SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)
2 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )
“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-imballaġġi tal-metall – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni – Ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni mill-Kummissjoni fuq talba ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni – Terminu għall-assenjazzjoni mill-ġdid – Obbligu ta’ motivazzjoni – Aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta’ sussidjarjetà – Drittijiet tad-difiża – Proporzjonalità – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Kontrotalba għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-ammont tal-multa wara proċedura għar-riżolviment”
Fil-Kawża T‑587/22,
Crown Holdings, Inc., stabbilita f’Yardley, Pennsylvania (l-Istati Uniti),
Crown Cork & Seal Deutschland Holdings GmbH, stabbilita f’Seesen (il-Ġermanja),
irrappreżentati minn A. Burnside, C. Graf York von Wartenburg, A. Kidane u D. Strohl, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Ernst, A. Keidel u L. Wildpanner, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),
komposta minn A. Marcoulli, Presidenta tal-Awla, J. Schwarcz, V. Tomljenović, R. Norkus (Relatur) u W. Valasidis, Imħallfin,
Reġistratur: I. Kurme, amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tal‑20 ta’ Marzu 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza ( 1 )
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Crown Holdings, Inc. u Crown Cork & Seal Deutschland Holdings GmbH, jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2022) 4761 finali tat‑12 ta’ Lulju 2022 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (Każ AT.40522 – Imballaġġi tal-metall) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) sa fejn din tikkonċernahom. Il-Kummissjoni Ewropea fil-kontrotalba titlob iż-żieda tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq ir-rikorrenti. |
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
2 |
Ir-rikorrenti huma kumpanniji attivi fis-settur tal-imballaġġi tal-metall, inklużi laned tal-metall u qafliet metalliċi. |
|
3 |
F’Marzu 2015, il-Bundeskartellamt (l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, il-Ġermanja) fetaħ investigazzjoni fir-rigward ta’ diversi kumpanniji tas-settur, fosthom ir-rikorrenti. |
|
4 |
Wara talba għall-investigazzjoni ta’ dan il-każ imressqa mill-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, il-Kummissjoni adottat, fid‑19 ta’ April 2018, id-Deċiżjoni C (2018) 2466 finali, dwar il-ftuħ ta’ proċedimenti fil-Każ AT. 40522 – Pandora (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”). |
|
5 |
Fil‑25 ta’ April 2018, il-Kummissjoni rċeviet talba għal klemenza tar-rikorrenti. |
|
6 |
Fit‑23 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni stiednet lil dawn tal-aħħar u lill-grupp l-ieħor ikkonċernat mill-ksur sabiex jipparteċipaw f’diskussjonijiet bil-għan li jaslu għal riżolviment. |
|
7 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Ottubru 2021, il-proċedura ngħalqet fir-rigward tat-territorji kollha taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), bl-eċċezzjoni tal-Ġermanja. |
|
8 |
Ir-rikorrenti ressqu talba formali għar-riżolviment, li fiha huma, minn naħa, irrikonoxxew ir-responsabbiltà tagħhom fil-ksur u, min-naħa l-oħra, indikaw l-ammont massimu tal-multa li huma kienu qegħdin jistennew li sejjer jiġi impost fuqhom u li huma kienu sejrin jaċċettaw fil-kuntest ta’ proċedura għar-riżolviment. |
|
9 |
Fid‑19 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti li wieġbu billi kkonfermaw li l-fatti u l-evalwazzjoni ġuridika tal-ksur kif ikkunsidrati mill-Kummissjoni kienu jirriflettu l-kontenut tal-proposti tagħhom ta’ riżolviment u li huma kienu qegħdin iżommu l-impenn tagħhom li jsegwu l-proċedura għar-riżolviment. |
|
10 |
Fit‑12 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. Hija b’mod partikolari qieset li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE fis-settur tal-imballaġġi tal-metall fil-Ġermanja mill‑11 ta’ Marzu 2011 sat‑18 ta’ Settembru 2014 u kkundannathom għal multa ta’ EUR 7670000. |
|
11 |
Dan l-ammont jieħu inkunsiderazzjoni tnaqqis tal-multa ta’ 50 % mogħti lir-rikorrenti abbażi tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2006, C 298, p. 17) u ta’ 10 % abbażi tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2008, C 167, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment”). [omissis] |
III. Id‑dritt
A. Fuq it‑talba għal annullament
|
15 |
Preliminarjament, għandu, l-ewwel nett jiġi mfakkar, li l-Kummissjoni ngħatat, mill-Artikolu 105(1) TFUE, il-missjoni li tiżgura l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. |
|
16 |
Il-Kummissjoni hija għalhekk mitluba tiddefinixxi u timplimenta, skont il-ġurisprudenza, il-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2013, Vivendi vs Il-Kummissjoni, T‑432/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:538, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
17 |
Konformement ma’ dawn il-prinċipji, il-Kummissjoni ngħatat, mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), indipendentement mill-modalitajiet li bihom hija tieħu konjizzjoni tal-fajl, jiġifieri b’mod partikolari, minn jekk quddiemha jitressaqx ilment jew jekk taġixxix fuq inizjattiva tagħha stess, is-setgħa li tiddeċiedi jekk aġir kellux ikun is-suġġett ta’ proċeduri, ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur u ta’ miżura korrettiva, inkluża multa, skont il-prijoritajiet li hija tiddefinixxi fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Dan japplika wkoll fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tkun ħadet konjizzjoni tal-fajl fuq talba ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni. |
|
18 |
