SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (L‑Awla Manja)

2 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Projbizzjoni ta’ għoti ta’ servizzi ta’ konsulenza legali lill-gvern Russu u lil entitajiet stabbiliti fir-Russja – Rwol fundamentali tal-avukati f’soċjetà demokratika – Dritt tal-avukati li jipprovdu servizzi ta’ konsulenza legali – Dritt għal parir ta’ avukat – Artikoli 7, 47 u 52(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Indipendenza tal-avukat – Stat tad-dritt – Proporzjonalità – Ċertezza legali”

Fil-Kawża T‑797/22,

Ordre néerlandais des avocats du barreau de Bruxelles, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), u r-rikorrenti l-oħrajn li isimhom jidher fl-anness ( 1 ), irrappreżentati minn P. de Bandt, T. Ghysels, T. Bontinck u A. Guillerme, avukati,

rikorrenti,

sostnuti minn

Bundesrechtsanwaltskammer, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J.‑P. Buyle, D. Van Gerven u N. Azizollahoff, avukati,

u minn

Ordre des avocats de Genève, stabbilita f’Genève (l-Isvizzera), irrappreżentat minn F. Zimeray, avukat,

intervenjenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn V. Piessevaux u S. Lejeune, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata minn M. Kriisa, bħala aġent,

minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.‑F. Brakeland, C. Giolito, M. Carpus Carcea u C. Georgieva, bħala aġenti,

u minn

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, irrappreżentat minn F. Hoffmeister, L. Havas u M. Almeida Veiga, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Awla Manja),

komposta minn M. van der Woude, President, S. Papasavvas, R. da Silva Passos, A. Kornezov, L. Truchot, S. Gervasoni (Relatur), N. Półtorak, P. Nihoul, U. Öberg, C. Mac Eochaidh, T. Pynnä, J. Martín y Pérez de Nanclares, M. Brkan, P. Zilgalvis u I. Gâlea, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–

ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Diċembru 2022,

–

in-noti ta’ intervent ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali mill-Kummissjoni, mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, mir-Repubblika tal-Estonja, mill-Bundesrechtsanwaltskammer u mill-Ordre des avocats de Genève, rispettivament, fl‑4 ta’ Mejju, fit‑12 ta’ Mejju, fit‑22 ta’ Ġunju, fil‑25 ta’ Lulju u fil‑21 ta’ Awwissu 2023,

–

in-nota ta’ adattament tar-rikors ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Mejju 2023,

–

il-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lir-rikorrenti u t-tweġiba tagħhom għal din il-mistoqsija ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Frar 2024,

wara s-seduta komuni tat‑12 ta’ Marzu 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħhom, ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, l-Ordre néerlandais des avocats du barreau de Bruxelles u l-persuni fiżiċi u ġuridiċi l-oħra elenkati fl-Anness, jitolbu l-annullament, l-ewwel nett, tal-punt 12 tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1904 tas‑6 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2022, L 259 I, p. 3), sa fejn jissostitwixxi u jemenda l-Artikolu 5n(2) u (4) sa (12) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 246, p. 59 u fil-ĠU 2022, L 114, p. 214), fir-rigward ta’ servizzi ta’ konsulenza legali, it-tieni nett, tal-punt 13 tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2474 tas‑16 ta’ Diċembru 2022 li jemenda r-Regolament Nru 833/2014 (ĠU 2022, L 322 I, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023, L 48, p. 103), sa fejn jissostitwixxi u jemenda l-Artikolu 5n(2) u (4) sa (11) tar-Regolament Nru 833/2014 fir-rigward ta’ servizzi ta’ konsulenza legali, u, it-tielet, tal-punt 13 tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/427 tal‑25 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament Nru 833/2014 (ĠU 2023, L 59 I, p. 6, rettifika fil-ĠU 2023, L 68, p. 181), sa fejn idaħħal l-Artikolu 12b(2a) fir-Regolament Nru 833/2014 fir-rigward ta’ servizzi ta’ konsulenza legali.

I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2

Ir-rikorrenti huma kmamar tal-avukati u avukati Belġjani.

3

F’Marzu 2014, il-Federazzjoni Russa annettiet illegalment ir-Repubblika Awtonoma tal-Crimea kif ukoll il-belt ta’ Sevastopol (l-Ukraina), u ilha minn dakinhar twettaq azzjonijiet kontinwi ta’ destabilizzazzjoni fil-Lvant tal-Ukraina. B’reazzjoni għal dawn l-azzjonijiet, l-Unjoni Ewropea daħħlet miżuri restrittivi fir-rigward tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, kif ukoll miżuri restrittivi b’reazzjoni għall-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Crimea u l-belt ta’ Sevastopol mill-Federazzjoni Russa.

4

Fis‑17 ta’ Marzu 2014, ġew adottati d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64).

5

Sussegwentement, ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 13, rettifika fil-ĠU 2014, L 263, p. 35), sabiex jiġu introdotti miżuri restrittivi mmirati fl-oqsma tal-aċċess għas-swieq tal-kapital, id-difiża, prodotti b’użu doppju u teknoloġiji sensittivi, inkluż fis-settur tal-enerġija. Peress li qies li dawn il-miżuri tal-aħħar kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE u li l-implimentazzjoni tagħhom kienet teħtieġ azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament Nru 833/2014, li jinkludi dispożizzjonijiet iktar iddettaljati sabiex jingħata effett, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fl-Istati Membri, għar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni 2014/512.

6

Fil‑15 ta’ Frar 2022, il-Gosudarstvennaya Duma Federal’nogo Sobrania Rossiskoï Federatsii (id-Duma tal-Istat tal-Assemblea Federali tal-Federazzjoni Russa) ivvotat favur li tintbagħat riżoluzzjoni li titlob lill-President tal-Federazzjoni Russa sabiex jirrikonoxxi l-partijiet tal-Lvant tal-Ukraina pproklamati mis-separatisti bħala Stati indipendenti. Fil‑21 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ffirma digriet li jirrikonoxxi l-indipendenza u s-sovranità tar-“Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk” u tar-“Repubblika tal-Poplu ta’ Lougansk”, awtoproklamati, u ordna l-iskjerament tal-forzi armati Russi f’dawn iż-żoni. Fl‑24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukraina u, fl-istess jum, il-forzi armati Russi attakkaw lill-Ukraina f’diversi bnadi tal-pajjiż.

7

Fl-istess jum, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ppubblika dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tikkundanna l-“invażjoni mhux provokata” tal-Ukraina mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa u indika li r-reazzjoni tal-Unjoni kienet ser tinkludi miżuri restrittivi kemm settorjali kif ukoll individwali. Fil-konklużjonijiet tiegħu adottati fil-laqgħa straordinarja tiegħu fl-istess jum, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-iktar mod qawwi possibbli din l-“aggressjoni […] mhux provokata u mhux ġustifikata”, billi qies li, bl-azzjonijiet militari illegali tagħha, li kellha twieġeb għalihom, il-Federazzjoni Russa kisret b’mod serju d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u dgħajfet is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali.

8

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat‑23 u tal‑24 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill Ewropew iddikjara li ser ikompli l-ħidma fuq is-“sanzjonijiet”, inkluż sabiex tissaħħaħ l-implimentazzjoni u tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni.

9

Fil‑21 ta’ Settembru 2022, il-Federazzjoni Russa ddeċidiet li tkompli tintensifika l-aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina billi appoġġjat l-organizzazzjoni ta’ “referenda” illegali fil-partijiet tar-reġjuni ta’ Donetsk, ta’ Kherson, ta’ Louhansk u ta’ Zaporijjia okkupati mir-Russja, filwaqt li ħabbret mobilizzazzjoni fir-Russja u mill-ġdid heddet li tuża armi ta’ qerda massiva. Wara dawn ir-“referenda”, il-President tal-Federazzjoni Russa fformalizza l-annessjoni mir-Russja tar-reġjuni Ukraini ta’ Donetsk, ta’ Louhansk, ta’ Zaporijjia u ta’ Kherson.

10

Fit‑30 ta’ Settembru 2022, il-membri tal-Kunsill Ewropew adottaw dikjarazzjoni li kkundannat l-annessjoni illegali mir-Russja tar-reġjuni Ukraini ta’ Donetsk, ta’ Louhansk, ta’ Zaporijjia u ta’ Kherson u ddikjaraw li r-Russja kienet qiegħda tpoġġi s-sigurtà globali fil-perikolu. Il-membri tal-Kunsill Ewropew iddikjaraw li ser isaħħu l-miżuri restrittivi tagħhom b’reazzjoni għall-azzjonijiet illegali tar-Russja u li kienu ser ikomplu jżidu l-pressjoni fuq ir-Russja sabiex ittemm il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha.

11

Fis‑6 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1909 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512 (ĠU 2022, L 259 I, p. 122). Fl-istess jum, il-Kunsill, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, adotta r-Regolament 2022/1904.

12

Il-premessa 19 tar-Regolament 2022/1904 tiddelimita s-servizzi ta’ konsulenza legali pprojbiti minn dan l-istess regolament kif ġej:

“[I]d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1909 testendi l-projbizzjoni eżistenti fuq il-forniment ta’ ċerti servizzi lill-Federazzjoni Russa billi tipprojbixxi l-forniment ta’ servizzi arkitettoniċi u ta’ inġinerija kif ukoll ta’ servizzi ta’ konsulenza tal-IT u servizzi ta’ konsulenza legali […] ‘Servizzi konsultattivi legali’ tkopri: l-għoti ta’ pariri legali lill-klijenti fi kwistjonijiet mhux kontenzjużi, inkluż tranżazzjonijiet kummerċjali, li jinvolvu l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-liġi; il-parteċipazzjoni ma’ jew f’isem klijenti fi tranżazzjonijiet kummerċjali, negozjati kummerċjali u negozjati oħra ma’ partijiet terzi; u t-tħejjija, l-eżekuzzjoni u l-verifika ta’ dokumenti legali. ‘Servizzi konsultattivi legali’ ma tinkludi l-ebda rappreżentazzjoni, parir, tħejjija ta’ dokumenti ujew verifika ta’ dokumenti fil-kuntest ta’ servizzi ta’ rappreżentanza legali, jiġifieri fi kwistjonijiet jew proċedimenti quddiem aġenziji amministrattivi, qrati jew tribunali uffiċjali oħra debitament kostitwiti, jew fi proċedimenti ta’ arbitraġġ jew ta’ medjazzjoni.”

13

Il-punt 12 tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2022/1904 daħħal Artikolu 5n ġdid fir-Regolament Nru 833/2014, li jissostitwixxi l-qadim, u li jipprevedi b’mod partikolari projbizzjoni tal-forniment ta’ servizzi ta’ konsulenza legali (iktar ’il quddiem il-“projbizzjoni kontenzjuża”) kif ġej:

“2.   Għandu jkun ipprojbit l-għoti, dirett jew indirett, ta’ servizzi arkitettoniċi u ta’ inġinerija, servizzi ta’ konsulenza legali u servizzi ta’ konsulenza tal-IT lil:

a)

il-Gvern tar-Russja; jew

b)

persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja.

[…]

4.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għall-forniment ta’ servizzi li huma strettament meħtieġa għat-terminazzjoni sat‑8 ta’ Jannar 2023 ta’ kuntratti li ma jikkonformawx ma’ dan l-Artikolu konklużi qabel is‑7 ta’ Ottubru 2022, jew ta’ kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

5.   Il-paragrafu [paragrafi] 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta’ servizzi li huma strettament meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ difiża fi proċedimenti ġudizzjarji u d-dritt għal rimedju legali effettiv.

6.   Il-paragrafu [paragrafi] 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta’ servizzi li huma strettament meħtieġa biex jiġi żgurat aċċess għal proċedimenti ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ fi Stat Membru, jew għar-rikonoxximent jew l-infurzar ta’ sentenza jew deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fi Stat Membru, dment li tali forniment ta’ servizzi jkunkonsistenti mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament tal-Kunsill […] Nru 269/2014.

7.   Il-paragrafi [paragrafi] 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta’ servizzi maħsuba għall-użu esklużiv ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja li huma proprjetà ta’, jew kkontrollati kompletament jew b’mod konġunt minn, persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru, pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, l-Iżvizzera, jew pajjiż sieħeb kif elenkat fl-Anness VIII.

8.   Il-paragrafi [paragrafu] 2 ma għandux japplika għall-forniment ta’ servizzi meħtieġa għall-emerġenzi tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent, jew bħala rispons għal diżastri naturali.

9.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għall-forniment ta’ servizzi meħtieġa għall-aġġornamenti tas-softwer għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, permess mill-Artikoli 2(3)(d) u 2a(3)(d)[,] b’rabta ma’ oġġetti elenkati fl-Anness VII.

10.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw is-servizzi msemmijin fihom, bil-kundizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li dawn huma neċessarji għal:

a)

skopijiet umanitarji, bħat-twassil jew l-iffaċilitar tat-twassil ta’ assistenza, inklużi l-provvisti mediċi, l-ikel, jew it-trasferiment ta’ ħaddiema umanitarji u l-assistenza relatata jew għall-evakwazzjonijiet; jew

b)

attivitajiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu direttament id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem jew l-istat tad-dritt fir-Russja; jew

c)

il-funzjonament ta’ rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-Unjoni u tal-Istati Membri jew pajjiżi sħab fir-Russja, inkluż delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, jew organizzazzjonijiet internazzjonali fir-Russja li jgawdu immunitajiet f’konformità mal-liġi internazzjonali.

