SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla)
4 ta’ Lulju 2024 ( *1 )
“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Rapport ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dmir ta’ premura – Rikors għal annullament u għad-danni”
Fil-Kawża C‑5/23 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil‑5 ta’ Jannar 2023,
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat inizjalment minn G. Predonzani u K. Tóth, sussegwentement minn K. Tóth, bħala aġenti,
rikorrent,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
KD, irrappreżentata minn D.A. Pappa, dikigoros, A. Pappas, u S. Pappas, avukati,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn O. Spineanu-Matei, Presidenta tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑26 ta’ Ottubru 2022, KD vs EUIPO (T‑298/20, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2022:671), li permezz tagħha din annullat ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ KD għall-proċedura ta’ evalwazzjoni 2019 (iktar ’il quddiem ir-“rapport kontenzjuż”). |
Il-kuntest ġuridiku
Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea
|
2 |
L-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal” jipprevedi: “L-abilità, l-effiċjenza u l-imġiba fis-servizz ta’ kull uffiċjal għandhom ikunu suġġetti għal rapport annwali kif previst mill-awtorità tal-ħatra ta’ kull istituzzjoni skont l-Artikolu 110. Dak ir-rapport għandu jiddikjara jekk il-livell ta’ prestazzjoni tal-uffiċjal kienx sodisfaċenti jew le. L-awtorità tal-ħatra ta’ kull istituzzjoni għandha tistabbilixxi d-disposizzjonijiet li jagħtu d-dritt għal appell fi ħdan il-proċedura ta’ rappurtar, li għandu jiġi eżerċitat qabel ma jitressaq ilment kif imsemmi fl-Artikolu 90(2). Mill-grad AST 5, ir-rapport jista’ wkoll ikun fih opinjoni jekk l-uffiċjal, fuq il-bażi tal-prestazzjoni tiegħu, għandux il-potenzjal biex iwettaq il-funzjoni ta’ amministratur. Ir-rapport għandu jkun ikkomunikat lill-uffiċjal. Għandu jkun intitolat li jagħmel kwalunkwe kumment fuqhom li huwa jikkonsidra rilevanti.” |
|
3 |
L-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Kull persuna li japplikaw għaliha dawn ir-Regolamenti tal-Persunal tista’ tibgħat ilment lill-awtorità tal-ħatra kontra att li taffettwah [jaffettwaha] ħażin, kemm jekk l-imsemmi awtorità ħadet deċiżjoni, jew fejn naqset li tadotta miżura preskritta mir-Regolamenti tal-Persunal. L-ilment irid isir fi żmien tliet xhur. Il-perjodu jibda:
L-awtorità għandha tavża l-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni rraġunata tagħha fi żmien erbgħa xhur mid-data ta’ meta jsir l-ilment. Jekk fl-aħħar ta’ dak il-perjodu ma tasal l-ebda tweġiba għall-ilment, din titqies li tikkostitwixxi deċiżjoni taċita li ma taċċettahiex, li kontriha jista’ jsir appell taħt l-Artikolu 91.” |
|
4 |
L-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat kif ġej: “1. Id-dispożizzjonijiet ġenerali li jimplimentaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu adottati mill-awtorità tal-ħatra ta’ kull istituzzjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal u mal-Kumitat dwar ir-Regolamenti tal-Persunal. 2. Ir-regoli ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni [Ewropea] biex jiddaħħlu fis-seħħ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, fosthom id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, għandhom japplikaw ukoll għall-aġenziji. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-aġenziji bi kwalunkwe regola ta’ implimentazzjoni minnufih wara l-adozzjoni. Dawn ir-regoli ta’ implimentazzjoni għandhom jidħlu fis-seħħ għall-aġenziji disa’ xhur wara li jidħlu fis-seħħ għall-Kummissjoni jew disa’ xhur wara d-data meta l-Kummissjoni tinforma lill-aġenziji dwar l-adozzjoni tar-regola ta’ implimentazzjoni rispettiva tagħhom, liema waħda tkun l-aktar tard. Minkejja dan li għadu kif issemma, aġenzija tista’ wkoll tiddeċiedi li tali regoli ta’ implimentazzjoni għandhom jidħlu fis-seħħ f’data qabel. Permezz ta’ deroga, qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ disa’ xhur imsemmi fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal tagħha, aġenzija tista’ tressaq regoli ta’ implimentazzjoni differenti minn dawk adottati mill-Kummissjoni sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tapprovahom. Bl-istess kondizzjonijiet, aġenzija tista’ titlob il-ftehim tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli ta’ implimentazzjoni. F’dan il-każ, minflok ma taċċetta jew tirrifjuta t-talba, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-aġenzija tressaq għall-approvazzjoni tagħha regoli ta’ implimentazzjoni li jkunu differenti minn dawk adottati mill-Kummissjoni. Il-perjodu ta’ disa’ xhur imsemmi fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu sospiżi mid-data minn meta l-aġenzija titlob il-ftehim tal-Kummissjoni sad-data meta l-Kummissjoni tesprimi l-pożizzjoni tagħha. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal, aġenzija tista’ tressaq għall-ftehim tal-Kummissjoni r-regoli ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw suġġetti oħrajn u mhux ir-regoli ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni. Għall-finijiet tal-adozzjoni tar-regoli ta’ implimentazzjoni, l-aġenziji għandhom jiġu rrappreżentati mill-bord amministrattiv jew minn korp ekwivalenti msemmi fl-att tal-Unjoni dwar it-twaqqif tagħhom. 3. Għall-finijiet tal-adozzjoni tar-regoli bil-ftehim bejn l-istituzzjonijiet, l-aġenziji m’għandhomx jitqiesu bħala istituzzjonijiet. Madanakollu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-aġenziji qabel l-adozzjoni ta’ dawk ir-regoli. 4. Ir-regoli jdaħħlu fis-seħħ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, inklużi d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u r-regoli adottati permezz tal-ftehim bejn l-awtoritajiet tal-ħatra tal-istituzzjonijiet għandhom jitressqu għall-informazzjoni tal-persunal. 5. Id-dipartimenti amministattivi tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin regolarment dwar l-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal. F’dawk il-konsultazzjonijiet l-aġenziji għandhom ikunu rrappreżentati b’mod konġunt, skont ir-regoli li għandhom ikunu stabbiliti bejniethom. 6. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tamministra reġistru tar-regoli adottati mill-awtorità tal-ħatra ta’ kull istituzzjoni għad-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, u dawk ir-regoli adottati mill-aġenziji safejn jidderogaw mir-regoli adottati mill-Kummissjoni, f’konformità mal-proċedura prevista fil-paragrafu 2, inkluża kwalunkwe emenda għal dawn. L-istituzzjonijiet u l-aġenziji jkollhom aċċess dirett għal dak ir-reġistru u d-dritt sħiħ li jemendaw ir-regoli tagħhom stess. L-Istati Membri għandu jkollhom aċċess dirett għalih. Barra minn hekk, kull tliet snin, il-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-regoli adottati mill-awtorità tal-ħatra ta’ kull istituzzjoni għad-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal.” |
Id-DGE 43
|
5 |
Sabiex jimplimenta l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-EUIPO tapplika d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 8985 final, tas‑16 ta’ Diċembru 2013, dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 44 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“DGE 43”) L-Artikolu 7 tad-DGE 43 jipprevedi: “1. Ir-rifjut motivat tar-rapport mid-detentur tal-kariga […] iwassal għal riferiment awtomatiku lill-evalwatur tal-appell. […] […] 3. F’terminu ta’ għoxrin jum tax-xogħol mid-data tar-rifjut motivat tar-rapport u wara d-djalogu previst fil-paragrafu 2, l-evalwatur tal-appell għandu jikkonferma r-rapport jew jemendah billi jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu. […] 4. Wara d-deċiżjoni tal-evalwatur tal-appell, ir-rapport isir definittiv. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
6 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 2 sa 14 tas-sentenza appellata kif ġej:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