It-tieni nett, ir-Regolament Nru 1/2003 itemm is-sistema ċentralizzata preċedenti u jorganizza, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, assoċjazzjoni iktar wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, u għal dan il-għan jawtorizzahom jimplementaw id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. L-istruttura tar-Regolament hija msejsa fuq il-kooperazzjoni stretta li għandha tiġi żviluppata bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri organizzati f’netwerk (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni, T‑655/11, EU:T:2015:383, punt 75). |
|
19 |
It-tielet nett, mill-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-Kummissjoni żżomm irwol predominanti fit-tfittxija u fil-konstatazzjoni ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li ma huwiex affettwat mill-kompetenza parallela li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom bis-saħħa tal-imsemmi Regolament (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2011, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il-Kummissjoni, T‑144/07, T‑147/07 sa T‑150/07 u T‑154/07, EU:T:2011:364, punt 76). |
|
20 |
Fil-fatt, b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, hekk kif il-Kummissjoni tiftaħ proċedura kontra impriża waħda jew iktar minħabba allegat ksur tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jiċċaħħdu mill-kompetenza tagħhom li jressqu proċeduri kontra l-istess impriżi għall-istess aġiri allegatament antikompetittiv, li seħħew fl-istess suq jew swieq ta’ prodotti u ġeografiċi matul l-istess perijodu jew perijodi (sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2021, Slovak Telekom,C‑857/19, EU:C:2021:139, punt 30, u tal‑20 ta’ April 2023, Amazon.com et vs Il-Kummissjoni, C‑815/21 P, EU:C:2023:308, punt 27).). Il-Kummissjoni żżomm il-possibbiltà li tiftaħ proċedura anki jekk awtorità nazzjonali tkun diġà qiegħda tittratta l-każ, bla ħsara għal sempliċi konsultazzjoni tal-imsemmija awtorità (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑339/04, EU:T:2007:80, punt 80). |
|
21 |
Ir-raba’ nett, għandu jitfakkar li, skont il-punt 4 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-Kooperazzjoni fi Ħdan in-Network tal-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”), il-konsultazzjonijiet u l-iskambji fi ħdan in-network magħmul mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni huma kwistjoni bejn awtoritajiet li jaġixxu fl-interess pubbliku u li, skont il-punt 31 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, l-imsemmija komunikazzjoni ma tagħtix lill-impriżi involuti dritt individwali li l-każ jiġi ttrattata minn awtorità speċifika. B’mod iktar ġenerali, la r-Regolament Nru 1/2003 u lanqas l-imsemmija komunikazzjoni ma joħolqu drittijiet jew aspettattivi għal impriża fir-rigward tat-trattament tal-każ tagħha minn awtorità tal-kompetizzjoni speċifika (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2014, Si.mobil vs Il-Kummissjoni, T‑201/11, EU:T:2014:1096, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Amazon.com et vs Il-Kummissjoni, T‑19/21, EU:T:2021:730, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
22 |
Skont il-kliem tal-punt 5 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, kull membru tan-netwerk iżomm id-diskrezzjoni sabiex jiddeċiedi jekk jinvestigax jew ma jinvestigax każ u l-punt 55 tal-istess komunikazzjoni jipprevedi, konformement mal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, li l-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità nazzjonali li qiegħda tittratta każ bir-raġunijiet li għalihom hija tiddeċiedi li tieħu l-każ. |
|
23 |
Fir-rigward tal-assenjazzjoni mill-ġdid tal-każijiet bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, il-punt 18 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jipprevedi li “[j]ekk jinqalgħu problemi ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ta’ każijiet, dawn għandhom jiġu solvuti malajr, bħala prinċipju fi żmien xahrejn mid-data tal-ewwel informazzjoni mibgħuta lin-netwerk konformement mal-Artikolu 11 tar-Regolament [Nru 1/2003]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li, “[m]atul dan it-terminu, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu ftehim dwar eventwali assenjazzjoni mill-ġdid u, jekk meħtieġ, dwar il-modalitajiet ta’ azzjoni parallela” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
24 |
Il-punt 19 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jipprovdi dan li ġej: “[…] l-awtorità jew l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li jittrattaw każ fi tmiem it-terminu għall-assenjazzjoni mill-ġdid għandhom ikomplu jitrattawh sakemm tintemm il-proċedura. L-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ kawża lil hinn mit-terminu inizjali ta’ xahrejn għandha ssir biss fil-każ ta’ żvilupp sinjifikattiv, matul il-proċedura, tal-fatti magħrufa tal-każ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
25 |
Fl-aħħar nett, il-punt 54 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jirrigwarda b’mod iktar partikolari s-sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni tiftaħ proċedura abbażi tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, wara li “awtorità jew awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu infurmaw lin-netwerk […] li huma kienu qegħdin jittrattaw każ partikolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan il-punt jindika li, “[m]atul il-perijodu inizjali tal-assenjazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiġifieri t-“terminu indikattiv ta’ xahrejn” [traduzzjoni mhux uffiċjali] imsemmi fil-punt 18 tal-istess komunikazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tiftaħ proċedura abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni, wara li tkun ikkonsultat lill-awtoritajiet ikkonċernati. Barra minn hekk, l-istess punt jippreċiża li, “wara l-fażi tal-assenjazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], bħala prinċipju, huwa biss f’ċerti każijiet li l-Kummissjoni tista’ tapplika din id-dispożizzjoni, jiġifieri meta membri tan-netwerk jikkunsidraw deċiżjonijiet kontradittorji fl-istess każ (punt 54(a)); meta dawn jikkunsidraw deċiżjoni li tmur manifestament kontra l-ġurisprudenza stabbilita (punt 54(b)); meta membru jew diversi membri jtawlu eċċessivament il-proċedura (punt 54(c)); sabiex tiżviluppa l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari jekk kwistjoni simili ta’ kompetizzjoni tqum f’diversi Stati Membri, jew sabiex tiżgura applikazzjoni effikaċi (punt 54(d)); jew anki fl-assenza ta’ oppożizzjoni mill-awtorità jew mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni konċernati (punt 54(e)). |
