KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
NORKUS
ippreżentati fit‑12 ta’ Ġunju 2025 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑296/24 sa C‑307/24 [Jouxy] ( i )
SM,
PX (C‑296/24)
CY (C‑297/24)
LK,
MF (C‑298/24)
OP,
TD (C‑299/24)
MY,
IX (C‑300/24)
AH,
CJ (C‑301/24)
AE (C‑302/24)
BF,
CG (C‑303/24)
LH (C‑304/24)
TB,
MV (C‑305/24)
KN,
PE (C‑306/24)
NB (C‑307/24)
vs
Caisse pour l’avenir des enfants
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Lussemburgu))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 45 TFUE – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 67 – Moviment liberu tal-ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Vantaġġi soċjali – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(2) – Allowance tal-familja – Esklużjoni ta’ wild il-konjuġi jew is-sieħeb/is-sieħba tal-ħaddiem mhux residenti – Differenza fit-trattament bejn ulied residenti u mhux residenti – Kunċett ta’ ‘membru tal-familja’ – Kunċett relatat mal-fatt li wieħed ‘imantni’ wild – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Preżunzjoni bbażata fuq il-fatt li l-ħaddiem u l-wild ikunu jgħixu fl-istess dar”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirrisjedu, skont il-każ, il-Belġju, il-Ġermanja u Franza iżda jaħdmu l-Lussemburgu. Għalhekk, huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Il-kontenut tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din il-leġiżlazzjoni huwa magħruf mill-Qorti tal-Ġustizzja li, wara, b’mod partikolari, talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-conseil supérieur de la sécurité sociale (il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali, il-Lussemburgu) ( 2 ), kellha l-okkażjoni tispjegah fil-kuntest ġuridiku tas-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (Wild il-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier) ( 3 ), li kienet tikkonċerna kawża li tirrigwarda l-istess allowance tal-familja bħal dik inkwistjoni f’dawn il-kawżi magħquda. |
|
2. |
Fil-fatt, dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw, għal darba oħra, id-dispożizzjonijiet tal-liġi Lussemburgiża, li jipprevedu li ħaddiem fruntalier jista’ jibbenefika, sa mill‑1 ta’ Awwissu 2016, minn allowance tal-familja, għall-ulied li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “membru tal-familja” biss, kif iddefinit mill-imsemmija dispożizzjonijiet, jiġifieri l-ulied imwielda fiż-żwieġ, l-ulied imwielda barra ż-żwieġ u l-ulied adottivi. |
|
3. |
Dawn it-talbiet tressqu mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Lussemburgu) fil-kuntest ta’ tnax-il tilwima bejn diversi ħaddiema fruntalieri u l-Caisse pour l’avenir des enfants (il-Fond għall-Futur tal-Ulied) (iktar ’il quddiem iċ-“CAE”), fir-rigward tar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti allowance tal-familja lil dawn il-ħaddiema għal, skont il-każ, wild il-konjuġi jew is-sieħeb irreġistrat/is-sieħba rreġistrata, għar-raġuni li dawn l-ulied ma kellhom ebda parentela mal-ħaddiema fruntalieri kkonċernati u għalhekk ma kellhomx il-kwalità ta’ “membru tal-familja”, skont id-definizzjoni mogħtija lil dan it-terminu mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża. |
|
4. |
Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb kjarifiki dwar l-espressjoni li wieħed “imantni lill-wild”, peress li tali kunċett kien ġie stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, tal-Artikolu 1(i) u tal-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 ( 4 ), kif ukoll tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 ( 5 ). |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
5. |
Minbarra l-Artikolu 45 TFUE, fil-kuntest ta’ din il-kawża huma rilevanti l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 ( 6 ), l-Artikolu 1(i), l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4, l-Artikolu 67 u l-Artikolu 68(1)(b) tar-Regolament Nru 883/2004, l-Artikolu 7(1) u (2), l-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 492/2011, kif ukoll l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1)(c) u (2) tad-Direttiva 2014/54 ( 7 ). |
B. Id-dritt Lussemburgiż
|
6. |
Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma l-Artikoli 269 u 270 tal-code de la sécurité sociale (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali) ( 8 ). |
|
7. |
L-Artikolu 269 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Kundizzjonijiet għall-għoti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Qiegħda tiġi introdotta allowance għall-futur tal-ulied, iktar ’il quddiem ‘allowance tal-familja’. Għandhom dritt għall-allowance tal-familja:
|
|
8. |
L-Artikolu 270 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi: “Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 269(1)(b), huma kkunsidrati bħala membri tal-familja ta’ persuna u għandhom dritt għall-allowance tal-familja, l-ulied imwielda fiż-żwieġ, l-ulied imwielda barra ż-żwieġ u l-ulied adottivi ta’ din il-persuna.” |
III. Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
9. |
Mit-tnax-il deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawżi magħquda C‑296/24 sa C‑307/24 jirriżulta li ċ-CAE rtira, abbażi tal-Artikoli 269 u 270 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ( 9 ), b’effett mill‑1 ta’ Awwissu 2016, il-benefiċċju tal-allowances tal-familja riċevuti għal ulied il-konjuġi tagħhom jew is-sieħeb irreġistrat/is-sieħba rreġistrata tagħhom għar-raġuni li dawn l-ulied, li ma kellhomx rabta ta’ filjazzjoni mar-rikorrenti, ma kellhomx il-kwalità ta’ “membru tal-familja”, fis-sens tal-Artikolu 270 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali. |
|
10. |
Il-Conseil arbitral de la sécurité sociale (il-Kunsill Arbitrali tas-Sigurtà Soċjali, il-Lussemburgu) laqa’ r-rikorsi tar-rikorrenti intiżi li jistabbilixxu mill-ġdid il-ħlas tal-allowance tal-familja inkwistjoni. Madankollu, il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali kkonferma, billi rriformaha, id-deċiżjoni taċ-CAE li jirtira lir-rikorrenti l-benefiċċju ta’ din l-allowance. |
|
11. |
Ir-rikorrenti appellaw quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) billi argumentaw, fost ħwejjeġ oħra, li din id-deċiżjoni kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, li din kienet ibbażata fuq interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett relatat mal-fatt li wieħed “imantni” lil wild mhux bijoloġiku tal-ħaddiem fruntalier, li tmur kontra il-ġurisprudenza li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants. |
|
12. |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, billi interpretat l-Artikolu 1(i) u l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 u mal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, issuġġettat id-dritt tal-ħaddiem fruntalier li jibbenefika mill-ħlas tal-allowance tal-familja inkwistjoni fir-rigward ta’ wild il-konjuġi tiegħu, li miegħu ma jkollu ebda rabta ta’ filjazzjoni, għall-prova li huwa jkun jissodisfa l-kundizzjoni li wieħed imantni lil dan il-wild. |
|
13. |
Fir-rigward tal-iżvilupp fl-interpretazzjoni ta’ din il-kundizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tosserva, qabelxejn, li l-kunċett relatat mal-fatt li wieħed “imantni” kien inizjalment użat mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi ddikjarat, fil-kawżi Bernini ( 10 ), Meeusen ( 11 ), Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi ( 12 ), kif ukoll Giersch et ( 13 ), li ħaddiem fruntalier jista’ jibbenefika mill-ħlas ta’ benefiċċju statali bħala vantaġġ soċjali, jiġifieri għajnuna finanzjarja għal studji fil-livell terzjarju, għall-wild tiegħu stess, meta huwa jkompli jmantni lil dan il-wild. |
|
14. |
