, kif ukoll mal-għanijiet tal-Unjoni tal-enerġija.

66

Għalhekk, mill-punti 56 sa 65 iktar ’il fuq jirriżulta li, bejn l‑2009 u l‑2015, diversi istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu ħadu pożizzjoni favur applikazzjoni tar-regoli li jirregolaw is-suq intern tal-enerġija għall-pipelines kollha bejn Stat Membru u pajjiż terz.

67

It-tieni nett, u f’dan il-kuntest, diversi Stati Membri, il-Parlament u l-Kummissjoni esprimew b’mod ċar ir-rieda tagħhom li l-pipeline Nord Stream 2 ikun suġġett għall-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 meta jkunu saru jafu bl-eżistenza ta’ dan il-proġett.

68

Fil-fatt, il-provi prodotti b’mod partikolari mir-rikorrenti juru li, f’Novembru 2015, imbagħad f’Marzu 2016, diversi Stati Membri bagħtu żewġ ittri lill-Kummissjoni li fihom esprimew tħassib fir-rigward tal-proġett ta’ pipeline tar-rikorrenti u talbu lill-Kummissjoni tieħu azzjoni sabiex, essenzjalment, tissuġġetta dan il-pipeline futur għall-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73.

69

Fil‑15 ta’ Diċembru 2015, il-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Enerġija, bi tweġiba għal mistoqsija parlamentari, spjega li l-proġett tar-rikorrenti għandu jkun kompletament konformi mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Huwa żied jgħid li l-Unjoni se tappoġġja biss proġetti infrastrutturali li jkunu konformi mal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni tal-enerġija. Dan l-istess membru pprovda tweġiba simili għal mistoqsija parlamentari oħra fil‑21 ta’ Jannar 2016.

70

Fil‑15 ta’ Diċembru 2015, il-Parlament adotta r-riżoluzzjoni msemmija fil-punt 64 iktar ’il fuq li minnha jirriżulta speċifikament li din l-istituzzjoni xtaqet li d-dritt tal-Unjoni jiġi applikat għall-pipeline Nord Stream 2.

71

Waqt konferenza li nżammet fil-Parlament fis‑6 ta’ April 2016 u li kellha bħala suġġett “Nord Stream II – Energy Union at the crossroads” (Nord Stream 2 – L-Unjoni tal-Enerġija f’salib it-toroq), il-Viċi President tal-Kummissjoni ddikjara li l-kostruzzjoni ta’ proġett ta’ infrastruttura daqstant importanti bħall-pipeline Nord Stream 2 ma setgħetx issir f’lakuna legali u lanqas ma setgħet tiġi operata esklużivament skont id-dritt Russu. F’dan ir-rigward, huwa ppreċiża li, jekk kellu jinbena, il-pipeline Nord Stream 2 kellu jiġi operat f’qafas legali li jieħu debitament inkunsiderazzjoni l-prinċipji ewlenin tas-suq tal-enerġija tal-Unjoni.

72

Elementi oħra mill-proċess juru li, fil-bidu tas-sena 2017, diversi Membri tal-Parlament Ewropew talbu lill-Kummissjoni tieħu miżuri urġenti fir-rigward tal-proġett tar-rikorrenti. Fl-istess żmien, żewġ Stati Membri talbu lill-Kummissjoni taġixxi qabel ma tagħti lir-rikorrenti l-awtorizzazzjonijiet li hija kienet talbet fir-rigward tar-rotta tal-pipeline Nord Stream 2 fil-Baħar Baltiku, skont l-Artikolu 79 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl‑10 ta’ Diċembru 1982.

73

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ddeċidiet li tinvesti f’kuntest ikkaratterizzat għal żmien twil minn rieda soda u kontinwa, b’mod partikolari ta’ diversi Stati Membri, tal-Parlament u tal-Kummissjoni, li l-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz, b’mod ġenerali, u l-pipeline Nord Stream 2, b’mod partikolari, ikunu suġġetti għall-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73.

74

Għalhekk, fil-mument li fih ir-rikorrenti ssostni li ħadet id-deċiżjoni tagħha li tinvesti, hija ma kellha ebda assigurazzjoni li d-dritt tal-Unjoni kien ser jibqa’ mhux applikat għall-pipeline Nord Stream 2.

75

Għall-kuntrarju, kien prevedibbli li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu ser jużaw is-setgħat li huma kellhom sabiex jiżguraw ruħhom li l-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz, b’mod ġenerali, u l-pipeline Nord Stream 2, b’mod partikolari, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73.

2) Fuq il-kontinwazzjoni tal‑investimenti

76

Ir-rikorrenti kompliet l-investimenti tagħha wara li l-possibbiltà li l-pipeline Nord Stream 2 ikun suġġett għall-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 ġiet ikkonkretizzata permezz ta’ proposti ppreżentati mill-Kummissjoni.

77

Fil-fatt, fi tmiem ix-xahar ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni fakkret li l-pipeline Nord Stream 2 kien iqajjem diffikultajiet u ħabbret li kienet qiegħda tfassal abbozz ta’ mandat għall-attenzjoni tal-Kunsill bl-għan li tiġi awtorizzata tinnegozja mal-Federazzjoni Russa dwar l-operat ta’ dan il-pipeline.

78

Għalhekk, fid‑9 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni ħabbret pubblikament, permezz ta’ stqarrija għall-istampa, li hija kienet talbet mandat min-naħa tal-Istati Membri sabiex tinnegozja ftehim dwar il-pipeline Nord Stream 2 mal-Federazzjoni Russa. Din it-talba ħadet il-forma ta’ rakkomandazzjoni adottata mill-Kummissjoni fl-istess jum għall-attenzjoni tal-Kunsill bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u l-Federazzjoni Russa dwar l-operat tal-pipeline Nord Stream 2 (iktar ’il quddiem it-“talba għal mandat”).

79

Hekk kif jirriżulta mill-istqarrija għall-istampa tagħha, il-Kummissjoni, fit-talba tagħha għal mandat, spjegat li l-proġett Nord Stream 2 ma kienx jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija minħabba, minn naħa, li dan seta’ jiffaċilita l-espansjoni tal-pożizzjoni ta’ Gazprom fis-swieq prinċipali tal-gass tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li kien ser iqiegħed inkwistjoni l-mezzi ta’ trasport eżistenti.

80

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni talbet lill-Kunsill sabiex jagħtiha mandat sabiex tinnegozja ftehim internazzjonali li jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji fundamentali li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija u, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ trasparenza fl-operat, fl-iffissar ta’ tariffi nondiskriminatorji, f’livell xieraq ta’ aċċess nondiskriminatorju għal terzi u f’livell ta’ separazzjoni bejn l-attivitajiet ta’ provvista u ta’ trasport.

81

F’Awwissu 2017, il-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Enerġija fakkar, bi tweġiba għal mistoqsija parlamentari, ir-rieda tal-Kummissjoni li l-pipeline Nord Stream 2 ma jkunx suġġett biss għad-dritt tal-pajjiż ta’ provenjenza tiegħu, iżda wkoll għad-dritt tal-Unjoni.

82

Fit‑8 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat il-proposta għal direttiva. Din il-proposta kienet diġà tipprevedi l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73 għal pipelines, bħal dak tar-rikorrenti, kif ukoll possibbiltà li tinkiseb deroga għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li tlestew qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-direttiva futura. Is-sustanza ta’ din il-proposta kienet tħabbret f’Settembru 2017. Barra minn hekk, f’Ottubru 2017, rappreżentant tal-Kummissjoni kien ippreċiża li, fil-fehma tiegħu, din il-proposta kienet ser tiġi ppreżentata f’Novembru 2017, li kienet ser issegwi proċedura “fast-track” u li kienet ser tidħol fis-seħħ mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2018 jekk l-emendi proposti kienu aċċettati.

83

Minn dan isegwi li, fid-data tat-talba għal mandat, u sussegwentement fid-data tal-proposta għal direttiva, il-possibbiltà li r-rikorrenti tkun suġġetta għall-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 ikkonkretizzat ruħha u li hija setgħet tistenna li l-imsemmija obbligi japplikaw fi żmien qasir għall-pipeline Nord Stream 2. Għalhekk, abbażi tal-elementi li kienu għad-dispożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tagħha.

84

Issa, ir-rikorrenti ma turix li ma kienx possibbli għaliha li tadatta ruħha sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 36, kif emendat, meta d-Direttiva kkontestata tidħol fis-seħħ.

85

Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ma ssostnix li, fid-data tat-talba għal mandat indirizzata mill-Kummissjoni lill-Kunsill u, l-iktar tard, fid-data tal-proposta għal direttiva, hija pprovat tinterrompi jew tissospendi l-eżekuzzjoni tal-kuntratti li hija kienet preċedentement ikkonkludiet jew ipprovat tinnegozjahom mill-ġdid.

86

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma turix li, f’dawn l-istess dati, ma kienx possibbli għaliha li tinterrompi jew li tissospendi l-proġett tagħha u, b’mod iktar ġenerali, li l-investimenti tagħha kienu saru irriversibbli.

87

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva li r-rikorrenti ma pproduċietx il-kuntratti ta’ xiri tal-pajpijiet, il-kuntratt relatat mal-kisi bil-konkrit tqil tal-pajpijiet u l-kuntratt ta’ tqegħid tal-pajpijiet, li hija tispjega li kkonkludiet rispettivament fis‑6 ta’ April 2016, fis‑6 ta’ Settembru 2016 u fis‑6 ta’ April 2017. Żewġ annessi prodotti mir-rikorrenti jikkonfermaw biss li [kunfidenzjali].

88

Barra minn hekk, hekk kif dan jirriżulta minn deċiżjoni tal-Bundesnetzagentur (l-Aġenzija Federali tan-Networks, il-Ġermanja) tat‑22 ta’ Frar 2009 dwar talba għal eżenzjoni skont id-dispożizzjoni tad-dritt Ġermaniż li ttrasponiet l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73 (BK7–08–009), il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xiri ta’ pajpijiet għal ammont għoli ma turix neċessarjament l-eżistenza ta’ deċiżjoni definittiva ta’ investiment u li sar investiment irriversibbli fid-data tal-konklużjoni ta’ tali kuntratt, b’mod partikolari minħabba li dawn il-pajpijiet jistgħu jerġgħu jinbiegħu mill-ġdid.

89

B’hekk, ir-rikorrenti ma turix li, fid-data tat-talba għal mandat indirizzata mill-Kummissjoni lill-Kunsill u, l-iktar tard, fid-data tal-proposta għal direttiva, l-investimenti marbuta mal-kuntratti msemmija fil-punt 87 iktar ’il fuq kienu saru irriversibbli.

90

Fir-rigward tal-ftehim ta’ trasport tal-gass li r-rikorrenti kkonkludiet fit‑23 ta’ April 2017, għandu jiġi enfasizzat li dan il-ftehim, li jirrigwarda l-operat futur tal-pipeline Nord Stream 2, ma jipprovdi ebda informazzjoni dwar il-kronoloġija u l-portata tal-investimenti mwettqa mir-rikorrenti. Barra minn hekk, dan il-ftehim ġie konkluż f’data li fiha l-Kummissjoni kienet diġà ħabbret li kienet qiegħda tipprepara talba għal mandat (ara l-punt 77 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma turix, permezz ta’ riferimenti preċiżi fl-estratti biss ta’ dan il-ftehim li hija pproduċiet fl-anness tar-rikors, li ma kienx possibbli għaliha li tinterrompi jew tissospendi l-eżekuzzjoni tiegħu jew li tinnegozja mill-ġdid it-termini tiegħu ftit ġimgħat wara l-iffirmar tiegħu, jiġifieri wara li l-Kummissjoni effettivament ippreżentat it-talba tagħha għal mandat, fid‑9 ta’ Ġunju 2017. Barra minn hekk, peress li dan il-ftehim kien ġie ffirmat ma’ Gazprom Export LLC, jiġifieri kumpannija rregolata mid-dritt Russu li kienet 100 % sussidjarja tal-azzjonist uniku tar-rikorrenti, il-possibbiltà li dan il-ftehim jiġi nnegozjat mill-ġdid fid-data tat-talba għal mandat u fid-data tal-proposta għal direttiva ma setgħetx tiġi eskluża.

91

Fir-rigward tal-ftehimiet ta’ finanzjament konklużi mir-rikorrenti f’April u f’Ġunju 2017, dawn lanqas ma jipprovdu informazzjoni dwar il-kronoloġija u l-portata tal-investimenti li hija wettqet. Barra minn hekk, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti u l-estratti minn dawn il-ftehimiet prodotti minn din tal-aħħar ma jippermettux li tiġi evalwata bil-preċiżjoni meħtieġa d-data li fiha huma effettivament daħlu fis-seħħ. Barra minn hekk, dawn il-ftehimiet kienu ġew iffirmati f’data li fiha l-Kummissjoni kienet diġà ħabbret, f’Marzu 2017, li hija kienet qed tfassal abbozz ta’ mandat għal negozjar sabiex tikkonkludi ftehim mal-Federazzjoni Russa u ftit ġimgħat jew, fir-rigward tal-ftehim ta’ Ġunju 2017, ftit jiem qabel ma t-talba għal mandat kienet ġiet effettivament indirizzata lill-Kunsill. Fl-aħħar nett, u b’mod iktar ġenerali, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali ma jurux li kien impossibbli għaliha li tinnegozja mill-ġdid dawn il-ftehimiet fid-data tat-talba għal mandat u, l-iktar tard, fid-data tal-proposta għal direttiva. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-finanzjamenti ggarantiti minn dawn il-ftehimiet kienu, nofshom, ipprovduti mill-azzjonist uniku tagħha, PJSC Gazprom.

92

Konsegwentement, ir-rikorrenti ma turix li ċ-ċirkustanza li skontha hija ma setgħetx tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 36, kif emendat, fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata huwa l-konsegwenza diretta ta’ bidla imprevedibbli tal-leġiżlazzjoni u li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tadatta ruħha fil-ħin għal tali sitwazzjoni.

93

Għall-kuntrarju, l-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali iktar juru li r-rikorrenti wettqet u kompliet l-investimenti tagħha mingħajr interruzzjoni minkejja l-fatt li hija setgħet raġonevolment tipprevedi applikazzjoni futura tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz, inkluż il-pipeline Nord Stream 2.