|
26 |
Huwa abbażi ta’ dawn l-elementi li għandhom jiġu evalwati l-motivi tar-rikorrenti. |
|
27 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti jenfasizzaw li ma humiex qegħdin jikkontestaw il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, li huma aċċettaw fil-kuntest tal-proċedura għar-riżolviment. Huma jippreċiżaw li r-rikors jirrigwarda biss l-irregolaritajiet proċedurali li wasslu għall-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawża lill-Kummissjoni u finalment għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. |
|
28 |
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. |
|
29 |
Hemm lok li l-ewwel u t-tieni motiv jiġu eżaminati flimkien, u, sussegwentement li l-motivi l-oħra jiġu eżaminati fl-ordni li fih ġew ippreżentati. |
1. Fuq l-ewwel u t-tieni motiv, ibbażati kemm fuq ksur tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
|
30 |
Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni hija marbuta mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li min-naħa tagħha toħloq aspettattivi leġittimi u, it-tieni nett, li l-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha li ma timxix mat-terminu inizjali ta’ assenjazzjoni mill-ġdid previst mill-imsemmija komunikazzjoni. |
a) Fuq l-argument li l-Kummissjoni hija marbuta mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li min-naħa tagħha toħloq aspettattivi leġittimi
|
31 |
L-argumenti tar-rikorrenti huma komposti, essenzjalment, minn tliet partijiet. L-ewwel parti tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni hijiex marbuta mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. It-tieni parti hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-punti 18 u 19 tal-imsemmija komunikazzjoni ħolqux aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawża f’terminu ta’ xahrejn u t-tielet parti tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk kinux jeżistu, f’dan il-każ, raġunijiet għal deroga minn dan it-terminu. |
1) Fuq l-ewwel parti, li tgħid li l-Kummissjoni hija marbuta mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni
|
32 |
Ir-rikorrenti jsostnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, billi adottat regoli ta’ kondotta bħal dawk esposti fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni tillimita s-setgħa rispettiva tagħha ta’ evalwazzjoni u ma tistax titbiegħed mir-regoli tagħha mingħajr ma tkun suġġetta għal sanzjonijiet, jekk ikun il-każ, minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, fosthom il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
|
33 |
Il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tas-Serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kuntrarjament għal dawk ippubblikati fis-Serje L tiegħu, huwa dak li jiġu ppubblikati informazzjoni, rakkomandazzjonijiet u avviżi li jirrigwardaw l-Unjoni u mhux li jiġu ppubblikati atti ġuridikament vinkolanti (sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2011, Polska Telefonia Cyfrowa,C‑410/09, EU:C:2011:294, punt 35, u tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Expedia,C‑226/11, EU:C:2012:795, punt 30). Issa, il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, adottata fil-kuntest tan-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni, ġiet ippubblikata matul is-sena 2004 fis-Serje C tal-imsemmi ġurnal uffiċjali (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2016, DHL Express (Italy) u DHL Global Forwarding (Italy), C‑428/14, EU:C:2016:27, punt 34). |
|
35 |
Mill-ġurisprudenza madankollu jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tadotta regoli ta’ kondotta u tħabbar permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom li min issa ’l quddiem hija ser tapplikahom għall-każijiet ikkonċernati minnhom, hija tillimita lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha u ma tistax titbiegħed minn dawn ir-regoli mingħajr ma tkun suġġetta għal sanzjoni, jekk ikun il-każ, minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, H&R ChemPharm vs Il-Kummissjoni, C‑95/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:125, punt 57). |
|
36 |
Kif josservaw ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali reċentement indikat li din il-ġurisprudenza tapplika għall-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li permezz tagħha l-Kummissjoni llimitat lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha fit-trattament tal-ilmenti billi ddefinixxiet linji gwida intiżi li jiċċaraw, b’mod partikolari, f’liema kundizzjonijiet jista’ jitqies li jew il-Kummissjoni, jew awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni waħda, jew diversi awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jeżaminaw ilment (sentenza tad‑9 ta’ Frar 2022, Sped-Pro vs Il-Kummissjoni, T‑791/19, EU:T:2022:67, punt 40). |
|
37 |
Madankollu l-Kummissjoni tqis li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni hija differenti mill-komunikazzjonijiet l-oħra minħabba l-fatt li hija tittratta biss ir-relazzjonijiet bejn awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2022, Sped-Pro vs Il-Kummissjoni (T‑791/19, EU:T:2022:67), ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li dik is-sentenza tirrigwarda t-“trattament tal-ilmenti” abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), u mhux l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ kawżi jew deċiżjoni li tistabbilixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. It-tħassib sottostanti fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kien li tiġi evitata sitwazzjoni fejn ilment ma jiġix eżaminat, filwaqt li f’din il-kawża r-rikorrenti jsostnu li hija l-Kummissjoni li kellha tiġi prekluża milli tapplika l-Artikolu 101 TFUE, u mhux l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, għas-sempliċi raġuni li t-terminu inizjali ta’ assenjazzjoni kien skada. Dan effettivament imur kontra l-għan imfittex mill-imsemmija sentenza, jiġifieri l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tittratta essenzjalment it-trattament tal-ilmenti fil-punti 20 sa 25, 35 u 36 tagħha, li ma huwiex inkwistjoni f’din il-kawża. |