Imbagħad, l-imsemmija qorti tirreferi għas-sentenza Depesme et ( 14 ) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, dejjem fil-kuntest ta’ vantaġġ soċjali li jikkonsisti f’għajnuna finanzjarja għal studji fil-livell terzjarju, iżda fir-rigward ta’ wild li ma jkollu ebda rabta ta’ filjazzjoni mal-ħaddiem fruntalier, il-portata ta’ dan il-kunċett. |
|
15. |
Finalment, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja, iktar reċentement, użat l-imsemmi kunċett, fis-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants ( 15 ), sabiex tiddetermina jekk ħaddiem fruntalier setax jibbenefika mill-vantaġġ soċjali li jikkonsisti fil-ħlas ta’ allowance tal-familja, fir-rigward ta’ wild li miegħu ma kellu ebda rabta ta’ filjazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li r-rekwiżit li ħaddiem fruntalier ikun imantni lill-wild jirriżulta minn sitwazzjoni fattwali, li hija l-amministrazzjoni, u jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw, fuq il-bażi tal-provi prodotti mill-persuna kkonċernata, mingħajr il-ħtieġa li dawn jiddeterminaw ir-raġunijiet għal din il-kontribuzzjoni jew li jikkwantifikaw l-ammont eżatt tagħha. |
|
16. |
Il-qorti tar-rinviju tiddeduċi minn dan li, anki jekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istess kunċett ikun jaqa’ fil-kuntest ta’ sitwazzjoni fattwali, huwa ma huwiex eskluż, madankollu, mill-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, filwaqt li tirreferi għas-sentenza Depesme et ( 16 ), dik il-qorti tqis li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni relatata mal-benefiċċju ta’ vantaġġi soċjali, dan huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġ applikazzjoni u interpretazzjoni uniformi. |
|
17. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet, b’deċiżjonijiet tal‑25 ta’ April 2024, li waslu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ April 2024, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, liema domandi huma fformulati bi kliem identiku f’kull waħda mill-Kawżi magħquda C‑296/24 sa C‑307/24:
|
|
18. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’kull waħda mill-kawżi magħquda, miċ-CAE, mill-Gvern Ċek, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jsirux seduti għas-sottomissjonijiet orali f’dawn il-kawżi. |
IV. Analiżi
|
19. |
Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li fl-opinjoni tiegħi għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-kunċett relatat mal-fatt li wieħed “imantni” wild, kif stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, tal-Artikolu 1(i) u tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, kif ukoll tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, u b’mod partikolari, mis-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants. |
|
20. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nagħmel qabelxejn xi kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-elementi ġuridiċi li minnhom joriġinaw id-dubji tal-qorti tar-rinviju (Taqsima A), sabiex imbagħad neżamina l-oriġini, l-iżvilupp (Taqsima B), u mbagħad il-portata ta’ dan il-kunċett, kif stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Taqsima C). Finalment, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-imsemmi kunċett, ser nipproponi li tiġi stabbilita preżunzjoni bbażata fuq il-fatt li l-ħaddiem fruntalier u wild il-konjuġi tiegħu jew is-sieħeb irreġistrat/is-sieħba rreġistrata tiegħu jkunu jgħixu fl-istess dar (Taqsima D). |
A. Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-elementi ġuridiċi li minnhom joriġinaw id-dubji tal-qorti tar-rinviju
|
21. |
Minn qari ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam, u b’mod partikolari, fuq dik li toħroġ mis-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants. Kif semmejt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kawżi inkwistjoni jaqgħu fil-kuntest tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza, li kienet tirrigwarda wkoll ir-riforma tas-sistema tal-għoti tal-benefiċċji tal-familja fil-Lussemburgu. Din ir-riforma, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Awwissu 2016, emendat il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali billi eskludiet, b’mod partikolari, ulied konjuġi jew sieħeb/sieħba mill-kunċett ta’ “membru tal-familja”, iddefinit fl-Artikolu 270 tiegħu ( 17 ). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina jekk l-allowance tal-familja inkwistjoni għandhiex titħallas lill-ħaddiem fruntalier għal wild il-konjuġi tiegħu, wild li miegħu ma kellu ebda rabta ta’ filjazzjoni ( 18 ). |
|
22. |
F’dan ir-rigward, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju stess, fis-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat, fl-ewwel lok, li allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju, minn ħaddiem fruntalier, ta’ attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru tikkostitwixxi vantaġġ soċjali ( 19 ), fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 ( 20 ). Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 1(i) u l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 u mal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru li abbażi tagħhom il-ħaddiema fruntalieri jistgħu jirċievu allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju, minn dawn tal-aħħar, ta’ attività bħala persuna impjegata f’dan l-Istat Membru għal uliedhom stess biss, bl-esklużjoni ta’ dawk tal-konjuġi tagħhom li magħhom huma ma jkollhom ebda rabta ta’ filjazzjoni, iżda li jmantnuhom, filwaqt li l-ulied kollha li jirrisjedu fl-imsemmi Stat Membru għandhom id-dritt li jirċievu din l-allowance ( 21 ). |
|
23. |
Fir-rigward tal-kawżi inkwistjoni, huwa importanti, fil-fehma tiegħi, li jiġi ppreċiżat li, permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju ma tikkontestax l-insenjamenti li jirriżultaw mis-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants u lanqas dawk li jirriżultaw mill-ġurisprudenza li fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja bbażata ruħha f’din is-sentenza ( 22 ). B’mod iktar preċiż, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li din il-qorti donnha ma tiddubitax li d-distinzjoni bbażata fuq ir-residenza stabbilita mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità ( 23 ). Għall-kuntrarju, l-imsemmija qorti, b’din il-premessa bħala l-punt ta’ tluq tagħha, donnha tikkunsidra li f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġettat id-dritt tal-ħaddiem fruntalier għall-għoti tal-allowance tal-familja fir-rigward ta’ wild il-konjuġi jew is-sieħeb/is-sieħba tiegħu, li miegħu ma jkollu ebda rabta ta’ filjazzjoni, għall-prova li huwa jkun jissodisfa l-kundizzjoni li jmantni lil dan il-wild ( 24 ). |
|
24. |
Fil-fatt, l-inċertezzi tal-qorti tar-rinviju donnhom joriġinaw mill-fatt li, kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet, wara s-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, iċ-CAE ma baqax jirrifjuta b’mod awtomatiku l-għoti tal-allowance tal-familja inkwistjoni lill-ħaddiema fruntalieri mhux residenti għal ulied il-konjuġi jew is-sieħeb irreġistrat/is-sieħba rreġistrata tagħhom. Madankollu, huwa jirrifjuta l-għoti ta’ din l-allowance abbażi ta’ applikazzjoni stretta tal-kunċett relatat mal-fatt li wieħed “imantni” li jirriżulta minn din is-sentenza. Għalhekk, peress li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dan il-kunċett jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, id-dubji li għandha din il-qorti jirrigwardaw biss l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-imsemmi kunċett. |
|
25. |
Qabel ma jingħataw lill-Qorti tal-Ġustizzja proposti dwar il-preċiżazzjonijiet mitluba mill-qorti tar-rinviju dwar il-portata tal-interpretazzjoni tal-istess kunċett, huwa importanti, fil-fehma tiegħi, li, għall-finijiet ta’ kjarezza, jiġu spjegati l-oriġini tiegħu u l-mod kif żviluppa fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