11.   B’deroga mill-paragrafu [paragrafi] 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw is-servizzi msemmijin fihom, bil-kondizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li dawn huma meħtieġa għal:

a)

l-iżgurar tal-provvista kritika tal-enerġija fl-Unjoni u x-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport fl-Unjoni tat-titanju, l-aluminju, ir-ram, in-nikil, il-palladju u l-mineral tal-ħadid;

b)

l-iżgurar tat-tħaddim kontinwu tal-infrastrutturi, hardware u software li huma kritiċi għas-saħħa u s-sigurtà tal-bniedem, jew għas-sikurezza tal-ambjent;

c)

it-twaqqif, it-tħaddim, il-manutenzjoni, il-provvista tal-fjuwil u t-trattament mill-ġdid u s-sikurezza tal-kapaċitajiet nukleari ċivili, u l-kontinwazzjoni tad-disinn, il-kostruzzjoni u l-ikkummissjonar meħtieġa għat-tlestija tal-faċilitajiet nukleari ċivili, il-provvista ta’ materjal prekursur għall-produzzjoni ta’ isotopi radjuattivi mediċi u applikazzjonijiet mediċi simili, jew teknoloġija kritika għall-monitoraġġ tar-radjazzjoni ambjentali, kif ukoll għall-kooperazzjoni nukleari ċivili, b’mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp; jew

d)

il-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika mill-operaturi tat-telekomunikazzjoni tal-Unjoni meħtieġa għat-tħaddim, il-manutenzjoni u s-sigurtà, inkluż iċ-ċibersigurtà, ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, fir-Russja, fl-Ukrajna, fl-Unjoni, bejn ir-Russja u l-Unjoni, u bejn l-Ukrajna u l-Unjoni, u għal servizzi ta’ ċentri tad-data fl-Unjoni.

12.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 9, 10 u 11 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”

14

Fis‑16 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2478 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512 (ĠU 2022, L 322 I, p. 614, rettifika fil-ĠU 2023, L 48, p. 104), u, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, ir-Regolament 2022/2474.

15

Il-punt 13 tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2022/2474, fir-rigward tal-projbizzjoni fuq il-forniment ta’ servizzi ta’ konsulenza legali, emenda l-Artikolu 5n tar-Regolament Nru 833/2014 fuq livell formali biss. L-Artikolu 5n(10) tar-Regolament Nru 833/2014 b’hekk għaqqad il-paragrafi 10 u 11 l-antiki ta’ dan l-istess regolament, mingħajr ma ġie emendat il-kontenut normattiv ta’ dawn il-paragrafi.

16

Fil‑25 ta’ Frar 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/434 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512 (ĠU 2023, L 59 I, p. 593), u, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, ir-Regolament 2023/427.

17

Ir-Regolament 2023/427 ma biddilx il-formulazzjoni tal-Artikolu 5n tar-Regolament Nru 833/2014. Madankollu, il-punt 13 tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2023/427 introduċa deroga ġdida għall-projbizzjoni kontenzjuża, permezz ta’ paragrafu 2a ġdid, li ddaħħal fl-Artikolu 12b tar-Regolament Nru 833/2014 u huwa fformulat kif ġej:

“2a.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 5n [tar-Regolament Nru 833/2014], l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-kontinwazzjoni tal-għoti ta’ servizzi elenkati fih sal‑31 ta’ Diċembru 2023 meta tali għoti ta’ servizzi jkun strettament neċesssarji għall-iżvestiment mir-Russja jew l-istralċ ta’ attivitajiet kummerċjali fir-Russja, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

tali servizzi huma pprovduti lill-persuni ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi, u għall-benefiċċju esklużiv tagħhom, li jirriżulta mill-iżvestiment; u

b)

l-awtoritajiet kompetenti li jiddeċiedu dwar talbiet għal awtorizzazzjonijiet ma jkollhom l-ebda raġuni raġonevoli biex jemmnu li s-servizzi jistgħu jiġu pprovduti, direttament jew indirettament, lill-Gvern tar-Russja jew utent finali militari jew ikollhom użu finali militari fir-Russja.”

II. It‑talbiet tal‑partijiet

18

Ir-rikorrenti, sostnuti mill-Bundesrechtsanwaltskammer u mill-Ordre des avocats de Genève, jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla l-punt 12 tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2022/1904 sa fejn jissostitwixxi u jemenda l-Artikolu 5n(2) u (4) sa (12) tar-Regolament Nru 833/2014 fir-rigward tas-servizzi ta’ konsulenza legali, il-punt 13 tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2022/2474 sa fejn jissostitwixxi u jemenda l-Artikolu 5n(2) u (4) sa (11) tar-Regolament Nru 833/2014 fir-rigward tas-servizzi ta’ konsulenza legali, u l-punt 13 tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2023/427 sa fejn dan idaħħal l-Artikolu 12b(2a) fir-Regolament Nru 833/2014 fir-rigward tas-servizzi ta’ konsulenza legali;

–

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

19

Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika tal-Estonja, mill-Kummissjoni Ewropea u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tal-Artikolu 5n(10) u tal-Artikolu 12b(2a) tar-Regolament Nru 833/2014 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni”);

–

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

20

Ir-Repubblika tal-Estonja, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jitolbu, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli fl-intier tiegħu.

III. Id‑dritt

A. Fuq l‑ammissibbiltà

21

Il-Kunsill iqis li r-rikors huwa ammissibbli sa fejn jirrigwarda l-Artikolu 5n(2), (4) sa (9) u (11) tar-Regolament Nru 833/2014. Min-naħa l-oħra, huwa jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tad-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni. Ir-Repubblika tal-Estonja, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà biss iqisu li r-rikors huwa inammissibbli fl-intier tiegħu.

22

Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika tal-Estonja, mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, iqis, barra minn hekk, li n-nota ta’ adattament ippreżentata mir-rikorrenti sabiex jikkontestaw il-legalità tal-Artikolu 12b(2a) tar-Regolament Nru 833/2014, imdaħħal bir-Regolament 2023/427, hija inammissibbli.

23

Għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni tista’ tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li r-rikors jiġi miċħud fil-mertu, mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punt 52).

24

Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, u fl-interess tal-ekonomija tal-proċedura, ir-rikors għandu jiġi eżaminat fil-mertu, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu, peress li r-rikors huwa, fi kwalunkwe każ u għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, infondat.

B. Fuq il‑mertu

25

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu tliet motivi, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 7, 47 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), it-tieni wieħed, fuq indħil fl-indipendenza tal-avukat u fil-valuri tal-Istat tad-dritt kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

1.   Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑Artikoli 7, 47 u 52(1) tal‑Karta

26

L-ewwel motiv huwa maqsum fi tliet partijiet li jikkonċernaw il-ksur tal-Karta, li huma eżaminati iktar ’il quddiem.

27

Permezz tal-ewwel u tat-tieni parti, ir-rikorrenti, sostnuti mill-Bundesrechtsanwaltskammer u mill-Ordre des avocats de Genève, iqisu li l-projbizzjoni kontenzjuża twassal, minn naħa, għal ksur tad-dritt fundamentali ta’ aċċess għall-pariri legali ta’ avukat u, min-naħa l-oħra, għal indħil fis-sigriet professjonali tal-avukat. Il-projbizzjoni kontenzjuża għalhekk tikser l-Artikoli 7 u 47 tal-Karta.

28

Permezz tat-tielet parti, ir-rikorrenti, sostnuti mill-Bundesrechtsanwaltskammer u mill-Ordre des avocats de Genève, isostnu li l-indħil ikkawżat mill-projbizzjoni kontenzjuża fid-drittijiet iggarantiti mill-Karta ma jistax jiġi ġġustifikat fis-sens tal-Artikolu 52(1) ta’ din l-istess Karta.

29

Din it-tielet parti hija eżaminata fil-kuntest tat-tweġiba mogħtija mill-Qorti Ġenerali għall-ewwel u għat-tieni parti.

a)   Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq il‑ksur tad‑dritt għal parir ta’ avukat

30

L-ewwel parti tal-ewwel motiv hija maqsuma f’żewġ ilmenti. L-ewwel ilment huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta. It-tieni lment huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta. Skont ir-rikorrenti, fil-fatt, dawn iż-żewġ artikoli jifformaw il-bażi ta’ dritt fundamentali ta’ aċċess għall-konsulenza legali ta’ avukat, li huwa ggarantit lil kull persuna kemm f’materji kontenzjużi kif ukoll f’materji mhux kontenzjużi.

31

Ir-rikorrenti, sostnuti mill-Bundesrechtsanwaltskammer u mill-Ordre des avocats de Genève, isostnu li d-dritt li wieħed jitlob konsulenza legali huwa indissoċjabbli mid-dritt ta’ aċċess għal avukat fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva. Barra minn hekk, id-dritt li wieħed jirrikorri għand avukat, inkluż sabiex jikseb parir legali u għal evalwazzjoni tas-sitwazzjoni legali tiegħu, huwa rrikonoxxut fl-Istati Membri kollha u huwa attività essenzjali fi Stat tad-dritt. Ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) sabiex isostnu l-eżistenza ta’ dritt li wieħed jirrikorri għand avukat sabiex jikseb pariri legali, anki barra mill-kompitu ta’ rappreżentanza legali ta’ klijent.

32

Il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 7 tal-Karta tapplika wkoll meta ma jkun hemm ebda proċedura kontenzjuża. Bl-istess mod, id-distinzjoni magħmula mill-Kunsill, li skontha s-servizzi ta’ konsulenza legali neċessarji għall-eżerċizzju tad-dritt għal rimedju effettiv protett mill-Artikolu 47 tal-Karta huma koperti mid-derogi għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni kontenzjuża, hija artifiċjali u ma hijiex xierqa. Ma huwiex possibbli, a priori, li jiġi ddeterminat jekk konsulenza legali, qabel ma tingħata lill-klijent, tkunx marbuta ma’ proċedura kontenzjuża futura. Id-dritt li wieħed jitlob konsulenza legali jista’ jkun indissoċjabbli mid-dritt ta’ aċċess għal avukat.

33

L-Ordre des avocats de Genève żżid tgħid li, fil-fatt, il-klassifikazzjoni ta’ pariri legali bħala li jaqgħu taħt proċeduri kontenzjużi jew bħala “mhux kontenzjużi” tista’ ssir biss a posteriori. B’mod iktar ġenerali, il-kwistjoni hija waħda ta’ aċċess għad-dritt, li f’dan il-każ huwa ristrett minħabba l-ambigwità tal-formulazzjoni tal-projbizzjoni kontenzjuża, li fil-prattika twassal sabiex l-avukati jiċċensuraw lilhom infushom.

34

Ir-rikorrenti jippreċiżaw, barra minn hekk, li l-fatt li l-avukati għandhom monopolju fuq ir-rappreżentanza tal-klijent tagħhom quddiem qorti ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-eżistenza ta’ dritt fundamentali li wieħed jikseb konsulenza legali mingħand avukat, inkluż f’materji mhux kontenzjużi. Id-dritt ta’ aċċess għal avukat għandu jitqies bħala unità indiviżibbli, li tinkludi kemm il-kompitu ta’ difiża u ta’ rappreżentanza tal-avukat kif ukoll il-kompitu tiegħu li jagħti pariri.

35

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jżidu li l-projbizzjoni kontenzjuża ma toħloqx obbligu ta’ riżerva, iżda tikkonsisti fi projbizzjoni pura u sempliċi. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-avukati jkunu obbligati jitolbu awtorizzazzjoni jipprekludihom milli jiddeċiedu u milli jevalwaw huma stess is-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni.

36

Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika tal-Estonja, mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

37

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-kwistjoni mqajma mir-rikorrenti permezz tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv tikkonsisti fid-determinazzjoni, essenzjalment, ta’ jekk l-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 7 u 47 tal-Karta hijiex ta’ natura li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dritt fundamentali ta’ aċċess għal avukat, inkluż f’sitwazzjonijiet li ma għandhom ebda rabta ma’ proċedura ġudizzjarja. Peress li l-projbizzjoni kontenzjuża tapplika għas-servizzi ta’ konsulenza legali pprovduti, b’mod partikolari, mill-avukati, f’materji mhux kontenzjużi, din tikkostitwixxi ndħil fid-dritt fundamentali ta’ aċċess għal avukat.

38

It-tweġiba għall-mistoqsija hekk imqajma mir-rikorrenti teħtieġ li tiġi eżaminata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 47 tal-Karta, minn naħa, u l-Artikolu 7 tal-Karta, min-naħa l-oħra, kif ukoll dik tal-Qorti EDB.

39

Konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, li huwa intiż li jiżgura l-konsistenza neċessarja bejn id-drittijiet inklużi fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), mingħajr ma jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fl-interpretazzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 47 tal-Karta, id-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-Artikolu 8(1) u mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, kif interpretati mill-Qorti EDB, bħala limitu minimu ta’ protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Għall-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt fundamentali previst fl-Artikolu 47 tal-Karta għandu importanza kardinali bħala garanzija tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni u tal-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri ddikjarati fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika,C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 51). Il-prinċipju tal-Istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE jeżiġi aċċess liberu għad-dritt tal-Unjoni għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha tal-Unjoni, kif ukoll il-possibbiltà, għall-partijiet fil-kawża, li jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2024, Public.Resource.Org u Right to Know vs Il-Kummissjoni et, C‑588/21 P, EU:C:2024:201, punt 81).

