|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2023/1068 |
15.12.2023 |
P9_TA(2023)0198
Il-libertà tal-media u l-libertà tal-espressjoni fl-Alġerija, il-każ tal-ġurnalist Ihsane El-Kadi
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Mejju 2023 dwar il-libertà tal-media u l-libertà tal-espressjoni fl-Alġerija – il-każ tal-ġurnalist Ihsane El-Kadi (2023/2661(RSP))
(C/2023/1068)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi Ihsane El-Kadi, ġurnalist prominenti Alġerin u maniġer ta’ Interface Médias, waħda mill-aħħar intrapriżi tal-media indipendenti fl-Alġerija, li tinkludi l-mezzi ta’ komunikazzjoni online Radio M u Maghreb Emergent, ġie arrestat mingħajr mandat fil-lejl ta’ bejn it-23 u l-24 ta’ Diċembru 2022; |
|
B. |
billi fit-2 ta’ April 2023 qorti Alġerina kkundannat lil El-Kadi għal ħames snin ħabs, li minnhom tnejn ġew sospiżi, multa ta’ 700 miljun dinar Alġerin, ix-xoljiment tal-kumpanija tal-media tiegħu u l-konfiska tal-assi tagħha wara l-kundanna tiegħu fuq akkużi infondati li “rċieva fondi għal propaganda politika” u li “għamel ħsara lis-sigurtà tal-istat” skont l-Artikoli 95 u 95bis tal-Kodiċi Penali tal-Alġerija; billi s-seduta dwar l-appell tiegħu se ssir fit-tieni nofs ta’ Mejju 2023; |
|
C. |
billi mill-protesti tal-moviment Hirak tal-2019, l-awtoritajiet tal-Alġerija rażżnu b’mod sostanzjali l-libertà tal-media u l-libertà tal-espressjoni; billi l-Alġerija tinsab fil-136 post minn 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2023 ta’ Reporters Mingħajr Fruntieri, filwaqt li kienet tinsab fil-146 post fl-2020; billi mill-2019 mill-inqas 11-il ġurnalist u ħaddiem tal-media oħra ttellgħu l-qorti u ġew detenuti, inkluż Mustapha Bendjama; billi l-awtoritajiet tal-Alġerija żiedu l-imblukkar ta’ siti tal-aħbarijiet u pubblikazzjonijiet li jikkritikaw lill-gvern; |
|
1. |
Jistieden lill-awtoritajiet tal-Alġerija jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil Ihsane El-Kadi u lil dawk kollha detenuti u akkużati arbitrarjament talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni; |
|
2. |
Jistieden lill-awtoritajiet tal-Alġerija jirrispettaw u jiddefendu l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà tal-media, kif minquxa fl-Artikolu 54 tal-Kostituzzjoni tal-Alġerija, jerġgħu jiftħu l-istabbilimenti tal-media li ngħalqu u jwaqqfu l-arrest u d-detenzjoni ta’ attivisti politiċi, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u sindakalisti; jesprimi solidarjetà maċ-ċittadini Alġerini li ilhom jipprotestaw b’mod paċifiku mill-2019; |
|
3. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Alġerija jemendaw il-klawżoli relatati mas-sigurtà tal-Kodiċi Penali li jintużaw biex jikkriminalizzaw il-libertà tal-espressjoni, inklużi l-Artikoli 95bis u 196bis, u jallinjaw il-liġijiet li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Alġerija rratifikat; |
|
4. |
Ifakkar, kif miftiehem b’mod konġunt fil-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Alġerija, fl-importanza ta’ stampa pluralista biex jiġu kkonsolidati l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-media u l-libertà tal-espressjoni; |
|
5. |
Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jqajmu l-każ ta’ El-Kadi mal-awtoritajiet tal-Alġerija u jikkundannaw apertament ir-repressjoni tal-libertà tal-media; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jħeġġu lill-awtoritajiet tal-Alġerija biex jiggarantixxu li l-ġurnalisti barranin jingħataw viżi u akkreditazzjoni mingħajr dewmien żejjed u jkunu liberi li joperaw; |
|
6. |
Jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri fl-Alġerija jitolbu aċċess għall-ġurnalisti inkarċerati u josservaw il-proċessi tagħhom; |
|
7. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Alġerija, u jitlob li tiġi tradotta bl-Għarbi. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1068/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)