7 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Mejju 2020, KD ippreżentat rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tar-rapport kontenzjuż u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-dannu morali li hija ġarrbet minħabba dan ir-rapport. |
|
8 |
Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat tliet motivi. Dawn il-motivi kienu bbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll fuq żball ta’ fatt, it-tieni wieħed, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-dmir ta’ premura. |
|
9 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat ir-rapport kontenzjuż minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, żball ta’ fatt u ksur tad-dmir ta’ premura. |
|
10 |
L-ewwel nett, hija kkonstatat li l-evalwatur ma kienx immotiva l-marka li kien ta lil KD fir-rigward tal-kompetenza “Resiljenza”. |
|
11 |
It-tieni nett, hija kkunsidrat li l-evalwatur ma kienx stabbilixxa r-realtà tat-tfakkiriet għall-osservanza tal-iskadenzi li kienu ntbagħtu lil KD matul il-perijodu ta’ referenza. |
|
12 |
It-tielet nett, hija qieset li l-evalwatur kien naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-problemi ta’ saħħa ta’ KD li kien jaf bihom u li kienu komplew matul il-perijodu ta’ referenza, bi ksur tad-dmir ta’ premura tagħha. |
|
13 |
Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-annullament tar-rapport kontenzjuż kien jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens adegwat u suffiċjenti għad-danni allegati u ċaħdet it-talbiet għal kumpens. |
It-talbiet tal-partijiet fl-appell
|
14 |
L-EUIPO jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
15 |
KD titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-EUIPO jiġi kkundannat għall-ispejjeż. |
Fuq l-appell
|
16 |
Insostenn tal-appell tiegħu, l-EUIPO iqajjem erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi dwar in-natura legali tal-fajl prattiku dwar l-evalwazzjonijiet, il-ksur issanzjonat tal-obbligu ta’ motivazzjoni u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnu. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq l-iżnaturament tal-fatti u l-evalwazzjoni żbaljata tal-provi. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tad-dmir ta’ premura u fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Qorti Ġenerali. |
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
17 |
Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 23 sa 31 tas-sentenza appellata, żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta kkonkludiet li l-ammissibbiltà ta’ rikors kontra rapport ta’ evalwazzjoni ma hijiex suġġetta għall-eżawriment tar-rimedji nazzjonali. Huwa jsostni li l-Artikolu 7 tad-DGE 43, li jiġi applikabbli għalih b’analoġija bis-saħħa tal-Artikolu 110(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, jimponi wkoll fuq l-uffiċjal jew fuq il-membru tal-persunal li jkun jixtieq jikkontesta r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu l-obbligu li jippreżenta rikors intern minn qabel. |
|
18 |
KD tqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
19 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tan-natura tar-rapport ta’ evalwazzjoni previst fl-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jesprimi l-opinjoni liberament ifformulata mill-evalwaturi, u mhux l-evalwazzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, il-preżentata ta’ lment formali, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ma hijiex prerekwiżit neċessarju għall-preżentata ta’ rikors kontenzjuż dirett kontra tali att. Appell huwa għalhekk disponibbli mill-mument li fih ir-rapport ta’ evalwazzjoni jista’ jitqies bħala finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1980, Grassi vs Il‑Kunsill, 6/79 u 97/79, EU:C:1980:178, punt 15). |
|
20 |
Madankollu, l-EUIPO jsostni li din il-ġurisprudenza ma tipprekludix lill-Awtorità tal-Ħatra milli tistabbilixxi rimedju intern li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal li jkun irid jikkontesta l-evalwazzjoni tiegħu għandu jeżerċita qabel ma jkun jista’ jadixxi lill-qorti. |
|
21 |