94

Fid-dawl tal-kuntest madwar l-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata u, b’mod partikolari, tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti qabel l-adozzjoni tagħha, iċ-ċirkustanza li skontha r-rikorrenti ma setgħetx tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 36, kif emendat, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva ma kienx jobbliga lil-leġiżlatur tal-Unjoni jadatta l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49a għas-sitwazzjoni partikolari ta’ din tal-aħħar sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

b)   Fuq iċ-ċirkustanza li skontha li r‑rikorrenti ma tistax tibbenefika mid‑deroga prevista fl‑Artikolu 49a

95

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-kriterju tat-tlestija qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata, li l-osservanza tiegħu kienet tikkundizzjona l-possibbiltà li tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 49a, kien diġà jinsab fil-proposta għal direttiva u r-rikorrenti kienet fil-pożizzjoni li tipprevedi li l-pipeline Nord Stream 2 ma kienx ser jitlesta fid-data tal-adozzjoni u tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva.

96

F’dan ir-rigward, mill-elementi tal-proċess jirriżulta li, fid-data tal-proposta għal direttiva, fit‑8 ta’ Novembru 2017, il-kostruzzjoni nnifisha tal-pipeline Nord Stream 2, jiġifieri, b’mod partikolari, it-tqegħid tal-pajpijiet fil-qiegħ tal-Baħar Baltiku, kienet għadha ma bdietx.

97

Fil-fatt, ir-rikorrenti kisbet, min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi, id-diversi awtorizzazzjonijiet neċessarji sabiex tinstalla u topera l-infrastruttura tagħha fil-baħar territorjali u fiż-żona ekonomika esklużiva (ŻEE) tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja biss bejn it‑2 ta’ Novembru 2017 u s‑27 ta’ Marzu 2018.

98

Barra minn hekk, ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni sabiex jitqiegħdu l-pajpijiet u jinbena t-terminal tal-wasla fiż-żona li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru bdew biss fi Frar 2018 u tkomplew fil-baħar territorjali u fiż-ŻEE Ġermaniża biss minn nofs l‑2018.

99

Barra minn hekk, l-awtorizzazzjonijiet neċessarji min-naħa tal-awtoritajiet Russi, Finlandiżi u Svediżi, ikkonċernati mir-rotta tal-pipeline Nord Stream 2, inħarġu biss bejn il‑5 ta’ April 2018 u l‑14 ta’ Awwissu 2018.

100

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata, jiġifieri fis‑17 ta’ April 2019, parti kbira minn kull waħda miż-żewġ linji, li jifformaw il-pipeline Nord Stream 2, kienet għadha ma tqegħditx f’qiegħ il-baħar, kif juru ċ-ċifri, espressi f’kilometri, imressqa mir-rikorrenti. B’mod partikolari, fid-data tal-adozzjoni u fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata, ir-rikorrenti kienet għadha qed tistenna l-awtorizzazzjoni relatata ma’ 147 km ta’ linji li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet Daniżi. Din l-awtorizzazzjoni finalment ingħatat fit‑30 ta’ Ottubru 2019 u saret definittiva fit‑28 ta’ Novembru 2019. Fid-data tal-adozzjoni u fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata, il-pajpijiet għalhekk kienu għadhom ma tqiegħdux fl-ilmijiet Daniżi. F’dawn l-istess dati, mhux it-taqsimiet kollha tal-pajpijiet diġà mqiegħda f’qiegħ il-baħar kienu konnessi bejniethom permezz tal-proċess imsejjaħ “above water tie-in”, tal-inqas fil-baħar territorjali u fiż-ŻEE tal-Ġermanja u fl-ibħra Russi.

101

Konsegwentement, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tipprevedi li, jekk il-proposta tal-Kummissjoni li tiddaħħal deroga għall-pipelines mitmuma qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata kienet segwita mil-leġiżlatur tal-Unjoni, hija ma tkunx f’pożizzjoni li tibbenefika minnha fid-data ta’ dan id-dħul fis-seħħ.

102

Fit-tieni lok, iċ-ċirkustanza li skontha, fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata, ir-rikorrenti ma setgħetx tibbenefika minn deroga skont l-Artikolu 49a ma kienx biss prevedibbli minn din tal-aħħar, iżda jirriżulta wkoll mill-applikazzjoni ta’ kriterju konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali u mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

103

Fil-fatt, il-kriterju tat-tlestija qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata huwa ċar, preċiż u oġġettiv.

104

F’dan ir-rigward, dan il-kriterju jirrifletti l-prinċipju li dispożizzjoni legali ġdida tapplika mid-dħul fis-seħħ tal-att li joħloqha. Għalkemm hija ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet legali li nħolqu u ġew definittivament konklużi taħt il-liġi l-qadima, hija tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt ir-regola l-qadima, kif ukoll għas-sitwazzjonijiet legali ġodda. Ikun mod ieħor, u bla ħsara għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ atti legali, biss jekk ir-regola l-ġdida tkun akkumpanjata b’dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw b’mod speċjali l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105

L-approċċ li jikkonsisti fl-adozzjoni tad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ att sabiex jiġi ddefinit il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dispożizzjoni fil-qasam tal-gass kien barra minn hekk diġà ġie segwit mid-Direttiva 2003/55/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230). Fil-fatt, il-punt 33 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/55 kien jiddefinixxi “infrastruttura ġdida” bħala infrastruttura li ma kinitx tlestiet fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva. Infrastruttura ġdida setgħet tibbenefika minn eżenzjoni skont l-Artikolu 22 ta’ din l-istess direttiva, li sar l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73.

106

Il-kriterju oġġettiv tat-tlestija qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva juri li l-leġiżlatur ħa inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-pipelines li tlestew billi ppermetta lil dawn il-pipelines li jitolbu li jibbenefikaw mid-deroga prevista fl-Artikolu 49a.

107

Fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari tal-pipeline Nord Stream 2, mill-punt 100 iktar ’il fuq jirriżulta li dan kien għadu qiegħed jinbena fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata u għalhekk li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma kinitx definittivament konkluża f’din id-data, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 104 iktar ’il fuq.

108

Barra minn hekk, ir-rikorrenti mhux biss kienet f’pożizzjoni li tipprevedi li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 49a fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata, iżda hija kellha wkoll terminu addizzjonali sabiex tbiddel il-modalitajiet previsti ta’ operat tal-pipeline Nord Stream 2 peress li t-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva kien ġie ffissat sa mhux iktar tard mill‑24 ta’ Frar 2020, jiġifieri għaxar xhur wara l-adozzjoni tagħha.

109

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li ċ-ċirkustanza li skontha r-rikorrenti ma tistax tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 49a ma jipprekludihiex milli topera l-pipeline Nord Stream 2 b’mod ekonomikament aċċettabbli u milli tikseb rendiment xieraq tal-investimenti tagħha, hekk kif dan jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva 2009/73 u mill-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU 2009, L 211, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2009, L 229, p. 29 u fil-ĠU 2009, L 309, p. 87).

110

Konsegwentement, ir-rikorrenti ma wrietx li l-leġiżlatur kiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-korollarju tiegħu, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, meta sostna, fl-Artikolu 49a, li huma biss il-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li tlestew qabel it‑23 ta’ Mejju 2019 li setgħu jibbenefikaw minn deroga skont din id-dispożizzjoni.

111

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, iċ-ċirkustanza li skontha r-rikorrenti la setgħet tibbenefika minn eżenzjoni taħt l-Artikolu 36, kif emendat, u lanqas minn deroga taħt l-Artikolu 49a fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata ma jistax juri li l-leġiżlatur kiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-korollarju tiegħu, jiġifieri l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

112

Għalhekk it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

3.   Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

113

Il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza fit-trattament, inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114

Għandhom jiġu eżaminati suċċessivament l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-eżistenza ta’ trattament differenzjat ta’ sitwazzjonijiet komparabbli u dawk ibbażati fuq l-assenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva.

a)   Fuq l-allegat trattament differenzjat ta’ sitwazzjonijiet komparabbli

115

Ir-rikorrenti ssostni li l-pipeline Nord Stream 2 jinsab b’mod ċar f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li huma offshore u li tlestew qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata, li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49a.

116

Fil-fatt, l-ewwel nett, il-pipeline Nord Stream 2 u l-pipelines li tlestew huma kollha “pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz” fis-sens tal-punt 17 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73, kif emendata, u jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, minħabba li huma “interkonnetturi”.

117

It-tieni nett, il-pipeline Nord Stream 2 u l-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li huma offshore u li tlestew huma kollha pipelines li għalihom l-Artikolu 36, kif emendat, ma jistax japplika oġġettivament u li fir-rigward tagħhom dan l-artikolu ma jistax jissodisfa r-rwol tiegħu li jikkonsisti li jipprovdi ċertezza “qabel” l-investiment. Għall-pipeline Nord Stream 2 u għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li jinsabu fil-baħar u li tlestew, l-investiment imwettaq huwa irriversibbli u ma jistax jiġi abbandunat bl-istess mod bħall-pipelines li jinsabu fil-fażi ta’ ppjanar. F’dan ir-rigward, kważi l-investimenti kollha fil-pipeline Nord Stream 2 kienu diġà seħħew u dan il-pipeline huwa kważi lest. Għalhekk, il-pipeline Nord Stream 2 u l-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li huma offshore u li tlestew jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 49a li huwa li jippermetti l-irkupru tal-investiment imwettaq.

118

It-tielet nett, l-investimenti fil-pipeline Nord Stream 2 huma bbażati fuq l-istess tip ta’ ftehimiet ta’ trasport tal-gass fit-tul bħal dawk li fuqhom huma bbażati l-pipelines li huma offshore u li tlestew u li kienu ġew konklużi diversi snin qabel l-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata.

119

Ir-raba’ nett, il-fatt li, għall-pipelines lesti u diġà operati, ikun iktar faċli li jiġi evalwat l-effett tagħhom fuq il-funzjonament tas-suq intern, fuq il-kompetizzjoni u fuq is-sigurtà tal-provvista ma jippermettix li jitqies li l-pipeline Nord Stream 2 ma hijiex komparabbli ma’ dawn il-pipelines lesti. Fil-fatt, evalwazzjoni simili hija meħtieġa mill-Artikolu 36, kif emendat, għall-pipelines ippjanifikati u din id-dispożizzjoni kienet tat lok għal prassi deċiżjonali.

120

Il-ħames nett, u għall-istess raġuni, ma jkunx possibbli li jiġi sostnut li l-kriterju tad-“deċiżjoni finali ta’ investiment” ma huwiex preċiż, b’differenza tal-kriterju tat-“tlestija” li jinsab fl-Artikolu 49a. Fil-fatt, l-Artikolu 36, kif emendat, jippreżupponi li ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni finali ta’ investiment.

121

Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Repubblika tal-Estonja, mir-Repubblika tal-Litwanja, mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

122

Il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba trattament differenzjat jippreżupponi li s-sitwazzjonijiet ikkunsidrati huma komparabbli fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għaldaqstant in-natura komparabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu stabbiliti u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jifforma parti minnu l-att inkwistjoni (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punti 25 u 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123

F’dan il-każ, fir-rigward tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-qasam li d-Direttiva kkontestata taqa’ taħtu, l-Artikolu 194(1) TFUE jipprevedi li, fil-kuntest tal-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern u filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit li jitħares u jittejjeb l-ambjent, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija għandha tkun intiża li tiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija, li tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-energija fl-Unjoni, li tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta’ forom ta’ enerġija ġodda u rinnovabbli u li tippromwovi l-interkonnessjoni tan-networks tal-enerġija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑346/14, EU:C:2016:322, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124

Id-Direttiva kkontestata għandha, fl-intier tagħha, l-għan li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73 għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz.

125

Hekk kif dan jirriżulta mill-premessa 3 tagħha, l-għan ġenerali mfittex mid-Direttiva kkontestata huwa li jiġu ttrattati l-ostakoli għat-twettiq tas-suq intern li jirriżultaw min-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli tas-suq tal-Unjoni għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz. Din il-premessa tippreċiża li l-bidliet magħmula huma intiżi, l-ewwel nett, sabiex jiġi ggarantit li r-regoli applikabbli għall-pipelines ta’ trasport li jgħaqqdu żewġ Stati Membri jew iktar ikunu applikabbli wkoll għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz, it-tieni nett, sabiex tiġi stabbilita konsistenza tal-qafas legali filwaqt li jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effetti negattivi fuq is-sigurtà tal-provvista u, it-tielet nett, sabiex tiżdied it-trasparenza u tiġi offruta ċertezza legali lill-atturi tas-suq, b’mod partikolari l-investituri fl-infrastrutturi u l-utenti tan-network fir-rigward tas-sistema legali applikabbli.

126

Fir-rigward tal-Artikolu 49a, dan għandu l-għan li jippermetti lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-ewwel punt ta’ konnessjoni ta’ pipeline bejn dan l-Istat Membru u pajjiż terz, li tlesta qabel it‑23 ta’ Mejju 2019, li jiddeċiedi li jidderoga mill-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73. Din id-deroga għandha tkun ibbażata fuq raġunijiet oġġettivi, bħall-fatt li l-investiment imwettaq ikun jista’ jiġi rkuprat jew għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista, sakemm din id-deroga ma tkunx ta’ detriment għall-kompetizzjoni, għall-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-gass naturali jew għas-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni.

127

Hekk kif dan jirriżulta mill-premessa 4 tad-Direttiva kkontestata, l-Artikolu 49a għandu l-għan li jieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ regoli speċifiċi tal-Unjoni applikabbli għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva.

128

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li huwa paċifiku li l-Artikolu 49a jwassal sabiex jiġu ttrattati b’mod differenti, minn naħa, il-pipelines li tlestew qabel it‑23 ta’ Mejju 2019, li jistgħu jitolbu li jibbenefikaw minn deroga abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, u, min-naħa l-oħra, il-pipelines li ma kinux tlestew f’din id-data u li ma jistgħux jitolbu li jibbenefikaw minn tali deroga.

