|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/1146 |
19.2.2025 |
Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33
(C/2025/1146)
Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
“Vernaccia di San Gimignano”
PDO-IT-A1292-AM02
Data tal-komunikazzjoni: 20.11.2024
DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U RAĠUNIJIET GĦALIHA
1. Speċifikazzjoni tal-varjetà Sauvignon
Deskrizzjoni:
Għall-varjetajiet ta’ dwieli li jistgħu jintużaw, għal sa massimu ta’ 10 % bħala żieda mat-taħlita tal-varjetajiet tal-għeneb ġie miżjud it-terminu “blanc” mal-varjetà tal-għeneb “Sauvignon”.
Raġuni:
Kjarifika ta’ liema varjetà ta’ għeneb tista’ tintuża bħala varjetà addizzjonali sa massimu ta’ 10 %
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2(2) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
2. Tħassir tal-Anness 1 u r-referenzi relatati
Deskrizzjoni:
L-Anness 1 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott dwar il-lista tal-varjetajiet ta’ dwieli adattati għall-kultivazzjoni fir-reġjun tat-Toskana tħassar, bir-riżultat li r-referenza għall-Anness fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tħassret.
Raġuni:
Peress li diġà hemm referenza fit-taħlita tal-varjetajiet tal-għeneb għall-varjetajiet ta’ dwieli addizzjonali inklużi fil-lista tar-reġjun tat-Toskana, tqies preferibbli li titħassar il-lista fl-Anness 1, sabiex jiġi evitat aġġornament kontinwu tal-lista.
Din l-emenda tikkonċerna l-Anness 1 u l-Artikolu 2(3) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
3. Korrezzjoni tal-paragrafu dwar ir-rendiment massimu tal-għeneb
Deskrizzjoni:
Il-paragrafu dwar ir-rendiment massimu tal-għeneb ġie kkoreġut billi l-kelma “din” ġiet sostitwita bir-referenzi preċiżi għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
Raġuni:
Din l-emenda kienet meħtieġa sabiex tiġi ċċarata d-data tal-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott li għaliha għandha ssir referenza għall-azjendi li r-rendiment massimu medju tagħhom ma jistax jaqbeż l-4,0 kg għal kull ġidra tad-dielja effettiva.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4(7) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
4. Aġġornamenti tal-leġiżlazzjoni
Deskrizzjoni:
Xi referenzi leġiżlattivi ġew aġġornati jew sostitwiti b’referenza ġenerika għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.
Raġuni:
Aġġornament tal-leġiżlazzjoni settorjali.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5(9), l-Artikolu 5(10) u l-Artikolu 7(4), l-eks Artikolu 7(3) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
5. Tħassir tal-paragrafu dwar l-iffissar ta’ limitu ta’ produzzjoni aktar baxx minn dak stabbilit fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott mir-reġjun
Deskrizzjoni:
Tħassar il-paragrafu li kien jipprevedi li r-Reġjun tat-Toskana, permezz ta’ digriet tiegħu, fuq proposta tal-Assoċjazzjoni għall-Protezzjoni u wara li kkonsulta lill-organizzazzjonijiet kummerċjali kkonċernati, jista’, minn sena għal sena, qabel il-qtugħ, jistabbilixxi limitu ta’ produzzjoni aktar baxx minn dak stabbilit f’din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, u jinnotifika minnufih lill-korp ta’ kontroll u lill-Ministeru għall-Politika Agrikola, Alimentari u tal-Forestrija.
Raġuni:
Id-dispożizzjoni ġiet sostitwita.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4(9) u tirriżulta fit-tħassir kollu tiegħu.
6. Tħassir tal-paragrafu dwar il-possibbiltà li l-Ministeru jemenda l-limiti minimi għall-aċidità totali u l-estratt mingħajr zokkor
Deskrizzjoni:
Tħassar il-paragrafu li kien jipprevedi l-possibbiltà li l-Ministeru jemenda l-limiti minimi għall-aċidità totali u l-estratt mingħajr zokkor stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
Raġuni:
Id-dispożizzjoni ġiet sostitwita.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 6(2) u tirriżulta fit-tħassir kollu tiegħu.