|
38 |
Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-distinzjoni invokata mill-Kummissjoni bejn il-każ fejn każ ikun tressaq wara lment u l-każ fejn hija tkun ħadet konjizzjoni ex officio ta’ każ — u, a fortiori, bħal f’din il-kawża, wara t-talba tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji sabiex tagħmel dan — ma hijiex rilevanti. |
|
39 |
Fil-fatt, ċertament, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2022, Sped-Pro vs Il-Kummissjoni (T‑791/19, EU:T:2022:67), tikkonċerna r-riskju ta’ ksur tad-drittijiet ta’ lanjant fil-każ ta’ ċaħda ta’ lment. |
|
40 |
Madankollu, il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tittratta b’mod konġunt każijiet fejn il-każ ikun ġie ppreżentat wara lment u dawk fejn awtorità tal-kompetizzjoni tkun ħadet konjizzjoni ex officio. |
|
41 |
B’mod partikolari, il-punti 18 u 19 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li jirrigwardaw il-kwistjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid u li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti jinvokaw ksur, ma jagħmlu ebda distinzjoni skont jekk il-każ inkwistjoni jiġix investigat ex officio jew wara lment. |
|
42 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja l-fatt li l-iskambji fi ħdan in-netwerk huma kwistjoni bejn awtoritajiet tal-kompetizzjoni li jaġixxu fl-interess pubbliku u li bl-ebda mod ma jbiddlu d-drittijiet jew l-obbligi tal-impriżi (punt 4 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni), il-Kummissjoni, billi adottat din il-komunikazzjoni, illimitat ruħha mhux biss fir-rigward tal-lanjanti, iżda wkoll fir-rigward tal-impriżi li l-attivitajiet tagħhom huma s-suġġett ta’ investigazzjoni. |
|
43 |
Nuqqas ta’ osservanza mill-Kummissjoni tar-regoli li hija stess imponiet fuqha nnifisha jista’ għalhekk iwassal, konformament mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 35 iktar ’il fuq, għal ksur tal-prinċipji ġenerali bħall-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li r-rikorrenti invokaw f’din il-kawża u li huwa s-suġġett tat-tieni u tat-tielet partijiet iktar ’il quddiem. |
2) Fuq it-tieni parti, li tgħid li l-punti 18 u 19 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ħolqu aspettattivi leġittimi
|
44 |
Ir-rikorrenti jqisu li r-regoli ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-każijiet imsemmija fil-punti 18 u 19 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ħolqu aspettattivi leġittimi dwar il-fatt li kull assenjazzjoni mill-ġdid tal-każ kellha sseħħ matul it-terminu inizjali ta’ xahrejn. |
|
45 |
Il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa meħtieġ li istituzzjoni tal-Unjoni, billi tipprovdi lil persuna li tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi garanziji preċiżi, tkun nisslet fiha aspettattivi fondati. Informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti, irrispettivament mill-forma li fiha tiġi kkomunikata, tikkostitwixxi tali garanziji. (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, FVE Holýšov I et vs Il-Kummissjoni, C‑850/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:740, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Issa, il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma tipprovdi ebda garanzija preċiża li t-terminu ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ma jistax ikun itwal minn perijodu ta’ xahrejn. |
|
48 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, sa fejn, skont il-punt 18 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), l-assenjazzjoni mill-ġdid għandha ssir, “bħala prinċipju”, f’terminu ta’ xahrejn, mill-kliem użat f’dan il-punt jirriżulta li dan it-terminu ma huwiex vinkolanti. Barra minn hekk, dan il-punt ma huwiex, f’kull każ, rilevanti fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, peress li huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji u l-Kummissjoni ma kellhomx għalfejn, skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, “jagħmlu ħilithom biex jilħqu ftehim dwar eventwali assenjazzjoni mill-ġdid” [traduzzjoni mhux uffiċjali] sabiex “jiġu solvuti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] “problemi ta’ assenjazzjoni mill-ġdid” [traduzzjoni mhux uffiċjali], sa fejn il-Kummissjoni fetħet il-proċedura fuq talba tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji. |
|
49 |
It-tieni nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti jinvokaw interpretazzjoni stretta tat-tieni sentenza tal-punt 19 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni mfakkra fil-punt 24 iktar ’il fuq. Skont ir-rikorrenti, l-espressjoni “fatti magħrufa tal-każ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tkopri biss il-fatti li jirriżultaw rilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk twettaqx ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u mhux il-ġrajjiet li seħħew matul il-proċedura amministrattiva ulterjuri u li jista’ jkollhom impatt fuqha. |
|
50 |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, De Ruiter,C‑361/19, EU:C:2021:71, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
Għalhekk, l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti ma tistax tiġi aċċettata, għaliex din tmur kontra l-interpretazzjoni tal-punt 19 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fid-dawl tal-kuntest li minnu tagħmel parti. Fil-fatt, mid-diversi eżempji previsti fil-punt 54 tal-imsemmija komunikazzjoni (ara l-punt 25 iktar ’il fuq) jirriżulta li diversi raġunijiet jistgħu jiġġustifikaw il-ftuħ mill-Kummissjoni ta’ proċedura abbażi tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003. Peress li dawn l-eżempji jmorru lil hinn mill-fatti li jirriżultaw rilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk twettaqx ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ “żvilupp sinjifikattiv, matul il-proċedura, tal-fatti magħrufa tal-każ” għandu jiġi interpretat bħala li jkopri kull fatt rilevanti li jiġi żvelat matul il-proċedura. |
|
52 |
Għalhekk hemm lok li l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-punti 18 u 19 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ħolqu aspettattivi leġittimi dwar il-fatt li kull assenjazzjoni mill-ġdid kellha ssir f’terminu ta’ xahrejn, jiġi miċħud. |
[omissis]
2. Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ sussidjarjetà
|
73 |
Ir-rikorrenti jagħmlu b’mod partikolari riferiment għall-ġurisprudenza li tgħid li r-Regolament Nru 1/2003 jorganizza, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, assoċjazzjoni iktar wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni hija għalhekk marbuta li tosserva l-prinċipju ta’ sussidjarjetà fl-eżerċizzju tas-setgħat diskrezzjonali mogħtija lilha mir-Regolament Nru 1/2003. Għalhekk ma kienx xieraq min-naħa tal-Kummissjoni li teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex taċċetta l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-każ sabiex tevita r-regoli Ġermaniżi. |
|
74 |
Il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
75 |
Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif sanċit fl-Artikolu 5(3) TUE, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklussiva tagħha l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk, u sa fejn, l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni. |
|
76 |
Skont il-kliem tal-premessa 34 tar-Regolament Nru 1/2003, “[b]i qbil mal-pri[n]ċipji tas-susidji [sussidjarjetà] u l-proporzjonalità kif stipulata [sanċiti] mil-Artikolu 5[(1) u (3) TUE, l-imsemmi r]egolament ma jmurx l’hinn min dak li hu neċessarju sabiex tilħaq il-għan [l-għan tiegħu jintlaħaq], li hu li tħalli r-regoli tal-kompetizzjoni tal-[Unjoni] li jiġu applikati b’mod effettiv”. |
|
77 |
Il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma jikkontestax il-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni mit-Trattat FUE, kompetenzi li jinkludu l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑339/04, EU:T:2007:80, punt 89). |
|
78 |
Kif ġie mfakkar fil-punti 18 u 19 iktar ’il fuq, għalkemm ir-Regolament Nru 1/2003 temm is-sistema ċentralizzata preċedenti u jorganizza, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, assoċjazzjoni iktar wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni żżomm rwol predominanti fit-tfittxija għall-ksur u fit-teħid ta’ azzjoni kontrih. |
|
79 |
B’dan il-mod, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 20 iktar ’il fuq, l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi, bla ħsara għal sempliċi konsultazzjoni tal-awtorità nazzjonali kkonċernata, li l-Kummissjoni żżomm il-possibbiltà li tiftaħ proċedura bil-għan li tadotta deċiżjoni anki jekk awtorità nazzjonali tkun diġà qiegħda tittratta l-każ. |
|
80 |
F’din il-kawża, kif huwa indikat fil-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-Kummissjoni fetħet il-proċedura fuq talba tal-istess Uffiċċju Federali tal-Akkordji, il-kundizzjoni imposta mill-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 kienet kompletament issodisfatta. L-imsemmi ftuħ għalhekk ma ppreġudikax il-prerogattivi tal-Istat Membru kkonċernat u kull ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà huwa neċessarjament eskluż. |
|
81 |
Għalhekk hemm lok li t-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, jiġi miċħud. |
[omissis]
B. Fuq il‑kontrotalba tal‑Kummissjoni
|
114 |
Skont il-Kummissjoni, il-piż amministrattiv addizzjonali kkawżat mir-rikorrenti wara l-konklużjoni tal-proċedura għar-riżolviment jirrendi neċessarja evalwazzjoni mill-ġdid tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom. Ir-rikorrenti jressqu biss motivi li permezz tagħhom huma jikkontestaw il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tmexxi l-proċedura amministrattiva inkwistjoni, minkejja li fil-kuntest tal-proposti tagħhom ta’ riżolviment huma kienu ddikjaraw li sejrin jaċċettaw li l-Kummissjoni timponilhom multa. Il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis ta’ 10 % tal-multa abbażi tal-punt 32 tal-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment ma għadux iġġustifikat, u għalhekk titlob lill-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għal EUR 9588000. Sussidjarjament, il-Kummissjoni tipproponi li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, f’dan il-każ, il-kontribuzzjoni tal-proċedura għar-riżolviment fil-preservazzjoni tar-riżorsi pubbliċi kienet limitata ħafna iktar min-normal, u ssostni li dan ma jiġġustifikax tnaqqis sħiħ ta’ 10 % tal-ammont tal-multa. |
|
115 |
Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni. Huma b’mod partikolari jsostnu li ma teżisti ebda bażi legali li tippermetti t-tneħħija tat-tnaqqis mogħti fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżolviment. |
|
116 |
Għalhekk, qabel kollox, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali għandhiex il-kompetenza li tneħħi t-tnaqqis mogħti fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżolviment, tneħħija li għandha twassal għal żieda fil-multa, u wara għandha tiġi evalwata l-fondatezza tat-talba tal-Kummissjoni. |
1. Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti Ġenerali
|
117 |
Għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE, jirrikonoxxi lill-qorti tal-Unjoni. Din il-ġurisdizzjoni tagħti lill-qorti tal-Unjoni s-setgħa, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha u, konsegwentement, is-setgħa li tħassar, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa jew tal-pagamenti ta’ penalità imposti (ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑18 ta’ Ottubru 2023, Clariant u Clariant International vs Il-Kummissjoni, T‑590/20, EU:T:2023:650, punt 185 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
118 |
Għalkemm normalment r-rikorrenti jitolbu l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa l-iktar ta’ spiss sabiex jinkiseb tnaqqis tal-ammont tal-multa, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tqajjem quddiem il-qorti tal-Unjoni l-kwistjoni tal-ammont tal-multa u tressaq talba għaż-żieda tal-imsemmi ammont (sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, EU:T:2008:415, punt 244 u tat‑18 ta’ Ottubru 2023, Clariant u Clariant International vs Il-Kummissjoni, T‑590/20, EU:T:2023:650, punt 221). |
|
119 |
Din il-ġurisdizzjoni sħiħa tapplika wkoll fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jitolbux, sussidjarjament, tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom. Fil-fatt, l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprevedi espliċitament li l-qorti tal-Unjoni tista’ “tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa” fil-kuntest tar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tkun iffissat multa, ma jissuġġettax din il-ġurisdizzjoni għal tali talba. |
|
120 |
Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà eċċepita mir-rikorrenti fil-konfront tal-kontrotalba ppreżentata mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda. |
2. Fuq il‑fondatezza tat‑talba
a) Osservazzjonijiet preliminari
|
121 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-proċedura għar-riżolviment, il-Qorti Ġenerali diġà fakkret il-karatteristiċi essenzjali tagħha fil-punti 58 sa 74 tas-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il-Kummissjoni (T‑456/10, EU:T:2015:296) u, reċentement, fil-punti 208 sa 216 tas-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2023, Clariant u Clariant International vs Il-Kummissjoni (T‑590/20, EU:T:2023:650). |
|
122 |
Mill-imsemmija ġurisprudenza jirriżulta li l-proċedura għar-riżolviment tippermetti li l-Kummissjoni tipproċessa l-każijiet ta’ akkordju b’mod iktar veloċi u effikaċi. L-għan ta’ din il-proċedura huwa għalhekk li l-proċeduri amministrattivi jiġu ssimplifikati u aċċellerati bil-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tittratta iktar każijiet bl-istess riżorsi (sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il-Kummissjoni, T‑456/10, EU:T:2015:296, punt 60, u tat‑18 ta’ Ottubru 2023, Clariant u Clariant International vs Il-Kummissjoni (T‑590/20, EU:T:2023:650, punt 209). |
|
123 |
Il-proċedura għar-riżolviment essenzjalment tiġi żvolta kif ġej. Din il-proċedura tinbeda mill-Kummissjoni bil-kunsens tal-impriżi kkonċernati (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment, punti 5, 6 u 11). Mill-mument li tinbeda l-proċedura, l-impriżi li jkunu s-suġġett ta’ investigazzjonijiet u li jipparteċipaw fil-proċedura għar-riżolviment jiġu informati mill-Kummissjoni, waqt diskussjonijiet bilaterali, dwar l-elementi essenzjali “bħal mhuma l-fatti allegati, il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-fatti, il-gravità ta’ l-allegat kartell [akkordju] u t-tul ta’ żmien li jkun ilu jeżisti, l-attribuzzjoni tar-responsabbiltajiet, l-istima tal-firxa tal-multi li x’aktarx jingħataw kif ukoll ix-xhieda miġjuba biex jiġu stabbiliti l-oġġezzjonijiet eventwali” (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment, punt 16). Dan id-dispożittiv jippermetti li l-partijiet jesponu l-opinjoni tagħhom dwar l-ilmenti li l-Kummissjoni tista’ tqajjem kontrihom u li jiddeċiedu, b’għarfien tal-elementi involuti, jekk għandhomx jikkonkludu riżolviment jew le (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment, punt 16). |
|
124 |
Huwa wara l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni li l-impriżi kkonċernati għandhom l-għażla li jmorru għall-proċedura għar-riżolviment u li jressqu proposta għar-riżolviment. Din il-proposta għar-riżolviment għandha tinkludi, b’mod partikolari, rikonoxximent f’termini ċari u mhux ekwivoċi, mill-partijiet, tar-responsabbiltà tagħhom fil-ksur, indikazzjoni tal-ammont massimu tal-multi li l-partijiet jistennew li ser jiġi impost fuqhom mill-Kummissjoni u li huma sejrin jaċċettaw fil-kuntest ta’ proċedura għar-riżolviment u konferma tal-fatt li huma ma għandhomx l-intenzjoni li jitolbu l-aċċess għall-fajl jew li jinstemgħu mill-ġdid, waqt seduta, sakemm id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma jirriflettux il-proposta tagħhom għar-riżolviment (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment, punt 20). |
|
125 |
Wara dan ir-rikonoxximent ta’ responsabbiltà u tal-konfermi pprovduti mill-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni tibgħatilhom id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tadotta deċiżjoni finali. Hija essenzjalment tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-partijiet irrikonoxxew mingħajr ekwivoku r-responsabbiltà tagħhom, ma kkontestawx id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u żammew l-impenn tagħhom li jaslu għal riżolviment (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment, punti 23 sa 28). |
|
126 |
Fid-deċiżjoni finali tagħha, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tikkumpensa lil parti għall-konklużjoni ta’ riżolviment, permezz ta’ tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta (Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment, punt 32). |
|
127 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kontrotalba tal-Kummissjoni, għalkemm, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 118 iktar’ il fuq, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Qorti Ġenerali żżid l-ammont tal-multa, għandu jitfakkar li, għal dan l-għan, hija għandha tqiegħed lill-Qorti Ġenerali f’pożizzjoni li tiddetermina jekk iċ-ċirkustanzi tal-każ jiġġustifikawx tali żieda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, EU:T:2003:195, punt 362, u tat‑8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, EU:T:2008:415, punt 251). |
|
128 |
B’mod partikolari, hija l-Kummissjoni li għandha turi li ż-żieda tal-ammont tal-multa hija xierqa fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatti u taċ-ċirkustanzi żvelati fil-mori tal-kawża li hija ma kinitx taf bihom meta adottat id-deċiżjoni li tiffissa l-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Transcatab vs Il-Kummissjoni, T‑39/06, EU:T:2011:562, punt 402; u tat‑18 ta’ Ottubru 2023, Clariant u Clariant International vs Il-Kummissjoni, T‑590/20, EU:T:2023:650, punt 222). Fil-fatt, għandu jiġi stabbilit jekk l-imġiba ta’ rikorrent obbligatx lill-Kummissjoni, kontra kull aspettattiva li hija setgħet raġonevolment tikseb abbażi tal-kooperazzjoni tal-istess rikorrent matul il-proċedura amministrattiva, tfassal u tippreżenta difiża quddiem il-Qorti Ġenerali li kienet tirrigwarda l-kontestazzjoni ta’ elementi li hija setgħet ġustament tqis li ma kinux iktar ser jiġu kkontestati min dan ir-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni (T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, EU:T:2006:396, punt 573). |
b) Eżami tat‑talba tal-Kummissjoni
|
129 |
F’din il-kawża, il-Kummissjoni ssostni li ż-żieda tal-multa hija xierqa, minn naħa, peress li r-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw il-kompetenza tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali talli mexxiet, f’dan il-każ, il-proċedura amministrattiva, meta l-istess rikorrenti kienu rrikonoxxew din il-kompetenza fit-talba tagħhom għar-riżolviment u, min-naħa l-oħra, għaliex din il-kawża twassal għal piż amministrattiv supplimentari. |
|
130 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti kinux irrikonoxxew il-kompetenza tagħha minflok dik tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji. |
|
131 |
L-ewwel nett, għalkemm il-Kummissjoni sostniet, sa mir-risposta, li r-rikorrenti kienu, essenzjalment, irrikonoxxew din il-kompetenza matul il-proċedura amministrattiva, hija ma pproduċiet jew ma pproponiet li tipproduċi ebda prova li tista’ tistabbilixxi l-allegat rikonoxximent tagħhom tal-imsemmija kompetenza matul il-proċedura għar-riżolviment, kemm jekk fl-imsemmija risposta jew saħansitra fil-kontroreplika, minkejja li l-kontestazzjoni tal-imsemmija kompetenza tikkostitwixxi s-suġġett innifsu tar-rikors tagħhom. |
|
132 |
Kien biss matul is-seduta li l-Kummissjoni indikat li hija kienet disposta tipprovdi lill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ miżura istruttorja ordnata abbażi tal-Artikolu 92(3) u tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, it-talba għar-riżolviment imressqa mir-rikorrenti, sa fejn din tinkludi kontenut “sensittiv” u “kunfidenzjali” ħafna. Skont il-Kummissjoni, l-imsemmija talba tinkludi indikazzjonijiet tar-rikonoxximent ta’ din il-kompetenza. |
|
133 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li, “[f]’każijiet eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard”. |
|
134 |
Bl-istess mod, l-Artikolu 88(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, meta talba għal miżuri istruttorji titressaq wara l-ewwel skambju ta’ noti, il-parti li tressaq it-talba għandha tesponi r-raġunijiet għaliex ma setgħetx tressaqha qabel. |
|
135 |
Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlob miżura istruttorja abbażi ta’ din id-dispożizzjoni għandha tiġġustifika n-neċessità ta’ tali miżura fil-forma ta’ digriet istruttorju. |
|
136 |
Madankollu, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-approċċ tal-Kummissjoni għandux jiġi kkunsidrat bħala offerta ta’ prova ppreżentata abbażi tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura jew talba għal miżuri istruttorji abbażi l-Artikolu 92(3) tal-istess regolament, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li hija baqgħet ma pprovdietx ġustifikazzjoni valida għad-dewmien tal-approċċ tagħha. |
|
137 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni llimitat ruħha, matul is-seduta, li tagħmel riferiment għall-punt 222 tas-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2023, Clariant u Clariant International vs Il-Kummissjoni (T‑590/20, EU:T:2023:650), iċċitata fil-punt 128 iktar ’il fuq, u li tosserva li, f’dan il-każ, meta hija kienet adottat id-deċiżjoni kkontestata, hija ma kinitx konxja mill-fatt li r-rikorrenti kienu ser jikkontestaw il-kompetenza tagħha. |
|
138 |
Issa, minn naħa, l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tikkontesta l-fatt li, wara r-rikors tar-rikorrenti, sa mir-risposta, hija kienet f’pożizzjoni li tipproduċi kwalunkwe prova, offerta ta’ prova jew talba għal miżuri istruttorji insostenn tal-argument tagħha dwar, essenzjalment, ir-rikonoxximent impliċitu tal-kompetenza tagħha mir-rikorrenti fir-rigward tal-proċedura għar-riżolviment. |
|
139 |
Min-naħa l-oħra, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tinvoka s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2023, Clariant u Clariant International vs Il-Kummissjoni (T‑590/20, EU:T:2023:650), minħabba li kienet ingħatat f’data sussegwenti għar-risposta tas‑7 ta’ Diċembru 2022 u għall-kontroreplika tal‑5 ta’ April 2023, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, hekk kif jirriżulta mill-punt 128 iktar ’il fuq, dik is-sentenza ma tinkludix evalwazzjonijiet legali ġodda fir-rigward tal-elementi li għandhom jiġġustifikaw kontrotalba għal żieda fil-multa li jistgħu jiġġustifikaw id-dewmien fl-approċċ tal-Kummissjoni. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali diġà jirriżulta li hija l-Kummissjoni li kellha tiġġustifika t-talba tagħha fid-dawl ta’ elementi li hija ma kinitx taf bihom meta hija kienet tat it-tnaqqis tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Transcatab vs Il-Kummissjoni, T‑39/06, EU:T:2011:562, punt 402). |
|
140 |
Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li hija lanqas ma spjegat għaliex miżura istruttorja kienet neċessarja f’dan il-każ, billi llimitat ruħha li tinvoka, b’mod ġeneriku, allegati raġunijiet ta’ kunfidenzjalità jew ta’ sensittività, filwaqt li d-dokumenti li hija pproponiet li tipproduċi kienu joriġinaw mir-rikorrenti nnifishom. |
|
141 |
Għaldaqstant, it-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex jiġu prodotti ċerti provi quddiem il-Qorti Ġenerali, imressqa matul is-seduta tal‑20 ta’ Marzu 2024, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. |
|
142 |
It-tieni nett, skont il-Kummissjoni, ir-rikonoxximent tal-kompetenza tagħha jirriżulta mill-fatt li r-rikorrenti kienu ddikjaraw, fil-kuntest tal-proposta tagħhom ta’ riżolviment, li huma kienu ser jaċċettaw li l-Kummissjoni timponilhom multa li tista’ tilħaq ċertu limitu. |
|
143 |
Għalhekk, skont il-premessa 16(a) tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti rrikonoxxew f’termini ċari u mhux ekwivoċi r-responsabbiltà tagħhom, il-fatti prinċipali, il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti, kif ukoll ir-rwol tagħhom u t-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur. Skont il-premessa 16(b) tal-imsemmija deċiżjoni, huma taw ukoll indikazzjoni tal-ammont massimu tal-multa li huma kienu qegħdin jistennew li sejjer jiġi imposti fuqhom u li huma kienu sejrin jaċċettaw fil-kuntest ta’ proċedura għar-riżolviment. |
|
144 |
Issa, mir-rikonoxximent ta’ dawn l-elementi ma jistax jiġi dedott li r-rikorrenti kienu rrikonoxxew ukoll il-kompetenza tal-Kummissjoni, li ma hijiex prevista mill-Komunikazzjoni dwar ir-riżolviment, b’differenza għar-rikonoxximent tal-imsemmija elementi, li huwa speċifikament previst fil-punt 20 tal-imsemmija komunikazzjoni (ara l-punt 124 iktar ’il fuq). |
|
145 |
Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li r-rikorrenti kienu rrikonoxxew il-kompetenza tagħha sabiex tmexxi l-proċedura amministrattiva inkwistjoni. |
|
146 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, f’ċirkustanzi analogi għal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jekk, fi tmiem il-proċedura amministrattiva wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li taffettwa l-interessi ta’ impriża bħalma hija r-rikorrent, din id-deċiżjoni tista’ tkun, skont l-Artikolu 263 TFUE is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja li fil-kuntest tagħha l-imsemmija impriża tkun tista’ tinvoka l-motivi utli kollha. B’mod partikolari, mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-kwistjoni tal-kompetenza tal-awtur tal-att taqa’ taħt l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ tali rikors. Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni għandha tevalwa jekk twettqux illegalitajiet f’dan ir-rigward matul l-imsemmija proċedura amministrattiva u jekk dawn humiex ta’ natura li jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fi tmiem din il-proċedura (digriet tad‑29 ta’ Jannar 2020, Silgan Closures u Silgan Holdings vs Il-Kummissjoni, C‑418/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:43, punti 63 u 64). |
|
147 |
Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, iż-żieda tal-multa ma tistax tiġi ġġustifikata, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, mill-allegata kontestazzjoni mir-rikorrenti, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, ta’ fatt (jiġifieri, f’dan il-każ, il-kompetenza tal-Kummissjoni minflok dik tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji) li huma kienu rrikonoxxew matul il-proċedura għar-riżolviment quddiem il-Kummissjoni. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-Kummissjoni la kienet f’pożizzjoni li turi li r-rikorrenti, matul il-proċedura għar-riżolviment, kienu rrikonoxxew il-kompetenza tagħha minflok dik tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, u lanqas li hija setgħet raġonevolment tassumi li r-rikorrenti ma kinux sejrin jikkontestaw l-imsemmija kompetenza, iktar u iktar insegwitu għat-tilwimiet imsemmija fil-punt 146 iktar ’il fuq u mibdija mill-grupp l-ieħor ikkonċernat mill-ksur. |
|
148 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument sussidjarju tal-Kummissjoni li jgħid li l-preżentata ta’ dan ir-rikors ikkompromettiet il-benefiċċji proċedurali li hija kienet kisbet mill-proċedura għar-riżolviment. |
|
149 |
F’dan ir-rigward, mill-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti rrikonoxxew ir-responsabbiltà tagħhom u indikaw l-ammont massimu tal-multa li huma kienu sejrin jaċċettaw (ara l-punt 143 iktar ’il fuq) u li huma kkonfermaw li kienu ġew suffiċjentement informati bl-ilmenti li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tikkunsidra fil-konfront tagħhom u li huma kienu ngħataw b’mod suffiċjenti l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom lill-Kummissjoni (premessa 16(c)). Huma indikaw ukoll li ma kellhomx l-intenzjoni li jitolbu aċċess għall-fajl jew li jinstemgħu mill-ġdid waqt seduta (premessa 16(d)), u taw il-kunsens tagħhom sabiex jirċievu d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali bl-Ingliż (premessa 16(e)). |
|
150 |
Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, hija bbenefikat minn benefiċċji proċedurali li jibqgħu kweżiti, indipendentement mill-preżentata ta’ dan ir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2023, Clariant u Clariant International vs Il-Kummissjoni, T‑590/20, EU:T:2023:650, punt 237). Il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi tal-Kummissjoni sabiex tiddefendi d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali hija inerenti għal kull proċedura ġudizzjarja u ma tikkontestax l-imsemmija benefiċċji proċedurali, peress li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma għandhomx l-intenzjoni li jikkontestaw l-elementi msemmija fil-punt 149 iktar ’il fuq, li huma rrikonoxxew fil-kuntest tal-proċedura għar-riżolviment, iżda jikkontestaw biss il-kompetenza tal-Kummissjoni minflok dik tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji. |
|
151 |
Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, iż-żieda tal-multa mitluba mill-Kummissjoni la tista’ tiġi ġġustifikata mill-allegat telf ta’ benefiċċji proċedurali, u lanqas mill-allegat piż amministrattiv addizzjonali kkawżat mill-preżentata ta’ dan ir-rikors. |
|
152 |
Il-kontrotalba tal-Kummissjoni, inkluża dik ifformulata sussidjarjament, għandha, għalhekk, tiġi miċħuda. |
|
[omissis] Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
|
Marcoulli Schwarcz Tomljenović Norkus Valasidis Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit‑2 ta’ Ottubru 2024. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis il-pubblikazzjoni tagħhom bħala utli.