41

Id-dritt għal smigħ xieraq jinkludi, skont it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-possibbiltà għal kull persuna li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata minn avukat. Dan id-dritt huwa kkostitwit minn diversi elementi. Dan jinkludi, b’mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, id-dritt ta’ aċċess għall-qrati u d-dritt ta’ aċċess għal avukat, kemm f’materji ċivili kif ukoll f’materji kriminali (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 60).

42

Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 47 tal-Karta huwa intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”. It-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprevedi għajnuna legali intiża sabiex “jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja”. F’dan il-kuntest, il-possibbiltà li wieħed jieħu parir, ikollu difiża u jkun irrappreżentat, prevista fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, għandha tiġi rikonoxxuta biss jekk ikun hemm rabta ma’ proċedura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 61).

43

F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ir-rwol fundamentali tal-avukati fl-Istat tad-dritt biss sa fejn dawn jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tal-ġustizzja u jiżguraw il-protezzjoni u d-difiża tal-interessi tal-klijent. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li “kull parti f’kawża”, jiġifieri kull persuna li tixtieq li d-drittijiet tagħha jiġu rrikonoxxuti u eżerċitati fil-qorti, għandu jkollha l-possibbiltà li tikkonsulta bil-libertà kollha lill-avukat tagħha, li l-professjoni tiegħu stess kienet tinvolvi l-kompitu li jagħti, b’mod indipendenti, pariri legali lil dawk kollha li kellhom bżonn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il‑Kummissjoni, 155/79, EU:C:1982:157, punt 18). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet b’mod iktar wiesa’ r-rwol tal-avukati, li huma mitluba jipprovdu, b’indipendenza sħiħa, u fl-interess superjuri tal-ġustizzja, l-assistenza legali li l-klijent kellu bżonn (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 1982, AM u S Europe vs Il‑Kummissjoni, 155/79, EU:C:1982:157, punt 24). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, għalkemm il-missjoni ta’ rappreżentanza minn avukat kellha tiġi eżerċitata fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, din il-missjoni kienet tikkonsisti fuq kollox f’li jiġu protetti u difiżi bl-aħjar mod l-interessi tal-mandant tiegħu, sabiex dan ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il‑Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 62). L-avukat għalhekk għandu funzjoni fundamentali f’soċjetà demokratika, jiġifieri d-difiża tal-individwi (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 28).

44

L-Artikolu 7 tal-Karta ma huwiex intiż, b’differenza mill-Artikolu 47 tagħha, li jipproteġi d-dritt għal rimedju effettiv, iżda li jipproteġi l-ħajja privata ta’ kull persuna, b’mod partikolari tal-komunikazzjonijiet tagħha, indipendentement minn kwalunkwe rabta ma’ proċedura ġudizzjarja. Huwa minn din id-dispożizzjoni li tirriżulta l-protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukat, li, fil-prinċipju, hija ggarantita meta l-avukat jeżerċita l-funzjoni tiegħu ta’ difiża jew ta’ rappreżentanza legali tal-interessi tal-klijent tiegħu jew meta jagħti lil kwalunkwe persuna l-pariri legali li hija titlob.

45

F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB għalhekk qieset li l-protezzjoni tas-sigriet professjonali, li tirriżulta mill-Artikolu 8 tal-KEDB, li għalih jikkorrispondi l-Artikolu 7 tal-Karta, kienet testendi għall-attivitajiet ta’ konsulenza legali b’mod ġenerali, indipendentement mill-eżistenza ta’ proċedura kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 9 ta’ April 2019, Altay vs It‑Turkija (Nru 2), CE:ECHR:2019:0409JUD001123609, punt 49).

46

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet espressament li l-persuni li jikkonsultaw avukat għandhom “leġittimament ikollhom fiduċja fil-fatt li l-avukat tagħhom ma [kien] ser jiżvela lil ħadd, mingħajr il-kunsens tagħhom, li huma kienu kkonsultawh”, ħlief f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 27).

47

Huwa minnu li l-protezzjoni tas-sigriet professjonali, minquxa fl-Artikolu 7 tal-Karta, tippermetti lil avukat li jiggarantixxi l-funzjoni tiegħu ta’ konsulenza, ta’ difiża u ta’ rappreżentanza tal-klijent tiegħu b’mod xieraq, sabiex jiġi ggarantit id-dritt tiegħu għal smigħ xieraq minqux fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 60).

48

Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-protezzjoni ggarantita fl-Artikolu 47 tal-Karta u dik iggarantita fl-Artikolu 7 tal-Karta ma għandhomx l-istess portata. Minn naħa, il-protezzjoni tas-sigriet professjonali minquxa fl-Artikolu 7 tal-Karta hija rrikonoxxuta fl-assenza ta’ kwalunkwe rabta ma’ proċedura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punti 61 sa 65). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx li din il-protezzjoni kienet intiża li tiggarantixxi dritt fundamentali ta’ aċċess għal avukat u li wieħed jikseb il-pariri legali tiegħu indipendentement minn kwalunkwe rabta ma’ proċedura ġudizzjarja, iżda li hija kellha biss l-għan, fir-rigward tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, li tippreżerva l-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn l-avukat u l-klijent tiegħu.

49

Konsegwentement, la mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB u lanqas minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jista’ jiġi dedott li l-protezzjonijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 47 tal-Karta, individwalment jew flimkien, huma ta’ natura li joħolqu bażi għall-eżistenza ta’ dritt fundamentali għal kull persuna li jkollha aċċess għal avukat u li tieħu l-pariri tiegħu barra minn kuntest kontenzjuż, attwali jew probabbli.

50

Barra minn hekk, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ma ġiex stabbilit li tali dritt jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 6(3) TUE.

51

Id-dritt fundamentali ta’ aċċess għal avukat u li wieħed jieħu l-pariri tiegħu, minqux fl-Artikolu 47 tal-Karta, għandu konsegwentement jiġi rrikonoxxut biss jekk teżisti rabta ma’ proċedura ġudizzjarja, kemm jekk tali proċedura tkun diġà miftuħa kif ukoll jekk tkun tista’ tiġi prevista jew antiċipata, abbażi ta’ elementi tanġibbli, matul il-fażi tal-evalwazzjoni mill-avukat tas-sitwazzjoni legali tal-klijent tiegħu.

52

F’dan il-każ, il-projbizzjoni kontenzjuża stabbilita fl-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 tipprojbixxi l-forniment dirett jew indirett ta’ servizzi ta’ konsulenza legali lill-Gvern Russu u lil persuni ġuridiċi, lil entitajiet u lil korpi stabbiliti fir-Russja.

53

Skont il-premessa 19 tar-Regolament 2022/1904, is-servizzi ta’ konsulenza legali pprojbiti ma jinkludux “rappreżentazzjoni, parir, tħejjija ta’ dokumenti ujew verifika ta’ dokumenti fil-kuntest ta’ servizzi ta’ rappreżentanza legali, jiġifieri fi kwistjonijiet jew proċedimenti quddiem aġenziji amministrattivi, qrati jew tribunali uffiċjali oħra debitament kostitwiti, jew fi proċedimenti ta’ arbitraġġ jew ta’ medjazzjoni.” Għall-kuntrarju, is-servizzi ta’ konsulenza legali pprojbiti jkopru “l-għoti ta’ pariri legali lill-klijenti fi kwistjonijiet mhux kontenzjużi, inkluż tranżazzjonijiet kummerċjali, li jinvolvu l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-liġi”, “il-parteċipazzjoni ma’ jew f’isem klijenti fi tranżazzjonijiet kummerċjali, negozjati kummerċjali u negozjati oħra ma’ partijiet terzi” u “t-tħejjija, l-eżekuzzjoni u l-verifika ta’ dokumenti legali”.

54

Minkejja li l-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur legali vinkolanti u ma jistax jiġi invokat sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1998, Nilsson et, C‑162/97, EU:C:1998:554, punt 54), il-premessa 19 tar-Regolament 2022/1904 tippermetti li tiġi ċċarata l-ewwel delimitazzjoni tal-projbizzjoni kontenzjuża. Mill-formulazzjoni tagħha jirriżulta li s-servizzi ta’ konsulenza legali, ipprovduti b’rabta ma’ proċedura ġudizzjarja, amministrattiva jew ta’ arbitraġġ, ma humiex koperti mill-imsemmija projbizzjoni.

55

L-Artikolu 5n(5) u (6) tar-Regolament Nru 833/2014 jiddelimita b’mod iktar preċiż il-portata tal-projbizzjoni kontenzjuża, fid-dawl tal-premessa 19 tar-Regolament 2022/1904. Il-paragrafi 5 u 6 imsemmija iktar ’il fuq jipprovdu li l-projbizzjoni kontenzjuża ma tapplikax, rispettivament, għall-provvista ta’ servizzi li “huma strettament meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ difiża fi proċedimenti ġudizzjarji u d-dritt għal rimedju legali effettiv” u għall-provvista ta’ servizzi li “huma strettament meħtieġa biex jiġi żgurat aċċess għal proċedimenti ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ fi Stat Membru, jew għar-rikonoxximent jew l-infurzar ta’ sentenza jew deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fi Stat Membru, dment li tali forniment ta’ servizzi jkunkonsistenti mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament tal-Kunsill […] Nru 269/2014”.

56

Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5n(6) tar-Regolament Nru 833/2014, b’mod partikolari sa fejn jirreferi għas-servizzi ta’ konsulenza legali “strettament meħtieġa biex jiġi żgurat aċċess għal proċedimenti ġudizzjarji, amministrattivi jew ta’ arbitraġġ”, jirriżulta li l-projbizzjoni kontenzjuża ma tapplikax għas-servizzi ta’ konsulenza legali li jingħataw fil-mument meta tintalab l-assistenza tal-avukat għall-eżerċizzju ta’ funzjoni ta’ difiża jew ta’ rappreżentanza legali jew għall-kisba ta’ pariri dwar il-mod kif għandha tinbeda jew tiġi evitata proċedura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑305/05, EU:C:2007:383, punt 34). Għaldaqstant, din ma tipprekludix il-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza legali li, f’dan l-istadju preliminari, ikunu intiżi biss sabiex jevalwaw is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata, bl-għan biss li jiġi ddeterminat jekk proċedura, b’mod partikolari waħda ġudizzjarja, għandhiex, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ din il-persuna, tiġi eskluża jew jekk, għall-kuntrarju, jirriżultax li hija probabbli, jew saħansitra inevitabbli. Mingħajr tali evalwazzjoni preliminari, barra minn hekk ma jkunx possibbli, kif irrilevaw ir-rikorrenti, li jkun magħruf x’jista’ jkun is-suġġett tal-konsultazzjoni u li jiġi ddeterminat jekk il-konsulenza legali mitluba jistax ikollha rabta jew le ma’ proċedura ġudizzjarja u taqax, konsegwentement, taħt id-dritt fundamentali ta’ aċċess għal avukat, kif ġie mfakkar fil-punt 51 iktar ’il fuq.

57

Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni kontenzjuża tapplika, b’mod partikolari, meta, f’materja mhux kontenzjuża, avukat jassisti lil klijent jew jaġixxi f’ismu u għan-nom tiegħu fil-preparazzjoni jew fit-twettiq ta’ ċerti tranżazzjonijiet essenzjalment ta’ natura finanzjarja u kummerċjali. Bħala regola ġenerali, dawn l-attivitajiet, minħabba n-natura tagħhom stess, iseħħu f’kuntest mingħajr rabta ma’ proċedura ġudizzjarja u, għaldaqstant, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv u tad-dritt għal smigħ xieraq iggarantiti mill-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan ir-rigward, meta avukat jipprovdi servizz legali fi stadju tant bikri u ma jkunx qiegħed jaġixxi bħala difensur tal-klijent tiegħu f’tilwima, is-sempliċi fatt li l-pariri tal-avukat jew l-għan tal-konsultazzjoni tiegħu jistgħu jagħtu lok għal proċedura kontenzjuża fi stadju ulterjuri ma jfissirx li l-intervent tal-avukat seħħ fil-kuntest jew għall-finijiet tad-dritt tad-difiża tal-klijent tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punti 63 u 64).

58

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod li ma jqajjimx dubju fuq il-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta. Tabilħaqq, meta test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jkun jista’ jiġi interpretat b’iktar minn mod wieħed, għandha tingħata preferenza lil dik l-interpretazzjoni li tirrendi d-dispożizzjoni konformi mad-dritt primarju iktar milli lil dik li twassal għall-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tiegħu mad-dritt primarju (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑305/05, EU:C:2007:383, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains,C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-projbizzjoni kontenzjuża tistax tiġi interpretata f’sens li jirrispetta d-dritt li persuna tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata minn avukat iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

60

Skont il-preċiżazzjonijiet magħmula mill-Kunsill fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, il-kriterju ta’ neċessità stretta stabbilit fl-Artikolu 5n(5) u (6) tar-Regolament Nru 833/2014 għandu l-għan uniku li jevita l-użu abbużiv tad-derogi previsti minn dawn l-istess paragrafi u ma jistax jintuża sabiex jiġi sostnut li l-imsemmija projbizzjoni tippreġudika d-dritt ta’ aċċess għal avukat għall-ħtiġijiet ta’ proċedura ġudizzjarja.