7. Inklużjoni tat-terminu ġeografiku obbligatorju “Toscana” fuq it-tikketta
Deskrizzjoni:
Żdied ir-rekwiżit li jiġi inkluż it-terminu ġeografiku “Toscana” fuq it-tikketta u ġew definiti l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti għall-użu tat-terminu u għat-tneħħija tat-tikketti.
Raġuni:
L-emenda ġiet introdotta sabiex tippermetti li l-inbejjed tad-denominazzjoni jiġu identifikati aħjar maż-żona tal-produzzjoni u biex tissaħħaħ id-denominazzjoni nnifisha, peress li l-kelma “Toscana” hija waħda mill-aktar sinifikanti u apprezzata fid-dinja, iżda wkoll biex tippromwovi l-inbejjed tat-Toskana b’mod kollettiv fis-swieq barranin.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 7 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott bl-inklużjoni tal-paragrafu 7.2 u t-taqsima “Rekwiżiti addizzjonali” tad-Dokument Uniku.
8. Aġġornament tar-rabta mal-ambjent ġeografiku
Deskrizzjoni:
L-artikolu dwar ir-rabta mal-ambjent ġeografiku ma ġiex emendat, iżda ġie deċiż li tiġi riformulata t-taqsima “Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet” tad-Dokument Uniku.
Raġuni:
L-inklużjoni fid-Dokument Uniku tal-informazzjoni diġà prevista fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Din ir-riformulazzjoni għandha għalhekk titqies bħala purament formali fin-natura tagħha.
Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima “Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet” tad-Dokument Uniku.
9. Emendi formali
Deskrizzjoni:
Twettqu emendi formali biex jiġu kkoreġuti l-isem tal-Ministeru u l-indirizz tal-uffiċċju prinċipali tal-Korp ta’ Kontroll.
Raġuni:
Korrezzjonijiet wara li nbidlu isem il-Ministeru u l-uffiċċju prinċipali tal-Korp ta’ Kontroll (OdC, Organismo di Controllo).
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 10(1) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
DOKUMENT UNIKU
1. Isem/Ismijiet għar-reġistrazzjoni
Vernaccia di San Gimignano
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP - Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta
3. Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli
|
1. |
Inbid |
3.1. Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
|
— |
22 - XARBIET, SPIRTI U ĦALL 2204 - inbid tal-għeneb frisk, inkluż l-inbejjed imqawwija; most tal-għeneb għajr dak tal-intestatura 2009 |
4. Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed
Vernaccia di San Gimignano u Vernaccia di San Gimignano Riserva
DESKRIZZJONI QASIRA
Dehra viżiva: kull isfar lewn it-tiben bi ħjiel ta’ deheb li jiġi aċċentwat aktar bit-tqaddim.
Riħa: delikata, fina b’noti inizjali ta’ frott; imbagħad, bil-maturazzjoni u t-tqaddim, jistgħu jiżviluppaw noti minerali;
Togħma: xotta, armonjuża, tajba, xi drabi b’togħma distintiva tal-lewż li tibqa’ fil-ħalq.
Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum (f’% tal-volum) 11,50; għat-tip Vernaccia di San Gimignano Riserva 12,50;
Estratt minimu mingħajr zokkor (g/l) 16,00 g/l.
Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.