129

Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li pipeline lest huwa pipeline li għandu l-karatteristiċi neċessarji kollha sabiex jittrasporta l-gass minħabba li l-kostruzzjoni tiegħu waslet fi tmiemha. Għaldaqstant, pipeline lest jista’ jitqiegħed fis-servizz u jiġi operat. Barra minn hekk, fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tagħha għal direttiva, il-Kummissjoni ddeskriviet il-pipelines lesti, koperti mid-deroga li llum hija prevista fl-Artikolu 49a, bħala infrastrutturi eżistenti diġà fis-servizz.

130

B’paragun, pipeline li ma jkunx tlesta ma għandux il-karatteristiċi kollha ta’ pipeline u għalhekk ma jkunx jista’ jittrasporta l-gass u jiġi operat.

131

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 49a, li huwa li tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ regoli speċifiċi tal-Unjoni applikabbli għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata, pipeline li jkun għadu ma tlestiex fit‑23 ta’ Mejju 2019 ma jinsabx f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ pipeline li kien tlesta f’din id-data.

132

Fil-fatt, pipeline li jkun tlesta fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata u li jkun fis-servizz bilfors li jkun ta lok għal investiment minn qabel li ma jkunx iktar possibbli li wieħed jirrinunzja għalih. Barra minn hekk, pipeline li tlesta f’din id-data kien beda jiġi operat fil-kuntest ta’ sistema legali li ma kinitx tipprevedi l-applikazzjoni, għas-sitwazzjoni tiegħu, tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 u lanqas il-possibbiltà li wieħed jibbenefika minn eżenzjoni skont l-Artikolu 36, kif emendat, applikabbli għall-infrastrutturi tal-gass ġodda.

133

Min-naħa l-oħra, l-ewwel nett, investitur f’pipeline li ma jkunx tlesta fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata jista’ jkun għamel spejjeż iktar baxxi jew ikollu iktar possibbiltajiet li jadatta l-investiment tiegħu, li jtemm obbligi kuntrattwali diġà sottoskritti, li jimmodifika l-imsemmija obbligi jew li jbigħ mill-ġdid oġġetti diġà akkwistati għall-kostruzzjoni tal-pipeline tiegħu.

134

Sussegwentement, anki jekk pipeline li ma jkunx tlesta fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata ikun ta lok għal investimenti kbar u għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, dawn l-investimenti u dawn ix-xogħlijiet setgħu ġew deċiżi b’għarfien tal-fatti, f’kuntest prevedibbli ta’ emenda tal-leġiżlazzjoni applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ tali modifika.

135

F’dan il-każ, b’mod partikolari mill-punti 75, 83, 93 u 101 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti effettivament iddeċidiet li tinvesti b’għarfien sħiħ tal-fatti, f’kuntest li kien jippermettilha tifhem, anki qabel il-preżentazzjoni tal-proposta għal direttiva mill-Kummissjoni u, l-iktar tard, f’dak il-mument, li l-pipeline Nord Stream 2 huwa suġġett għall-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73.

136

Fl-aħħar nett, u b’mod iktar ġenerali, investitur f’pipeline li ma jkunx tlesta fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata, bħall-pipeline Nord Stream 2, għandu ż-żmien sabiex jadatta ruħu għall-emendi leġiżlattivi previsti minn din tal-aħħar. Il-possibbiltajiet u ż-żmien li investitur f’pipeline li ma jkunx lest ikollu sabiex jadatta ruħu għall-konsegwenzi ta’ bidla leġiżlattiva mwettqa permezz ta’ direttiva huma iktar u iktar sinjifikattivi peress li minn naħa, dan l-investitur huwa informat, diversi xhur qabel l-adozzjoni tal-att leġiżlattiv inkwistjoni, dwar is-suġġett u l-għan tal-emendi leġiżlattivi previsti u, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri jkollhom terminu sabiex jittrasponu tali emendi fid-dritt intern.

137

Fit-tielet lok, fid-dawl tas-suġġett tal-Artikolu 49a, iżda wkoll tal-iskop u tal-għanijiet tad-Direttiva kkontestata kif ukoll tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, is-sitwazzjoni ta’ pipeline li tlesta fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva hija differenti mis-sitwazzjoni ta’ pipeline li l-kostruzzjoni tiegħu ma tkunx tlestiet f’din id-data.

138

Fil-fatt, l-effett ta’ pipeline li diġà tlesta fuq il-funzjonament tas-suq intern, b’mod partikolari f’termini ta’ effetti fuq il-kompetizzjoni u fuq is-sigurtà tal-provvista, jista’ jiġi evalwat ex post. Din l-evalwazzjoni ex post issir abbażi tal-esperjenza miksuba waqt l-operat tal-pipeline inkwistjoni u abbażi ta’ data empirika miksuba fil-kuntest ta’ dan l-operat. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-effett ta’ pipeline li tlesta fuq is-suq intern hija iktar faċli u għalhekk tista’ titwettaq malajr skont proċedura sempliċi, taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri kompetenti biss.

139

Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għall-pipelines li tlestew u diġà operati fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata tippreżenta riskju li tfixkel il-kapaċitajiet u l-flussi tal-provvista u għalhekk li tippreġudika l-kompetizzjoni u s-sigurtà tal-provvista. Dan ir-riskju jiġġustifika wkoll eżami rapidu tas-sitwazzjoni tagħhom fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 49a.

140

Min-naħa l-oħra, fil-preżenza ta’ pipeline li ma jkunx tlesta fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata, bħall-pipeline Nord Stream 2, l-evalwazzjoni tal-effett tiegħu fuq is-suq intern u s-sigurtà tal-provvista tista’ tkun prospettiva biss u tkun ibbażata fuq ipoteżijiet. Għalhekk, anki jekk tali evalwazzjoni hija effettivament possibbli, hija teżiġi kunsiderazzjonijiet iktar fil-fond u iktar kumplessi mill-effett tal-operat tal-pipeline futur fuq it-twettiq tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva kkontestata kollha kemm hi u mill-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija.

141

Barra minn hekk, sa fejn pipeline li ma jkunx tlesta, bħall-pipeline tar-rikorrenti, ma jkunx kapaċi jittrasporta l-gass u jiġi operat, l-applikazzjoni tad-Direttiva kkontestata għal tali kategorija ta’ pipelines ma tippreżentax riskju ta’ tfixkil tal-flussi tal-provvista, jew saħansitra ta’ interruzzjoni tal-provvista.

142

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-pipelines li tlestew fit‑23 ta’ Mejju 2019, minn naħa, u l-pipelines li ma tlestewx f’din id-data, u b’mod partikolari dawk li qegħdin jinbnew bħall-pipeline Nord Stream 2, min-naħa l-oħra, ma jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom.

143

B’hekk, l-Artikolu 49a jwassal sabiex sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod differenti u, b’mod partikolari, sabiex il-pipeline Nord Stream 2 jiġi ttrattat b’mod differenti mill-pipelines li tlestew, peress li l-imsemmi pipeline jinsab, fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata, f’sitwazzjoni differenti.

144

Anki jekk jitqies li l-Artikolu 49a jwassal sabiex sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti, minħabba li r-rikorrenti kienet diġà wettqet investimenti sinjifikattivi bl-għan tal-kostruzzjoni tal-pipeline Nord Stream 2, din id-differenza fit-trattament u l-iżvantaġġ li jirriżulta minnha jkunu, fi kwalunkwe każ, iġġustifikati (ara l-punti 145 et seq iktar ’il quddiem).

b)   Fuq il‑ġustifikazzjoni ta’ eventwali trattament differenzjat ta’ sitwazzjonijiet komparabbli

145

Ir-rikorrenti ssostni li t-trattament differenzjat tal-pipeline Nord Stream 2 ma huwiex iġġustifikat oġġettivament.

146

Il-fatt li l-pipeline Nord Stream 2 ma tlestiex qabel it‑23 ta’ Mejju 2019 ma jistax jikkostitwixxi ġustifikazzjoni oġġettiva għat-trattament iddifferenzjat ta’ dan il-pipeline. Fil-fatt, tali ġustifikazzjoni hija inkompatibbli mal-iskop speċifiku tal-Artikolu 49a. Dan l-iskop jikkonċerna r-riskji ta’ investiment li kienu diġà ttieħdu u jikkonsisti f’li jiġi kkompletat l-Artikolu 36, kif emendat, applikabbli għar-riskji ta’ investiment li għadhom ma ttiħdux. Il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 49a għall-infrastrutturi “li tlestew qabel it-23 ta’ Mejju 2019” toħloq lakuna temporali meta mqabbla mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 36, kif emendat.

147

Ir-rikorrenti ssostni li hija kellha l-istess aspettattivi leġittimi bħall-operaturi ta’ pipelines diġà fis-servizz minħabba li hija kienet diġà għamlet investimenti sinjifikattivi qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata, jiġifieri fit‑23 ta’ Mejju 2019. Bħall-imsemmija operaturi, hija ħadet deċiżjoni li timplimenta l-proġett tagħha, kienet għamlet investimenti irriversibbli u kkonkludiet il-parti l-kbira tal-arranġamenti kuntrattwali vinkolanti abbażi tas-sitwazzjoni legali li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

148

Barra minn hekk, il-kriterju ta’ “tlestija” ma huwiex kriterju oġġettiv. Ir-raġuni li għaliha l-iffissar ta’ data ta’ skadenza daqstant prekoċi kien neċessarju sabiex l-infrastrutturi li kienu tlestew ma jiltaqgħux ma’ sitwazzjoni ta’ inċertezza legali ma hijiex ċara. Il-leġiżlatur seta’ jistabbilixxi data ta’ skadenza iktar remota mingħajr ma tiġi affettwata s-sitwazzjoni tal-infrastrutturi li kienu tlestew. Ir-rikorrenti tenfasizza li, matul il-proċedura leġiżlattiva, applikazzjoni tal-Artikolu 49a għall-pipelines li għalihom ix-xogħlijiet kienu nbdew qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata kienet ġiet proposta bħala alternattiva għall-għażla li finalment kienet ġiet adottata.

149

Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

150

Għandu jitfakkar li differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta din tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-għan imfittex permezz tat-trattament ikkonċernat (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 47).

151

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-għan speċifiku tal-Artikolu 49a ma jikkonċernax biss ir-riskji ta’ investiment. Fil-fatt, l-Artikolu 49a għandu għan iktar wiesa’, li huwa li tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ regoli applikabbli għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata. Dan huwa għaliex, skont din id-dispożizzjoni, id-deroga li hija tipprevedi għandha tkun ibbażata fuq raġunijiet oġġettivi, bħall-fatt li jkun jista’ jsir l-irkupru tal-investiment imwettaq jew għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista.

152

F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterju ta’ tlestija qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata jikkostitwixxi kriterju oġġettiv li jirrifletti l-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni ratione temporis ta’ att tal-Unjoni (ara l-punt 104 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, dan il-kriterju għandu rabta stretta mal-għan imfittex mill-Artikolu 49a, jiġifieri li tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ regoli speċifiċi tal-Unjoni applikabbli għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata. Barra minn hekk, dan il-kriterju kien diġà ġie applikat fil-punt 33 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/55 sabiex jiddefinixxi “infrastruttura ġdida” (ara l-punt 105 iktar ’il fuq).

153

Il-kriterju tat-tlestija qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata għalhekk jikkostitwixxi kriterju oġġettiv u raġonevoli.

154

Fit-tieni lok, l-eventwali differenza fit-trattament, li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterju tat-tlestija qabel it‑23 ta’ Mejju 2019, hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ regoli applikabbli għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata.

155

Minn naħa, dan jippermetti faċilment lill-proprjetarji ta’ pipelines li jevalwaw jekk il-pipeline tagħhom jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 49a.

156

Min-naħa l-oħra, dan il-kriterju jista’ faċilment jiġi implimentat mill-Istati Membri sabiex jiġi evalwat malajr jekk talba għal deroga hijiex effettivament ippreżentata fir-rigward ta’ pipeline li jidħol jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49a. Fi kliem ieħor, dan il-kriterju jippermetti li jiġu identifikati faċilment il-pipelines li għalihom tista’ tkun neċessarja flessibbiltà fir-rigward, minn naħa, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-proprjetarju tagħhom u, min-naħa l-oħra, tar-riskji ta’ tfixkil tal-provvista li l-applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 tista’tikkawża għal dawn il-pajpijiet tal-gass, li jkunu diġà fis-servizz.

157

Fit-tielet lok, l-eventwali differenza fit-trattament li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterju tat-tlestija qabel it‑23 ta’ Mejju 2019 ma taqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għan imfittex mill-Artikolu 49a.

158

Fil-fatt, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-għan imfittex mill-Artikolu 49a seta’ jitwettaq billi tinfetaħ id-deroga prevista minn din id-dispożizzjoni għall-pipelines li għalihom ix-xogħlijiet kienu qabel it‑23 ta’ Mejju 2019 jew li kienu diġà taw lok għal deċiżjoni finali ta’ investiment qabel din id-data.

159

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-kriterji msemmija mir-rikorrenti ppermettew ukoll lill-pipelines li tlestew qabel it‑23 ta’ Mejju 2019 li jitolbu li tinkiseb deroga abbażi tal-Artikolu 49a.

160

Madankollu, qabelxejn, dawn il-kriterji ma kellhomx l-istess livell ta’ preċiżjoni, peress li l-kunċetti ta’ “bidu tax-xogħlijiet” u ta’ “deċiżjoni finali ta’ investiment” setgħu jagħtu lok għal xogħol kumpless ta’ interpretazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk pipeline jidħolx jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 49a.

161

Sussegwentement, dawn il-kriterji wasslu sabiex jiddaħħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 49a pipelines li kienu għadhom ma ġewx operati. L-evalwazzjoni tal-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 49a għalhekk ma setgħetx issir faċilment mill-Istati Membri minkejja l-fatt li l-proċedura stabbilita minn din id-dispożizzjoni kienet preċiżament ġiet maħsuba bħala proċedura sempliċi li kellha tiġi implimentata malajr mill-Istati Membri u li ma kellhiex tagħti lok għal analiżijiet prospettivi u kumplessi.