B. Fuq l-oriġini u l-iżvilupp tal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-kunċett relatat mal-fatt li wieħed “imantni” lill-wild
|
26. |
Kif inhu magħruf, huwa fil-kuntest tal-ġurisprudenza relatata mal-għajnuna finanzjarja għall-istudji fil-livell terzjarju ta’ wlied ħaddiema migranti li l-Qorti tal-Ġustizzja użat, għall-ewwel darba, l-espressjoni “imantni”. Fil-fatt, ir-rekwiżit li wieħed ikompli “jmantni” student ippermetta li tiġi stabbilita r-rabta neċessarja bejn il-ħaddiem u l-wild. |
1. Mis-sentenza Bernini sas-sentenza Depesme et: ir-rekwiżit ta’ “manteniment” ta’ wild bħala rabta neċessarja bejn il-ħaddiem u l-wild
|
27. |
Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet fit-tmeninijiet dwar għajnuna mogħtija għall-manteniment tal-istudenti u għat-taħriġ tagħhom ( 25 ), kien biss fis-sentenza Bernini, mogħtija fl‑1992, li hija stabbilixxiet ir-rekwiżit relatat man-neċessità li wieħed ikompli jmantni wild fil-kuntest ta’ studji barra mill-Istat Membru ospitanti. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li ħaddiem migrant jista’ jinvoka l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 ( 26 ) sabiex jibbenefika minn benefiċċji soċjali previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ospitanti favur ulied ħaddiema nazzjonali. Madankollu, hija ppreċiżat, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza Lebon ( 27 ), li dan il-benefiċċju ma jikkostitwixxix, għal dan il-ħaddiem, vantaġġ soċjali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni “ħlief sa fejn huwa jkompli jiżgura s-sostenn tad-dixxendent tiegħu” ( 28 ). |
|
28. |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta l-ħaddiem ikompli jmantni lill-wild, dan tal-aħħar ikun jista’ jinvoka din id-dispożizzjoni sabiex jikseb appoġġ finanzjarju għall-istudji taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikati għal ulied ħaddiema nazzjonali u b’mod partikolari mingħajr ma tkun tista’ tiġi imposta fuqu kundizzjoni addizzjonali relatata mar-residenza tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ( 29 ). |
|
29. |
Sussegwentement, fis-sentenzi Meeusen ( 30 ), Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi ( 31 ), jew Giersch et ( 32 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-membri tal-familja dipendenti minn ħaddiem migrant huma benefiċjarji indiretti tal-ugwaljanza fit-trattament mogħtija lil dan il-ħaddiem, u konsegwentement, il-benefiċċji inkwistjoni f’dawn il-kawżi, jiġifieri boroż ta’ studju fil-livell terzjarju, setgħu jingħataw lill-imsemmi ħaddiem biss kemm‑il darba jkompli jmantni lill-wild. |
|
30. |
Mill-banda l-oħra, f’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddefinixxix il-kunċett relatat mal-fatt li wieħed “imantni” wild. Madankollu, l-imsemmija sentenzi jippermettu li wieħed jifhem il-kuntest li fih jaqa’ dan il-kunċett. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddetermina jekk it-tgawdija tal-benefiċċji statali inkwistjoni, jiġifieri boroż ta’ studju, kinitx tikkostitwixxi, għall-ħaddiem migrant, vantaġġ soċjali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. It-tweġiba affermattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda kienet madankollu suġġetta għal kundizzjoni, jiġifieri li “l-ħaddiem jkompli jipprovdi għall-manteniment tal-wild” ( 33 ). Għalhekk, sa fejn il-membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant kienu benefiċjarji indiretti tal-ugwaljanza fit-trattament mogħtija lil dan il-ħaddiem minn din id-dispożizzjoni, din il-kundizzjoni kienet tissodisfa l-bżonn li tiġi stabbilita rabta tal-wild mal-imsemmi ħaddiem sabiex jiġi ddeterminat, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema u ta’ koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, jekk l-Istat Membru kkonċernat kellux iħallas il-benefiċċju inkwistjoni. |
|
31. |
F’dan il-kuntest ġurisprudenzjali, pass deċiżiv fl-iżvilupp ta’ din il-linja ġurisprudenzjali ttieħed bis-sentenza Depesme et ( 34 ). Fil-kawżi li wasslu għal din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li rreferiet għas-sentenza Giersch et, xtaqet, fl-ewwel lok, tkun taf jekk il-kliem “wild ħaddiem fruntalier” kinux jinkludu wlied il-konjuġi jew is-sieħeb irrikonoxxut/is-sieħba rrikonoxxuta mid-dritt nazzjonali ta’ dan il-ħaddiem. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, billi bbażat ruħha fuq il-kunċett ta’ “membru tal-familja” previst fil-punt 2(ċ) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 ( 35 ), li “wild ħaddiem fruntalier, li jista’ jibbenefika indirettament mill-benefiċċji soċjali msemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, bħall-finanzjament tal-istudji [f’edukazzjoni ogħla] mogħti minn Stat Membru lill-ulied tal-ħaddiema li jeżerċitaw jew li eżerċitaw l-attività tagħhom f’dan l-Istat”, ma għandux jitqies li huwa biss wild li jkollu rabta ta’ filjazzjoni ma’ dan il-ħaddiem, iżda wkoll wild il-konjuġi jew is-sieħeb irreġistrat/is-sieħba rreġistrata tal-imsemmi ħaddiem, meta dan tal-aħħar ikun imantni lil dan il-wild ( 36 ). |
|
32. |
Fl-imsemmija kawżi, il-qorti tar-rinviju staqsiet, fit-tieni lok, dwar l-effett tal-importanza tal-kontribuzzjoni, mill-ħaddiem fruntalier, għall-manteniment ta’ wild il-konjuġi tiegħu fuq id-dritt ta’ dan il-wild li jibbenefika minn għajnuna finanzjarja għall-istudji tiegħu, bħal dik inkwistjoni f’dawn l-istess kawżi ( 37 ). Sabiex twieġeb għal dawn id-dubji, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-kwalità ta’ membru tal-familja tal-ħaddiem fruntalier, li jkun dipendenti minn dan tal-aħħar, tirriżulta minn sitwazzjoni fattwali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet ir-raġunament tagħha billi, minn naħa, ippreċiżat li dan huwa membru tal-familja li s-sostenn tiegħu huwa żgurat mill-imsemmi ħaddiem, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu ddeterminati r-raġunijiet għal dan is-sostenn u mingħajr ma wieħed jistaqsi jekk il-persuna kkonċernata tkunx tinsab f’pożizzjoni li ssostni lilha nnifisha permezz tal-eżerċizzju ta’ attività rremunerata. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza Lebon ( 38 ), li din l-interpretazzjoni hija meħtieġa mill-prinċipju li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema, li jikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ ( 39 ). |
|
33. |
B’mod partikolari, ta’ min jinnota li, fir-rigward tal-kwalità ta’ membru tal-familja ta’ ħaddiem fruntalier li jkun dipendenti minn dan tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet – u dan għandu jiġi enfasizzat – li din il-kwalità tista’ tirriżulta, fejn tkun tikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ wild il-konjuġi jew is-sieħeb irrikonoxxut/is-sieħba rrikonoxxuta ta’ dan il-ħaddiem, minn elementi oġġettivi, bħall-fatt li dan il-ħaddiem u l-istudent ikunu jgħixu fl-istess dar ( 40 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit li wieħed “imantni” wild jirriżulta minn sitwazzjoni fattwali, li hija l-amministrazzjoni, u jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw, mingħajr ma jkun meħtieġ minnhom li jiddeterminaw ir-raġunijiet ta’ din il-kontribuzzjoni jew li jikkwantifikaw l-ammont eżatt tagħha ( 41 ). |
|
34. |
Minkejja l-assenza ta’ definizzjoni preċiża, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet, fil-punti 58, 60 u 64 tas-sentenza Depesme et ( 42 ), elementi li jippermettu li jiġu ddefiniti l-limiti tal-kunċett kontenzjuż, li għalihom ser nirritorna fil-kuntest tal-eżami tal-portata tiegħu ( 43 ). |