61

Kif jirrileva ġustament il-Kunsill, il-formulazzjoni tal-Artikolu 5n(5) tar-Regolament Nru 833/2014 tippermetti li jiġi kkunsidrat li s-servizzi ta’ konsulenza legali relatati ma’ proċedura prekontenzjuża, jiġifieri proċedura amministrattiva, jew l-istadju inizjali ta’ proċedura ġudizzjarja li l-partijiet għandhom neċessarjament jgħaddu minnha skont id-dritt nazzjonali applikabbli ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni kontenzjuża.

62

Bl-istess mod, il-formulazzjoni tal-Artikolu 5n(6) tar-Regolament Nru 833/2014 ma tipprekludix it-twettiq ta’ evalwazzjoni legali preliminari li tikkonstata n-neċessità, jew l-assenza ta’ neċessità, li tinbeda proċedura ġudizzjarja, amministrattiva jew ta’ arbitraġġ, u lanqas il-forniment ta’ servizzi ta’ konsulenza li jippermettu li tiġi evitata tali proċedura, b’mod partikolari permezz ta’ ftehim bonarju. Il-Kunsill jenfasizza, ġustament, li din l-interpretazzjoni hija loġikament konsistenti mas-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑305/05, EU:C:2007:383).

63

Għalhekk, l-Artikolu 5n(5) u (6) tar-Regolament Nru 833/2014 jippermetti lil avukat iwettaq evalwazzjoni minn qabel tas-sitwazzjoni legali tal-persuni ġuridiċi, tal-entitajiet jew tal-korpi stabbiliti fir-Russja li jikkonsultawh, bl-għan li jiddetermina jekk il-pariri li jintalbu min-naħa tiegħu humiex strettament neċessarji sabiex jiġi ggarantit l-aċċess, b’mod partikolari, għal proċedura ġudizzjarja, sabiex tiġi evitata jew antiċipata tali proċedura jew sabiex tiġi żgurata t-tmexxija tajba tagħha jekk din tkun diġà nbdiet.

64

Minn naħa, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-projbizzjoni kontenzjuża ma tiksirx id-dritt li persuna tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata minn avukat, kif protett mill-Artikolu 47 tal-Karta. Min-naħa l-oħra, peress li l-Artikolu 7 tal-Karta ma jiggarantixxix dritt ta’ aċċess għal avukat, la fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja u lanqas f’kuntest mhux kontenzjuż, il-projbizzjoni kontenzjuża ma tistax tikkostitwixxi ndħil fi dritt li jirriżulta minn dan l-artikolu.

65

Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikoli 7 u 47 tal-Karta, meħuda waħedhom jew flimkien, għandha tiġi miċħuda.

66

Peress li ma ġiet ikkonstatat ebda ndħil, minħabba l-projbizzjoni kontenzjuża, fid-dritt li persuna tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata minn avukat sabiex tibbenefika minn konsulenza legali, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, it-tielet parti tal-ewwel motiv, sa fejn hija bbażata fuq il-fatt li l-imsemmija projbizzjoni tikkostitwixxi tali ndħil li ma jistax jiġi ġġustifikat fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-istess Karta, għandha tiġi miċħuda.

b)   Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq indħil fis‑sigriet professjonali tal‑avukat

67

Ir-rikorrenti, sostnuti mill-Bundesrechtsanwaltskammer u mill-Ordre des avocats de Genève, iqisu li l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni previsti mid-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni jagħtu lok għal indħil fis-sigriet professjonali tal-avukat, minqux fl-Artikolu 7 tal-Karta, fl-Artikolu 8 tal-KEDB u fil-ġurisprudenza.

68

Fil-fatt, avukat li jixtieq jitlob awtorizzazzjoni jrid jiżvela lill-awtorità kompetenti dettalji dwar il-klijent potenzjali tiegħu u dwar in-natura tal-parir mitlub. Il-proprju eżistenza ta’ konsultazzjoni tinkixef. Dan jikkostitwixxi ndħil dirett fid-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom. Ir-rikorrenti jippreċiżaw, barra minn hekk, li huma biss l-avukati, bħala fornituri ta’ servizzi ta’ konsulenza legali koperti mill-projbizzjoni kontenzjuża, li jistgħu jifformulaw talba għal eżenzjoni.

69

Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika tal-Estonja, mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

70

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 tal-Karta jirrikonoxxi lil kull persuna d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha. Konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fl-eżami ta’ dan id-dritt, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tal-KEDB magħmula mill-Qorti EDB.

71

Bl-istess mod bħal din id-dispożizzjoni tal-KEDB, l-Artikolu 7 tal-Karta jiggarantixxi neċessarjament is-sigriet tal-konsultazzjoni legali, u dan kemm fir-rigward tal-kontenut tiegħu kif ukoll fir-rigward tal-eżistenza tiegħu. Għaldaqstant, ħlief f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, kull persuna għandha tkun tista’ leġittimament ikollha fiduċja fil-fatt li l-avukat tagħha ma huwa ser jiżvela lil ħadd, mingħajr il-kunsens tagħha, li hija kienet ikkonsultatu (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 27).

72

Madankollu, la l-Artikolu 7 tal-Karta u lanqas l-Artikolu 8 tal-KEDB ma jipprojbixxu l-impożizzjoni fuq l-avukati ta’ ċertu numru ta’ obbligi li jistgħu jikkonċernaw ir-relazzjonijiet mal-klijenti tagħhom, b’mod partikolari jekk ikun hemm indizji plawżibbli ta’ parteċipazzjoni ta’ avukat fi ksur, jew inkella fil-kuntest tal-ġlieda kontra ċerti prattiki. Dawn il-miżuri madankollu għandhom ikunu rregolati b’mod strett u joffru garanziji proċedurali suffiċjenti kontra l-arbitrarjetà (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 16 ta’ Novembru 2021, Särgava vs L‑Estonja, CE:ECHR:2021:1116JUD000069819, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li obbligu ta’ dikjarazzjoni, li jimponi fuq avukat l-obbligu li jiżvela lil persuna intermedjarja terza li ma kinitx il-klijent tiegħu, l-identità tiegħu, l-evalwazzjoni tiegħu fir-rigward tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni kif ukoll il-fatt stess li huwa ġie kkonsultat, iwassal għal indħil fid-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom, iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punti 29 u 30). Barra minn hekk, dan l-istess obbligu ta’ dikjarazzjoni, sa fejn jobbliga lill-persuna intermedjarja terza tikkomunika lill-amministrazzjoni l-identità u l-eżistenza tal-konsultazzjoni tal-avukat ikkonċernat, iwassal għal indħil addizzjonali fid-dritt iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 31). Minn dan isegwi li l-iżvelar minn avukat, b’mod partikolari, tal-identità tiegħu jew tal-fatt li ġie kkonsultat, sa fejn dan huwa kostrett u jseħħ mingħajr il-kunsens tal-klijent tiegħu, jikkaratterizza ndħil fid-dritt iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta.

74

L-Artikolu 5n(10) tar-Regolament Nru 833/2014 jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti “jistgħu” jawtorizzaw is-servizzi ta’ konsulenza legali “bil-kundizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li dawn huma neċessarji” għall-finijiet elenkati b’mod eżawrjenti f’dan l-istess paragrafu.

75

L-Artikolu 12b(2a) tar-Regolament Nru 833/2014 jipprevedi, min-naħa tiegħu, li l-awtoritajiet kompetenti “jistgħu” jawtorizzaw il-forniment ta’ servizzi suġġetti għall-projbizzjoni kontenzjuża, meta dawn ikunu strettament neċessarji għat-trasferiment tal-assi fir-Russja jew għal-likwidazzjoni ta’ attivitajiet fir-Russja, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Dawn il-kundizzjonijiet jikkonsistu, essenzjalment, fir-restrizzjoni tal-provvista tal-pariri inkwistjoni biss għall-entitajiet li jirriżultaw mit-trasferiment u li ma jkunx hemm “l-ebda raġuni raġonevoli biex jemmnu li s-servizzi jistgħu jiġu mogħtija, b’mod dirett jew indirett, lill-Gvern tar-Russja jew utent finali militari jew ikollhom użu finali militari fir-Russja”.

76

Id-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni għalhekk jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jneħħu l-projbizzjoni kontenzjuża f’ċerti sitwazzjonijiet identifikati b’mod preċiż.

77

Dawn id-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni jħallu marġni ta’ evalwazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-modalitajiet li skonthom għandha tiġi fformulata, imressqa u pproċessata talba għal eżenzjoni. Għalhekk, pereżempju, id-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni ma jirregolawx l-identità tal-awtur tat-talba mressqa lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. L-Istati Membri huma għalhekk liberi li jipprevedu li l-imsemmija talba tista’ tiġi mressqa mill-avukat, minn parti terza, jew mill-Gvern Russu jew mill-entità stabbilita fir-Russja kkonċernata stess, li, f’dan l-aħħar każ, jibqgħu jistgħu jibbenefikaw mill-assistenza, anki informali, ta’ avukat, konformement mal-Artikolu 5n(6) tar-Regolament Nru 833/2014.

78

Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet kontenzjużi ma jissuġġerixxux, la b’mod espliċitu u lanqas b’mod impliċitu, li l-avukat huwa obbligat jaqsam mal-awtoritajiet kompetenti, mingħajr il-kunsens tal-klijent tiegħu, informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta.

79

Bl-istess mod, fir-rigward tal-informazzjoni neċessarja għall-ipproċessar tat-talba għal deroga, id-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni ma jsemmux l-elementi li l-awtorità kompetenti għandu jkollha sabiex twettaq l-istħarriġ tagħha. Huwa minnu li l-kundizzjonijiet ġenerali li fihom jistgħu jingħataw l-eżenzjonijiet jirrikjedu li din l-awtorità, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5n(10) tar-Regolament Nru 833/2014, twettaq stħarriġ bir-reqqa tas-sitwazzjoni mressqa quddiemha, peress li, sabiex tagħti awtorizzazzjoni, l-awtorità kompetenti trid “tistabbilixxi” li din hija neċessarja għal wieħed mill-iskopijiet elenkati mid-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni. L-istess japplika fir-rigward tal-Artikolu 12b(2a) tal-imsemmi regolament, sa fejn dan jipprevedi li l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-forniment tas-servizzi huwa strettament neċessarju għall-attivitajiet iddefiniti u jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti għal dan l-għan.

80

Madankollu, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-Istati Membri huma obbligati jirrispettaw id-drittijiet minquxa fil-Karta meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, meta jiddefinixxu l-modalitajiet tal-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ eżenzjoni, huma għandhom jiżguraw ir-rispett tal-Artikolu 7 tal-Karta, b’osservanza tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 52(1) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International,C‑623/17, EU:C:2020:790, punti 62 u 63).

81

Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni ma jwasslux, fihom infushom, għal indħil fid-dritt iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta.

82

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 5n(4) tar-Regolament Nru 883/2014, sa fejn jobbliga lill-avukati jħollu l-kuntratti kollha li jorbtuhom ma’ persuni ġuridiċi, ma’ entitajiet u ma’ organizzazzjonijiet stabbiliti fir-Russja, anki dawk konklużi qabel is‑7 ta’ Ottubru 2022, iċaħħad minn kull sinjifikat id-dmir ta’ lealtà tal-avukat, li huwa protett mill-Artikolu 7 tal-Karta.

83

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li fin-nuqqas ta’ sostenn ulterjuri tal-allegazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti ma wrewx kif l-Artikolu 5n(4) tar-Regolament Nru 883/2014 iwassal għal indħil fid-dmir ta’ lealtà tal-avukat u fid-dritt iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta.

84

Bħala konklużjoni, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

85

Fi kwalunkwe każ, anki fl-ipoteżi li mid-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni jirriżulta ndħil fis-sigriet professjonali tal-avukat iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jippermetti limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet minquxa minnha, sakemm il-limitazzjonijiet ikkonċernati jkunu previsti mil-liġi. Dawn il-limitazzjonijiet għandhom josservaw ukoll il-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni u, f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandhom ikunu meħtieġa u jissodisfaw b’mod effettiv għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft,C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 148; tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 34, u tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punti 77 u 144).

86

Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rekwiżit li kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi, dan ir-rekwiżit jimplika li l-att li jippermetti l-indħil f’dawn id-drittijiet għandu jiddefinixxi huwa stess il-portata tal-limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li dan ir-rekwiżit ma jeskludix li l-limitazzjoni inkwistjoni tkun ifformulata f’termini suffiċjentement miftuħa sabiex tkun tista’ tiġi adattata għal każijiet differenti kif ukoll għal bidliet fis-sitwazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk ikun il-każ, tispeċifika, permezz ta’ interpretazzjoni, il-portata konkreta tal-limitazzjoni fir-rigward kemm tat-termini stess tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni kif ukoll tal-istruttura ġenerali tagħha u tal-għanijiet imfittxija minnha, kif interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5n(4) sa (9) tar-Regolament Nru 833/2014 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ta’ eċċezzjoni”) u d-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni jiddelimitaw il-limiti tal-projbizzjoni għall-avukati fuq li jipprovdu servizzi ta’ konsulenza legali lill-Gvern Russu u lill-entitajiet stabbiliti fir-Russja, kif stabbilit fl-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Ordre des avocats de Genève, mill-punti 52 sa 63 iktar ’il fuq jirriżulta li s-servizzi ta’ konsulenza legali suġġetti għall-projbizzjoni kontenzjuża huma espressament identifikati.