162

Fl-aħħar nett, b’differenza mill-kriterju tat-tlestija qabel it‑23 ta’ Mejju 2019, il-kriterji msemmija mir-rikorrenti kellhom l-effett li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49a għal pipelines, bħall-pipeline Nord Stream 2, li kienu taw lok għal investimenti u għal bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni f’mument li fih l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73 għal pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz kienet prevedibbli.

163

Fir-rigward tar-restrizzjonijiet sostnuti mill-investituri f’pipelines li ma kinux tlestew, b’mod ġenerali, u mir-rikorrenti, b’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li l-applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 ma tipprekludix lill-investituri fil-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz milli joperaw il-pipeline tagħhom b’mod ekonomikament aċċettabbli u milli jiksbu rendiment xieraq fuq l-investimenti tagħhom (ara l-punt 109 iktar ’il fuq).

164

Barra minn hekk din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mid-diversi eżempji, imsemmija mill-Kummissjoni, ta’ pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li kienu diġà suġġetti, xi drabi għal diversi snin, għall-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata.

165

Għaldaqstant, l-importanza tal-għan li kien jikkonsisti li tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza prevedibbli ta’ regoli applikabbli għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li tlestew qabel it‑23 ta’ Mejju 2019 kienet tiġġustifika r-restrizzjonijiet sostnuti mill-investituri fil-pipelines li ma tlestewx f’din id-data, bħar-rikorrenti.

166

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punti 261 sa 263 iktar ’il quddiem, ir-rikorrenti ma turix li r-restrizzjonijiet li hija ssostni minħabba l-applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għall-pipeline Nord Stream 2 huma manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva kkontestata.

167

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ma turix li l-għażla mwettqa mil-leġiżlatur fl-Artikolu 49a, li tikkonsisti fid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista minn din id-dispożizzjoni permezz tal-kriterju tat-tlestija qabel it‑23 ta’ Mejju 2019, hija manifestament mhux xierqa u li eventwali differenza fit-trattament ma hijiex iġġustifikata.

168

Għalhekk l-ewwel motiv huwa miċħud.

4.   Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità

169

Fl-ewwel lok, fir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li huma offshore ma hijiex proporzjonata mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva kkontestata jew mid-Direttiva 2009/73.

170

L-appellanti tenfasizza wkoll li, jekk l-applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz kienet tikkostitwixxi soluzzjoni għal problema reali, dawn l-obbligi għandhom japplikaw bl-istess mod għall-pipelines kollha bejn Stat Membru u pajjiż terz. Issa, ir-rikorrenti ssostni li l-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 japplikaw biss għal frazzjoni tal-kapaċità ta’ importazzjoni tal-pajjiżi terzi, jiġifieri l-kapaċità tal-pipeline Nord Stream 2, u mhux għall-kapaċità tal-pipelines kollha bejn Stat Membru u pajjiż terz.

171

Fit-tieni lok, fir-replika, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li ma huwiex ipprovat li l-fatt li taqsima żgħira ta’ pipeline wieħed provenjenti minn pajjiż terz, jiġifieri l-pipeline Nord Stream 2, tiġi suġġetta għall-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva kkontestata.

172

It-tieni nett, ir-rikorrenti tenfasizza li l-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 japplikaw biss għal frazzjoni tal-kapaċità ta’ importazzjoni tal-pajjiżi terzi, jiġifieri l-kapaċità tal-pipeline Nord Stream 2, u mhux għall-kapaċità tal-pipelines kollha bejn Stat Membru u pajjiż terz. Issa, huwa diffiċli li wieħed jara kif l-applikazzjoni ta’ dawn l-obbligi għal parti daqshekk żgħira tal-kapaċità totali tal-pipelines ta’ importazzjoni tista’ twettaq l-għanijiet tad-Direttiva kkontestata.

173

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-elementi kwantitattivi u kwalitattivi tal-għan li jikkonsisti li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista setgħu jiġu ggarantiti anki billi l-pipeline Nord Stream 2 jiddaħħal fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49a. Fil-fatt, l-eżenzjoni u d-deroga previsti rispettivament fl-Artikolu 36, kif emendat, u fl-Artikolu 49a, li jingħataw b’mod partikolari fir-rigward ta’ kundizzjoni marbuta mas-sigurtà tal-provvista, juru li din is-sigurtà ma hijiex żgurata biss bl-applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73.

174

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni, li anki jekk jista’ jitqies li d-Direttiva kkontestata tippreżenta vantaġġ marġinali għas-suq intern, li ma huwiex il-każ, dan il-vantaġġ ikun inqas mill-inkonvenjenzi kbar ħafna li din id-direttiva timponi fuq l-Unjoni, fuq l-Istati Membri u fuq il-proprjetarji, bħalha, ta’ pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li huma offshore.

175

Ir-rikorrenti tippreċiża li l-effetti ekonomiċi tad-Direttiva fuq is-sitwazzjoni tagħha huma sinjifikattivi u irraġonevoli minħabba li din id-direttiva ma tippermettilhiex tirkupra l-investimenti mwettqa qabel l-adozzjoni tagħha. Hija ma tkunx tista teżegwixxi legalment aspetti fundamentali tal-ftehim ta’ trasport tal-gass li hija kkonkludiet ma’ Gazprom, u l-pożizzjoni finanzjarja tagħha tiġi affettwata b’mod negattiv ħafna.

176

Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Repubblika tal-Estonja, mir-Repubblika tal-Litwanja, mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

177

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Association Kokopelli,C‑59/11, EU:C:2012:447, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

178

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, kif tirrileva r-rikorrenti, l-għan ġenerali previst mid-Direttiva kkontestata huwa effettivament li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern.

179

Madankollu, il-premessa 3 tad-Direttiva kkontestata ssemmi għanijiet iktar preċiżi, li ma humiex limitati sabiex jipprevjenu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effetti negattivi fuq is-sigurtà tal-provvista, iżda huma intiżi wkoll, l-ewwel nett, li jiggarantixxu li r-regoli applikabbli għall-pipelines li jgħaqqdu żewġ Stati Membri jew iktar ikunu applikabbli wkoll għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz u, b’mod iktar ġenerali, li jistabbilixxu konsistenza tal-qafas legali u, it-tieni nett, li joffru ċertezza legali lill-atturi tas-suq.

180

L-għan ġenerali u l-għanijiet iktar speċifiċi mfittxija mid-Direttiva kkontestata jikkostitwixxu, manifestament, għanijiet leġittimi. Barra minn hekk, isir riferiment għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-suq intern fl-Artikolu 194 TFUE u għall-għanijiet li jikkonsistu f’li jiġi żgurat li l-funzjonament tas-suq tal-enerġija u tas-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni jissemmew f’din id-dispożizzjoni.

181

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi evalwat jekk id-Direttiva kkontestata hijiex adatta sabiex twettaq l-għanijiet imfittxija minnha u ma teċċedix il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq tagħhom sa fejn il-pipeline Nord Stream 2 huwa l-uniku pipeline bejn Stat Membru u pajjiż terz li la jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 36, kif emendat, u lanqas mid-deroga prevista fl-Artikolu 49a.

a)   Fuq il‑kapaċità tad-Direttiva kkontestata li twettaq l‑għanijiet imfittxija sa fejn ir‑rikorrenti la tista’ tibbenefika minn eżenzjoni u lanqas minn deroga

182

Fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata l-kapaċità tad-Direttiva kkontestata li twettaq l-għanijiet ta’ ċertezza legali u ta’ konsistenza tal-qafas legali u, fit-tieni lok, il-kapaċità ta’ din l-istess direttiva li tipprevjeni d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effetti negattivi fuq is-sigurtà tal-provvista.

1) Fuq il‑kapaċità tad-Direttiva kkontestata li twettaq l-għanijiet ta’ ċertezza legali u ta’ konsistenza tal-qafas legali

183

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva kkontestata hija adatta sabiex jintlaħaq l-għan ta’ ċertezza legali mfittex minnha.

184

Fil-fatt, fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva, il-Kummissjoni spjegat li d-dritt tal-Unjoni ma kienx jiddefinixxi b’mod espliċitu qafas legali għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz.

185

F’dan ir-rigward, l-estensjoni tal-kunċett ta’ “interkonnessjoni” għall-pipelines lejn u minn pajjiżi terzi, magħmula mid-Direttiva kkontestata permezz tal-emenda tal-kunċett ta’ “interkonnettur” li jinsab fil-punt 17 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73, tiżgura delimitazzjoni ċara tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din l-aħħar direttiva u tipprovdi preċiżazzjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħha.

186

Minn naħa, id-Direttiva kkontestata testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73 għall-pipelines kollha bejn Stat Membru u pajjiż terz, inkluż il-pipeline Nord Stream 2, jiġifieri l-pipelines terrestri u l-pipelines offshore li huma eżistenti jew futuri.

187

Min-naħa l-oħra, il-premessa 9 tad-Direttiva kkontestata tippreċiża li, fir-rigward tal-pipelines offshore, id-Direttiva 2009/73 għandha tkun applikabbli fil-baħar territorjali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-ewwel punt ta’ interkonnessjoni man-network tal-Istati Membri.

188

Għalhekk, id-Direttiva kkontestata għandha b’mod partikolari l-effett li tipprevedi li l-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 japplikaw għat-taqsima tal-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li huma offshore u li jaqsmu l-ilmijiet territorjali ta’ Stat Membru, bħat-taqsima tal-pipeline Nord Stream 2 li taqsam l-ilmijiet territorjali Ġermaniżi. Għaldaqstant, id-Direttiva kkontestata tevita, f’dan ir-rigward, lakuna legali.

189

Fit-tieni lok, l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73 għall-pipelines kollha bejn Stat Membru u pajjiż terz, bħall-pipeline Nord Stream 2, tiżgura wkoll il-konsistenza tal-qafas legali ġewwa l-Unjoni.

190

L-ewwel nett, kif kienet diġà spjegat, essenzjalment, il-Kummissjoni fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva, l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73 għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz tiżgura li l-operaturi ta’ dawn il-pipelines ikunu suġġetti għall-istess sistema legali bħal atturi oħra fis-suq li għalihom id-Direttiva 2009/73 diġà tapplika b’mod sħiħ, jiġifieri l-operaturi tal-pipelines li jgħaqqdu l-Istati Membri differenti jew l-operaturi ta’ network ta’ trasport fl-Istati Membri.

191

It-tieni nett, minn naħa, kif spjegat ukoll il-Kummissjoni fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva, il-prinċipji fundamentali tal-qafas regolamentari stabbilit fid-Direttiva 2009/73 huma riflessi f’diversi ftehimiet internazzjonali konklużi bejn Stati Membri u pajjiżi terzi jew bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi u huma sistematikament applikati għall-pipelines terrestri bejn Stat Membru u pajjiż terz.

192

L-applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għall-pipelines kollha bejn Stat Membru u pajjiż terz tikkontribwixxi għalhekk għall-konsistenza tad-dritt applikabbli bejn, minn naħa, il-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li kienu diġà suġġetti għall-imsemmija obbligi skont strumenti legali oħra, bħal ftehimiet internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, il-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li ma kinux suġġetti għalihom, bħall-pipeline Nord Stream 2.

193

Min-naħa l-oħra, kif spjegat, essenzjalment, il-Kummissjoni fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73 għall-pipelines kollha bejn Stat Membru u pajjiż terz tiggarantixxi applikazzjoni uniformi tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 u tevita approċċ frammentat ibbażat fuq miżuri nazzjonali. B’mod partikolari, din l-estensjoni tevita sitwazzjoni fejn interkonnessjoni li taqsam diversi Stati Membri tiġi rregolata minn sistemi nazzjonali differenti u tippermetti wkoll lill-Kummissjoni teżerċita ċertu kontroll tal-osservanza tar-regoli rilevanti.

194

Għaldaqstant, id-Direttiva kkontestata hija adatta sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ ċertezza legali u ta’ konsistenza tal-qafas legali li hija essenzjalment issegwi, sa fejn hija testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73 u għalhekk tal-obbligi li din l-aħħar direttiva tipprevedi.

195

F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li skontha r-rikorrenti hija l-unika li ma tistax tibbenefika la minn eżenzjoni taħt l-Artikolu 36, kif emendat, u lanqas minn deroga skont l-Artikolu 49a, ma jaffettwax il-kapaċità tad-Direttiva kkontestata li tilħaq l-għanijiet li hija tfittex permezz ta’ estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73.

2) Fuq il‑kapaċità tad‑Direttiva kkontestata li tipprevjeni d‑distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l‑effetti negattivi fuq is‑sigurtà tal‑provvista

196

Preliminarjament, fir-rigward tal-problemi f’termini ta’ kompetizzjoni u ta’ sigurtà tal-provvista li mmotivaw il-proposta għal direttiva, il-Kummissjoni spjegat b’mod partikolari, fl-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-proposta, li l-Unjoni tiddependi ħafna fuq l-importazzjonijiet ta’ gass minn pajjiżi terzi u li huwa fl-interess tal-Unjoni u tal-konsumaturi tal-gass li t-trasparenza u l-kompetittività jkunu wkoll ir-regola għall-pipelines li ġejjin minn dawn il-pajjiżi.

197

Il-Kummissjoni ġġustifikat ukoll l-imsemmija proposta għal direttiva fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà bil-fatt li l-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz, fil-parti l-kbira tal-każijiet, għandhom kapaċità li jista’ jkollha effett fuq is-suq intern tal-gass u fuq is-sigurtà tal-provvista f’diversi Stati Membri.

198

Fid-dokument tax-xogħol li jakkumpanja l-proposta tagħha għal direttiva, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fl‑2016, 70.4 % tad-domanda għall-gass tal-Unjoni kienet ġiet koperta minn importazzjonijiet u li 87 % minn dawn l-importazzjonijiet kienu twettqu permezz ta’ pipelines.

199

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li, irrispettivament mit-tul tat-taqsima tal-pipeline jew tal-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz koperti mill-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73, l-applikazzjoni ta’ dawn l-obbligi għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz, ikkunsidrati flimkien, u għall-pipeline Nord Stream 2, b’mod partikolari, hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ twettiq tas-suq intern tal-gass naturali billi jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effetti negattivi fuq is-sigurtà tal-provvista.