2. Is-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants: in-natura unika tal-kunċett ta’ “membru tal-familja” fid-dritt tal-Unjoni
|
35. |
Fis-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, li d-dispożittiv tagħha tfakkar iktar ’il fuq ( 44 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ttrasponiet il-ġurisprudenza esposta fil-punti preċedenti għall-allowances tal-familja fir-rigward ta’ wlied ħaddiema fruntalieri ( 45 ). B’differenza mill-kawżi li taw lok għal din il-ġurisprudenza, dik il-kawża kienet tirrigwarda wild li, fil-mument tal-fatti rilevanti, kien minorenni ( 46 ). Madankollu, fis-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli tuża l-espressjoni usa’“jmantni”, peress li tali kunċett kien ġie stabbilit fil-ġurisprudenza tagħha relatata mal-boroż ta’ studju fil-livell ta’ edukazzjoni terzjarja esposta iktar ’il fuq, li tinkludi wkoll l-ulied maġġorenni ta’ 21 sena, minkejja l-fatt li, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur tal-Unjoni jikkunsidra li l-ulied huma, fi kwalunkwe każ, meqjusa “dipendenti” sal-età ta’ 21 sena, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 2(ċ) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 ( 47 ). Iktar tard ser nirritorna għal dan l-element li, fil-fehma tiegħi, huwa importanti fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi ( 48 ). |
|
36. |
B’mod partikolari, fir-rigward ta’ dan il-kunċett, il-Qorti tal-Ġustizzja, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza Depesme et, użatu bħala kriterju essenzjali sabiex tiddetermina jekk l-amministrazzjoni nazzjonali kkonċernata kellhiex tħallas l-allowance tal-familja inkwistjoni lill-ħaddiem fruntalier għal wild il-konjuġi tiegħu li miegħu ma kellu ebda rabta ta’ filjazzjoni. Għalhekk, billi rreferiet għall-punt 64 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li r-rekwiżit li l-ħaddiem fruntalier jmantni lil dan il-wild jirriżulta minn sitwazzjoni fattwali, li hija l-amministrazzjoni, u jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw, abbażi tal-provi prodotti mill-persuna kkonċernata, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiddeterminaw ir-raġunijiet ta’ din il-kontribuzzjoni jew li jikkwantifikaw l-ammont eżatt tagħha ( 49 ). |
C. Fuq il-portata tal-kunċett relatat mal-fatt li wieħed “imantni”: l-importanza ta’ applikazzjoni uniformi
|
37. |
Għandu jiġi kkonstatat li l-espressjoni li wieħed “imantni wild” hija kunċett li jintuża konsistentement fil-ġurisprudenza kollha relatata, minn naħa, mal-għajnuna finanzjarja għall-istudji fil-livell terzjarju ta’ wlied ħaddiema migranti u fruntalieri, u min-naħa l-oħra, mal-allowances tal-familja fir-rigward ta’ wlied dawn il-ħaddiema fruntalieri ( 50 ). Fil-fatt, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tiżgura interpretazzjoni uniformi ta’ dan il-kunċett, billi tippreċiża l-kriterji li hija użat kull darba li hija rrikorriet għalih, filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-prinċipju li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema, li jikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ ( 51 ). |
1. Fuq il-konklużjonijiet li għandhom jinġibdu fir-rigward ta’ dawn il-kawżi mill-kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett inkwistjoni
|
38. |
Qari tal-ġurisprudenza jippermetti li jiġu identifikati xi kriterji essenzjali għall-interpretazzjoni tal-kunċett relatat mal-fatt li wieħed “imantni” wild. |
|
39. |
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-ulied huma, fi kwalunkwe każ, preżunti dipendenti sal-età ta’ 21 sena, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari mill-punt 2(ċ) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 ( 52 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kwalità ta’ membru tal-familja ta’ wild il-konjuġi jew is-sieħeb irrikonoxxut/is-sieħba rrikonoxxuta ta’ ħaddiem fruntalier li jkun dipendenti minn dan tal-aħħar tista’ oġġettivament tirriżulta mill-fatt li dan il-ħaddiem u l-wild ikunu jgħixu fl-istess dar ( 53 ). |
|
40. |
Fit-tieni lok, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li r-rekwiżit li l-ħaddiem imantni lill-wild jirriżulta minn sitwazzjoni fattwali, li hija l-amministrazzjoni, u jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw, abbażi tal-provi prodotti mill-persuna kkonċernata, hija enfasizzat ukoll, diversi drabi, li fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni ma huwiex meħtieġ minnhom li jiddeterminaw ir-raġunijiet ta’ din il-kontribuzzjoni jew li jikkwantifikaw l-ammont eżatt tagħha ( 54 ). |
|
41. |
F’dan il-każ, ma jidhirlix li hemm dubju, l-ewwel nett, li applikazzjoni stretta minn amministrazzjoni nazzjonali tal-kunċett kontenzjuż, bħal dik deskritta mill-qorti tar-rinviju, li tkun wasslet għar-rifjut tal-għoti tal-allowances tal-familja inkwistjoni, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kriterji ta’ interpretazzjoni stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha. Għalhekk, din l-applikazzjoni stretta ta’ dan il-kunċett twassal għal ksur tal-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema fruntalieri li ma huwiex kompatibbli la mal-Artikolu 45 TFUE u lanqas mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, u tikkomprometti għalhekk il-prinċipju ta’ interpretazzjoni wiesgħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 55 ). |
|
42. |
It-tieni nett, minkejja li l-imsemmi kunċett għandu jiġi interpretat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni fattwali, li għandha tiġi evalwata mill-amministrazzjoni u, jekk ikun il-każ, mill-qrati nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li n-nuqqas ta’ ċarezza tal-kriterji ta’ evalwazzjoni jkun, minn naħa, jista’ jqajjem inċertezzi inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn tali nuqqas ta’ ċarezza tal-kriterji ta’ evalwazzjoni jagħmilha iktar diffiċli għall-benefiċjarji potenzjali li jifhmu l-portata tad-drittijiet tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-ħaddiema kkonċernati jibqgħu fi stat ta’ inċertezza fir-rigward tal-possibbiltajiet irriżervati għalihom li jirrikorru għall-Artikolu 45 TFUE, kif implimentat mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, filwaqt li jkunu obbligatorjament suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-impjieg ( 56 ). |
|
43. |
It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li, minkejja s-sentenzi diġà mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-CAE jkompli jsib diffikultajiet meta jiġi biex jiddefinixxi dak li huwa kopert mill-istess kunċett, kif użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha. |
|
44. |
Għalhekk, huwa rilevanti, fil-fehma tiegħi, li tiġi eżaminata fil-qosor l-oriġini ta’ dawn id-diffikultajiet sabiex din il-linja ġurisprudenzjali tiġi ppreċiżata. |
2. Fuq id-diffikultajiet tal-amministrazzjonijiet nazzjonali sabiex jifhmu l-portata tal-kunċett inkwistjoni
|
45. |
Irrid nenfasizza li, minkejja l-kjarifiki mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiggwida lill-amministrazzjonijiet, u jekk ikun il-każ, lill-qrati nazzjonali, huwa ċar li l-ġurisprudenza għadha, sa ċertu punt, timxi każ b’każ meta tiġi biex tagħti tifsira konkreta lill-kunċett relatat mal-fatt li wieħed “imantni” wild, b’mod ġenerali, fid-dawl tad-diversifikazzjoni tal-istrutturi tal-familji, u b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ familji mħallta, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ( 57 ). Kif juru t-tnax-il domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li huwa faċli għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, bħaċ-CAE f’dan il-każ, sabiex jifhmu l-portata ta’ tali kunċett meta jiġu biex jiddeterminaw jekk, f’każ konkret, ħaddiem ikunx imantni wild il-konjuġi tiegħu jew is-sieħeb irreġistrat/is-sieħba rreġistrata tiegħu. |