88

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-projbizzjoni kontenzjuża hija prevista mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

89

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-osservanza tal-kontenut essenzjali tad-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom, iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni la jipprevedu l-obbligu u lanqas l-awtorizzazzjoni għall-avukat sabiex jaqsam mal-awtorità kompetenti, mingħajr il-kunsens tal-klijent tiegħu, informazzjoni dwar il-kontenut tal-komunikazzjonijiet tagħhom jew dwar il-kontenut preċiż tal-konsultazzjoni mitluba. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni jistgħu jiġu invokati biss f’sitwazzjonijiet li ma jippreżentaw ebda rabta ma’ proċedura ġudizzjarja, amministrattiva jew ta’ arbitraġġ, sabiex bl-ebda mod ma jistgħu jwasslu għall-iżvelar ta’ informazzjoni marbuta ma’ tali proċeduri, attwali jew probabbli.

90

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li d-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni jippreġudikaw il-kontenut essenzjali tad-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta.

91

Fit-tielet lok, fir-rigward tan-natura xierqa tad-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjonijiet għas-sigriet professjonali li dawn jistgħu jinvolvu humiex iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni u jekk dawn jissodisfawx effettivament l-imsemmija għanijiet ta’ interess ġenerali.

92

L-istħarriġ tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni huwa intrinsikament marbut mal-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-projbizzjoni kontenzjuża nnifisha. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni sempliċement jillimitaw il-projbizzjoni kontenzjuża.

93

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-importanza tal-għanijiet imfittxija mir-Regolamenti 2022/1904, 2022/2474 u 2023/427, jiġifieri l-protezzjoni tal-integrità territorjali, tas-sovranità u tal-indipendenza tal-Ukraina kif ukoll li tiġi mħeġġa soluzzjoni paċifika għall-kriżi f’dan il-pajjiż, li jaqgħu taħt l-għan iktar wiesa’ taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 21 TUE, kienet ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi li ma kellhom ebda responsabbiltà fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tas-sanzjonijiet (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Gazprom Neft vs Il‑Kunsill, T‑735/14 u T‑799/14, EU:T:2018:548, punt 171; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 202).

94

Mill-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2022/1909 jirriżulta li “[l]-Unjoni tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna”. Il-premessi 3 sa 8 ta’ dik l-istess deċiżjoni jesponu l-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina u jikkonkludu li l-“Membri tal-Kunsill Ewropew ddikjaraw li ser isaħħu l-miżuri restrittivi tal-Unjoni kontra l-azzjonijiet illegali tar-Russja u jkomplu jżidu l-pressjoni fuq ir-Russja biex ittemm il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha”. Huwa ppreċiżat ukoll, fil-premessa 9 tad-Deċiżjoni 2022/1909, li, “[f]id-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni [fl-Ukraina], huwa xieraq li jiġu introdotti miżuri restrittivi ulterjuri”, fosthom il-projbizzjoni kontenzjuża, konformement mal-premessi 12 u 13 ta’ dik l-istess deċiżjoni.

95

Barra minn hekk, mill-premessa 3 tar-Regolament 2022/1904 jirriżulta li l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri restrittivi ġodda kienet tikkostitwixxi “rispons għat-tkomplija tal-aggressjoni mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna”. Il-premessa 19 ta’ dan l-istess regolament, li tirriproduċi l-premessa 13 tad-Deċiżjoni 2022/1909, sussegwentement tistabbilixxi t-tipi ta’ servizzi ta’ konsulenza legali li huma pprojbiti.

96

Il-Kunsill isostni li mill-premessi rilevanti tad-Deċiżjoni 2022/1909 u tar-Regolament 2022/1904, jirriżulta li l-projbizzjoni kontenzjuża għandha l-għan li tkompli tintensifika l-pressjoni eżerċitata fuq il-Federazzjoni Russa sabiex ittemm il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina. Sabiex tagħmel dan, il-projbizzjoni kontenzjuża hija intiża sabiex iżżid id-diffikultà għall-Gvern Russu u għall-entitajiet stabbiliti fir-Russja li jakkwistaw prodotti u servizzi jew kapital fl-Unjoni, billi ċċaħħadhom mill-għajnuna teknikolegali neċessarja għal tali tranżazzjonijiet.

97

Fil-fatt, mill-premessi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, fid-dawl tal-aggravazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, il-membri tal-Kunsill Ewropew u, sussegwentement, il-Kunsill fittxew li jżidu l-pressjoni eżerċitata fuq il-Federazzjoni Russa permezz ta’ miżuri restrittivi addizzjonali, li l-għan tagħhom kien li jikkontribwixxu sabiex tintemm il-gwerra ta’ aggressjoni mmexxija mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina. Peress li s-servizzi ta’ konsulenza legali pprovduti minn ġuristi tal-Unjoni huma element essenzjali għat-tmexxija tal-attivitajiet ekonomiċi mwettqa fl-Unjoni mill-Gvern Russu kif ukoll minn kwalunkwe entità stabbilita fir-Russja, projbizzjoni li tikkonċerna dawn is-servizzi tista’ tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ tali attivitajiet. Din ir-restrizzjoni tista’ għalhekk tillimita r-riżorsi ekonomiċi u finanzjarji tar-reġim Russu u, b’hekk, iżżid l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li huma intiżi sabiex idgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

98

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-projbizzjoni kontenzjuża hija akkumpanjata minn dispożizzjonijiet ta’ eċċezzjoni u dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni, li jippermettu li jiġi mmitigat l-impatt tagħha f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni kemm ratione materiae kif ukoll ratione personae tagħha.

99

Fil-fatt, qabelxejn, id-dispożizzjonijiet ta’ deroga jillimitaw il-portata tal-projbizzjoni ġenerali fuq il-forniment ta’ servizzi ta’ konsulenza legali, billi jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha, b’mod partikolari, is-servizzi ta’ konsulenza legali pprovduti b’rabta ma’ proċedura ġudizzjarja, amministrattiva jew ta’ arbitraġġ. Għalhekk, jibqgħu suġġetti għal din il-projbizzjoni biss il-pariri legali f’materji mhux kontenzjużi.

100

Sussegwentement, minn naħa, l-Artikolu 5n(10) tar-Regolament Nru 833/2014 jipprevedi l-possibbiltà ta’ deroga mill-projbizzjoni kontenzjuża għal ċerti servizzi ta’ konsulenza legali li, fid-dawl tal-oqsma elenkati fih, jistgħu, b’mod partikolari, jirriżultaw li huma neċessarji jew utli għall-Unjoni u li huma konsistenti mal-iskopijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni sa fejn huma kkonċernati setturi mhux koperti mill-miżuri restrittivi settorjali.

101

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 12b(2a) tar-Regolament Nru 833/2014 jipprevedi wkoll il-possibbiltà ta’ deroga mill-projbizzjoni kontenzjuża għal ċerti servizzi ta’ konsulenza legali, meta dawn ikunu strettament neċessarji għat-trasferiment ta’ assi fir-Russja jew għal-likwidazzjoni ta’ attivitajiet fir-Russja, sakemm jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm din l-eżenzjoni kienet limitata ratione temporis (inizjalment sal‑31 ta’ Diċembru 2023), hija kienet is-suġġett ta’ proroga sal‑31 ta’ Marzu 2024, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1214 tat‑23 ta’ Ġunju 2023 li jemenda r-Regolament Nru 833/2014 (ĠU 2023, L 159 I, p. 1), imbagħad sal‑31 ta’ Lulju 2024, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/2878 tat‑18 ta’ Diċembru 2023 li jemenda r-Regolament Nru 833/2014 (ĠU L, 2023/2878).

102

Fl-aħħar nett, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-projbizzjoni kontenzjuża huwa, min-naħa tiegħu, limitat ukoll. Fil-fatt, dan jikkonċerna biss is-servizzi legali pprovduti lill-Gvern Russu u lil persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi stabbiliti fir-Russja. B’hekk, il-pariri legali pprovduti lil persuni fiżiċi, b’mod partikolari, ma jaqgħux fil-portata tal-imsemmija projbizzjoni.

103

Għaldaqstant, il-projbizzjoni kontenzjuża tissodisfa b’mod xieraq u konsistenti l-għan li tkompli tintensifika l-pressjoni eżerċitata fuq il-Federazzjoni Russa sabiex ittemm il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina. Id-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni, sa fejn jippermettu t-tneħħija tal-projbizzjoni kontenzjuża f’sitwazzjonijiet preċiżament identifikati, ifittxu huma stess dan l-għan ta’ interess ġenerali.

104

Fir-raba’ lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-indħil fid-dritt fundamentali għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom li tista’ tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni huwiex limitat għal dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mir-Regolamenti 2022/1904, 2022/2474 u 2023/427.

105

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni huma intiżi sabiex ineħħu l-projbizzjoni kontenzjuża għal raġunijiet politiċi, umanitarji, strateġiċi u ekonomiċi, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-Unjoni, kif ġie espost, b’mod partikolari, fil-punt 100 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, dawn id-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni jirrestrinġu l-portata tal-projbizzjoni kontenzjuża, kif jirriżulta mill-punti 100 u 101 iktar ’il fuq, u għalhekk jippermettu li tiġi żgurata l-proporzjonalità tagħhom. Barra minn hekk, huwa minnu li dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn inaqqsu s-severità tal-projbizzjoni kontenzjuża, jistgħu jaffettwaw it-twettiq tal-għan leġittimu globali mfittex mill-imsemmija projbizzjoni, li jikkonsisti fil-limitazzjoni tar-riżorsi ekonomiċi u finanzjarji tar-reġim Russu, sabiex dan tal-aħħar iwaqqaf il-gwerra ta’ aggressjoni tiegħu kontra l-Ukraina. Din hija r-raġuni għaliex huwa ġġustifikat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jneħħu l-projbizzjoni kontenzjuża biss wara li jkunu stabbilixxew li dan huwa neċessarju u bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-kundizzjonijiet elenkati fid-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni.

106

Id-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni jistgħu għalhekk jitqiesu li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu b’mod effettiv l-għanijiet tal-projbizzjoni kontenzjuża filwaqt li tiġi ggarantita l-proporzjonalità tagħha.

107

It-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-projbizzjoni kontenzjuża tikkostitwixxi ndħil fl-Artikolu 7 tal-Karta, ma hijiex, għalhekk, fi kwalunkwe każ, fondata. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

2.   Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq indħil fl‑indipendenza tal‑avukat u fil‑valuri tal‑Istat tad‑dritt kif ukoll fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità

108

It-tieni motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

a)   Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq indħil fl‑indipendenza tal‑avukat u fil‑valuri tal‑Istat tad‑dritt

109

L-ewwel parti tat-tieni motiv tinkludi żewġ ilmenti. Permezz ta’ dawn iż-żewġ ilmenti, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tistħarreġ il-legalità tal-projbizzjoni kontenzjuża fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE.

110

Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika tal-Estonja, mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, iqis li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-valuri tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu 2 TUE huwa inammissibbli, għaliex ma huwiex issostanzjat biżżejjed.

111

Għaldaqstant, qabelxejn, għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentata mill-Kunsill, imbagħad għandu jiġi analizzat l-ilment ibbażat fuq indħil fl-indipendenza tal-avukat u, fl-aħħar nett, għandu jiġi analizzat l-ilment ibbażat fuq indħil fil-valuri tal-Istat tad-dritt.

1) Fuq l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l‑Artikolu 76 tar‑Regoli tal‑Proċedura

112

Skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jinkludi, b’mod partikolari, espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, din l-espożizzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ma tkun meħtieġa informazzjoni oħra. Fil-fatt, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas sommarjament, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mill-kliem stess użat fir-rikors, u dan sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Dejjem skont ġurisprudenza stabbilita, kwalunkwe motiv li ma jkunx artikolat biżżejjed fir-rikors promotur għandu jitqies inammissibbli. Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta jiġi invokat ilment insostenn ta’ motiv (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Kampete vs Il‑Kummissjoni, T‑164/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:54, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113

F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu, filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB u tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ħarsien tar-rwol fundamentali tal-avukat, jiġifieri li jiddefendi lill-partijiet f’kawża, huwa neċessarju għall-promozzjoni, fi ħdan l-Unjoni, tal-valuri fundamentali elenkati fl-Artikolu 2 TUE, bħad-demokrazija, l-Istat tad-dritt jew anki d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll għall-garanzija tad-drittijiet fundamentali minquxa fl-Artikoli 7 u 47 tal-Karta.

114

L-indħil fl-indipendenza tal-avukat jirriżulta b’mod iktar partikolari mill-fatt li l-projbizzjoni kontenzjuża, permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni tagħha, tirrestrinġi l-possibbiltà għall-avukati li jaċċettaw u mbagħad iwettqu l-mandati tagħhom. F’dan ir-rigward, il-projbizzjoni kontenzjuża tippreġudika l-missjoni fundamentali tal-avukat u, għaldaqstant, il-valuri fundamentali elenkati fl-Artikolu 2 TUE.