Karatteristiċi analitiċi
|
— |
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): — |
|
— |
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum): — |
|
— |
Aċidità totali minima: 4,5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
|
— |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): 18,00 |
|
— |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): — |
5. Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid
5.1. Prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew biex isiru l-inbejjed, u r-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tagħhom
|
1. |
Vernaccia di San Gimignano - Vinifikazzjoni, tqaddim, maturazzjoni u bbottiljar
Prattika enoloġika speċifika Il-vinifikazzjoni, it-tqaddim, il-maturazzjoni u l-ibbottiljar iridu jsiru fit-territorju tal-muniċipalità ta’ San Gimignano. It-tip “riserva” irid jgħaddi minn perjodu ta’ maturazzjoni ta’ mill-inqas 11-il xahar mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara dik li fiha jkun tkabbar l-għeneb. Qabel ma jinħareġ għall-konsum, l-inbid irid jgħaddi minn perjodu ta’ maturazzjoni fil-flixkun ta’ 3 xhur. |
5.2. Rendimenti massimi għal kull ettaru:
|
1. |
Vernaccia di San Gimignano u Vernaccia di San Gimignano Riserva
9 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru |
|
2. |
Vernaccia di San Gimignano u Vernaccia di San Gimignano Riserva
67,50 ettolitru għal kull ettaru |
6. Definizzjoni taż-żona demarkata
L-għeneb maħsub għall-produzzjoni tal-inbid Vernaccia di San Gimignano jinkiseb fit-Toskana minn vinji li jinsabu fuq art bl-għoljiet fil-muniċipalità ta’ San Gimignano fil-provinċja ta’ Siena.
7. Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed
Vernaccia di San Gimignano B. - Vernaccia
8. Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet
8.1. A) Informazzjoni dwar iż-żona ġeografika
1) Fatturi naturali rilevanti għar-rabta
Iż-żona tal-produzzjoni tinsab kollha kemm hi fil-muniċipalità ta’ San Gimignano, li tinsab fil-Majjistral tal-provinċja ta’ Siena, fil-qalba tat-Toskana, nofs triq bejn il-kosta tat-Tirrenu u l-muntanji Apennini. Hija żona bl-għoljiet b’altitudnijiet li jvarjaw minn 67 sa 629 m ’il fuq mil-livell tal-baħar; il-ħamrija toriġina mill-Plijoċenu, li jmur lura għal 6,8 sa 1,8 miljun sena ilu.
L-art użata għall-produzzjoni tal-Vernaccia di San Gimignano hija ffurmata fuq id-depożiti tal-baħar tal-Plijoċenu u tikkonsisti minn ramel isfar (tufo) u tafal isfar u griż li, min-naħa tagħhom, spiss ikunu stratifikati fuq tafal aktar kompatt u profond. Barra minn hekk, huma terreni distinti mill-preżenza ta’ ramel li fih il-ġebel u x-shale, taħlita li toħloq kundizzjonijiet favorevoli għall-penetrazzjoni tal-għeruq tal-pjanti. Ġeneralment ikun fihom sustanzi organiċi, minħabba l-ħdim ripetut tar-raba’ u l-kultivazzjoni tal-għelejjel matul is-sekli. Il-proporzjonijiet differenti ta’ ramel, tafal, materja organika u ġebel li jikkaratterizzaw il-ħamrija individwali huma l-element pedoloġiku determinanti mil-lat vitikulturali u enoloġiku għat-titjib tat-togħma, il-freskezza u l-kapaċità tat-tqaddim, li huma karatteristiċi li huma komuni għall-Vernacce u li fl-istess ħin jiddistingwuhom fuq livell individwali.
Il-vinji jinsabu f’altitudnijiet ta’ bejn 70 u 500 m ’il fuq mil-livell tal-baħar, bi gradjenti u esponimenti li jvarjaw skont fejn ikunu jinsabu l-għoljiet.
Iż-żona għandha klima sub-Mediterranja bi sjuf pjuttost xotti, xtiewi pjuttost kesħin u xita kkonċentrata f’żewġ perjodi: mill-aħħar tal-ħarifa sal-bidu tax-xitwa u mill-aħħar tax-xitwa sal-bidu tar-rebbiegħa.