|
46. |
Sabiex inkun iktar preċiż, ser insemmi li, f’dan il-każ, eżempju ta’ din id-diffikultà jirriżulta mill-fatt li, skont iċ-CAE, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatturi, bħaż-żmien imqatta’ flimkien, il-kwalità tar-relazzjonijiet, il-fatt li wieħed imantni direttament lill-wild, il-kwistjoni tad-domiċilju legali jew tar-residenza effettiva u kontinwa, il-kundizzjonijiet tal-kustodja jew l-investiment tal-ġenituri bijoloġiċi jew adottivi. |
|
47. |
F’dan ir-rigward, ikolli nammetti li nsib diffikultà sabiex nidentifika, fost dawn il-kriterji, il-preċiżazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja relatati mal-portata ta’ dan il-kunċett ( 58 ). B’mod partikolari, dan huwa l-każ meta din l-amministrazzjoni nazzjonali targumenta li mill-punt 52 tas-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants jirriżulta li l-fatt li ġenitur bijoloġiku jħallas il-manteniment lill-wild jista’ jkollu impatt fuq l-imsemmi kunċett. |
|
48. |
Jien ma naqbilx ma’ dan l-approċċ. |
|
49. |
Huwa minnu li l-kontenut tal-punt 52 tal-imsemmija sentenza jikkostitwixxi element importanti sabiex tinftiehem il-portata tal-istess kunċett, iżda l-interpretazzjoni taċ-CAE ma tistax tiġi adottata. Fil-fatt, f’din l-istess sentenza, kien jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-missieri bijoloġiku tal-wild ma kienx iħallas manteniment lil omm dan tal-aħħar. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat din iċ-ċirkustanza fattwali sabiex tgħin lill-qorti tar-rinviju fl-evalwazzjoni tagħha, bla ħsara tal-verifiki li kellha twettaq din tal-aħħar, filwaqt li kkonkludiet li l-ħaddiem fruntalier, li kien il-konjuġi ta’ omm dan il-wild, kien imantni lill-imsemmi wild. Għalhekk, dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħux jiġu kkunsidrati, minn naħa, bħala intiżi li jistabbilixxu l-eżistenza tal-obbligu tal-ħlas ta’ manteniment mill-ġenitur bijoloġiku bħala kriterju rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ċirkustanzi fattwali li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk wild il-konjuġi jew is-sieħeb irreġistrat/is-sieħba rreġistrata jkunx dipendenti mill-ħaddiem fruntalier. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija konstatazzjonijiet lanqas jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kriterju li jippermetti li jiġi eskluż li dan il-ħaddiem kien imantni lil dan l-istess wild. Għalhekk, il-punt 52 tas-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants ma għandux jinqara bħala indikazzjoni li l-kunċett kontenzjuż għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv ( 59 ). |
|
50. |
F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kwalità ta’ membru tal-familja dipendenti lanqas tippreżupponi dritt għall-obbligi ta’ manteniment. Hija ppreċiżat li, kieku dan kien il-każ, ir-riunifikazzjoni tal-familja kienet tkun tiddependi mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, li jvarjaw minn Stat għall-ieħor, u dan ikun isarraf f’applikazzjoni mhux uniformi tad-dritt tal-Unjoni ( 60 ). Barra minn hekk, nirrileva wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, diversi drabi, li sabiex jiġi evalwat jekk ħaddiem fruntalier ikunx “imantni” lill-wild, ma huwiex meħtieġ li l-amministrazzjonijiet u l-qrati nazzjonali jiddeterminaw ir-raġunijiet ta’ din il-kontribuzzjoni u lanqas li jikkwantifikaw l-ammont eżatt tagħha ( 61 ). |
|
51. |
Fid-dawl ta’ dan, dan il-kunċett għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi interpretat b’mod konsistenti fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, fid-dawl tal-oriġini u tal-iżvilupp ġurisprudenzjali tal-imsemmi kunċett u sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi, għandu jiġi ddeterminat jekk kriterju ta’ rabta oġġettiv, ibbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikunx jista’ jwassal għal preżunzjoni sempliċi, u għalhekk jgħin li tiġi ssalvagwardjata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
|
52. |
Għalhekk, ser neżamina r-rilevanza ta’ tali preżunzjoni fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi. |
D. Fuq il-preżunzjoni fir-rigward tal-portata tal-kunċett relatat mal-fatt li wieħed “imantni” wild
1. Kummenti preliminari dwar l-oriġini ta’ preżunzjoni sempliċi, ibbażata fuq kriterju ta’ rabta oġġettiv
|
53. |
Fis-sentenza Depesme et, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi l-limiti ta’ preżunzjoni fir-rigward tal-portata tal-kunċett relatat mal-fatt li wieħed “imantni” wild. |
|
54. |
Fl-ewwel lok, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li huwa meħtieġ li tiġi adottata interpretazzjoni wiesgħa ta’ tali kunċett. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, hija u tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk, f’każ partikolari, il-ħaddiem fruntalier ikunx imantni lil wild il-konjuġi tiegħu jew is-sieħeb irreġistrat/is-sieħba rreġistrata tiegħu, l-amministrazzjonijiet, u jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipju li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema, li jikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ ( 62 ). |
|
55. |
Fit-tieni lok, dan il-kunċett għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-definizzjoni ta’ “membru tal-familja” prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38. Għalhekk, mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq jirriżulta li l-kunċett ta’ “membru tal-familja” tal-ħaddiem fruntalier li jista’ jibbenefika indirettament mill-ugwaljanza fit-trattament, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, jikkorrispondi għal dak ta’ “membru tal-familja” fis-sens tal-punt 2(ċ) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, li jinkludi l-konjuġi jew is-sieħeb/is-sieħba li magħha ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun daħal f’kuntratt ta’ unjoni rreġistrata, id-dixxendenti diretti li jkollhom inqas minn 21 sena jew li jkunu dipendenti, u d-dixxendenti diretti tal-konjuġi jew tas-sieħeb/tas-sieħba ( 63 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li l-ulied huma, fi kwalunkwe każ, preżunti li huma dipendenti sal-età ta’ 21 sena, kif jirriżulta, b’mod partikolari, minn din l-aħħar dispożizzjoni ( 64 ). |
|
56. |
Fit-tielet u l-aħħar lok, mill-istess ġurisprudenza jirriżulta li, minn naħa, il-kwalità ta’ membru tal-familja ta’ wild il-konjuġi jew is-sieħeb irrikonoxxut/is-sieħba rrikonoxxuta ta’ ħaddiem fruntalier li jkun “dipendenti” minn dan tal-aħħar tista’ oġġettivament tirriżulta mill-fatt li dan il-ħaddiem u l-wild ikunu jgħixu fl-istess dar ( 65 ), u min-naħa l-oħra, li sabiex jiġi evalwat jekk il-ħaddiem fruntalier ikunx imantni lil dan il-wild, bl-ebda mod ma huwa meħtieġ li jiġu ddeterminati r-raġunijiet tal-kontribuzzjoni tal-ħaddiem fruntalier u lanqas li jiġi kkwantifikat l-ammont eżatt tagħha ( 66 ). |
2. Fuq il-preżunzjoni sempliċi bbażata fuq il-fatt li l-ħaddiem u l-wild ikkonċernat ikunu jgħixu fl-istess dar
|
57. |
Fid-dawl ta’ dawn it-tliet elementi, huwa, fil-fehma tiegħi, tassew rilevanti li tiġi kkunsidrata, b’applikazzjoni mutatis mutandis tas-sentenza Depesme et għal dawn il-kawżi, l-eżistenza ta’ preżunzjoni sempliċi bbażata fuq il-fatt li ħaddiem fruntalier u wild il-konjuġi jew is-sieħeb irreġistrat/is-sieħba rreġistrata jkunu jgħixu fl-istess dar. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, dawn huma elementi ta’ stabbilità li jixhdu komunità ta’ familja li tista’ tistabbilixxi li l-ħaddiem fruntalier imantni lil wild il-konjuġi tiegħu jew is-sieħeb irreġistrat/is-sieħba rreġistrata tiegħu li jkun jgħix taħt l-istess saqaf tiegħu. Fi kliem ieħor, dan il-wild huwa leġittimament preżunt li jibbenefika indirettament mill-allowances tal-familja inkwistjoni peress li jirrisjedi fl-istess dar u għalhekk jgħix f’komunità ta’ familja ma’ dan il-ħaddiem. Din id-dar komuni hija biżżejjed sabiex jingħata dritt għal dawn l-allowances tal-familja taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikati għall-ulied li jkollhom relazzjoni ta’ filjazzjoni mal-ħaddiem jew dawk f’sitwazzjoni komparabbli mal-ulied li jkunu jirrisjedu fl-Istat Membru tal-impjieg ( 67 ). |
|
58. |
Għaldaqstant u fid-dawl tar-realtà ta’ kuljum ta’ familji mħallta, huwa importanti, fil-fehma tiegħi, li jiżdiedu tliet elementi addizzjonali. |
|
59. |
Fl-ewwel lok, din il-preżunzjoni għandha tinkludi kemm id-dar kompletament komuni ( 68 ) kif ukoll dik parzjalment komuni ( 69 ) tal-ħaddiem fruntalier u ta’ wild il-konjuġi jew is-sieħeb irreġistrat/is-sieħba rreġistrata. |
|
60. |
Fit-tieni lok, l-imsemmija preżunzjoni għandha tapplika mhux biss fir-rigward tal-ulied minorenni, iżda wkoll taż-żgħażagħ taħt il‑21 sena, li ma jkollhom ebda dħul tagħhom, li jkunu jgħixu fid-dar tal-ħaddiem fruntalier u jkunu jissodisfaw, mill-bqija, il-kriterji previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-impjieg, f’dan il-każ il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, li tirregola l-għoti tal-allowance tal-familja inkwistjoni ( 70 ). Li ma kellhiex tkun interpretata b’dan il-mod, jinħoloq riskju ta’ inċertezza legali kunsiderevoli f’dan it-tip ta’ sitwazzjonijiet. |
|
61. |
Fit-tielet u l-aħħar lok, fil-każ fejn, minkejja l-fatt li l-ħaddiem fruntalier u wild il-konjuġi tiegħu jew is-sieħeb irreġistrat/is-sieħba rreġistrata tiegħu jkunu jgħixu f’dar komuni, dan il-ħaddiem, fir-realtà, ma jkun jikkontribwixxi bl-ebda mod għall-ispejjeż marbuta mal-manteniment ta’ dan il-wild, l-amministrazzjoni tal-Istat Membru fejn huwa jkun jeżerċita attività bħala persuna impjegata għandu jkollha l-possibbiltà li tirrifjuta l-għoti tal-allowance tal-familja inkwistjoni ( 71 ). |
3. Fuq il-kompatibbiltà tal-preżunzjoni bbażata fuq dar komuni mar-regoli ta’ preċedenza fil-każ ta’ kumulu tar-Regolament Nru 883/2004
|
62. |
Għandu jiġi rrilevat li l-preżunzjoni bbażata fuq dar komuni hija kompatibbli mar-regoli ta’ preċedenza fil-każ ta’ kumulu, previsti mir-Regolament Nru 883/2004. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, il-ħaddiema fruntalieri impjegati l-Lussemburgu, bħar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, kif ukoll il-familji tagħhom, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-imsemmi regolament ( 72 ). F’dan ir-rigward, huma, kif inhu magħruf, suġġetti għas-sistema ta’ sigurtà soċjali Lussemburgiża. |
|
63. |
Għalhekk, fid-dawl tan-natura speċifika tal-benefiċċji tal-familja, u ta’ kumulu possibbli tad-drittijiet għal dawn il-benefiċċji li jingħataw minn żewġ Stati Membri, l-Artikolu 68 tal-istess regolament jipprevedi r-regoli ta’ preċedenza fil-każ ta’ kumulu li l-għan tagħhom huwa li jevitaw overlapping ta’ benefiċċji għall-istess wild għall-istess perijodi ( 73 ). B’applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 883/2004, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali huma għalhekk suġġetti għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża fil-qasam tal-allowances tal-familja biss fir-rigward tad-differenza bejn l-ammont tal-allowances tal-familja dovuti fil-Lussemburgu u dak imħallas fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom. Dan huwa l-mekkaniżmu ta’ “suppliment differenzjali”, li jikkorrispondi, fis-sens tal-Artikolu 68(1)(b)(i) ta’ dan ir-regolament ( 74 ), għall-ħlas tal-“akbar ammont ta’ benefiċċji mogħti mill-leġislazzjonijiet differenti”. |
|
64. |
Għalhekk, sa fejn benefiċċji jkunu previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri fuq l-istess bażi, il-fatt li wild il-konjuġi jew is-sieħeb irreġistrat/is-sieħba rreġistrata u l-ħaddiem fruntalier jkunu jgħixu fl-istess dar jistabbilixxi rabta suffiċjenti bejn dan il-wild u dan il-ħaddiem sabiex jiġi kkunsidrat li huwa l-Istat Membru fejn dan tal-aħħar ikun jeżerċita l-attività tiegħu bħala persuna impjegata – f’dan il-każ il-Lussemburgu – li għandu jħallas l-allowance tal-familja inkwistjoni. |
|
65. |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-kunċett relatat mal-fatt li wieħed “imantni” wild konjuġi jew is-sieħeb irreġistrat/is-sieħba rreġistrata ta’ ħaddiem fruntalier, kif użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, tal-Artikolu 1(i) u tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, kif ukoll tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, għandu jinftiehem fis-sens li dan il-wild huwa leġittimament preżunt li jibbenefika indirettament mill-allowances tal-familja inkwistjoni, peress li jirrisjedi f’dar il-ħaddiem u jgħix f’komunità ta’ familja ma’ dan tal-aħħar. L-eżistenza ta’ tali dar komuni tagħti dritt għal allowance tal-familja prevista fl-Istat Membru fejn l-imsemmi ħaddiem ikun jeżerċita l-attività tiegħu bħala persuna impjegata taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikati għall-ulied li jkollhom rabta ta’ filjazzjoni ma’ dan tal-aħħar. |
V. Konklużjoni
|
66. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour de Cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Lussemburgu): Il-kunċett relatat mal-fatt li wieħed “imantni” wild konjuġi jew sieħeb irreġistrat/sieħba rreġistrata ta’ ħaddiem fruntalier, kif użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, tal-Artikolu 1(i) u tal-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif ukoll tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, għandu jinftiehem fis-sens li wild il-konjuġi jew is-sieħeb irreġistrat/is-sieħba rreġistrata tal-ħaddiem fruntalier huwa leġittimament preżunt li jibbenefika indirettament mill-allowances tal-familja inkwistjoni, sa fejn huwa jkun jirrisjedi f’dar komuni u għalhekk ikun jgħix f’komunità ta’ familja ma’ dan il-ħaddiem. L-eżistenza ta’ tali dar komuni tagħti dritt għal allowance tal-familja prevista fl-Istat Membru fejn l-imsemmi ħaddiem ikun jeżerċita l-attività tiegħu bħala persuna impjegata taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikati għall-ulied li jkollhom rabta ta’ filjazzjoni ma’ dan tal-aħħar. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
( 2 ) Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2018.
( 3 ) Sentenza tat‑2 ta’ April 2020 (C‑802/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Caisse pour l’avenir des enfants”, EU:C:2020:269). F’kuntest fattwali differenti, ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2024, Hocinx (C‑27/23, iktar ’il quddiem is-sentenza Hocinx, EU:C:2024:404).
( 4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).
( 5 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1).
( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5. p. 46).
( 7 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ĠU 2014, L 128, p. 8).
( 8 ) Fil-verżjoni tiegħu applikabbli sa mill‑1 ta’ Awwissu 2016, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-loi du 23 juillet 2016, portant modification du code de la sécurité sociale (il-Liġi tat‑23 ta’ Lulju 2016 li Temenda l-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali) u tal-loi modifiée du 4 décembre 1967, concernant l’impôt sur le revenu, et abrogeant la loi modifiée du 21 décembre 2007 concernant le boni pour enfant (il-Liġi Emendata tal‑4 ta’ Diċembru 1967 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u li Tħassar il-Liġi Emendata tal‑21 ta’ Diċembru 2007 dwar il-Bonus għall-Wild) (Mémorial A 2016, p. 2348) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali”).
( 9 ) Fil-Kawżi C‑296/24 (Jouxy), C‑300/24 (Meyervibert), C‑304/24 (Barloup) u C‑305/24 (Choinquand), iċ-CAE rtira lil SM, MY, LH u TB, li jirrisjedu Franza u jaħdmu l-Lussemburgu, b’effett mill‑1 ta’ Awwissu 2016, il-benefiċċju tal-allowance tal-familja riċevut għall-wild il-konjuġi rispettivi tagħhom PX, IX u MV, imwielda minn żwieġ preċedenti. Fil-Kawża C‑297/24 (Broslon), iċ-CAE rtira lil CY, li jirrisjedi Franza u jaħdem il-Lussemburgu, il-benefiċċju tal-allowance tal-familja riċevut għall-wild il-konjuġi tiegħu, imwieled minn żwieġ preċedenti. Fil-Kawża C‑301/24 (Pailvier), iċ-CAE rtira lil AH, li jirrisjedi Franza u jaħdem il-Lussemburgu, il-benefiċċju tal-allowance tal-familja riċevut għaż-żewġ ulied is-sieħba rreġistrata tiegħu CJ, imwielda minn relazzjoni preċedenti. Fil-Kawżi C‑303/24 (Vochal) u C‑306/24 (Gonre), iċ-CAE rtira lil BF u lil KN, li jirrisjedu Franza u jaħdmu l-Lussemburgu, b’effett mill‑1 ta’ Awwissu 2016, il-benefiċċju tal-allowance tal-familja riċevut għal ulied il-konjuġi rispettivi tagħhom, CG u PE, imwielda minn relazzjoni preċedenti. Fil-Kawża C‑299/24 (Hicindt), iċ-CAE rtira lil OP, li jirrisjedi l-Belġju u jaħdem il-Lussemburgu, il-benefiċċju tal-allowance tal-familja riċevut għall-wild tal-konjuġi tiegħu TD, imwieled minn żwieġ preċedenti. Fil-Kawżi C‑298/24 (Caraneux) u C‑307/24 (Momeut), iċ-CAE rtira lil LK u lil NB, li jirrisjedu l-Belġju u jaħdmu l-Lussemburgu, b’effett mill‑1 ta’ Awwissu 2016, il-benefiċċju tal-allowance tal-familja riċevut għaż-żewġ ulied, tas-sieħeb (MF) u tal-konjuġi rispettivi tagħhom, imwielda minn żwieġ preċedenti. Fil-Kawża C‑302/24 (Prudnez), iċ-CAE rtira lil AE, li jirrisjedi l-Ġermanja u jaħdem il-Lussemburgu, b’effett mill‑1 ta’ Awwissu 2016, il-benefiċċju tal-allowance tal-familja riċevut għal wild il-konjuġi tiegħu, imwieled minn żwieġ preċedenti.
( 10 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 1992 (C‑3/90, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bernini, EU:C:1992:89, punti 25 u 29).
( 11 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 1999 (C‑337/97, EU:C:1999:284, punt 19).
( 12 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012 (C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 35).
( 13 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013 (C‑20/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Giersch et, EU:C:2013:411, punt 39).
( 14 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016 (C‑401/15 sa C‑403/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Depesme et”, EU:C:2016:955, punti 58 sa 60).
( 15 ) Punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza.
( 16 ) Punt 58 ta’ din is-sentenza.
( 17 ) Huwa xieraq li jitfakkar li allowance tal-familja, bħal dik prevista fl-Artikolu 269(1) tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni bħala benefiċċju tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004, u bħala vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li benefiċċju jista’ jaqa’ simultanjament taħt ir-Regolament Nru 883/2004 u r-Regolament Nru 492/2011. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punti 42 sa 46 u l-ġurisprudenza ċċitata), Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 3(1)(j) u tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għal fatti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ara s-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punti 33 sa 47 u 65 sa 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fuq ir-rabta ta’ bejn l-imsemmija regolamenti, ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Il‑Kummissjoni vs l‑Awstrija (Indiċjar tal-benefiċċji tal-familja) (C‑328/20, EU:C:2022:45, punt 127). Ara, b’mod partikolari, Fuchs, M. u Cornelissen, R. (editur.), EU Social Security Law – A Commentary on EU Regulations 883/2004 and 987/2009, C.H. Beck-Hart-Nomos, 2015, p. 28, paragrafu 21, kif ukoll Morsa, M., Sécurité sociale, libre circulation et citoyenneté européennes, 2012, Anthemis, p. 344 et seq.
( 18 ) Infakkar li, l-Artikolu 1(f) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi li “‘ħaddiema bejn il-fruntieri [fruntalieri]’ tfisser kwalunkwe persuna li twettaq attività bħala impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru u li toqgħod fi Stat Membru ieħor fejn din il-persuna tirritorna, bħala regola, kuljum jew ta’ l-anqas darba fil-ġimgħa”. L-Artikolu 1(z) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li “‘benefiċċju marbut mal-familja’ tfisser il-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija u ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I”. Skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament, dan “japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru […] [jew] li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom”. Għalhekk, skont din id-dispożizzjoni, ħaddiema bħar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 883/2004.
( 19 ) Dwar il-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali”, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 1979, Even u ONPTS (207/78, EU:C:1979:144, punt 22); tat‑12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C‑85/96, EU:C:1998:217, punt 25); u tat‑18 ta’ Diċembru 2019, Generálny riaditeľ Sociálnej poisťovne Bratislava et (C‑447/18, EU:C:2019:1098, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punt 32 u punt 1 tad-dispożittiv). Infakkar li, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 “[ħ]addiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol”. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li “[h]uwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali”. Dwar din id-dispożizzjoni, ara s-sentenzi Caisse pour l’avenir des enfants (punt 26) u Hocinx (punt 26).
( 21 ) Sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punt 71 u punt 2 tad-dispożittiv). Huwa magħruf sewwa li l-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, żgurat mill-Artikolu 45 TFUE, jikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-moviment liberu tal-ħaddiema “jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol”. F’dan ir-rigward, fil-punt 70 tas-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 huwa l-espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tar-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 45(2) TFUE u għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal din id-dispożizzjoni tal-aħħar. Ara, wkoll, is-sentenzi Depesme et (punt 35), u tat‑18 ta’ Diċembru 2019, Generálny riaditeľ Sociálnej poisťovne Bratislava et (C‑447/18, EU:C:2019:1098, punt 39).
( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Depesme et kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata f’din is-sentenza.
( 23 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punti 54 sa 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, fakkret li tali distinzjoni bbażata fuq ir-residenza, li tista’ tippreġudika iktar lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra sa fejn il-persuni mhux residenti huma ħafna drabi persuni li ma humiex ċittadini, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità li hija ammissibbli biss bil-kundizzjoni li din tkun oġġettivament iġġustifikata. Ara wkoll, is-sentenzi Giersch et (punt 44); tal‑14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et (C‑238/15, EU:C:2016:949, punt 43); kif ukoll tal‑10 ta’ Lulju 2019, Aubriet (C‑410/18, EU:C:2019:582, punt 28).
( 24 ) Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 25 ) Fir-rigward tal-għajnuna marbuta mal-istudji universitarji għall-finijiet professjonali għall-persuni li jkunu wettqu attività professjonali, ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 1988, Lair (39/86, EU:C:1988:322, punti 21 sa 24). Fir-rigward tal-għajnuna għal studji f’livell sekondarju jew postsekondarju fi skola teknika superjuri, ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 1989, Echternach u Moritz (389/87 u 390/87, EU:C:1989:130, punti 31 sa 36).