115

Ir-rikorrenti jsostnu għalhekk li l-projbizzjoni kontenzjuża, sa fejn tirrestrinġi bħala prinċipju l-forniment mill-avukati ta’ servizzi ta’ konsulenza legali, tista’ tikser il-valuri fundamentali elenkati fl-Artikolu 2 TUE.

116

Minn dan isegwi li r-rikorrenti ppreżentaw b’mod koerenti u li jinftiehem, anki jekk fil-qosor, fir-rikors, il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huma jibbażaw ruħhom.

117

Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura għandha tiġi miċħuda.

2) Fuq l‑ewwel ilment, ibbażat fuq indħil fl‑indipendenza tal‑avukat

118

Ir-rikorrenti, sostnuti mill-Bundesrechtsanwaltskammer u mill-Ordre des avocats de Genève, jargumentaw li l-obbligu li tintalab awtorizzazzjoni sabiex jiġu pprovduti servizzi ta’ konsulenza legali jikkostitwixxi ndħil fl-indipendenza tal-avukat, li hija neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-valuri tal-Unjoni, minquxa fl-Artikolu 2 TUE, bħad-demokrazija, l-Istat tad-dritt jew id-drittijiet tal-bniedem. L-indipendenza tal-avukat hija għalhekk neċessarja sabiex jiġi ggarantit l-Istat tad-dritt.

119

Id-dispożizzjonijiet kontenzjużi jippreġudikaw l-indipendenza tal-avukati, kemm fir-rigward tal-awtorità pubblika kif ukoll fir-rigward tal-klijenti tagħhom u jipprekluduhom milli jwettqu d-dmir tagħhom ta’ lealtà fil-konfront tagħhom. L-eċċezzjonijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet huma limitati u jkopru biss parti mis-servizzi ta’ konsulenza legali. Ir-rikorrenti jfakkru li l-Kodiċi tal-Etika tal-Avukati Ewropej imfassal mill-Kunsill tal-Għaqdiet Ewropej tal-Avukati jipprekludi li terz, a fortiori awtorità pubblika, jinfluwenza l-proċess ta’ aċċettazzjoni u t-tmexxija tal-mandati tal-avukat.

120

Ir-rikorrenti jenfasizzaw ukoll li l-awtoritajiet għandhom l-obbligu li ma jadottawx miżuri li jpoġġu f’perikolu l-indipendenza tal-avukati. Il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali jew Ewropej jistgħu jillimitaw l-oqsma li fihom l-avukati jistgħu jintervjenu u l-persuni li jistgħu jagħtu pariri jikkostitwixxi ndħil fl-indipendenza tal-avukati, u mhux biss fil-libertà tagħhom li jipprovdu ċerti servizzi.

121

L-Ordre des avocats de Genève żżid tgħid li l-indipendenza tal-avukati mill-awtorità pubblika, mit-terzi u mill-klijenti tagħhom hija protetta mill-Artikolu 47 tal-Karta u mill-Artikolu 2 TUE. Il-projbizzjoni kontenzjuża tippreġudika din il-projbizzjoni b’mod li ma huwiex iġġustifikat, anki jekk l-avukat għandu jkun jista’ jagħżel liberament jekk imexxix każ jew le, b’tali mod li ma jirrestrinġix il-kapaċità ta’ kull persuna li tinvoka d-drittijiet tagħha.

122

Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika tal-Estonja, mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jiċħad kull indħil fl-indipendenza tal-avukat.

123

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li mill-Artikolu 2 TUE jirriżulta li l-Unjoni hija bbażata fuq valuri, bħall-Istat tad-dritt, li huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà kkaratterizzata, b’mod partikolari, mill-ġustizzja (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika,C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 62). Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu ġew miksura għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, peress li stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż li jiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni huwa inerenti għall-eżistenza ta’ Stat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft,C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-avukat huwa awżiljarju tal-ġustizzja li jagħti l-assistenza legali li l-klijenti tiegħu għandhom bżonn b’indipendenza sħiħa. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ir-rwol tal-avukati, li huma mitluba jipprovdu, b’indipendenza sħiħa, u fl-interess superjuri tal-ġustizzja, l-assistenza legali li l-klijent ikollu bżonn (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il‑Kummissjoni, 155/79, EU:C:1982:157, punt 24). Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza wkoll li l-funzjoni fundamentali tal-avukat timplika, minn naħa, ir-rekwiżit, li l-importanza tiegħu hija rrikonoxxuta fl-Istati Membri kollha, li kull individwu għandu jkollu l-possibbiltà li jikkonsulta bil-libertà kollha l-avukat tiegħu, li l-professjoni stess tiegħu tinkludi, fl-essenza tagħha, il-kompitu li jagħti, b’mod indipendenti, pariri legali lil dawk kollha li jeħtiġuhom u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit korrelattiv ta’ lealtà min-naħa tal-avukat fil-konfront tal-klijent tiegħu (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 28).

125

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-indipendenza tal-avukat għandha importanza partikolari, għall-finijiet tal-protezzjoni tad-dritt tal-klijent tiegħu għal rimedju effettiv, billi tissuġġetta l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati minn individwi għall-osservanza tar-rekwiżit li r-rikorrent għandu jkun irrappreżentat minn terz indipendenti. L-għan tal-funzjoni ta’ rappreżentanza minn avukat, imsemmija fl-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jikkonsisti, fil-fatt, fuq kollox f’li jiġu żgurati l-protezzjoni u d-difiża tal-interessi tal-klijent, fl-osservanza tal-liġi u tar-regoli professjonali u tal-etika applikabbli. Ir-rekwiżit tal-indipendenza huwa ddefinit mhux biss b’mod negattiv, jiġifieri permezz tal-assenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg, iżda wkoll b’mod pożittiv, jiġifieri b’riferiment għad-dixxiplina professjonali. Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, l-indipendenza għandha tinftiehem bħala l-assenza mhux ta’ kwalunkwe rabta tal-avukat mal-klijent tiegħu, iżda biss ta’ dawk li jippreġudikaw manifestament il-kapaċità tiegħu li jiżgura l-funzjoni ta’ difiża tiegħu billi jservi bl-aħjar mod l-interessi tal-klijent tiegħu, fl-osservanza tal-liġi u tar-regoli professjonali u tal-etika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, PJ u PC vs EUIPO, C‑529/18 P u C‑531/18 P, EU:C:2022:218, punti 65, 66 u 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). Id-dritt tal-parti fil-kawża li tibbenefika minn pariri legali mogħtija b’indipendenza sħiħa minn avukat huwa għalhekk inerenti għad-dritt għal rimedju effettiv.

126

Fl-aħħar nett, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98), il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li nnotat li ma hemmx regoli tal-Unjoni dwar l-indipendenza tal-avukati, irreferiet għall-qafas ġuridiku nazzjonali applikabbli, jiġifieri s-Samenwerkingsverordening 1993 (ir-Regolament dwar il-Kollaborazzjoni tal‑1993), adottat min-Nederlandse Orde van Advocaten (il-Kamra tal-Avukati tal-Pajjiżi l-Baxxi), sabiex tiddetermina l-limiti tal-indipendenza tal-avukati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punti 99 sa 102).

127

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minkejja l-ineżistenza ta’ regola fid-dritt primarju li tistabbilixxi u tiddefinixxi l-indipendenza tal-avukat, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-importanza ta’ tali indipendenza sabiex jiġi ggarantit id-dritt tal-partijiet fil-kawża għal rimedju effettiv, f’kuntesti li jinkludu rabta ma’ proċedura ġudizzjarja.

128

Huwa minnu li, mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Etika tal-Avukati Ewropej invokati mir-rikorrenti, li jgħidu li l-indipendenza tal-avukat “hija neċessarja għall-attività ġuridika u ġudizzjarja” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jirriżulta li l-indipendenza tista’ testendi wkoll għall-attivitajiet ta’ konsulenza legali li ma għandhom l-ebda rabta ma’ proċedura ġudizzjarja.

129

Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Etika tal-Avukati Ewropej ma jikkostitwixxux regoli tad-dritt tal-Unjoni u ma jistgħux jikkostitwixxu bażi legali li fuqha jiġi bbażat ir-rikonoxximent tal-indipendenza tal-avukat fil-livell tal-Unjoni. Minbarra dan, dawn id-dispożizzjonijiet ma jbiddlux il-libertà ta’ kull Stat Membru li jirregola l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat fit-territorju tiegħu. Ir-regoli applikabbli għal din il-professjoni jistgħu, minħabba f’hekk, ivarjaw sostanzjalment minn Stat Membru għal ieħor (sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 99). Barra minn hekk, huwa paċifiku li r-rikorrenti ma semmewx il-kunċett speċifiku tal-indipendenza tal-avukat fil-Belġju. Fi kwalunkwe każ, mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Etika tal-Avukati Ewropej jirriżulta li l-indipendenza li hija difiża fi kwistjonijiet legali hija intiża sabiex tiżgura li l-avukat jagħti parir sinċier lill-klijent tiegħu, lil hinn minn kull interess personali u fl-assenza ta’ kull pressjoni esterna. Dawn id-dispożizzjonijiet għalhekk jirrigwardaw il-mod li bih l-avukat għandu jeżerċita l-attività tiegħu ta’ konsulenza. Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Etika tal-Avukati Ewropej ma humiex, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw li l-indipendenza tal-avukat, irrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala neċessarja għall-protezzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv, tkun tista’ tiggarantixxi lill-avukati libertà totali fl-għażla tal-mandat tagħhom fl-oqsma kollha tal-konsulenza legali.

130

F’dan il-każ, mill-analiżi tal-ewwel parti tal-ewwel motiv jirriżulta li l-projbizzjoni kontenzjuża ma tapplikax għas-servizzi ta’ konsulenza legali pprovduti minn avukat u li għandhom rabta ma’ proċedura ġudizzjarja u li għalhekk ma tinvolvi l-ebda ndħil fid-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta.

131

Għalhekk, ma huwiex stabbilit li l-projbizzjoni kontenzjuża tista’ twassal għal indħil fl-indipendenza tal-avukat, kif irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-protezzjoni ta’ dan id-dritt.

132

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-indipendenza tal-avukat, bl-istess mod bħall-protezzjoni tas-sigriet professjonali li tirriżulta mill-Artikolu 7 tal-Karta, għandha tiġi rrikonoxxuta wkoll barra minn kuntest kontenzjuż u jiġi kkonstatat li kien hemm indħil f’din l-indipendenza, għandu jitfakkar li tali indipendenza ma timplikax li l-professjoni ta’ avukat ma tistax tkun suġġetta għal limitazzjonijiet. Din l-indipendenza tista’, fil-fatt, tkun suġġetta għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni, bil-kundizzjoni li tali restrizzjonijiet ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-proprja essenza tal-indipendenza tal-avukati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft,C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 148).

133

Issa, minn naħa, mill-punti 94 sa 103 iktar ’il fuq jirriżulta li l-projbizzjoni kontenzjuża, kif iddelimitata, b’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni, tfittex għanijiet ta’ interess ġenerali.

134

Min-naħa l-oħra, għalkemm id-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti l-possibbiltà li jneħħu l-projbizzjoni kontenzjuża fir-rigward ta’ ċerti servizzi ta’ konsulenza legali, dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettux lill-awtoritajiet kompetenti jkollhom influwenza fuq il-kontenut stess tal-konsulenza li tista’, jekk ikun il-każ, tiġi pprovduta mill-avukat lill-Gvern Russu jew lil entità stabbilita fir-Russja kkonċernata. L-istess japplika fir-rigward tal-projbizzjoni kontenzjuża stess. Fil-każ fejn l-avukat jibbenefika minn eżenzjoni, jew saħansitra minn eċċezzjoni, huwa jibqa’ liberu fl-eżerċizzju tal-attività tiegħu ta’ konsulenza mal-klijent tiegħu. Għalhekk, il-projbizzjoni kontenzjuża u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni ma jikkostitwixxux intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-proprja essenza tal-indipendenza tal-avukati.

135

Għaldaqstant, anki jekk jitqies li hemm indħil fl-indipendenza tal-avukati, dan huwa ġġustifikat u proporzjonat.

136

Konsegwentement, l-ewwel ilment tal-ewwel parti tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

3) Fuq it‑tieni lment, ibbażat fuq l‑indħil fil‑valuri tal‑Istat tad‑dritt

137

Ir-rikorrenti, sostnuti mill-Bundesrechtsanwaltskammer u mill-Ordre des avocats de Genève, isostnu li l-ħarsien tal-funzjoni tal-avukati huwa neċessarju għall-promozzjoni tal-valuri fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE. Il-projbizzjoni kontenzjuża għalhekk tippreġudika l-Istat tad-dritt, li jinkludi diversi prinċipji, inkluż il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ aċċess għall-ġustizzja u ta’ ġustizzja, kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. L-aċċess għall-pariri legali mogħtija minn avukat, inkluż f’materji mhux kontenzjużi, jippermetti li tiġi ggarantita l-osservanza tal-Istat tad-dritt, kif jikkonfermaw ukoll diversi dokumenti ta’ natura politika u legali. Dan il-preġudizzju għall-Istat tad-dritt huwa manifestament sproporzjonat u interpretazzjoni tal-projbizzjoni kontenzjuża konformi mar-regoli superjuri ma hijiex possibbli.