200

Fil-fatt, id-Direttiva 2009/73 tipprevedi b’mod partikolari, l-ewwel nett, obbligu ta’ separazzjoni (unbundling) min-network ta’ trasport u tal-operatur tan-network ta’ trasport, it-tieni nett, obbligu ta’ aċċess ta’ terzi għan-network u, it-tielet nett, obbligi oħra li jirrigwardaw b’mod partikolari t-trasparenza tariffarja u mhux tariffarja.

201

L-ewwel nett, fir-rigward tal-obbligu ta’ separazzjoni previst fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/73, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet essenzjalment li, f’sitwazzjoni fejn il-gass naturali prodott barra mill-Unjoni minn impriża jiġi ttrasportat ġewwa l-Unjoni permezz ta’ network ta’ trasport li jappartjeni lill-istess impriża, ir-riskju ta’ aġir diskriminatorju fl-operat ta’ dan in-network jidher b’mod ċar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Traspożizzjoni tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73), C‑718/18, EU:C:2021:662, punt 37).

202

F’dan ir-rigward, mill-premessi 6, 8 u 22 tad-Direttiva 2009/73 jirriżulta essenzjalment, li l-obbligu ta’ separazzjoni jevita li l-fornituri dominanti tal-gass jikkontrollaw l-infrastruttura ta’ trasport u jiffavorixxu għalhekk l-attività ta’ provvista tagħhom stess, minn naħa, u li dan l-obbligu jikkostitwixxi mezz effikaċi u stabbli sabiex jiġi solvut il-kunflitt ta’ interessi intrinsiku u sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista, min-naħa l-oħra.

203

L-adegwatezza tal-obbligu ta’ separazzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva kkontestata hija msaħħa mill-fatt li l-osservanza tal-obbligu ta’ separazzjoni għandha tiġi vverifikata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni tal-operatur tan-network ta’ trasport prevista fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/73. Il-kisba ta’ ċertifikazzjoni tikkundizzjona l-possibbiltà, għall-proprjetarju ta’ pipeline bejn Stat Membru u pajjiż terz, li jwettaq tranżazzjonijiet li jirrigwardaw it-trasport tal-gass lejn l-Unjoni.

204

Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/73, l-eżami mwettaq mill-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni wkoll ir-riskji li l-pipeline ikkonċernat jista’ jippreżenta għas-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni.

205

Skont applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 2009/73, il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tista’ eventwalment tinfetaħ mill-ġdid fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ separazzjoni jew ta’ riskju għas-sigurtà tal-provvista.

206

It-tieni nett, fir-rigward tal-obbligu ta’ aċċess ta’ terzi previst fl-Artikolu 32, huwa minnu li l-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz u, b’mod partikolari, il-pipeline Nord Stream 2 ma għandhomx neċessarjament punt ta’ interkonnessjoni u li l-eżistenza ta’ talba għal aċċess ta’ terz tista’ tkun biss eventwali.

207

Madankollu, l-obbligu ta’ aċċess minn terzi previst fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/73 ikopri t-talbiet għal aċċess eżistenti u futuri u jinkludi żewġ aspetti: l-obbligu li tiġi permessa l-konnessjoni fiżika mal-pipeline u l-obbligu li jiġi permess l-aċċess għal kapaċitajiet ta’ trasport taħt kundizzjonijiet ġusti.

208

Minn dan isegwi li t-terzi għandhom id-dritt li jitolbu li jqabbdu jew li jaċċedu għall-kapaċitajiet ta’ trasport tal-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz, fir-rigward tat-taqsima ta’ dawn il-pipelines li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt tal-Unjoni. Mill-Artikolu 41(6), (8) u (10) tad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li l-kundizzjonijiet għal konnessjoni jew għal aċċess ta’ terzi huma oġġettivi, nondiskriminatorji u bbażati fuq tariffi proporzjonati u approvati mill-awtorità regolatorja kompetenti.

209

It-tielet nett, kif irrilevat il-Kummissjoni fid-dokument tax-xogħol li jakkumpanja l-proposta tagħha għal direttiva, l-estensjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz għandha l-effett li tirrendi applikabbli, għal dawn il-pipelines, ir-rekwiżiti ta’ trasparenza tariffarja u mhux tariffarja li hija tipprevedi. Dawn ir-rekwiżiti ta’ trasparenza jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 41(1)(a) u (7) tal-imsemmija direttiva jew mid-dispożizzjonijiet iktar ġenerali tal-Artikolu 16(3) ta’ din l-istess direttiva.

210

F’dan ir-rigward, fid-dokument tax-xogħol li jakkumpanja l-proposta tagħha għal direttiva, il-Kummissjoni spjegat b’mod partikolari li nuqqas ta’ trasparenza fl-operat tal-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz seta’ jikkostitwixxi fattur ta’ riskju mill-perspettiva tas-sigurtà tal-provvista. Minn dan hija ddeduċiet li kellu jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar l-operat u l-manutenzjoni ta’ infrastrutturi sinjifikanti titqiegħed għad-dispożizzjoni tas-suq u tkun tista’ tintuża mill-awtoritajiet nazzjonali u tal-Unjoni kkonċernati.

211

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 jirrigwardaw il-metodu ta’ operat tal-pipelines, il-kapaċità ta’ trasport tagħhom jew it-trasparenza tariffarja jew mhux tariffarja fil-kuntest tal-operat tagħhom. Fid-dawl tal-għan ta’ dawn l-obbligi, il-fatt li dawn japplikaw biss għal taqsima ta’ pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz bl-ebda mod ma jaffettwa l-kapaċità tal-imsemmija obbligi li jipprevjenu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effetti negattivi fuq is-sigurtà tal-provvista u għalhekk li jitwettqu l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva kkontestata, hekk kif il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni spjegaw bi tweġiba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

212

Fit-tieni lok, iċ-ċirkustanza, allegata mir-rikorrenti, li skontha, id-Direttiva kkontestata tapplika biss għal frazzjoni tal-kapaċità ta’ importazzjoni tal-pajjiżi terzi, jiġifieri l-kapaċità tal-pipeline Nord Stream 2, ma jistax iqajjem dubju dwar il-kapaċità tad-Direttiva kkontestata li tipprevjeni d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effetti negattivi fuq is-sigurtà tal-provvista.

213

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-proġett ta’ pipeline Nord Stream 2 tnieda f’kuntest partikolari. Fil-fatt, diversi drabi qabel it-tnedija ta’ dan il-proġett, diversi Stati Membri kienu ġew ikkonfrontati b’nuqqasijiet ta’ gass minħabba tilwim li kien jinvolvi lill-Federazzjoni Russa. It-tliet rotot prinċipali għall-gass minn dan il-pajjiż terz kienu dak iż-żmien is-sistema ta’ tranżitu Ukraina, il-pipeline Nord Stream 1 u l-pipeline Yamal-Europe li jgħaddi mill-Bjelorussja.

214

Barra minn hekk, il-pipeline Nord Stream 2 huwa kronoloġikament it-tieni pipeline offshore li, wara l-pipeline Nord Stream 1, jgħaqqad direttament lir-Russja mal-Ġermanja. Il-pipeline Nord Stream 2 iwassal għalhekk sabiex jirdoppja l-kapaċità tal-gass li jista’ jiġi ttrasportat permezz ta’ rotta li tinsab biss fil-baħar (ara l-punt 6 iktar ’il fuq). Il-pipelines Nord Stream 1 u Nord Stream 2 għandhom għalhekk il-kapaċità li jittrasportaw iktar minn 80 % tal-gass importat mir-Russja, peress li l-importazzjonijiet ta’ gass mir-Russja kienu jirrappreżentaw 42 % tal-importazzjonijiet ġewwa l-Unjoni fl‑2016.

215

Minn dan isegwi, qabelxejn, li l-proġett tar-rikorrenti jista’ jwassal għal konċentrazzjoni tas-sorsi ta’ gass. Fil-fatt, dan għandu l-potenzjal li jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-importazzjonijiet li ġejjin mir-Russja sa fejn jikkontribwixxi għal żieda fil-kapaċitajiet ta’ importazzjoni tal-gass provenjenti minn dan il-pajjiż terz. Konsegwentement, dan jista’ jiddisswadi l-kostruzzjoni jew l-iżvilupp ta’ infrastrutturi li jgħaqqdu lill-Unjoni ma’ pajjiżi terzi oħra.

216

Sussegwentement, il-proġett tar-rikorrenti jippreżenta r-riskju li jwassal għal konċentrazzjoni ikbar tal-fornituri tal-gass fl-Unjoni. Fil-fatt, dan il-proġett jista’ jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Gazprom fis-swieq bl-ingrossa u bl-imnut tal-Unjoni, bħala operatur vertikalment integrat.

217

F’dan ir-rigward, huwa minnu li r-rikorrenti la hija l-kunsinnatur tal-gass, u lanqas parti fil-kuntratti ta’ provvista tal-gass, li jirrigwardaw il-gass ittrasportat mill-pipeline Nord Stream 2. Madankollu, l-kunsinnatur tal-gass u l-firmatarju tal-kuntratti ta’ provvista tal-gass huma jew l-azzjonist uniku tiegħu jew sussidjarja tiegħu.

218

Fl-aħħar nett, il-proġett tar-rikorrenti jwassal għal konċentrazzjoni tal-punti ta’ dħul tal-gass importat fl-Unjoni u tar-rotot ta’ trasport. Fil-fatt, dan il-proġett jista’ jwassal għal konċentrazzjoni, fi Stat Membru wieħed, tad-dħul tal-gass li ġej mir-Russja u li jbiddel is-sens taċ-ċirkulazzjoni tal-flussi tal-gass ġewwa l-Unjoni. Dan il-proġett jista’ għalhekk iwassal sabiex jiġu eliminati l-pipelines terrestri u r-rotot eżistenti, li huma suġġetti għall-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73, favur kuritur irrappreżentat mill-pipelines Nord Stream 1 u Nord Stream 2. Dan ir-riskju huwa iktar u iktar kbir peress li, kif dan jirriżulta mill-atti tal-proċess ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, il-kapaċità tal-pipelines fis-servizz, li kienu diġà jittrasportaw il-gass mir-Russja, ma kinitx kompletament operata.

219

It-tieni nett, id-Direttiva kkontestata tapplika għall-pipelines kollha eżistenti u futuri, terrestri jew offshore.

220

F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li skontha, il-pipelines li tlestew qabel it‑23 ta’ Mejju 2019 jistgħu jitolbu deroga skont l-Artikolu 49a u li skontha l-infrastrutturi tal-gass ġodda jistgħu jitolbu eżenzjoni skont l-Artikolu 36, kif emendat, ma jfissirx li l-imsemmija pipelines jiksbu awtomatikament deroga jew eżenzjoni. L-eżenzjoni u d-deroga previsti rispettivament fl-Artikolu 36, kif emendat, u fl-Artikolu 49a fil-fatt jingħataw biss wara eżami każ b’każ mill-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, huma limitati fiż-żmien u jistgħu jkunu suġġetti għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet.

221

It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva kkontestata ġiet adottata f’kuntest li fih diversi pipelines li tlestew bejn Stat Membru u pajjiż terz, b’mod partikolari terrestri, kienu diġà suġġetti għall-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 permezz ta’ strumenti legali oħra, bħal ftehimiet internazzjonali.

222

Għalhekk, anki jekk, fid-data tal-adozzjoni u tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata, il-pipeline Nord Stream 2 kien l-uniku li ma setax jibbenefika minn eżenzjoni jew minn deroga, din id-direttiva żżid il-kapaċità ta’ importazzjoni minn pajjiżi terzi koperta mill-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73.

223

Fl-istess ħin, id-Direttiva kkontestata tiżgura kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusti bejn, minn naħa, il-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li kienu diġà suġġetti għall-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 u, min-naħa l-oħra, il-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li, bħall-pipeline Nord Stream 2, ser ikunu suġġetti għall-imsemmija obbligi permezz tal-effett tad-Direttiva kkontestata.

224

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz, b’mod ġenerali, u għall-pipeline Nord Stream 2, b’mod partikolari, hija adatta għall-prevenzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-effetti negattivi fuq is-sigurtà tal-provvista.

225

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħrajn imressqa mir-rikorrenti.

226

Ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li huma offshore, u b’mod partikolari għall-pipeline Nord Stream 2, ma tgħinx sabiex jitwettaq suq integrat tal-bejgħ bl-ingrossa tal-gass ġewwa l-Unjoni.

227

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, ċertament, il-pajjiżi terzi kkonċernati ma jfittxux li jintegraw is-swieq tagħhom tal-bejgħ bl-ingrossa ma’ xulxin.

228

Madankollu, l-operaturi ta’ dawn il-pajjiżi terzi jfittxu li jbigħu l-gass bl-ingrossa tagħhom ġewwa l-Unjoni u li jittrażmettu dan il-gass permezz ta’ pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li tal-inqas taqsima minnhom tkun tinsab fit-territorju tal-Unjoni.

229

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz li huma offshore u, b’mod partikolari, il-pipeline Nord Stream 2 huma intrinsikament differenti min-networks ta’ trasport tal-gass fis-sens tad-Direttiva 2009/73 u għandhom iktar xebh mal-pipelines upstream.

230

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73 jiddefinixxi “upstream pipeline networks” bħala pipeline jew network ta’ pipelines operati u/jew mibnija fil-kuntest ta’ proġett tal-produzzjoni taż-żejt jew tal-gass, jew użat biex jinġarr il-gass naturali minn proġett wieħed jew aktar għal pjanta tal-ipproċessar jew terminali jew destinazzjoni kostali finali.

231

Issa, minn naħa, ir-rikorrenti ma turix li l-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz, bħall-pipeline Nord Stream 2, huma maħsuba fil-kuntest ta’ proġett ta’ produzzjoni tal-gass b’mod partikolari jew huma maħsuba sabiex jittrażmettu l-gass naturali minn siti ta’ produzzjoni lejn fabbrika jew lejn terminal ta’ pproċessar jew lejn destinazzjoni kostali finali.

232

Fir-rigward b’mod partikolari tal-pipeline Nord Stream 2, l-oqsma ta’ produzzjoni li jinsabu fir-Russja huma konnessi mal-imsemmi pipeline mhux direttament, iżda biss permezz ta’ network ta’ trasport tal-gass tal-Federazzjoni Russa. Għalhekk, il-pipeline Nord Stream 2 jorbot in-network ta’ trasport Russu man-network ta’ trasport ta’ Stat Membru u jista’ potenzjalment jittrażmetti, mill-punt tat-tluq tiegħu, gass li kien inġabar b’mezzi differenti minn sorsi differenti.