It-temperaturi huma tipiċi tal-klima taż-żona. Il-medja annwali tax-xita hija ta’ madwar 700 mm, imqassma bħala medja fuq 83 jum ta’ xita, u b’minimu relattiv fis-sajf u l-ogħla ammont fil-ħarifa. Iż-żona tgawdi ammont tajjeb ta’ riħ matul is-sena kollha. Iċ-ċpar huwa rari.
2) Fatturi umani rilevanti għar-rabta
Ta’ importanza fundamentali huma l-fatturi umani marbuta maż-żona tal-produzzjoni, li bi tradizzjoni konsolidata kkontribwew għall-kisba tal-Vernaccia di San Gimignano.
Il-preżenza tal-vitikultura fiż-żona ta’ San Gimignano tmur lura għall-era Etruska, li hemm bosta evidenza arkeoloġika tagħha. Għal sekli sħaħ, il-produzzjoni u l-bejgħ tal-inbid kienu jirrappreżentaw l-attività agrikola u ekonomika ewlenija. Fir-rigward tal-Vernaccia di San Gimignano, kien hemm diġà dokumenti storiċi tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu fl-Ordinanzi tat-Taxxi tal-Muniċipalità li jmorru lura għall-1276.
Il-varjetà tad-dwieli Vernaccia ġie introdott fiż-żona ta’ San Gimignano matul is-seklu 12; f’dan ir-rigward huwa interessanti dak li ġie żvelat minn studju mwettaq minn Sergè - genomics, impriża spin-off tal-Università ta’ Siena kkummissjonat mill-Konsorzju tad-Denominazzjoni ta’ San Gimignano biex jiddefinixxi l-ġenoma tal-Vernaccia di San Gimignano, li enfasizza uniformità ġenetika sostanzjali tad-dwieli produttivi llum, attribwibbli għall-fatt li kollha għandhom għeruq komuni, mingħajr infiltrazzjoni matul is-sekli ta’ varjetajiet ta’ dwieli oħra minn reġjuni oħra: “Id-data miksuba għamlitha possibbli li jiġi identifikat b’mod ċar il-profil ġenotipiku tal-Vernaccia mkabbra fil-muniċipalità ta’ San Gimignano, li jikkonferma li dan jikkoinċidi mal-varjetà miżmuma fil-kollezzjonijiet ta’ referenza uffiċjali (C.R.A.- vit Conegliano Veneto)......”
Matul is-sekli, ix-xogħol uman sawwar il-kampanja, ikkodifika d-diversi sistemi ta’ tkabbir, l-ispazjar bejn il-pjanti, aġġorna t-tekniki tal-produzzjoni tal-inbid u introduċa l-użu ta’ varjetajiet oħra ta’ għeneb abjad biex jikkomplementaw il-Vernaccia di San Gimignano, li rriżultaw fis-sitwazzjoni attwali kif deskritta fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ir-riżultat ta’ tradizzjoni u innovazzjoni li għandha l-għan li tikseb inbejjed ta’ kwalità dejjem aktar superjuri.
L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tippermetti ħafna libertà fl-użu ta’ sistemi ta’ tkabbir tradizzjonali tat-Toskana, filwaqt li teskludi s-sistemi kollha ta’ tkabbir estiżi minħabba li huma inkompatibbli ma’ ambjent ta’ għoljiet fi klima sub-Mediterranja.
Il-prattiki tal-produzzjoni tal-inbid huma dawk tradizzjonalment stabbiliti fiż-żona għall-vinifikazzjoni tal-inbejjed bojod bla gass, li huma differenzjati b’mod xieraq skont it-tip; il-Vernaccia di San Gimignano huwa wieħed mill-ftit inbejjed bojod Taljani prodotti wkoll fit-tip riserva: dan tal-aħħar huwa aktar strutturat u l-preparazzjoni tiegħu tinvolvi perjodu ta’ maturazzjoni kif indikat fl-Artikolu 6(5).