138

Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika tal-Estonja, mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jikkontesta l-pożizzjoni tar-rikorrenti. B’mod partikolari, il-Kunsill iqis li l-elementi miżjuda mir-rikorrenti fl-istadju tar-replika jmorru lil hinn mill-kuntest tas-sempliċi estensjoni u huma għalhekk inammissibbli skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura.

139

Għandhom jiġu mistħarrġa suċċessivament l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill u l-fondatezza tat-tieni lment tal-ewwel parti tat-tieni motiv tar-rikorrenti.

i) Fuq l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l‑Artikolu 84 tar‑Regoli tal‑Proċedura

140

Skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul l-istanza, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

141

F’dan il-każ, sa mill-istadju tar-rikors, ir-rikorrenti sostnew li l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni legali ta’ persuna, li kienet tippermetti l-għoti ta’ pariri legali, kienet attività essenzjali fi Stat tad-dritt. L-għoti ta’ dawn il-pariri mill-avukat huwa għalhekk iggarantit mill-Artikoli 7 u 47 tal-Karta u jikkostitwixxi wkoll valur komuni għall-Istati Membri kollha.

142

Ir-rikorrenti sussegwentement irrilevaw, fir-replika, li l-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” kien jinkludi b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ aċċess għall-ġustizzja u ta’ ġustizzja, kif kien enfasizza l-Kunsill stess fir-risposta tiegħu. Huma fakkru wkoll, b’kontinwità mar-rikors tagħhom, li l-Artikolu 2 TUE kien jistabbilixxi d-drittijiet tal-bniedem.

143

Konsegwentement, ir-rikorrenti enfasizzaw li l-aċċess għall-pariri legali tal-avukat, limitat mill-projbizzjoni kontenzjuża, kien neċessarju sabiex jiġi żgurat ir-rispett ta’ kull wieħed mid-drittijiet u mill-prinċipji msemmija iktar ’il fuq. L-aċċess għall-pariri legali tal-avukat huwa għalhekk meħtieġ sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-Istat tad-dritt.

144

Minħabba dan il-fatt, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-replika jikkostitwixxu amplifikazzjoni ta’ motivi u ta’ lmenti li jinsabu fir-rikors u għalhekk huma ammissibbli.

145

Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

ii) Fuq l‑indħil fil‑valuri tal‑Istat tad‑dritt

146

Il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-prinċipju li l-Unjoni hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-valur tal-Istat tad-dritt jirriżulta kemm mill-Artikolu 2 TUE, li jinsab fid-dispożizzjonijiet komuni tat-Trattat UE, kif ukoll mill-Artikolu 21 TUE, dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni, li għalih jirreferi l-Artikolu 23 TUE, dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza għal Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 49).

147

Kif ġie mfakkar fil-punti 40 u 41 iktar ’il fuq, id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq minqux fl-Artikolu 47 tal-Karta għandu importanza kardinali bħala garanti tal-valur tal-Istat tad-dritt, li jeżiġi aċċess liberu għad-dritt tal-Unjoni għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha tal-Unjoni kif ukoll il-possibbiltà, għall-partijiet f’kawża, li jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

148

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li kienet teżisti lista mhux eżawrjenti tal-prinċipji u tar-regoli li setgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “Stat tad-dritt”. Dawn jinkludu, inter alia, il-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali, id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, inkluż ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Klyuyev vs Il‑Kunsill, T‑340/14, EU:T:2016:496, punt 88).

149

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti ma jallegawx ksur tal-Istat tad-dritt ikkunsidrat bħala tali, iżda tal-valuri li jikkostitwixxuh u li jsibu l-espressjoni legali tagħhom fil-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni.

150

Permezz tal-ewwel argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-possibbiltà għal kull persuna li taċċedi liberament għall-pariri legali ta’ avukat, kemm f’materja kontenzjuża kif ukoll f’materja mhux kontenzjuża, hija ggarantita abbażi tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

151

Dan il-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġ, b’mod partikolari, li leġiżlazzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex il-partijiet fil-kawża jkunu jistgħu jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jiddeċiedu konsegwentement (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft,C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 161).

152

Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrigwarda għalhekk il-karatteristiċi li għandhom intrinsikament ikollhom id-dispożizzjonijiet legali. Kif jindika ġustament il-Kunsill, dan il-prinċipju ma jikkonsistix, madankollu, f’li tiġi ggarantita lill-avukati jew lil professjonisti legali oħra l-possibbiltà li jagħtu pariri dwar il-mod kif dawn ir-regoli għandhom jinftiehmu.

153

Għaldaqstant, l-ewwel argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

154

Permezz tat-tieni argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-possibbiltà għal kull persuna li taċċedi liberament għall-pariri legali ta’ avukat, kemm f’materja kontenzjuża kif ukoll f’materja mhux kontenzjuża, tippermetti li jiġi żgurat l-aċċess għall-ġustizzja.

155

Kif jirrileva l-Kunsill, id-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja huwa ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta. Kif jirriżulta mit-tweġiba għall-ewwel parti tal-ewwel motiv, id-dritt ta’ aċċess għal avukat huwa rrikonoxxut biss meta dan jinvolvi rabta ma’ proċedura ġudizzjarja, għall-finijiet taż-żamma tal-garanziji li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta. Issa, f’dan il-każ, skont l-interpretazzjoni mfakkra fil-punti 51 u 60 sa 63 iktar ’il fuq, il-projbizzjoni kontenzjuża ma tapplikax preċiżament għas-servizzi ta’ konsulenza legali li għandhom tali rabta.

156

Barra minn hekk, kif ġie indikat fit-tweġiba għall-ewwel motiv, ebda regola tad-dritt tal-Unjoni, inkluż l-Artikolu 2 TUE, ma tistabbilixxi dritt fundamentali għall-konsultazzjoni ta’ avukat f’qasam mhux kontenzjuż.

157

Konsegwentement, it-tieni argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

158

Permezz tat-tielet argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-possibbiltà għal kull persuna li taċċedi liberament għall-pariri legali ta’ avukat, kemm f’materja kontenzjuża kif ukoll f’materja mhux kontenzjuża, tiżgura f’soċjetà r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta.

159

Għandu jiġi kkonstatat li minbarra d-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, ir-rikorrenti ma jidentifikawx drittijiet oħra li huma affettwati mill-projbizzjoni kontenzjuża u mid-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni. Issa, kif ġie ppreċiżat fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni parti tal-ewwel motiv, din il-projbizzjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni, ma twassalx għal indħil fid-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta.

160

Għaldaqstant, it-tielet argument tar-rikorrenti ma huwiex fondat.

161

Permezz tar-raba’ argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-forniment ta’ servizzi ta’ konsulenza legali f’materji mhux kontenzjużi jagħmel parti mill-attività essenzjali tal-avukat, protetta mill-valuri tal-Istat tad-dritt.

162

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jew tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi dedott li l-Artikoli 7 u 47 tal-Karta, meħuda waħedhom jew flimkien, jagħtu dritt, f’materji mhux kontenzjużi, li wieħed jibbenefika mill-pariri ta’ avukat, kif jirriżulta mill-punti 52 sa 63 iktar ’il fuq. Id-dritt li wieħed jibbenefika mill-pariri ta’ avukat, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, japplika biss bil-kundizzjoni li tkun teżisti rabta ma’ proċedura ġudizzjarja.

163

Barra minn hekk, il-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza legali minn avukat f’materji mhux kontenzjużi ma hijiex iggarantita mill-Artikolu 2 TUE u, lanqas b’mod iktar wiesa’, mid-dritt tal-Unjoni.

164

Għaldaqstant, ir-raba’ argument tar-rikorrenti ma huwiex fondat.

165

Permezz tal-ħames argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-projbizzjoni kontenzjuża ma tistax tiġi interpretata f’sens li huwa kompatibbli mal-Istat tad-dritt. Din tikkonsisti, fil-fatt, fi projbizzjoni pura u sempliċi milli jiġu pprovduti servizzi ta’ konsulenza legali, li hija inkompatibbli mal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ aċċess għall-ġustizzja, ta’ ġustizzja u ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

166

Madankollu, konformement ma’ dak li jsostni l-Kunsill, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni kontenzjuża huwa limitat. Din il-projbizzjoni kienet limitata minn dispożizzjonijiet ta’ eċċezzjoni kif ukoll minn dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni. Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, bi tweġiba għall-ewwel motiv, li l-projbizzjoni kontenzjuża ma kinitx tinvolvi ndħil fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 47 tal-Karta u li, fl-ipoteżi li hija tagħmel dan fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-Karta, dan l-indħil ma kienx jikser l-Artikolu 52(1) tal-Karta. Għaldaqstant, għall-istess raġunijiet, il-projbizzjoni kontenzjuża lanqas ma tippreġudika l-prinċipji ta’ aċċess għall-ġustizzja, ta’ ġustizzja u ta’ rispett għad-drittijiet fundamentali, kif invokati mir-rikorrenti. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ineffettiv.

167

Il-ħames argument tar-rikorrenti għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

168

Permezz tas-sitt u l-aħħar argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-allegat preġudizzju għall-valuri tal-Istat tad-dritt jikkostitwixxi miżura manifestament mhux xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill.

169

Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma ġie stabbilit ebda ksur tal-valuri tal-Istat tad-dritt.

170

Għaldaqstant is-sitt argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

171

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni lment tal-ewwel parti tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

b)   Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità

172

Ir-rikorrenti, sostnuti mill-Bundesrechtsanwaltskammer u mill-Ordre des avocats de Genève, isostnu, sussidjarjament, li r-Regolamenti 2022/1904, 2022/2474 u 2023/427 jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, minqux fl-Artikolu 5 TUE. Fil-fatt, l-introduzzjoni ta’ sistema ġenerali ta’ projbizzjoni fuq il-forniment ta’ servizzi ta’ konsulenza legali ma hijiex xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija u tmur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

173

Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika tal-Estonja, mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

174

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu kapaċi jilħqu l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il‑Kunsill, C‑380/09 P, EU:C:2012:137, punt 52).

175

Għandu jitfakkar ukoll li, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni f’oqsma li jinvolvu, min-naħa ta’ dan tal-aħħar, għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom dan jintalab iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, fid-dawl tal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft,C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 146, u tal‑15 ta’ Frar 2023, Belaeronavigatsia vs Il‑Kunsill, T‑536/21, EU:T:2023:66, punt 68).

176

Kif ġie ppreċiżat fil-punti 93 sa 103 iktar ’il fuq, il-projbizzjoni kontenzjuża tissodisfa b’mod xieraq u konsistenti l-għan li tkompli tintensifika l-pressjoni eżerċitata fuq il-Federazzjoni Russa sabiex ittemm il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina u ma tistax, fi kwalunkwe każ, titqies li hija manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-imsemmi għan. Għal din ir-raġuni biss, għandu jiġi konkluż li l-projbizzjoni kontenzjuża ma tiksirx l-Artikolu 5 TUE.

177

Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li r-rikorrenti jinvokaw, permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv, preġudizzju sproporzjonat għall-funzjoni fundamentali tal-avukat fl-osservanza u għad-difiża tal-Istat tad-dritt, għandu jiġi rrilevat li din il-funzjoni ma hijiex eżentata minn limitazzjonijiet u tista’ tkun suġġetta għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni, bil-kundizzjoni li tali restrizzjonijiet ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-proprja essenza tar-rwol fdat lill-avukati fi Stat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft,C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 148).

178

Peress li r-rikorrenti ma wrewx l-eżistenza ta’ ndħil la fl-indipendenza tal-avukat kif irrikonoxxuta għall-finijiet tad-dritt għal rimedju effettiv u lanqas fil-valuri tal-Istat tad-dritt, lanqas ma huwa stabbilit li l-projbizzjoni kontenzjuża tippreġudika l-proprja essenza tar-rwol li l-avukati jaqdu fi Stat tad-dritt.

179

Konsegwentement, it-tieni parti tat-tieni motiv hija infondata u għandha tiġi miċħuda.

3.   Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq il‑ksur tal‑prinċipju ta’ ċertezza legali

180

Ir-rikorrenti, sostnuti mill-Bundesrechtsanwaltskammer u mill-Ordre des avocats de Genève, isostnu li d-dispożizzjonijiet li jintroduċu l-projbizzjoni kontenzjuża jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Dawn la huma ċari u lanqas preċiżi u ma jippermettu l-ebda prevedibbiltà fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom.

181

L-ewwel nett, il-qari flimkien tal-premessa 19 tar-Regolament 2022/1904 u tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 5 u 6 tal-Artikolu 5n tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat, ma jippermettix li jinftiehem liema servizzi huma esklużi mill-projbizzjoni kontenzjuża.

182

It-tieni nett, l-eċċezzjoni marbuta mal-kompatibbiltà mal-għanijiet tar-Regolamenti 2022/2474 u 2023/427 u tar-Regolament Nru 269/2014, prevista mill-Artikolu 5n(6) tar-Regolament Nru 833/2014 ma hijiex suffiċjentement delimitata, peress li dawn ir-regolamenti ma jiddefinixxux liema huma l-għanijiet tagħhom.

183

It-tielet nett, il-kunċett ta’ “kontroll esklużiv jew konġunt” minn persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit jew ikkostitwit skont id-dritt ta’ Stat Membru, ta’ pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, tal-Isvizzera jew ta’ pajjiż sieħeb, użat fl-Artikolu 5n(7) tar-Regolament Nru 833/2014 huwa inkomprensibbli.