233

Min-naħa l-oħra, id-Direttiva kkontestata hija intiża preċiżament sabiex tirrimedja l-problemi f’termini ta’ kompetizzjoni u ta’ sigurtà tal-provvista maħluqa mill-fatt li pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz, bħall-pipeline Nord Stream 2, huma miżmuma, direttament jew indirettament, minn fornituri ta’ gass dominanti u jintużaw biss mill-imsemmija fornituri.

234

Barra minn hekk, id-Direttiva 2009/73 tapplika għall-pipelines upstream li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni u l-Artikolu 34 tagħha jiggarantixxi l-aċċess ta’ terzi għal dawn il-pipelines.

235

Konsegwentement, ir-rikorrenti ma wrietx li d-Direttiva kkontestata u, iktar preċiżament, l-applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz ma hijiex xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet kollha li hija tfittex (ara l-punti 179 u 180 iktar ’il fuq), sa fejn il-pipeline Nord Stream 2 huwa l-uniku pipeline bejn Stat Membru u pajjiż terz li la jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 36, kif emendat, u lanqas mid-deroga prevista fl-Artikolu 49a.

b)   Fuq l‑assenza ta’ qbiż tal‑limiti ta’ dak li huwa neċessarju sa fejn ir-rikorrenti la tista’ tibbenefika minn eżenzjoni u lanqas minn deroga

236

Għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura suffiċjenti tal-regolamentazzjoni tal-ewwel punt ta’ dħul fl-Unjoni u, it-tieni nett, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq restrizzjonijiet li hija għandha ssostni minħabba li hija la tista’ tibbenefika minn eżenzjoni taħt l-Artikolu 36, kif emendat, u lanqas minn deroga skont l-Artikolu 49a.

1) Fuq l‑allegata natura suffiċjenti tar-regolamentazzjoni tal-ewwel punt ta’ dħul fl‑Unjoni

237

Ir-rikorrenti ssostni li r-regolamentazzjoni tal-punt ta’ dħul fin-network ta’ trasport tal-gass tal-Unjoni kienet suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva kkontestata.

238

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa, miċħuda fil-punti 229 sa 234 iktar ’il fuq, li l-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz, bħall-pipeline Nord Stream 2, jistgħu jiġu assmilati ma’ pipelines upstream.

239

Għalhekk, ir-rikorrenti ma turix li r-regolamentazzjoni fl-ewwel punt ta’ dħul fl-Unjoni tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva kkontestata.

240

Fi kwalunkwe każ, jirriżulta, għall-kuntrarju, mid-Direttiva 2009/73 li l-obbligi li hija tipprevedi ma japplikawx biss għall-punt ta’ dħul preċiż f’network ta’ trasport, iżda, b’mod iktar ġenerali, għan-networks ta’ trasport, għall-operaturi ta’ network ta’ trasport jew għal-linji ta’ trasport. Barra minn hekk, dawn l-obbligi, applikabbli għat-trasport tal-gass, jagħtu kontribuzzjoni addizzjonali meta mqabbla mar-regolamentazzjoni tal-provvista tal-gass biss, li hija limitata għall-ewwel punt ta’ dħul fl-Unjoni.

241

Għalhekk, l-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali juru li l-r-regolamentazzjoni fl-ewwel punt ta’ dħul biss fl-Unjoni ma biddlet xejn mis-sitwazzjoni li kienet tipprevali qabel l-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata u li r-rikorrenti kienet għalhekk f’pożizzjoni li topera l-pipeline Nord Stream 2 u li tittrasporta l-gass ipprovdut mill-azzjonist uniku tagħha mingħajr ma tkun suġġetta għad-dritt tal-Unjoni, li ma huwiex l-għan imfittex minn din id-direttiva.

2) Fuq ir‑restrizzjonijiet sostnuti mir‑rikorrenti

242

Fl-ewwel lok, huwa minnu li, kif dan jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva u mid-dokument tax-xogħol li jakkumpanja din il-proposta, id-deroga prevista fl-Artikolu 49a tikkontribwixxi għall-proporzjonalità tad-Direttiva kkontestata minħabba li tiggarantixxi flessibbiltà suffiċjenti sabiex jiġi evitat kull effett negattiv tal-applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73.

243

Madankollu, iċ-ċirkustanza li skontha r-rikorrenti la tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 36, kif emendat, u lanqas mid-deroga prevista fl-Artikolu 49a ma jippermettix li jiġi konkluż li d-Direttiva kkontestata taqbeż il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet li hija tfittex.

244

Fil-fatt, l-ewwel nett, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti hija spjegata mill-fatt li hija ddeċidiet li tinvesti u tkompli l-investimenti tagħha fil-pipeline Nord Stream 2 f’kuntest ta’ applikazzjoni prevedibbli tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għall-pipelines kollha bejn Stat Membru u pajjiż terz, fosthom il-pipeline Nord Stream 2 (ara l-punti 54 sa 94 iktar ’il fuq).

245

It-tieni nett, iċ-ċirkustanza li skontha r-rikorrenti ma tistax tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 49a ma jwassalx għal differenza fit-trattament mhux iġġustifikata għad-detriment tagħha. Fil-fatt, peress li l-pipeline Nord Stream 2 ma kienx tlesta qabel it‑23 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrenti ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni komparabbli mal-pipelines li kienu tlestew qabel din id-data (ara l-punti 122 sa 143 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, eventwali differenza fit-trattament kienet oġġettivament iġġustifikata fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 49a intiż li tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ regoli speċifiċi tal-Unjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata (ara l-punti 150 sa 168 iktar ’il fuq).

246

Fit-tieni lok, il-fatt li r-rikorrenti ma tistax topera l-pipeline Nord Stream 2 kif hija kienet inizjalment ipprevediet ma jurix li d-Direttiva kkontestata timponilha restrizzjonijiet sproporzjonati.

247

Fil-fatt, l-ewwel nett, id-Direttiva 2009/73 tipprevedi l-għażla bejn tliet mudelli ta’ separazzjoni li kollha ġew trasposti fid-dritt Ġermaniż, jiġifieri l-mudell ta’ separazzjoni sħiħa tal-istrutturi ta’ proprjetà, il-mudell tal-operatur tan-network indipendenti u l-mudell tal-operatur tan-network ta’ trasport indipendenti.

248

Għandu jingħad ukoll li l-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata kienet prevedibbli mir-rikorrenti u li l-Istati Membri kellhom l-obbligu li jittrasponu din id-direttiva sa mhux iktar tard mill‑24 ta’ Frar 2020. Ir-rikorrenti għalhekk kellha terminu pjuttost twil sabiex tipprevedi u tantiċipa l-obbligu ta’ ċertifikazzjoni u l-proċedura assoċjata miegħu.

249

It-tieni nett, l-obbligu li jiġi pprovdut aċċess għall-pipeline Nord Stream 2 lil terzi jipprekludi, ċertament, lir-rikorrenti milli tirriżerva 100 % tal-kapaċità ta’ trasport ta’ dan il-pipeline fit-tul għall-benefiċċju ta’ sussidjarja tal-azzjonist uniku tagħha.

250

Madankollu, mill-estratti tal-ftehim ta’ trasport tal-gass prodotti mir-rikorrenti ma jirriżultax li dan il-ftehim kien jipprevedi reżervazzjoni ta’ kapaċità ta’ 100 %. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li, anki jekk l-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 huma applikabbli għaliha, hija tibqa’ fid-dritt li tirriżerva 80 % tal-kapaċità tal-pipeline Nord Stream 2 għal tul massimu ta’ ħmistax-il sena.

251

It-tielet nett, fir-rigward tal-effett tal-leġiżlazzjoni tariffarja fuq is-sitwazzjoni tagħha, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq l-ipoteżi, mhux ipprovata, iżda ta’ benefiċċju għal terzi, li l-Aġenzija Federali tan-Networks (Bundesnetzagentur) ser tapprova tariffi kunsiderevolment iktar baxxi mit-tariffa miftiehma fil-ftehim ta’ trasport tal-gass.

252

Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni tariffarja prevista mid-Direttiva 2009/73 ma tipprekludix lir-rikorrenti milli topera l-pipeline Nord Stream 2 b’mod ekonomikament aċċettabbli u milli tikseb rendiment xieraq mill-investimenti tagħha (ara l-punt 109 iktar ’il fuq).

253

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 ser ikollha konsegwenzi kunsiderevoli fuq is-sitwazzjoni tagħha minħabba l-istipulazzjonijiet tal-ftehim ta’ trasport tal-gass u tal-ftehimiet ta’ finanzjament li hija kkonkludiet qabel l-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata.

254

Madankollu, ir-rikorrenti kkonkludiet il-ftehim ta’ trasport tal-gass ma’ sussidjarja tal-azzjonist uniku tagħha u hija ma turix li huwa impossibbli għaliha li tinnegozja mill-ġdid dan il-ftehim.

255

Fir-rigward tal-ftehimiet ta’ finanzjament, dawn huma, ċertament, marbuta mill-qrib mal-ftehim dwar it-trasport tal-gass. Madankollu, il-finanzjamenti ggarantiti minn dawn il-ftehimiet ta’ finanzjament kienu, bin-nofs, ipprovduti mill-azzjonist uniku tar-rikorrenti.

256

Il-ħames nett, ir-rikorrenti ma wrietx il-konsegwenzi finanzjarji marbuta mal-applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għall-pipeline Nord Stream 2.

257

F’dan ir-rigward, peress li l-applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għall-pipeline Nord Stream 2 ma tipprekludix lir-rikorrenti milli topera dan il-pipeline b’mod ekonomikament aċċettabbli u milli tikseb rendiment xieraq mill-investimenti tagħha, iċ-ċifri mressqa minn din tal-aħħar fir-rigward tal-portata tal-investimenti tagħha fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata jew iċ-ċifra ta’ EUR 8 biljun mogħtija matul is-seduta ma jippermettux lill-Qorti Ġenerali milli tevalwa l-imsemmija konsegwenzi finanzjarji.

258

Fil-fatt, jidher ċar li dawn il-konsegwenzi finanzjarji ma jistgħux jiġu evalwati fid-dawl tal-livell tal-investimenti mwettqa. Dawn il-konsegwenzi jikkorrispondu biss għall-ispejjeż li r-rikorrenti għandha ssostni sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva kkontestata u, b’mod partikolari, għat-telf eventwali ta’ profittabbiltà li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għall-pipeline Nord Stream 2.

259

Issa, ir-rikorrenti ma pprovdietx dawn iċ-ċifri.

260

Fit-tielet lok, id-Direttiva kkontestata ma tipprekludix il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tinnegozja ftehim internazzjonali mal-Federazzjoni Russa sabiex tittratta s-sitwazzjoni speċifika tal-pipeline Nord Stream 2.

261

Konsegwentement, minn naħa, ir-rikorrenti ma turix li d-Direttiva kkontestata timponilha obbligi li ma humiex neċessarji fid-dawl tal-għan tat-twettiq tas-suq intern.

262

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma turix li l-inkonvenjenzi, għaliha jew għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha, li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 huma manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-importanza tal-għanijiet imfittxija u tal-vantaġġi miksuba mill-Unjoni minn dawn l-obbligi.

263

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni li l-leġiżlatur għandu (ara l-punti 34 sa 37 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ma turix li l-applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz, b’mod ġenerali, u għall-pipeline Nord Stream 2, b’mod partikolari, hija manifestament mhux xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva kkontestata.

264

Għalhekk it-tieni motiv huwa miċħud.

5.   Fuq ir‑raba’ motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

265

Skont ir-rikorrenti, mit-tieni motiv tagħha, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jirriżulta li d-Direttiva kkontestata ma tistax tikkontribwixxi b’mod utli għat-twettiq tal-għanijiet iddikjarati tagħha u, fi kwalunkwe każ, ma tikkontribwixxix għat-twettiq tal-imsemmija għanijiet.

266

Għall-kuntrarju, l-għan reali tad-Direttiva kkontestata jikkonsisti sempliċement li tqiegħed fi żvantaġġ u tiskoraġġixxi l-proġett Nord Stream 2 sabiex, apparentement, tipproteġi t-tranżitu ta’ gass mill-Ukraina u mill-Istati Membri ta’ tranżitu tal-Ewropa tal-Lvant, bħall-Polonja, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u r-Rumanija, u sabiex jintlaħqu ċerti għanijiet marbuta mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Parlament, ittri ta’ grupp ta’ Stati Membri li jopponu l-proġett, skeda informattiva tal-Kummissjoni li takkumpanja l-proposta għal direttiva u, fl-aħħar nett, il-fatt li d-Direttiva kkontestata kienet ġiet proposta biss sabiex jiġu evitati d-diffikultajiet legali mqajma mit-talba għal mandat imsemmija fil-punt 78 iktar ’il fuq.

267

Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Repubblika tal-Estonja, mir-Repubblika tal-Litwanja u mill-Kummissjoni, jikkontestaw l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

268

F’dan ir-rigward, att ikun ivvizzjat minn użu ħażin ta’ poter biss jekk, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, jidher li dan ikun ittieħed esklużivament, jew tal-inqas b’mod determinanti, għal finijiet li ma humiex dawk li għalihom il-poter inkwistjoni ngħata jew bl-għan li tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mit-Trattati sabiex jittrattaw iċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tas‑16 ta’ April 2013, Spanja u L‑Italja vs Il‑Kunsill, C‑274/11 u C‑295/11, EU:C:2013:240, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

269

F’dan il-każ, għandu jitfakkar li d-Direttiva kkontestata hija bbażata fuq l-Artikolu 194 TFUE u li r-rikorrenti ma ssostnix li l-bażi legali ta’ din id-direttiva hija żbaljata.

270

Is-sempliċi fatt li d-Direttiva kkontestata taffettwa negattivament il-pipeline Nord Stream 2 ma jistax, waħdu, jiġi interpretat fis-sens li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jintlaħaq għan differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 194(1) TFUE.