L-EUIPO jqis li tali kompetenza hija mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra permezz tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi, fl-aħħar sentenza tiegħu, li “[l]-awtorità tal-ħatra ta’ kull istituzzjoni għandha tistabbilixxi d-disposizzjonijiet li jagħtu d-dritt għal appell fi ħdan il-proċedura ta’ rappurtar, li għandu jiġi eżerċitat qabel ma jitressaq ilment kif imsemmi fl-Artikolu 90(2)”. |
|
22 |
Madankollu, tali interpretazzjoni ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, għalkemm l-aħħar sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tipprevedi li l-Awtorità tal-Ħatra ta’ kull istituzzjoni għandha tadotta d-dispożizzjonijiet li jipprevedu d-dritt li jiġi ppreżentat, fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, rimedju intern, din bl-ebda mod ma tipprovdi li l-eżerċizzju ta’ tali rimedju huwa obbligu għall-uffiċjal jew għall-membru tal-persunal. |
|
23 |
Konsegwentement, l-Artikolu 7 tal-DGE 43, li permezz tiegħu l-Kummissjoni, li timplimenta l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, stabbilixxiet il-kundizzjonijiet li fihom l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal jista’ jippreżenta rimedju intern kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu, lanqas ma jista’ jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi kundizzjoni preliminari għall-preżentata ta’ rikors kontenzjuż. |
|
24 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenza mogħtija lilha mill-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal li tadotta d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal jekk, meta stabbilixxiet l-Artikolu 7 tad-DGE 43, hija kienet żiedet mal-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ aċċess għall-qorti tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal previsti fl-Artikoli 90(2) u 91 ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal. |
|
25 |
Konsegwentement, l-EUIPO ma huwiex fondat meta jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li KD setgħet tippreżentah b’rikors kontenzjuż mingħajr ma tkun eżerċitat minn qabel r-rimedju intern previst fl-Artikolu 7 tad-DGE 43. |
|
26 |
Għalhekk, l-ewwel aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
27 |
Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żbalji ta’ liġi billi qieset li l-evalwatur ta’ KD kien naqas milli jwettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu billi astjena milli jispjega għaliex KD kienet ingħatat marka inferjuri għall-marka meħtieġa għall-kompetenza “Reżiljenza” u li dan il-ksur kien jiġġustifika l-annullament tar-rapport kontenzjuż. |
|
28 |
Fl-ewwel lok, l-EUIPO jikkritika l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li l-fajl prattiku dwar l-evalwazzjonijiet jipprevedi, fil-punt 3.5.5 tal-Anness A tiegħu, regola imperattiva ta’ natura obbligatorja għall-evalwaturi. Skont l-EUIPO, dan il-fajl prattiku la jikkostitwixxi att ġuridiku u lanqas sett ta’ regoli ta’ kondotta, iżda jipprovdi biss indikazzjonijiet u kummenti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 43 u 44 tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-DGE 43. Minn dan l-EUIPO jikkonkludi li n-nuqqas ta’ osservanza tar-rakkomandazzjoni, stabbilita fil-punt 3.5.5 tal-Anness A tal-imsemmi fajl prattiku, li tipprovdi spjegazzjonijiet meta l-kompetenzi jiġu evalwati f’livell inferjuri għall-marka meħtieġa, ma jivvizzjax ir-rapport kontenzjuż b’difett ta’ motivazzjoni, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 79 u 80 tas-sentenza appellata. |
|
29 |
Fit-tieni lok, l-EUIPO jqis li r-rakkomandazzjoni lill-evalwaturi li tinsab fil-punt 3.5.5 tal-Anness A tal-fajl prattiku dwar l-evalwazzjonijiet teċċedi r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni li jirriżultaw mill-ġurisprudenza. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni m’għandux għalfejn jagħti spjegazzjoni eżawrjenti tal-provvisti tal-membru tal-persunal, iżda biss sabiex jippreżenta l-elementi determinanti. |
|
30 |
Fit-tielet lok, l-assenza ta’ spjegazzjoni fir-rapport kontenzjuż tal-marka miksuba taħt il-kompetenza “Reżiljenza” ma kellhiex impatt fuq l-evalwazzjoni ta’ KD li jiġġustifika l-annullament ta’ dan ir-rapport. |