184

Ir-raba’ nett, il-formulazzjoni tal-projbizzjoni kontenzjuża ma tippermettix li wieħed jifhem jekk humiex ipprojbiti jew le attivitajiet bħas-servizzi ta’ rappreżentanza legali fil-kuntest ta’ proċeduri prekontenzjużi, bħas-servizzi li jikkonċernaw it-trasferiment jew bħal-likwidazzjoni ta’ investimenti ta’ impriżi eżistenti fir-Russja, l-abbozzar ta’ nota ta’ trasferiment ta’ azzjonijiet li tikkonċerna l-akkwist minn entità tal-Unjoni tal-azzjonijiet tagħha stess mingħand azzjonisti Russi, is-segwitu għal konsultazzjoni abbażi ta’ ftehim konkluż qabel is‑7 ta’ Ottubru 2022 jew inkella li jitkellmu waqt konferenza dwar kwistjonijiet legali, jew l-organizzazzjoni ta’ tali konferenza meta l-parteċipanti jkunu impjegati ta’ entità stabbilita fir-Russja.

185

Ir-rikorrenti jżidu li l-Kunsill għamel adattamenti u preċiżazzjonijiet tal-portata tad-dispożizzjonijiet li jintroduċu l-projbizzjoni kontenzjuża, li madankollu ma rrimedjawx il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Dawn huma preċiżazzjonijiet li saru wara l-adozzjoni tal-projbizzjoni kontenzjuża, li fil-biċċa l-kbira tagħhom ma humiex pubbliċi, filwaqt li l-kunċett ta’ “servizzi ta’ konsulenza legali f’materji mhux kontenzjużi”, li huma pprojbiti, għadu ma ġiex iddefinit b’mod ċar.

186

Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika tal-Estonja, mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

187

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi ta’ preġudizzju fuq l-individwi u l-impriżi. Sanzjoni, anki jekk ma tkunx ta’ natura kriminali, tista’ tiġi imposta biss jekk tkun ibbażata fuq bażi legali ċara u mhux ambigwa. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jimplika, b’mod partikolari, li kull leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari meta timponi jew tippermetti li jiġu imposti sanzjonijiet, għandha tkun ċara u preċiża, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnha u jimxu skont dan it-tagħrif (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, T‑578/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:678, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

188

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-eżistenza ta’ termini vagi f’dispożizzjoni ma twassalx neċessarjament għal ksur tal-Artikolu 7 tal-KEDB u li l-fatt li liġi tagħti setgħa ta’ evalwazzjoni fih innifsu ma jiksirx ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà, sakemm il-portata u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ tali setgħa jkunu ddefiniti b’mod ċar biżżejjed, fid-dawl tal-għan leġittimu inkwistjoni, sabiex l-individwu jingħata protezzjoni adegwata kontra l-arbitrarjetà. F’dan ir-rigward, minbarra t-test tal-liġi nnifisha, il-ġurisprudenza tqis il-kwistjoni dwar jekk il-kunċetti mhux determinati użati ġewx iċċarati minn ġurisprudenza kostanti u ppubblikata (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2015, NIOC et vs Il‑Kunsill, T‑577/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:596, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata).

189

Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà li jakkumpanja l-prinċipju ta’ legalità tal-pieni - li jimponi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni - ma jipprekludix li l-liġi tagħti setgħa ta’ evalwazzjoni li l-portata u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tagħha jkunu ddefiniti b’mod ċar biżżejjed. Dawn il-prinċipji ġurisprudenzjali huma applikabbli wkoll fir-rigward ta’ miżuri restrittivi li, għalkemm ma humiex maħsuba bħala prinċipju sabiex jissanzjonaw ksur, madankollu jikkostitwixxu miżuri preventivi, u jaffettwaw serjament id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni kkonċernati (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2015, NIOC et vs Il‑Kunsill, T‑577/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:596, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

190

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

191

Permezz tal-ewwel argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-formulazzjoni tal-premessa 19 tar-Regolament 2022/1904 u tad-dispożizzjonijiet dwar il-projbizzjoni kontenzjuża ma tippermettix li jiġu identifikati s-servizzi ta’ konsulenza legali pprojbiti.

192

Għalkemm il-premessa 19 tar-Regolament 2022/1904 sempliċement tidentifika l-kategoriji kbar ta’ servizzi ta’ konsulenza legali suġġetti għall-projbizzjoni kontenzjuża kif ukoll dawk li ma humiex suġġetti għaliha, l-Artikolu 5n(5) u (6) tar-Regolament Nru 833/2014 jiddelimita b’mod iktar preċiż il-projbizzjoni kontenzjuża.

193

Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-avukati setgħu jadottaw interpretazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, billi jastjenu milli jipprovdu l-pariri legali neċessarji għall-prevenzjoni, għall-antiċipazzjoni, jew għall-preparazzjoni ta’ proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fi kwalunkwe każ, kif ġie espost fit-tweġiba għall-ewwel motiv, il-formulazzjoni tal-Artikolu 5n tar-Regolament Nru 833/2014, b’mod partikolari tal-paragrafi 5 u 6 tiegħu, tippermetti lir-rikorrenti jiddistingwu bejn is-servizzi ta’ konsulenza legali li ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni kontenzjuża u dawk li huma koperti minnha.

194

Għaldaqstant, l-ewwel argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

195

Permezz tat-tieni argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li r-rekwiżit ta’ kompatibbiltà mal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 833/2014 u mir-Regolament Nru 269/2014, kif previst mill-Artikolu 5n(6) tar-Regolament Nru 833/2014, huwa impreċiż.

196

Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 833/2014 tiddikjara li l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi għandha twassal sabiex “jikber il-kost tal-azzjonijiet tar-Russja biex iddgħajjef l-integrità territorjali, s-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi”.

197

Barra minn hekk, il-premessa 3 tar-Regolament Nru 269/2014 tippreċiża li “s-soluzzjoni għall-kriżi għandha tinstab permezz ta’ negozjati bejn il-Gvernijiet tal-Ukraina u tal-Federazzjoni Russa […] u li fin-nuqqas ta’ riżultati f’perjodu taż-żmien limitat, l-Unjoni tiddeċiedi dwar miżuri addizzjonali, bħal projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, l-iffriżar tal-assi u t-tħassir tas-samit bejn l-UE u r-Russja”. Il-premessa 6 tfakkar li l-imsemmi Regolament “jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari [mill-Karta] u b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ ġust u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali”.

198

Ir-rekwiżit ta’ kompatibbiltà mal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 833/2014 u mir-Regolament Nru 269/2014, kif previst fl-Artikolu 5n(6) tar-Regolament Nru 833/2014, huwa għalhekk intiż li jiżgura li l-eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni ma tpoġġix f’dubju l-għan li jikkonsisti f’li tiġi eżerċitata pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa sabiex ittemm il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukraina, b’osservanza tal-prinċipji ggarantiti mill-Karta. Kif jenfasizza l-Kunsill, dan ir-rekwiżit huwa intiż sabiex jipprevjeni kull użu abbużiv tal-eċċezzjoni msemmija fil-paragrafu 6 imsemmi iktar ’il fuq u għalhekk huwa suffiċjentement espliċitu.

199

Għaldaqstant, it-tieni argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

200

Permezz tat-tielet argument tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-kunċett ta’ “kontroll” li jinsab fl-Artikolu 5n(7) tar-Regolament Nru 833/2014, li jinkludi l-kunċetti ta’ “kontroll esklużiv” u ta’ “kontroll konġunt”, fin-nuqqas ta’ definizzjoni minn dan l-istess regolament, huwa inkomprensibbli.

201

Madankollu, fil-qasam ta’ miżuri restrittivi, il-Kunsill jenfasizza ġustament li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “kumpannija setgħet tiġi kklassifikata bħala ‘kumpannija miżmuma jew ikkontrollata minn entità oħra’ meta din tal-aħħar [kienet] tinsab f’sitwazzjoni fejn [kienet] f’pożizzjoni li tinfluwenza l-għażliet tal-kumpannija ikkonċernata, u dan anki fl-assenza ta’ kwalunkwe rabta legali, ta’ proprjetà jew ta’ parteċipazzjoni fil-kapital bejn dawn iż-żewġ entitajiet ekonomiċi” (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 75).

202

Konsegwentement, it-tielet argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

203

Permezz tar-raba’ argument tagħhom, ir-rikorrenti jqisu li l-projbizzjoni kontenzjuża hija vvizzjata b’ċertu numru ta’ nuqqasijiet ta’ preċiżjoni fir-rigward tal-portata tagħha.

204

Madankollu, l-ebda waħda mill-allegati nuqqasijiet ta’ preċiżjoni ma tista’ twassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

205

Qabelxejn, kif jirriżulta mill-punt 61 iktar ’il fuq, il-formulazzjoni tal-Artikolu 5n(5) tar-Regolament Nru 833/2014 tippermetti l-forniment ta’ servizzi ta’ konsulenza legali fil-kuntest ta’ proċeduri prekontenzjużi.

206

Sussegwentement, fir-rigward tat-trasferiment ta’ investimenti jew tal-likwidazzjoni ta’ investimenti ta’ impriżi eżistenti fir-Russja, mill-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 jirriżulta li l-provvista ta’ pariri legali b’rabta ma’ tali tranżazzjonijiet hija pprojbita peress li hija intiża għall-Gvern Russu u għal entitajiet stabbiliti fir-Russja. Tali projbizzjoni tista’ titneħħa biss fil-kundizzjonijiet previsti, minn naħa, fl-Artikolu 5n(7) tar-Regolament Nru 833/2014 u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 12b(2a) ta’ dan l-istess regolament.

207

Barra minn hekk, l-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 jipprojbixxi l-provvista ta’ pariri legali dwar dokument ta’ trasferiment ta’ azzjonijiet għal u rigward l-akkwist minn entità tal-Unjoni tal-azzjonijiet tagħha stess mingħand azzjonisti Russi attwali, sa fejn dawn il-pariri huma intiżi, direttament jew indirettament, għall-Gvern Russu jew għal entitajiet stabbiliti fir-Russja. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li t-tranżazzjoni inkwistjoni, imwettqa permezz tal-imsemmija pariri legali, tista’ fl-aħħar mill-aħħar tibbenefika, b’mod indirett, lill-Gvern Russu jew lil entitajiet stabbiliti fir-Russja.

208

Minbarra dan, konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament 2022/1904, il-projbizzjoni kontenzjuża daħlet fis-seħħ mis‑7 ta’ Ottubru 2022. Minn dan isegwi li bħala prinċipju huwa pprojbit li l-avukati jipprovdu pariri legali lill-Gvern Russu jew lil entitajiet stabbiliti fir-Russja fil-kuntest tas-segwitu għal konsultazzjoni, abbażi ta’ ittra ta’ impenn jew ta’ kuntratt konkluż qabel is‑7 ta’ Ottubru 2022. Din il-projbizzjoni tista’ titneħħa biss taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 5n(4) tar-Regolament Nru 833/2014, jiġifieri għall-pariri legali li għandhom jingħataw preċiżament sabiex jiġu mitmuma, qabel id-data tat-tmiem stabbilita fihom, il-kuntratti konklużi qabel is‑7 ta’ Ottubru 2022.

209

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5n(2) tar-Regolament Nru 833/2014 jipprojbixxi l-forniment, anki jekk indirett, ta’ servizzi ta’ konsulenza legali lill-Gvern Russu jew lil entitajiet stabbiliti fir-Russja. Madankollu, din il-projbizzjoni ma tipprekludix li jitkellmu waqt konferenza li fiha jassisti impjegat tal-Gvern Russu jew ta’ entità stabbilita fir-Russja, sakemm dak id-diskors jibqa’ ġenerali u ma jammontax għall-għoti ta’ konsulenza abbażi tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali għal sitwazzjoni speċifika u ta’ natura li tiffaċilita t-teħid ta’ deċiżjoni tal-Gvern Russu, ta’ entità Russa jew ta’ kategorija ta’ entitajiet Russi partikolari.

210

Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

211

Peress li t-tliet motivi invokati mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħhom ġew miċħuda, dan tal-aħħar għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

IV. Fuq l‑ispejjeż

212

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

213

Peress li r-rikorrenti tilfu l-kawża, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll għal dawk tal-Kunsill, konformement mat-talbiet ta’ dan tal-aħħar.

214

Konformement mal-Artikolu 138(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Bundesrechtsanwaltskammer, l-Ordre des avocats de Genève, ir-Repubblika tal-Estonja, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Awla Manja)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

L-Ordre néerlandais des avocats du barreau de Bruxelles u r-rikorrenti l-oħrajn elenkati fl-anness għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

Il-Bundesrechtsanwaltskammer, l-Ordre des avocats de Genève, ir-Repubblika tal-Estonja, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

van der Woude

Papasavvas

da Silva Passos

Kornezov

Truchot

Gervasoni

Półtorak

Nihoul

Öberg

Mac Eochaidh

Pynnä

Martín y Pérez de Nanclares

Brkan

Zilgalvis

Gâlea

Mogħtija f’seduta bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑2 ta’ Ottubru 2024.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

( 1 ) Il-lista tar-rikorrenti l-oħrajn hija annessa biss mal-verżjoni kkomunikata lill-partijiet.