271

Hekk kif dan jirriżulta mill-eżami tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-rikorrenti ma turix li d-Direttiva kkontestata kienet ġiet adottata sabiex jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk imsemmija fl-imsemmija direttiva u li r-rieda li jiġi żvantaġġat il-pipeline Nord Stream 2 ikkostitwixxiet għan imfittex mid-Direttiva kkontestata.

272

Min-naħa l-oħra, id-Direttiva kkontestata għandha tassew bħala għan li tirrimedja problemi usa’ li l-proġett tar-rikorrenti, fost ċirkustanzi oħra, kien ikkontribwixxa sabiex jinkixfu.

273

Fil-fatt, id-Direttiva kkontestata tittratta ostakoli għat-tlestija tas-suq intern tal-gass naturali, jiġifieri, essenzjalment, wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 194(1) TFUE. Għal dan l-għan, din id-direttiva twettaq l-għanijiet iktar speċifiċi ta’ ċertezza legali, ta’ konsistenza tal-qafas legali u ta’ prevenzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-effetti dannużi fuq is-sigurtà tal-provvista permezz ta’ estensjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għall-pipelines kollha lejn u minn pajjiżi terzi, kemm jekk dawn il-pipelines ikunu terrestri jew offshore, futuri jew eżistenti.

274

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma turix li d-Direttiva kkontestata, li ma tipprekludihiex milli topera l-pipeline tagħha b’mod ekonomikament aċċettabbli u milli tikseb rendiment xieraq mill-investimenti tagħha, taqbeż il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija sa fejn hija ma tistax tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 49a.

275

Fl-aħħar nett, bla ħsara għat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, id-Direttiva kkontestata hija intiża li tislet il-konsegwenzi tal-applikabbiltà tal-prinċipji tad-Direttiva 2009/73 għall-pipelines eżistenti u futuri fuq il-ftehimiet internazzjonali eżistenti jew futuri, konklużi jew li għandhom jiġu konklużi, bejn l-Unjoni jew Stat Membru, minn naħa, u pajjiż terz, min-naħa l-oħra.

276

Ir-rikorrenti lanqas ma għandha raġun issostni li d-Direttiva kkontestata għandha l-għan li tevita d-diffikultajiet legali li kienu tqajmu mit-talba għal mandat indirizzata mill-Kummissjoni lill-Kunsill sabiex tiġi awtorizzata tinnegozja ftehim internazzjonali mal-Federazzjoni Russa rigward il-pipeline Nord Stream 2.

277

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva, id-Direttiva kkontestata ma tissostitwixxix deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja tali ftehim. Id-Direttiva kkontestata u n-negozjar ta’ ftehim internazzjonali mill-Kummissjoni huma, min-naħa l-oħra, strumenti addizzjonali.

278

Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet u l-opinjonijiet invokati mir-rikorrenti kienu preċiżament motivati minn wieħed jew iktar mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 194 TFUE u segwiti mid-Direttiva kkontestata.

279

Għalhekk ir-raba’ motiv huwa miċħud.

6.   Fuq il‑ħames motiv, ibbażat fuq ksur tar‑rekwiżiti formali essenzjali

280

Il-ħames motiv invokat mir-rikorrenti huwa kompost minn tliet partijiet.

281

Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tinvoka l-assenza ta’ konsultazzjonijiet wiesgħa, konformement mal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE. Il-Kummissjoni lanqas ma pproċediet għal bilanċ tal-kwalità tal-leġiżlazzjoni eżistenti. Skont ir-rikorrenti, il-proposta għal direttiva ma hijiex ibbażata fuq prassi stabbilita u kostanti li tikkonsisti fl-applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 fir-rigward tal-pajjiżi terzi.

282

Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti tinvoka l-assenza ta’ valutazzjoni tal-impatt. Tali analiżi kienet manifestament neċessarja u kienet ikkostitwixxiet kundizzjoni preliminari u essenzjali għall-validità tal-proposta għal direttiva minħabba, essenzjalment, l-effetti kunsiderevoli tagħha, b’mod partikolari fuq ir-rikorrenti.

283

In-nuqqas li jsiru konsultazzjonijiet wiesgħa kif ukoll valutazzjoni tal-impatt jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali.

284

Permezz tat-tielet parti, ir-rikorrenti ssostni li l-għanijiet reali tal-proposta għal direttiva u l-implikazzjonijiet tagħha ma ġewx iċċarati, b’mod partikolari permezz ta’ valutazzjoni tal-impatt. Għalhekk, konsultazzjoni utli fid-dritt ma setgħetx isseħħ bi ksur tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE.

285

Barra minn hekk, il-proposta għal direttiva ma inkludietx ġustifikazzjonijiet sostantivi konformi mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 2 fir-rigward tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità.

286

Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni, jikkontestaw l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

287

Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li, anki meta l-qorti tal-Unjoni tkun wettqet stħarriġ ġudizzjarju ta’ portata limitata minħabba setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu, tali stħarriġ jirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, awturi tal-att inkwistjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-qorti tal-Unjoni li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom, li jippreżupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż li jirregola. Minn dan jirriżulta li dawn l-istituzzjonijiet għandhom, mill-inqas, ikunu kapaċi jipproduċu u jesponu b’mod ċar u inekwivoku d-data bażika li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala bażi għall-miżuri kkontestati tal-imsemmi att u li minnha kien jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 81).

288

Barra minn hekk, minn naħa, mill-Protokoll Nru 2 u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 2 tiegħu u, min-naħa l-oħra, mill-Ftehim Interistituzzjonali tat‑13 ta’ April 2016 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU 2016, L 123, p. 1), jirriżulta li l-konsultazzjonijiet wiesgħa, l-evalwazzjonijiet ex post tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-valutazzjonijiet tal-impatt huma intiżi li jiggarantixxu l-kwalità tal-leġiżlazzjoni u li jippermettu lill-atturi differenti li jintervjenu matul il-proċedura leġiżlattiva li jagħtu evalwazzjoni b’għarfien sħiħ tal-fatti, fid-dawl, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u/jew ta’ proporzjonalità.

289

F’dan il-każ, l-ewwel nett, huwa paċifiku li l-Kummissjoni, minn naħa, ma wettqitx konsultazzjonijiet wiesgħa relatati mas-suġġett speċifiku tal-proposta għal direttiva qabel ma ppreżentat din il-proposta u, min-naħa l-oħra, iġġustifikat l-approċċ tagħha permezz ta’ każ ta’ urġenza eċċezzjonali.

290

Sussegwentement, fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva, il-Kummissjoni kkunsidrat li proċess ta’ evalwazzjoni distint u ex post tal-leġiżlazzjoni eżistenti ma kienx neċessarju.

291

Fl-aħħar nett, fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva u fid-dokument tax-xogħol li akkumpanja din il-proposta, il-Kummissjoni spjegat li l-proposta tagħha ma kinitx tirrikjedi valutazzjoni tal-impatt iddettaljata.

292

Sabiex jiġi evalwat jekk il-proċedura segwita f’dan il-każ hijiex regolari, għandhom jiġu ttrattati flimkien it-tliet partijiet tal-ħames motiv u għandhom jiġu eżaminati, l-ewwel nett, l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għat-tfassil tal-proposta għal direttiva sussegwentement ipprovduti lill-atturi l-oħra tal-proċess leġiżlattiv u, it-tieni nett, l-elementi addizzjonali li l-Parlament u l-Kunsill kellhom fil-mument li fih huma eżaminaw din il-proposta għal direttiva u sussegwentement adottaw id-Direttiva kkontestata.

a)   Fuq l‑elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill‑Kummissjoni għat‑tfassil tal‑proposta għal direttiva

293

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-proposta għal direttiva kienet issegwi linji gwida politiċi espressi b’mod ċar, kultant diversi drabi, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u mill-Kunsill Ewropew, hekk kif dan jirriżulta mill-punti 56 sa 72 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, dawn il-linji gwida ġew ikkonkretizzati fit-talba għal mandat indirizzata mill-Kummissjoni lill-Kunsill, u sussegwentement fil-proposta għal direttiva. (ara l-punti 78 sa 82 iktar ’il fuq).

294

Fit-tieni lok, qabelxejn, id-Direttiva kkontestata kienet twassal sabiex jiġu estiżi prinċipji u mekkaniżmi li, konformement mad-Direttiva 2009/73, kienu diġà applikabbli għall-pipelines li kienu jaqsmu jew kienu qed jgħaddu mill-fruntiera bejn żewġ Stati Membri, bl-għan waħdieni li jgħaqqdu n-networks ta’ trasport ta’ dawn l-Istati Membri.

295

Sussegwentement, fir-rigward tal-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz, hemm lok li jiġi rrilevat li l-proposta għal direttiva tal-Kummissjoni kienet ġiet ippreċeduta bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2017/684 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2017 li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi u strumenti mhux vinkolanti bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija, u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 994/2012 (ĠU 2017, L 99, p. 1)

296

Fil-kuntest tal-proċedura li ppreċediet l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2017/684, il-Kummissjoni kienet ħadet diversi passi, organizzat diversi laqgħat u wettqet konsultazzjoni pubblika bejn Lulju u Ottubru 2015. Barra minn hekk, hija kienet wettqet valutazzjoni tal-impatt li minnha jirriżulta li hija kellha għarfien fil-fond tal-kwistjonijiet indirizzati fil-proposta għal direttiva. Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet taf fid-dettall il-karatteristiċi tal-pipelines eżistenti li għalihom id-Direttiva proposta setgħet tapplika. Fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-ftehimiet intergovernattivi, li kienu ġew innotifikati lilha mill-Istati Membri taħt il-qafas tad-Deċiżjoni Nru 994/2012, il-Kummissjoni kienet fil-pożizzjoni li tanalizza l-effett tas-sottomissjoni tal-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz għall-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73.

297

F’dan ir-rigward, huwa minnu li, fost il-madwar 50 ftehim intergovernattiv li jirrigwardaw il-provvista, l-importazzjoni jew it-tranżitu ta’ prodotti tal-enerġija, li kienu ġew innotifikati lilha skont id-Deċiżjoni Nru 994/2012, il-Kummissjoni kienet esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ 17 il-ftehim mat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija jew mad-dritt tal-kompetizzjoni.

298

Madankollu, sitta minn dawn il-ftehimiet kienu jikkonċernaw il-proġett South Stream, li kien ġie abbandunat.

299

Barra minn hekk, ir-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2009/73 kienu jinsabu f’diversi ftehimiet intergovernattivi oħra. Fil-fatt, dawn ir-rekwiżiti kienu sistematikament applikati għall-pipelines terrestri bejn Stat Membru u pajjiż terz.

300

Barra minn hekk, ċerti pajjiżi terzi kienu diġà obbligati jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni minħabba s-sħubija tagħhom fiż-Żona Ekonomika Ewropea jew fil-Komunità tal-Enerġija.

301

Huwa f’dan il-kuntest li, fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva, il-Kummissjoni enfasizzat, essenzjalment, li kienet teżisti prassi li kienet tikkonsisti li jiġu applikati l-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 fir-rigward tal-pajjiżi terzi, b’mod partikolari permezz ta’ ftehimiet intergovernattivi.

302

Għalhekk, minn naħa, qabel l-adozzjoni tal-proposta għal direttiva, il-Kummissjoni kienet diġà għamlet konsultazzjonijiet u wettqet valutazzjoni tal-impatt fuq kwistjonijiet marbuta mill-qrib ma’ dawk ittrattati fl-imsemmija proposta. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kellha bażi sabiex tinvoka l-eżistenza ta’ prassi eżistenti, li kienet tikkonsisti fl-applikazzjoni tal-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għall-pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz.

303

Fit-tielet lok, hekk kif dan jirriżulta mill-eżami tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara l-punti 181 sa 263 iktar ’il fuq), id-dokument tax-xogħol li kien jakkumpanja l-proposta għal direttiva kien jinkludi preżentazzjoni tal-problemi li kienu jirriżultaw mis-sitwazzjoni li kienet diġà teżisti u evalwazzjoni tal-impatt legali u ekonomiku ta’ din il-proposta.

304

Għalhekk, huwa minnu li l-proposta għal direttiva ma kinitx akkumpanjata minn evalwazzjoni separata tal-kwalità tal-leġiżlazzjoni eżistenti u minn valutazzjoni tal-impatt iddettaljata tal-emendi proposti.

305

Madankollu, il-Kummissjoni kienet ġustament ikkunsidrat li hija kienet suffiċjentement informata, fid-dawl tal-kuntest tal-proposta għal direttiva, bis-suġġett tal-emendi proposti għal-leġiżlazzjoni eżistenti, bil-konsultazzjonijiet u bl-istudji tal-impatt li hija kienet wettqet minn qabel u, fl-aħħar nett, bl-evalwazzjoni tal-impatt tal-proposta tagħha, li tinsab fid-dokument tax-xogħol li kien jakkumpanja din il-proposta.

306

Għall-istess raġunijiet, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), il-parlamenti nazzjonali kif ukoll il-Parlament u l-Kunsill kellhom biżżejjed elementi biex jevalwaw il-proposta għal Direttiva fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

307

L-evalwazzjoni li tinsab fil-punt preċedenti ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti bbażati, l-ewwel nett, fuq opinjonijiet mogħtija mill-Kumitat tar-Reġjuni u mill-KESE u, it-tieni nett, fuq il-fatt li l-elementi ta’ informazzjoni kkomunikati lill-parlamenti nazzjonali ma kinux ippermettulhom jagħtu opinjoni b’għarfien sħiħ tal-fatti u għalhekk li jeżerċitaw l-istħarriġ tagħhom.

308

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, fl-opinjoni tiegħu dwar il-proposta għal direttiva, il-Kumitat tar-Reġjuni semma l-importanza ta’ valutazzjoni tal-impatt, fid-dawl tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. Min-naħa tiegħu, il-KESE enfasizza li l-assenza ta’ valutazzjoni tal-impatt kien ta’ dispjaċir.