|
31 |
KD tqis li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
32 |
Fl-ewwel lok, l-EUIPO jsostni li r-regola stabbilita fil-punt 3.5.5 tal-Anness A tal-fajl prattiku dwar l-evalwazzjonijiet, li tgħid li l-evalwatur jipprovdi spjegazzjonijiet meta kompetenza waħda jew iktar jiġu evalwati taħt il-livell meħtieġ, ma għandhiex portata obbligatorja, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 67 tas-sentenza appellata. |
|
33 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta istituzzjoni tadotta regoli ta’ kondotta indikattivi għall-intenzjoni tal-amministrazzjoni u meta hija tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet ikkonċernati minnhom, din l-istituzzjoni tillimita lilha nnifisha fis-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax, bħala prinċipju, tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, għal ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 1983, Blomefield vs Il‑Kummissjoni, 190/82, EU:C:1983:358, punt 20, u tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 40). |
|
34 |
F’dan il-każ, mhux biss ir-regola li tidher fil-punt 3.5.5 tal-Anness A tal-fajl dwar l-evalwazzjonijiet ġiet ippubblikata, iżda din kienet ukoll espressament riprodotta fir-rapport kontenzjuż fil-forma ta’ struzzjoni mogħtija lill-evalwatur fit-termini li ġejjin: “Jekk il-kompetenzi jiġu evalwati f’livell aktar baxx mill-punteġġ meħtieġ, fejn dan il-livell jaffettwa l-prestazzjonijiet, jekk jogħġbok ipprovdi spjegazzjonijiet fit-taqsima ‘Kummenti Ġenerali dwar il-kompetenzi’.” |
|
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-imsemmija regola kellha valur imperattiv, minkejja l-fatt li huwa ppreċiżat fil-fajl prattiku dwar l-evalwazzjonijiet li ma għandux valur legali. |
|
36 |
Fit-tieni lok, l-EUIPO jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli imponiet fuq l-evalwatur obbligu ta’ motivazzjoni iktar oneruż minn dak meħtieġ mill-ġurisprudenza. Madankollu, kif ġie espost preċedentement, il-Qorti Ġenerali kkonstatat biss li l-EUIPO, meta adotta l-punt 3.5.5 tal-Anness A tal-fajl prattiku dwar l-evalwazzjonijiet, kien huwa stess impona fuq l-evalwaturi obbligu addizzjonali ta’ motivazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tiegħu u fakkret li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, l-osservanza tal-ugwaljanza fit-trattament u tal-aspettattivi leġittimi kienet teżiġi għalhekk li dan l-obbligu jiġi osservat. |
|
37 |
Fit-tielet lok, l-EUIPO jsostni li, fi kwalunkwe każ, in-nuqqas ta’ motivazzjoni li huwa akkużat bih ma affettwax il-fondatezza tal-evalwazzjoni ġenerali ta’ KD, b’mod li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li tali nuqqas ta’ motivazzjoni kien ta’ natura li jiġġustifika, waħdu, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni. |
|
38 |
Madankollu, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni msemmi fl-Artikolu 296 TFUE u mfakkar fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea huwa prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni, li għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tevalwa l-fondatezza tal-att li jikkawżalha preġudizzju u l-opportunità li tippreżenta rikors ġudizzjarju intiż li jikkontesta l-legalità tiegħu u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2022, Thunus et vs BEI, C‑91/21 P, EU:C:2022:928, punt 81). |
|
39 |
Huwa għalhekk li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, YG vs Il‑Kummissjoni, C‑361/20 P, EU:C:2022:17, punt 41), li l-ksur tagħha jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni li hija tivvizzja. |
|
40 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li n-nuqqas ta’ motivazzjoni li jivvizzja r-rapport inkwistjoni kien jiġġustifika l-annullament tiegħu. |
|
41 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tielet aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
42 |
Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-EUIPO jqis li, fil-punti 93 u 96 sa 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u evalwat b’mod żbaljat il-provi tal-kawża. |