8.2. B) Informazzjoni dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott li jirriżultaw essenzjalment jew esklussivament mill-ambjent ġeografiku
Id-DOKG Vernaccia di San Gimignano tirreferi għal żewġ tipi ta’ nbid abjad (“di base” u “riserva”) li mil-lat analitiku u organolettiku għandhom karatteristiċi ċari u distintivi ħafna kif deskritt fl-Artikolu 6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, li jippermettu li jiġu identifikati b’mod ċar f’termini tal-ambjent ġeografiku. B’mod partikolari, għandhom kulur isfar lewn it-tiben bi ħjiel ta’ deheb li jiġi aċċentwat aktar bit-tqaddim. Fil-livell tar-riħa, l-aromi tagħhom huma delikati, fini b’noti ta’ frott li, bil-maturazzjoni u t-tqaddim, jistgħu jiżviluppaw noti minerali. Fuq il-palat, l-inbejjed kollha għandhom togħma xotta, armonjuża u tajba, xi drabi b’togħma distintiva tal-lewż li tibqa’ fil-ħalq.
8.3. C) Deskrizzjoni tal-interazzjoni kawżali bejn l-elementi msemmija fil-punt A) u l-elementi msemmija fil-punt B).
Magħmul minn varjetà ta’ dielja indiġena per eċċellenza, li hija estremament vigoruża u li trendi ħafna, il-Vernaccia di San Gimignano huwa wieħed mill-eqdem inbejjed fl-Italja, li l-istorja tiegħu tingħaqad ma’ dik tal-belt u t-territorju ta’ San Gimignano: bi produzzjoni importanti fil-perjodu Medjevali, flimkien mal-belt għadda minn perjodu twil ta’ tnaqqis sal-aħħar nofs tas-seklu 20, meta reġa’ ngħata l-ħajja u reġa’ kiseb suċċess.
Jidher li l-varjetà tad-dielja ġiet introdotta mil-Liguria (minn Vernazza, li tatha l-isem) madwar l-1200 minn ċertu Vieri de’ Bardi, iżda l-oriġini tagħha hija inċerta; oħrajn isostnu li l-isem ġej mill-kelma Latina vernaculum, jiġifieri lokali, u għalhekk kien jindika l-prodotti tipiċi ta’ territorju, li jispjega l-użu tal-isem Vernaccia għal varjetajiet ta’ dwieli totalment differenti, bħal dawk ta’ Oristano u ta’ Serrapetrona.
Hemm rekords storiċi ta’ Vernaccia mill-bidu tas-snin 1200: fl-1276, l-“ordinanzi tat-taxxi” tal-muniċipalità ta’ San Gimignano inkludew l-impożizzjoni ta’ taxxa ta’ tliet soldi għal kull Vernaccia mibjugħa barra mit-territorju, li turi li r-reputazzjoni tagħha kienet diġà marret lil hinn mill-ħitan tal-belt, kif juru wkoll il-ħafna referenzi għaliha fil-letteratura li saru bejn is-sekli 13 u 16.
Forsi l-aktar famuża hija dak ta’ Dante Alighieri, li fid-Divina Commedia jibgħat lill-Papa Martin IV il-Purgatorju biex ipatti ta’ dnubietu ta’ ħniżrija, speċjalment minħabba s-sallur ta’ Bolsena msajjar fil-Vernaccia: “….ebbe la Santa Chiesa e le sue braccia: dal Torso fu, e purga per digiuno le anguille di Bolsena e la Vernaccia….”, Purgatorio, Canto XXIV.
Michelangelo Buonarroti “il giovane” iħallina nifhmu xi nbid kien dak iż-żmien, fejn jiddeskrivih bħala “bacia, lecca, morde, picca, punge”... ħelu, iżda tanniku u astrinġenti, differenti ħafna minn dak tal-lum, għalkemm mill-istudji xjentifiċi mwettqa fuq id-DNA ta’ Vernaccia jista’ jiġi dedott li d-differenza profonda tirriżulta kemm mit-tekniki tal-vitikultura u mit-tekniki tal-vinifikazzjoni, u mhux mid-differenza fil-varjetà tad-dielja ta’ Vernaccia.