309

Madankollu, dawn iż-żewġ korpi konsultattivi ma indikawx li kien impossibbli għalihom li jipprovdu opinjoni dwar il-proposta għal direttiva. Dawn il-korpi appoġġjaw il-proposta għal Direttiva filwaqt li rrakkomandaw emendi li huma qiesu neċessarji. Il-qari tal-opinjonijiet adottati minn dawn iż-żewġ korpi juri li dawn tal-aħħar kienu informati biżżejjed dwar il-problemi li l-proposta għal direttiva kienet intiża li ssolvi u tal-impatt ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari fuq l-investimenti fl-infrastrutturi eżistenti jew futuri. Barra minn hekk, il-KESE enfasizza li wħud mill-elementi fattwali, li sostnew l-argumenti fformulati favur emendi proposti, kienu jinsabu fid-dokument tax-xogħol li akkumpanja l-proposta għal direttiva jew fil-valutazzjonijiet fil-fond imwettqa mill-Kummissjoni, bħall-valutazzjoni tal-impatt tad-Direttiva 2009/73. Il-KESE enfasizza wkoll li kien ċar li l-proposta kellha l-għan li tintroduċi possibbiltà ta’ intervent kbir li jista’ jillimita t-tisħiħ tad-dipendenza fuq il-gass Russu, u b’hekk jistimula d-diversità tal-provvista.

310

It-tieni nett, fir-rigward tal-parlamenti nazzjonali, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li, kif isostni l-Kunsill, il-protokolli invokati mir-rikorrenti jagħtu rwol lill-parlamenti nazzjonali biss f’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

311

Għalhekk, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-parlamenti nazzjonali ma kinux ġew ikkonsultati “biżżejjed” fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

312

Sussegwentement, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti indirizzati kontra l-motivazzjoni tal-proposta għal direttiva fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, għandu jiġi rrilevat li l-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-proposta tippreżenta b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom azzjoni fil-livell tal-Unjoni kienet neċessarja (ara l-punti 193 u 197 iktar ’il fuq).

313

Id-dokument tax-xogħol li akkumpanja l-proposta għal Direttiva jinkludi spjegazzjonijiet addizzjonali relatati mal-ħtieġa għal azzjoni leġiżlattiva fil-livell tal-Unjoni.

314

Għalhekk, il-proposta għal direttiva kienet suffiċjentement motivata fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

315

Il-kontenut tal-opinjoni motivata maħruġa mis-Senat Franċiż jikkonferma li, abbażi tal-elementi ta’ informazzjoni li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom, il-parlamenti nazzjonali setgħu jieħdu pożizzjoni dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill barra minn hekk ipproduċa l-opinjonijiet ta’ tliet parlamenti nazzjonali oħra li fihom dawn tal-aħħar ma qajmux oġġezzjonijiet fir-rigward tal-imsemmi prinċipju.

316

Konsegwentement, l-assenza ta’ konsultazzjonijiet dwar l-għan speċifiku tal-proposta għal direttiva u l-assenza ta’ evalwazzjoni distinta u ddettaljata tal-kwalità tal-leġiżlazzjoni eżistenti u tal-impatt tal-proposta għal direttiva qabel il-preżentazzjoni tagħha ma jistgħux jaffettwaw il-legalità tad-Direttiva kkontestata.

317

Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-Parlament u l-Kunsill ġabru elementi ta’ informazzjoni addizzjonali wara l-preżentazzjoni tal-proposta għal direttiva. (ara l-punti 318 et seq iktar ’il quddiem).

b)   Fuq l‑elementi addizzjonali miġbura wara l‑preżentazzjoni tal‑proposta għal Direttiva

318

Waqt l-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata, il-Parlament u l-Kunsill kellhom mhux biss l-elementi msemmija fil-punti 293 sa 303 iktar ’il fuq, iżda wkoll elementi miġbura wara l-preżentazzjoni tal-proposta għal direttiva.

319

Fil-fatt, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika dwar il-proposta għal direttiva bejn is‑6 ta’ Diċembru 2017 u l‑31 ta’ Jannar 2018. Bi tweġiba għal din il-konsultazzjoni, din l-istituzzjoni rċeviet 37 kontribuzzjoni li kienu ġejjin b’mod partikolari minn awtoritajiet pubbliċi, minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, minn assoċjazzjonijiet professjonali u minn impriżi privati bħar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jafferma, mingħajr ma huwa kkontestat mir-rikorrenti, li dan il-feedback ittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tal-fajl leġiżlattiv minnu.

320

Barra minn hekk, il-Parlament organizza smigħ pubbliku dwar ir-“reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Gass” fil‑21 ta’ Frar 2018.

321

Fl-aħħar nett, mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti jirriżulta li diversi studji u pubblikazzjonijiet relatati mal-proposta għal direttiva kienu għad-dispożizzjoni tal-leġiżlatur.

322

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma wrietx li l-assenza ta’ konsultazzjonijiet wiesgħa dwar is-suġġett speċifiku tal-proposta għal direttiva qabel l-adozzjoni tagħha kif ukoll l-assenza ta’ evalwazzjoni distinta tal-leġiżlazzjoni eżistenti u ta’ valutazzjoni tal-impatt iddettaljata jistgħu jaffettwaw il-legalità tad-Direttiva kkontestata.

323

Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-irregolaritajiet li hija tallega wasslu lil-leġiżlatur sabiex iwettaq użu ħażin ta’ poter jew sabiex jikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, dan l-argument diġà ġie miċħud fil-punti 113 sa 279 iktar ’il fuq.

324

Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova ta’ natura li turi tali ksur. Barra minn hekk, fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Protokoll Nru 2, l-opinjoni motivata maħruġa mis-Senat Franċiż, li kienet ta’ natura iżolata, ma kinitx teħtieġ tweġiba speċifika mil-leġiżlatur.

325

Il-ħames motiv huwa għalhekk miċħud kif ukoll, għaldaqstant, it-talbiet intiżi għall-annullament tal-Artikolu 49a fl-intier tagħhom.

C. Fuq it‑talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura

326

Permezz ta’ att separat ippreżentat fid‑29 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex il-Kunsill jipproduċi l-verżjonijiet mhux imnaddfa ta’ 25 dokument, li kienu jinkludu b’mod partikolari l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Istati Membri dwar il-proposta għal direttiva u li għalihom wieħed mill-impjegati tagħha kien kiseb aċċess parzjali biss abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). Din it-talba kienet tirrigwarda wkoll żewġ dokumenti oħra li l-aċċess għalihom kien ġie rrifjutat lil dan l-impjegat.

327

F’dan ir-rigward, wara d-digriet tas‑17 ta’ Frar 2023, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑526/19 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2023:85), ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sa fejn hija intiża għall-produzzjoni ta’ verżjonijiet mhux imnaddfa tal-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal‑11 ta’ Diċembru 2017 u tal‑21 ta’ Jannar 2019.

328

Fir-rigward tad-dokumenti l-oħra kkonċernati mit-talba tar-rikorrenti, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li din it-talba hija intiża sabiex turi li l-istatus speċifiku tar-rikorrenti kien fil-qalba tal-motivi tad-Direttiva kkontestata u li din id-direttiva kienet immirata lejn ir-rikorrenti.

329

F’dan ir-rigward, fid-dawl tar-raġunijiet li għalihom ir-raba’ motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, ġie miċħud (ara l-punti 269 sa 278 iktar ’il fuq), il-fatt li l-Istati Membri kienu ħadu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tar-rikorrenti u li dan il-fatt jiġi sostnut minn numru ikbar ta’ dokumenti minn dawk li din tal-aħħar diġà għandha ma huwiex ta’ natura li juri użu ħażin ta’ poter.

330

It-tieni nett, sa fejn it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura hija intiża wkoll sabiex turi l-fondatezza tal-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti u, b’mod partikolari, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti żżomm u pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali numru kunsiderevoli ta’ dokumenti relatati mad-diskussjonijiet li seħħew fi ħdan il-Kunsill matul il-proċedura ta’ adozzjoni tad-Direttiva kkontestata u li, abbażi ta’ dawn id-dokumenti, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha.

331

Barra minn hekk, minkejja l-fatt li, wara l-preżentata tar-rikors, ir-rikorrenti, permezz tal-impjegat tagħha, kisbet mill-Kunsill aċċess sħiħ għal 23 dokument li hija kienet talbet u aċċess parzjali għal 25 dokument ieħor, ir-rikorrenti, fir-replika, ma użatx l-imsemmija dokumenti insostenn tal-motivi differenti tagħha. Fil-fatt, ir-rikorrenti użat biss tlieta minn dawn id-dokumenti, sabiex issostni li l-Artikolu 36, kif emendat, u l-Artikolu 49a ma kinux separabbli mill-bqija tad-Direttiva kkontestata. (ara l-punt 19 iktar ’il fuq).

332

It-tielet nett, mill-eżami tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet motiv invokati mir-rikorrenti jirriżulta li l-leġiżlatur ma kisirx il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u u ta’ ċertezza legali meta ddeċieda li d-deroga prevista fl-Artikolu 49a kienet applikabbli għall-pipelines li tlestew qabel it‑23 ta’ Mejju 2019.

333

F’dan ir-rigward, il-fatt li, fil-kuntest ta’ diskussjonijiet miftuħa u evoluttivi li saru matul il-proċedura leġiżlattiva, ċerti Stati Membri, fosthom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, esprimew dubji dwar il-legalità ta’ verżjonijiet differenti tal-proposta għal direttiva fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, invokati mir-rikorrenti, ma jfissirx li din id-direttiva hija neċessarjament illegali. Barra minn hekk, minn dokument ippreżentat mill-Kunsill jirriżulta li 27 Stat Membru vvotaw favur id-direttiva u li Stat Membru, li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, astjena ruħu.

334

Fid-dawl, l-ewwel nett, tal-motivazzjoni tat-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, it-tieni nett, tad-dokumenti li għalihom ir-rikorrenti kellha aċċess u tal-użu li hija għamlet minnhom u, it-tielet nett, tar-raġunijiet li għalihom il-motivi differenti invokati minn din tal-aħħar ġew miċħuda, it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura relatata mad-dokumenti li għalihom l-imsemmija talba ma tilfitx is-suġġett tagħha għandha tiġi miċħuda.

335

Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir‑rikors għandu jiġi miċħud fl‑intier tiegħu.

Fuq l‑ispejjeż

336

Konformement mal-Artikolu 195 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi f’din is-sentenza, minn naħa, dwar l-ispejjeż kollha relatati mal-proċeduri quddiemha, jiġifieri l-proċeduri fil-Kawżi T‑526/19 u T‑526/19 RENV kif ukoll, min-naħa l-oħra, dwar l-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell, jiġifieri l-proċedura fil-Kawża C‑348/20 P.

337

F’dan ir-rigward, peress li l-Parlament u l-Kunsill, essenzjalment, tilfu fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell, huma għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż relatati mal-Kawżi T‑526/19 u C‑348/20 P, konformement mat-talbiet tar-rikorrenti.

338

Peress li r-rikorrenti tilfet fil-kuntest ta’ din il-kawża, ħlief fir-rigward tat-talba inċidentali tal-Kunsill għall-irtirar ta’ ċerti dokumenti mill-proċess (ara l-punt 327 iktar ’il fuq), hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż relatati ma’ din il-kawża, konformement mat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

339

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti minn Nord Stream 2 AG fil-kuntest tal-Kawżi T‑526/19 u C‑348/20 P.

 

3)

Nord Stream 2 għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sosnuti mill-Parlament u mill-Kunsill fil-kuntest tal-Kawża T‑526/19 RENV.

 

4)

Ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

van der Woude

Svenningsen

Mac Eochaidh

J. Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Novembru 2024.

Firem

Werrej

 

I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

 

A. Id‑Direttiva 2009/73

 

B. Ir‑rikorrenti

 

C. Id‑Direttiva kkontestata

 

II. Il‑proċeduri preċedenti quddiem il‑Qorti Ġenerali u l‑Qorti tal-Ġustizzja

 

III. It‑talbiet tal‑partijiet

 

IV. Id‑dritt

 

A. Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-Direttiva kkontestata fl-intier tagħha.

 

B. Fuq it‑talbiet intiżi għall‑annullament tal‑Artikolu 49a

 

1. Osservazzjonijiet preliminari

 

2. Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑prinċipju ta’ ċertezza legali

 

a) Fuq iċ-ċirkustanza li skontha r-rikorrenti ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 36, kif emendat

 

1) Fuq il‑kuntest li fih ir‑rikorrenti ddeċidiet li tinvesti

 

2) Fuq il-kontinwazzjoni tal‑investimenti

 

b) Fuq iċ-ċirkustanza li skontha li r‑rikorrenti ma tistax tibbenefika mid‑deroga prevista fl‑Artikolu 49a

 

3. Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

 

a) Fuq l-allegat trattament differenzjat ta’ sitwazzjonijiet komparabbli

 

b) Fuq il‑ġustifikazzjoni ta’ eventwali trattament differenzjat ta’ sitwazzjonijiet komparabbli

 

4. Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità

 

a) Fuq il‑kapaċità tad-Direttiva kkontestata li twettaq l‑għanijiet imfittxija sa fejn ir‑rikorrenti la tista’ tibbenefika minn eżenzjoni u lanqas minn deroga

 

1) Fuq il‑kapaċità tad-Direttiva kkontestata li twettaq l-għanijiet ta’ ċertezza legali u ta’ konsistenza tal-qafas legali

 

2) Fuq il‑kapaċità tad‑Direttiva kkontestata li tipprevjeni d‑distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l‑effetti negattivi fuq is‑sigurtà tal‑provvista

 

b) Fuq l‑assenza ta’ qbiż tal‑limiti ta’ dak li huwa neċessarju sa fejn ir-rikorrenti la tista’ tibbenefika minn eżenzjoni u lanqas minn deroga

 

1) Fuq l‑allegata natura suffiċjenti tar-regolamentazzjoni tal-ewwel punt ta’ dħul fl‑Unjoni

 

2) Fuq ir‑restrizzjonijiet sostnuti mir‑rikorrenti

 

5. Fuq ir‑raba’ motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

 

6. Fuq il‑ħames motiv, ibbażat fuq ksur tar‑rekwiżiti formali essenzjali

 

a) Fuq l‑elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill‑Kummissjoni għat‑tfassil tal‑proposta għal direttiva

 

b) Fuq l‑elementi addizzjonali miġbura wara l‑preżentazzjoni tal‑proposta għal Direttiva

 

C. Fuq it‑talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura

 

Fuq l‑ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż.