20.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 13/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/78

tad-19 ta' Jannar 2015

dwar Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli),

Billi:

(1)

Permezz ta' ittra tal-10 ta' Settembru 2014, ix-'Chef de l'État de Transition' tar-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA) stieden lill-Unjoni ttawwal l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUFOR RCA) u tinvolvi ruħha f'impenn li jiġi wara l-EUFOR bil-għan li tappoġġa l-Forzi Armati Ċentru-Afrikani (FACA).

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 u t-18 ta' Novembru 2014, il-Kunsill għaraf il-ħtieġa ta' approċċi komuni man-NU fir-RĊA fir-riforma tal-forzi tas-sigurtà tagħha, inklużi l-forzi armati, sabiex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni b'appoġġ għall-proċess politiku. F'dan ir-rigward, huwa jirrikonoxxi l-valur miżjud ta' rwol ieħor potenzjali għall-Unjoni fir-riforma tas-settur tas-sigurtà, b'appoġġ għall-isforzi tan-NU, filwaqt li tiġi żgurata parteċipazzjoni lokali.

(3)

Fil-15 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill approva Kunċett ta' Ġestjoni ta' Kriżijiet f'missjoni konsultattiva militari possibbli tal-Unjoni tal-PSDK fir-RĊA, biex jikkontribwixxi għar-riforma tal-FACA.

(4)

Permezz ta' ittra tas-16 ta' Jannar 2015, ix-'Chef de l'État de Transition' tar-RĊA stieden lill-Unjoni tibgħat missjoni konsultattiva militari tal-UE fir-RĊA.

(5)

EUMAM RCA għandha timplimenta malajr kemm jista' jkun il-Kapaċità Operattiva Sħiħa (FOC).

(6)

Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli, kontroll politiku fuq il-missjoni konsultattiva militari tal-PSDK tal-Unjoni, jagħtiha direzzjoni strateġika u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(7)

Huwa meħtieġ li jiġu negozjati u konklużi ftehimiet internazzjonali relatati mal-istatus ta' unitajiet u persunal tal-UE u mal-parteċipazzjoni ta' Stati terzi f'missjonijiet tal-Unjoni.

(8)

F'konformità mal-Artikolu 41(2) TUE, u f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/871/PESK (1) li tistabbilixxi mekkaniżmu li jamministra l-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, in-nefqa operazzjonali li tirriżulta minn din id-Deċiżjoni, li jkollha implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, għandha titħallas mill-Istati Membri.

(9)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta' difiża. B'konsegwenza ta' dan, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, la hi marbuta biha u lanqas mhija soġġetta għall-applikazzjoni tagħha u ma tiħux sehem fil-finanzjament ta' din il-missjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Missjoni

1.   L-Unjoni għandha twettaq Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA) biex tappoġġa lill-awtoritajiet tar-RĊA fit-tħejjija tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà li jmiss billi tgħin lill-FACA jimmaniġġjaw is-sitwazzjoni eżistenti tagħhom u jibnu l-kapaċità u l-kwalità meħtieġa biex tintlaħaq il-mira li l-FACA jsiru modernizzati, effettivi u responsabbli. Hija għandha tiffoka fuq l-azzjoni tagħha fiż-żona ta' Bangui.

2.   Il-EUMAM RCA għandha topera skont l-għanijiet politiċi, strateġiċi, politiċi-militari kif jinsabu fil-Kunċett ta' Ġestjoni ta' -Kriżijiet approvat mill-Kunsill fil-15 ta' Diċembru 2014.

Artikolu 2

Ħatra tal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE

1.   Il-Brigadier Ġenerali Dominique LAUGEL huwa b'dan maħtur Kmandant tal-Missjoni tal-UE tal-EUMAM RCA (il-Kmandant tal-Missjoni).

2.   Il-Kmandant tal-Missjoni għandu jeżerċita l-funzjonijiet ta' Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE u ta' Kmandant tal-Forza tal-UE.

Artikolu 3

Għażla tal-Kwartieri Ġenerali tal-Missjoni

1.   Il-Kwartieri Ġenerali tal-Missjoni tal-EUFOR RCA għandhom ikunu f'Bangui, ir-RĊA. Huma għandhom iwettqu l-funzjonijiet kemm ta' Kwartieri Ġenerali Operazzjonali kif ukoll ta' Kwartieri Ġenerali tal-Forza.

2.   Il-Kwartieri Ġenerali tal-Missjoni għandhom jinkludu ċellola ta' appoġġ fi Brussell.

Artikolu 4

Ippjanar u tnedija tal-EUMAM RCA

1.   Ir-Regoli tal-Ingaġġ meħtieġa għall-fażi preparatorja tal-EUMAM RCA għandhom jiġu approvati mill-Kunsill mill-aktar fis possibbli wara l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   Il-EUMAM RCA għandha tiġi mnedija b'Deċiżjoni tal-Kunsill fid-data rrakkomandata mill-Kmandant tal-Missjoni ladarba tkun laħqet il-Kapaċità Operattiva Inizjali (IOC) tagħha, wara l-approvazzjoni tal-Pjan tal-Missjoni u, jekk meħtieġ, tar-Regoli addizzjonali tal-Ingaġġ.

Artikolu 5

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUMAM RCA. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f'konformità mal-Artikolu 38 TUE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat biex jiġu emendati d-dokumenti tal-ippjanar, inkluż il-Pjan tal-Missjoni, u r-Regoli tal-Ingaġġ. Għandha tinkludi wkoll is-setgħa biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-Kmandanti sussegwenti tal-Missjoni. Is-setgħat ta' deċiżjoni rigward l-objettivi u t-tmiem tal-EUMAM RCA għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.

3.   Il-KPS f'intervalli regolari, jirċievi rapporti mill-president tal-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) rigward kif qed timxi l-EUMAM RCA. Il-KPS jista' jistieden lill-Kmandant tal-Missjoni għal-laqgħat tiegħu, kif xieraq.

Artikolu 6

Direzzjoni militari

1.   L-EUMC għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni korretta ta' EUMAM RCA li ssir taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant tal-Missjoni.

2.   L-EUMC għandu f'intervalli regolari, jirċievi rapporti mill-Kmandant tal-Missjoni. Huwa jista' jistieden lill-Kmandant tal-Missjoni għal-laqgħat tiegħu, kif xieraq.

3.   Il-president tal-EUMC għandu jaġixxi bħala l-punt ewlieni ta' kuntatt mal-Kmandant tal-Missjoni.

Artikolu 7

Konsistenza tar-rispons u l-koordinament tal-Unjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiżgura l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha mal-azzjoni esterna kollha tal-Unjoni, inklużi l-programmi ta' żvilupp tal-Unjoni u l-għajnuna umanitarja tagħha.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-katina ta' kmand, il-Kmandant tal-Missjoni għandu jirċievi gwida politika lokali mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni f'Bangui.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli, assistit mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), għandu jaġixxi bħala punt ta' kuntatt ewlieni man-Nazzjonijiet Uniti, l-awtoritajiet tar-RĊA u l-pajjiżi ġirien, l-Unjoni Afrikana (UA), il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali (ECCAS), kif ukoll ma' atturi internazzjonali u bilaterali oħrajn rilevanti.

4.   L-arranġamenti ta' koordinazzjoni bejn il-Kmandant tal-Missjoni, l-atturi tal-Unjoni u sħab strateġiċi ewlenin lokali rilevanti għall-operazzjoni għandhom jiġu definiti fil-Pjan tal-Missjoni.

Artikolu 8

Parteċipazzjoni ta' Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, u skont il-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-EUMAM RCA.

2.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS biex jistieden lil Stati terzi sabiex jipproponu kontribut u biex jieħu, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant tal-Missjoni u l-EUMC, id-deċiżjonijiet adatti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti.

3.   L-arranġamenti dettaljati għall-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 37 tat-TUE u f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Fejn l-Unjoni u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dan tal-aħħar f'missjonijiet ta' ġestjoni ta' kriżijiet tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta' tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUMAM RCA.

4.   L-Istati Terzi li jagħmlu kontributi militari sinifikanti għal EUMAM RCA għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tat-tmexxija ta' kuljum ta' EUMAM RCA bħall-Istati Membri parteċipanti tal-EUMAM RCA.

5.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti rigward it-twaqqif ta' Kumitat ta' Kontributuri, fil-każ li xi Stati terzi jipprovdu kontributi militari sinifikanti.