|
43 |
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova billi talbet lill-EUIPO jistabbilixxi li huwa kien tabilħaqq għamel it-tfakkiriet għall-osservanza tal-iskadenzi li għalihom kienet suġġetta KD matul il-perijodu ta’ referenza. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni ma hijiex obbligata tibgħat tfakkiriet jew twissijiet bil-miktub li jikkonċernaw skadenza partikolari lil membru tal-persunal kull meta jkun neċessarju. |
|
44 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tidher li vvizzjat ir-raġunament tagħha b’kontradizzjoni manifesta fir-rigward tad-domanda tal-eżistenza ta’ dawn it-tfakkiriet fir-rigward tal-iskadenzi. Fil-fatt, minn naħa, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, jidher li ġie meqjus li l-EUIPO kien naqas milli jipprovdi l-iċken element ta’ prova intiża li tistabbilixxi r-realtà tal-imsemmija tifkiriet. Min-naħa l-oħra, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, hija tidher li ċaħdet bħala inammissibbli l-provi prodotti minn EUIPO fl-Annessi D1 sa D5 tal-kontroreplika għall-finijiet li tiġi prodotta prova ta’ dawn l-istess tfakkiriet. |
|
45 |
KDs issostni li t-tielet aggravju ma huwiex fondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
46 |
Fl-ewwel lok, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali qalbet indebitament l-oneru tal-prova, billi imponiet fuq l-EUIPO l-oneru tal-prova tar-realtà tat-tfakkiriet għall-osservanza tal-iskadenzi li s-superjur ġerarkiku kien bagħat lil KD, matul il-perijodu ta’ referenza, ma huwiex fondat. |
|
47 |
Fil-fatt, kif ġie deċiż b’mod kostanti mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni ma jimponux li tiġi prodotta l-prova ta’ fatt negattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1988, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 104/86, EU:C:1988:171, punt 11). |
|
48 |
Konsegwentement, KD ma tistax tiġi obbligata tipproduċi l-prova li hija ma kienet is-suġġett ta’ ebda tfakkira fir-rigward tal-iskadenzi matul il-perijodu ta’ referenza. |
|
49 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li l-EUIPO kellu jipproduċi tal-inqas bidu ta’ prova tar-realtà ta’ dawn it-tfakkiriet imsemmija fir-rapport kontenzjuż. Dan l-oneru tal-prova ma jimponix fuq l-EUIPO li jindirizza lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tiegħu biss tfakkiriet jew twissijiet bil-miktub, iżda li jżomm provi ta’ nuqqasijiet sinjifikattivi jew ripetuti, jekk huwa jkun jixtieq ikun jista’ jinvokahom sussegwentement. |
|
50 |
Fit-tieni lok, l-EUIPO jirrileva l-kontradizzjoni li biha l-Qorti Ġenerali allegatament ivvizzjat is-sentenza appellata billi kkontestat ir-realtà tat-tfakkiriet wara li ċaħdet bħala inammissibbli, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, il-provi ta’ dawn it-tfakkiriet li huwa pproduċa quddiem din il-qorti, fl-annessi D 1 sa D 5 tal-kontroreplika. |
|
51 |
Madankollu, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 88 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha jipprevedi li l-provi għandhom jiġu prodotti fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti u jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu, li huma jistgħu jkunu fir-replika jew fil-kontroreplika biss jekk il-preżentazzjoni tardiva tagħhom tkun debitament iġġustifikata. |
|
52 |
Issa, peress li l-elementi li l-EUIPO jqis li huma ta’ natura li jistabbilixxu r-realtà tat-tfakkiriet indirizzati lil KD ġew prodotti mingħajr ġustifikazzjoni fl-istadju tal-kontroreplika, il-Qorti Ġenerali ċaħdithom bħala inammissibbli billi applikat ir-regoli fir-Regoli tal-Proċedura tagħha li ma ġewx ikkritikati fil-kuntest tal-appell. |
|
53 |
Konsegwentement, billi kkonstatat li, fid-dawl tal-proċess sottomess lilha, ir-realtà tat-tfakkiriet għall-osservanza tal-iskadenzi li s-superjura ġerarkika allegatament indirizzat lil KD matul il-perijodu ta’ referenza ma kinitx stabbilita, il-Qorti Ġenerali ma vvizzjatx is-sentenza tagħha la bi żball ta’ liġi u lanqas b’kontradizzjoni tal-motivi. |
|
54 |
Fl-aħħar nett, anki jekk jitqies li l-ilment ibbażat fuq żnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, invokat ukoll mill-EUIPO fit-tielet aggravju tiegħu, huwa distint miż-żewġ ilmenti tal-istess motiv eżaminati preċedentement, dan l-ilment huwa, fin-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet li jippermettu li tiġi evalwata l-portata, iddestinat li jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
|
55 |
It-tielet aggravju għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud. |
Fuq ir-raba’ aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
56 |
Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, dirett kontra l-punti 121 sa 129 tas-sentenza appellata, l-EUIPO jqajjem l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tad-dmir ta’ premura kif ukoll il-ksur minnha tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu. |
|
57 |
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-EUIPO kellu debitament jieħu inkunsiderazzjoni l-problemi ta’ saħħa ta’ KD fid-dawl tal-adozzjoni tar-rapport kontenzjuż. |
|
58 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, meta l-evalwatur ma jkollux raġuni sabiex jikkunsidra li l-assenzi tal-persuna li tokkupa l-post li jkunu ġġustifikati mill-problemi tas-saħħa tagħha seta’ kellhom effett sinjifikattiv fuq il-provvisti tagħha, hija ma tistax tiġi kkritikata li ma semmietx u lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni dawn il-problemi fir-rapport tagħha. |
|
59 |
It-tieni nett, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni jidher li jevalwaw il-kompetenzi, ir-rendiment u l-kondotta fis-servizz tal-membru tal-persunal matul il-perijodu realment maħdum. Il-perijodu li matulu dan ikun assenti minħabba raġunijiet iġġustifikati (pereżempju, mard, inċident, leave parentali jew tal-familja, leave tal-maternità) jidher li jkun eskluż mill-perijodu ta’ referenza. Jekk din l-assenza tkun twila jew sinjifikattiva sal-punt li jkollha impatt fuq il-prestazzjonijiet, l-għanijiet annwali tal-membru tal-persunal jistgħu jiġu adattati skont dan, jew in-nuqqas ta’ twettiq tagħhom iġġustifikat. |
|
60 |
It-tielet nett, id-data medika tidher li hija rċevuta u pproċessata direttament mis-servizz mediku tal-EUIPO u ma tkunx trażmessa lill-evalwaturi jew, b’mod iktar ġenerali, lill-amministrazzjoni. Huwa għalhekk li d-data personali dwar is-saħħa tal-membri tal-persunal ma tissemmiex fir-rapporti ta’ evalwazzjoni. |
|
61 |
Fit-tieni lok, l-EUIPO jilmenta li l-Qorti Ġenerali ma spjegatx għaliex l-evalwatur naqas mid-dmir ta’ premura tiegħu u lanqas dak li dan id-dmir impona fuqu li jagħmel. |
|
62 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, l-EUIPO ma jipperċepixxix ir-raġunijiet li għalihom l-evalwatur kellu jinkludi fir-rapport kontenzjuż il-problemi tas-saħħa ta’ KD, filwaqt li kellu evalwazzjoni fil-kumpless pożittiv fuq ix-xogħol ta’ dan l-aħħar. |
|
63 |
It-tieni nett, l-EUIPO jqis li s-sentenza appellata ma tippermettix li wieħed jifhem kif il-problemi ta’ saħħa ta’ KD kellhom jiġu invokati fir-rapport kontenzjuż, filwaqt li l-evalwatur ma kienx f’pożizzjoni li jevalwa l-istat ta’ saħħa ta’ dan il-membru tal-persunal. |
|
64 |
Fl-aħħar nett, l-EUIPO jistaqsi jekk il-kunsiderazzjoni li l-Qorti Ġenerali teħtieġ li tingħata lill-problemi tas-saħħa ta’ KD tippreżumix it-titjib jew l-aġġornament tal-evalwazzjoni tagħha. Jidhrilha li jkun ukoll inġustifikat li jingħata vantaġġ lil membru tal-persunal peress li kien assenti minħabba mard kif allegat fil-konfront tiegħu tali assenza. |
|
65 |
KD issostni li r-raba’ aggravju ma jkunx fondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
66 |
Għandu jitfakkar li d-dmir ta’ premura jirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal u, b’analoġija, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku. Bħad-dritt għal amministrazzjoni tajba, dan il-bilanċ jimplika b’mod partikolari li, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’dan il-mod, hija tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll, b’mod partikolari, dak tal-membru tal-persunal ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, FV vs Il‑Kunsill, C‑875/19 P, EU:C:2021:283, punt 98). |
|
67 |
Kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 125 tas-sentenza appellata, id-dmir ta’ premura jimponi fuq l-amministrazzjoni b’mod partikolari li tieħu debitament inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, problemi ta’ saħħa tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat, meta hija tadotta r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu. |
|
68 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li r-rapport kontenzjuż ma kienx jinkludi l-ebda riferiment għall-problemi tas-saħħa, għalkemm importanti, li KD iltaqgħet magħhom matul il-perijodu ta’ referenza, b’mod li hija kkonkludiet ksur tad-dmir ta’ premura. |
|
69 |
L-EUIPO jikkritika din il-konklużjoni billi jsostni, fl-ewwel lok, li l-problemi ta’ saħħa tal-uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal għandhom, jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rapport ta’ evalwazzjoni biss fil-każ fejn l-istat ta’ saħħa ta’dan l-uffiċjal jew ta’ dan il-membru tal-persunal ikun iġġustifika assenzi tant twal jew frekwenti li jipprekludu li dan tal-aħħar jiġi evalwat b’mod sħiħ għall-eżerċizzju kkunsidrat. |
|
70 |
Madankollu, interpretazzjoni daqstant restrittiva tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-istat ta’ saħħa tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal mill-evalwatur tiegħu ma tistax tiġi aċċettata, peress li l-problemi ta’ saħħa tiegħu jistgħu wkoll jaffettwaw il-prestazzjonijiet tiegħu matul il-perijodi maħduma. |
|
71 |
Fit-tieni lok, l-EUIPO jsostni li l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni medika tipprekludi li din tissemma fir-rapport ta’ evalwazzjoni. |
|
72 |
Madankollu, il-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni ma tipprekludix lill-ġerarkija ta’ membru tal-persunal li jbati minn marda twila u għalhekk spiss assenti milli tkun taf bil-problemi tas-saħħa tiegħu, anki mingħajr ma tkun taf in-natura eżatta tagħha. |
|
73 |
F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li, minn naħa, KD kienet għaddiet minn problemi serji ta’ saħħa matul is-snin 2015 sal-2018 u ma kinitx għadha għelbiethom fl‑2019, kif juru l-assenzi tagħha għal raġunijiet ta’ saħħa matul dan il-perijodu, u li, min-naħa l-oħra, l-evalwatur tagħha kien jaf b’dawn il-problemi. |
|
74 |
Għaldaqstant, il-kunfidenzjalità tad-data medika ma setgħetx tiġġustifika s-silenzju li hemm fir-rapport kontenzjuż dwar il-problemi tas-saħħa ta’ KD. |
|
75 |
Fit-tielet lok, l-EUIPO jikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, sa fejn hija la spjegat għaliex l-evalwatur naqas mid-dmir ta’ premura tiegħu u lanqas kif il-problemi ta’ saħħa ta’ KD kellhom jiġu riflessi fir-rapport kontenzjuż. |
|
76 |
Madankollu, kif tfakkar fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, fiex jikkonsisti l-ksur tad-dmir ta’ premura li bih ikun vvizzjat ir-rapport kontenzjuż ma jinkludix l-inqas riferiment għall-problemi ta’ saħħa ta’ KD. |
|
77 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma spjegatx kif l-evalwatur kellu jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-problemi ta’ saħħa, peress li n-nuqqas mid-dmir ta’ premura kkonstatat fis-sentenza appellata ma jirriżultax minn teħid inkunsiderazzjoni mhux xieraq, iżda min-nuqqas ta’ kull riferiment fir-rapport kontenzjuż għall-imsemmija problemi ta’ saħħa. |
|
78 |
Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali, mingħajr ma mmotivatu, għamlet il-konstatazzjoni ta’ ksur mill-EUIPO tad-dmir ta’ premura tiegħu jkun infondat. |
|
79 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud. |
|
80 |
Peress li ebda wieħed mill-aggravji ma għandhom jintlaqgħu, l-appell għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
|
81 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-EUIPO tilef fir-rigward tal-aggravji tiegħu, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub minn KD. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.