Fl-1541, Sante Lacerio, l-amministratur tal-inbid tal-Papa Pawlu III, tana opinjoni esperta dwar il-kwalità tal-inbid f’ittra fejn, wara li talab mill-muniċipalità tmenin flixkun tal-Vernaccia, esprima dispjaċir li f’San Gimignano kien hemm wisq attenzjoni fuq l-arti u x-xjenza, għad-detriment tal-Vernaccia, li “... hija xarba perfetta għas-Sinjuri, u hija ħasra kbira li dan il-post ma tantx jagħmel minnha...”.
Ir-rabta kruċjali bejn il-Vernaccia di San Gimignano u l-art hija għalhekk kwistjoni ta’ rekord storiku, bħalma huwa l-fatt li, għal sekli sħaħ, il-produzzjoni tiegħu kienet element ekonomiku primarju u l-kultivazzjoni sawret il-pajsaġġ fiżiku; huwa minnu wkoll li din il-varjetà ta’ għeneb ma nfirxitx lejn xi parti oħra tal-Italja minbarra San Gimignano, għalkemm miż-żminijiet Medjevali n-negozjanti ppruvaw jesportaw id-dielja lejn postijiet oħra, minħabba r-reputazzjoni li kienet tgawdi, iżda mingħajr suċċess dejjiemi.
Wara s-suċċess kbir tagħha fil-Medjuevu u fir-Rinaxximent, kważi t-traċċi kollha tal-Vernaccia ntilfu sa wara t-Tieni Gwerra Dinjija, meta l-vitikulturi ta’ San Gimignano skoprew mill-ġdid il-valur tad-dielja antika u bdew l-avventura li, fl-1966, wasslet għad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata: distinzjoni oħra tal-Vernaccia di San Gimignano hija li kien l-ewwel inbid fl-Italja li kiseb dan it-titolu, segwit mid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata u Garantita (DOKG) fl-1993.
9. Rekwiżiti oħra applikabbli
Obbligu li t-terminu ġeografiku “Toscana” jiġi inkluż fuq it-tikketta
Qafas legali:
Fil-leġiżlazzjoni tal-UE
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
It-terminu ġeografiku “Toscana” jrid jidher fuq it-tikketta.
It-tikkettar tad-denominazzjoni Vernaccia di San Gimignano dejjem irid ikollu l-kliem li ġej b’mod sħiħ u fl-ordni li ġejja:
Vernaccia di San Gimignano
Denominazione di Origine Controllata e Garantita (jew l-akronimu DOKG)
Riserva (fil-każ ta’ dan it-tip)
Toscana
It-terminu “Toscana” jrid jidher b’karattri tal-istess tip, stil, spazjar, sfumatura u intensità tal-kulur bħal dawk użati għall-kliem “Vernaccia di San Gimignano”. Barra minn hekk, it-terminu “Toscana” jrid jidher b’karattri uniformi b’ittri kapitali u/jew żgħar, meta mqabbel ma’ dawk użati għall-kliem “Vernaccia di San Gimignano”, u fuq sfond uniformi għas-sekwenza kollha tal-indikazzjonijiet elenkati fil-paragrafu preċedenti, u jrid jidher f’karattri mhux ogħla minn 2/3 minn dawk użati għall-kliem “Vernaccia di San Gimignano”.
L-obbligu msemmi f’dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għar-rimi tat-tikketti għall-imballaġġ tal-lottijiet ta’ prodotti li jirriżultaw mill-ħsad tal-2024 u minn ħsad aktar antik, li ma għandhomx it-terminu “Toscana”, miżmuma mill-kumpaniji kkonċernati fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-digriet li japprova l-emenda għal din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, li jistgħu jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.
Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https.// www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/22157
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1146/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)