Artikolu 9

Status tal-persunal immexxi mill-UE

L-istatus tal-unitajiet u l-persunal immexxija mill-UE, inklużi l-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tagħhom, għandu jkun is-suġġett ta' ftehim konkluż skont l-Artikolu 37 TUE u f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 TFUE.

Artikolu 10

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ispejjeż komuni tal-EUMAM RCA għandhom jiġu amministrati skont id-Deċiżjoni 2011/871/PESK.

2.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-EUMAM RCA għandu jkun ta' EUR 7,9 miljun. Il-persentaġġ tal-ammont ta' referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni 2011/871/PESK għandu jkun 50 % u l-persentaġġ għall-impenn imsemmi fl-Artikolu 32(3) tad-Deċiżjoni 2011/871/PESK għandu jkun 70 %.

Artikolu 11

Ċellula ta' proġetti

1.   Il-EUMAM RCA għandu jkollha ċellola ta' proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' proġetti, biex jiġu ffinanzjati mill-Istati Membri jew l-Istati terzi li huma konsistenti mal-objettivi tagħha u jikkontribwixxu għat-twettiq tal-mandat.

2.   Soġġett għall-paragrafu 3, il-Kmandant tal-Missjoni għandu jkun awtorizzat li juża l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri jew minn Stati terzi sabiex jimplimenta proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw azzjonijiet oħra tal- EUMAM RCA b'mod konsistenti. F'dan il-każ. il-Kmandant tal-Missjoni għandu jikkonkludi arranġament ma' dawk l-Istati, li jkopri b'mod partikolari l-proċeduri speċifiċi biex jiġi ttrattat kwalunkwe lment minn partijiet terzi dwar dannu kkawżat bħala riżultat ta' atti jew ommissjonijiet minn EUMAM RCA fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.

L-Unjoni jew ir-Rappreżentant Għoli m'għandhom taħt l-ebda ċirkostanza jinżammu responsabbli mill-Istati li jikkontribwixxu bħala riżultat ta' atti jew ommissjonijiet minn EUMAM RCA fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.

3.   Il-KPS għandu jaqbel dwar l-aċċettazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Istati terzi għaċ-Ċellula ta' Proġetti.

Artikolu 12

Rilaxx ta' informazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lil Stati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni, kif adatt u f'konformità mal-ħtiġijiet ta' EUMAM RCA, informazzjoni klassifikata tal-UE ġġenerata għall-finijiet ta' EUMAM RCA, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2), kif ġej:

(a)

sal-livell previst mill-Ftehimiet applikabbli dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni konklużi bejn l-Unjoni u l-Istat terz ikkonċernat;

(b)

jew sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” f'każijiet oħrajn.

2.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat jgħaddi lin- NU u lill-UA, f'konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali ta' EUMAM RCA, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li hijaġġenerata għall-finijiet ta' EUMAM RCA, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għandhom isiru arranġamenti għal dan l-iskop bejn ir-Rappreżentant Għoli u l-awtoritajiet kompetenti tan-NU u tal-UA.

3.   Fil-każ ta' ħtieġa operazzjonali speċifika u immedjata, ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat ukoll jgħaddi lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li hija ġġenerata għall-finijiet ta' EUMAM RCA, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti għal dan l-iskop bejn ir-Rappreżentant Għoli u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti.

4.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat li jgħaddi lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE marbut mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar EUMAM RCA u li jkun kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (3).

5.   Ir-Rappreżentant Għoli jista' jiddelega tali awtorizzazzjonijiet, kif ukoll l-kapaċità li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmija f'dan l-Artikolu lill-uffiċjali tas-SEAE u/jew lill-Kmandant tal-Missjoni.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Il-EUMAM RCA għandha tintemm mhux aktar tard minn 12-il xahar wara li tkun laħqet il-FOC.

3.   Din id-Deċiżjoni għandha titħassar mid-data tal-għeluq tal-Kwartieri Ġenerali tal-Missjoni skont il-pjanijiet approvati għat-tmiem ta' EUMAM RCA, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li jirrigwardaw l-awditjar u l-preżentazzjoni tal-kontijiet ta' EUMAM RCA, kif stabbiliti fid-Deċiżjoni 2011/871/PESK.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Jannar 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/871/PESK tad-19 ta' Diċembru 2011 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) (ĠU L 343, 23.12.2011, p. 35).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta' Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).