( 26 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal‑15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15). Infakkar li l-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament kienet irriprodotta fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar jipprovdi li r-riferimenti għar-Regolament Nru 1612/68 għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għar-Regolament Nru 492/2011.
( 27 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1987 (316/85, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lebon”, EU:C:1987:302, punt 13). Fil-fehma tiegħi, dan il-punt huwa importanti sabiex tinftiehem l-oriġini tal-kunċett kontenzjuż. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[m]eta ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru jkun ħa impjieg fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u eżerċita d-dritt li jgħix hemm, id-dixxendenti tiegħu li laħqu l-età ta’ 21 sena u li ma għadhomx dipendenti fuqu ma jistgħux jinvokaw id-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament mid-dritt [tal-Unjoni], sabiex jippretendu li jibbenefikaw minn benefiċċju soċjali previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti […] Fil-fatt, f’dan il-każ, dan il-benefiċċju ma jikkostitwixxix, għall-ħaddiem, vantaġġ soċjali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, sa fejn huwa ma għadux jiżgura s-sostenn tad-dixxendent tiegħu” (korsiv miżjud minni). Nirrileva li l-wild fil-kawża li tat lok għas-sentenza Lebon kellu iktar minn 21 sena fil-mument tal-fatti. Infakkar li l-Artikolu 10(1)(a) ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi li d-dixxendenti tal-ħaddiema kellu jkollhom inqas minn 21 sena jew ikunu dipendenti minnu.
( 28 ) Sentenza Bernini (punt 25). Korsiv miżjud minni.
( 29 ) Ara s-sentenza Bernini (punti 23, 25, 27 u 29).
( 30 ) Sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 1999 (C‑337/97, EU:C:1999:284, punt 19). Il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tirrigwarda wild ħaddiem fruntalier. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li “[i]r-raba’ premessa tar-[Regolament Nru 1612/68, kienet tipprevedi], b’mod espress, li d-dritt ta’ moviment liberu [kellu jkun] irrikonoxxut ‘mingħajr diskriminazzjoni [lil] ħaddiema permanenti, staġjonali u tal-fruntiera u [lil] dawk li jwettqu l-attivitajiet tagħhom għall-iskop li jipprovdu servizzi’, kif ukoll l-Artikolu 7 tiegħu li [kien] jirreferi, mingħajr ebda riżerva, għall-‘[ħ]addiem ċittadin ta’ xi Stat Membru’”. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet u ddeċidiet, fis-sentenza [tas‑27 ta’ Novembru 1997, Meints (C‑57/96, EU:C:1997:564, punt 51)], li “Stat Membru ma setax jissuġġetta l-għoti ta’ vantaġġ soċjali fis-sens [tal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament] għall-kundizzjoni li l-benefiċjarji tal-vantaġġ ikollhom ir-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali ta’ dan l-Istat”. Korsiv miżjud minni. Ara, f’dan ir-rigward, O’Leary, S., “The curious case of frontier workers and study finance: Giersch”, Common Market Law Review, Nru 51, 2014, p. 601 sa 622, b’mod partikolari, p. 609, u Turmo, A., “The pernicious influence citizenship rights on workers’ rights in the EU – The case of student finance”, Social Justice, Brexit and Other Challenges, Cambien, N., Kochenov, D. u Muir, E. (edituri), Brill/Nijhoff, 2020, p. 305 sa 334.
( 31 ) Sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012 (C‑542/09, EU:C:2012:346, punti 34 u 35).
( 32 ) Punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza.
( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Giersch et (punti 38 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, fis-sentenza Bernini (punt 25), il-Qorti tal-Ġustizzja użat formulazzjoni ekwivalenti, jiġifieri “l-ħaddiem ikompli jiżgura s-sostenn tad-dixxendent tiegħu”.
( 34 ) Infakkar li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa fil-kuntest tal-kawżi li taw lok għas-sentenza Depesme et saru fil-kuntest ta’ emendi magħmula fil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża wara s-sentenza Giersch et (punt 12 sa 16).
( 35 ) Infakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li għandhom jiġu kkunsidrati bħala “membri tal-familja”, fis-sens tal-punt 2(ċ) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, “id-dixxendenti diretti [taċ-ċittadin tal-Unjoni] li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba [irreġistrat/a]”. Ara s-sentenza Depesme et (punti 51 u 57).
( 36 ) Ara s-sentenza Depesme et (punti 57 u 64 kif ukoll id-dispożittiv). Fir-rigward tan-natura unika tal-kunċett ta’ “membri tal-familja” fid-dritt tal-Unjoni msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni, min-naħa, l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u l-fatt li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 huwa sempliċi riproduzzjoni, mingħajr ebda modifika, tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, u min-naħa l-oħra, il-premessa 1, l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2014/54. Dawn l-aħħar dispożizzjonijiet juru r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirriproduċi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 il-kunċett ta’ “membru tal-familja” kif kien stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mar-Regolament Nru 1612/68 li tħassar u ġie ssostitwit mir-Regolament Nru 492/2011. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Depesme et (punti 46 u 47), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-Kawżi magħquda (C‑401/15 sa C‑403/15, EU:C:2016:430, punti 39 sa 43).
( 37 ) Ara s-sentenza Depesme et (punt 33).
( 38 ) Punti 21 sa 23 ta’ din is-senteza.
( 39 ) Ara s-sentenza Depesme et (punt 58). Tali interpretazzjoni wiesgħa li tirrigwarda l-kunċett ta’ “ħaddiem” – kif ukoll ta’ “attività bħala persuna impjegata” – hija ċentrali għad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. Ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 1986, Kempf (139/85, EU:C:1986:223, punt 13), u tat‑3 ta’ Lulju 1986, Lawrie‑Blum (66/85, EU:C:1986:284, punt 16).
( 40 ) Ara s-sentenza Depesme et (punti 59 u 60). Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet f’dawn il-kawżi magħquda (C‑401/15 sa C‑403/15, EU:C:2016:430, punt 67).
( 41 ) Sentenza Depesme et (punt 64 u d-dispożittiv).
( 42 ) Ara l-punti 32 u 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 43 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 37 sa 40 kif ukoll 53 sa 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, dwar dan il-kunċett, Jacqueson, C., “Any news from Luxembourg? On student aid, frontier workers and stepchildren: Bragança Linares Verruga and Depesme”, Common Market Law Review, Nru 55, 2018, p. 901 sa 922, b’mod partikolari, p. 917.
( 44 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li allowance tal-familja, bħal dik prevista mill-Artikolu 269(1) tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, għanda tingħata lill-ulied kollha li jirrisjedu l-Lussemburgu u lil ulied ħaddiema mhux residenti kollha li jkollhom rabta ta’ filjazzjoni ma’ dawn tal-aħħar. Konsegwentement, din l-allowance għandha tingħata lil hinn minn kwalunkwe evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, abbażi ta’ sitwazzjoni legalment stabbilita. Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(z) tar-Regolament Nru 883/2004. Fil-fatt, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmi benefiċċju jirrappreżenta kontribuzzjoni pubblika għall-baġit familjari intiża li tnaqqas il-piżijiet li jirriżultaw mill-manteniment tal-ulied. Ara s-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punti 37 sa 39). Ara wkoll, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑308/14, EU:C:2016:436, punt 60), u tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva (C‑449/16, EU:C:2017:485, punti 22 u 23, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 45 ) Ara l-punti 27 sa 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Tali traspożizzjoni ma hijiex sorprendenti: kif enfasizza l-Avukat Ġenerali La Pergola fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Meeusen (C‑337/97, EU:C:1999:38, punt 19), il-boroż ta’ studju u l-allowances tal-familja huma t-tnejn effettivament għajnuna finanzjarja għat-trobbija, għall-manteniment u għall-edukazzjoni tal-ulied.
( 46 ) Ara s-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punt 18). F’dan ir-rigward, ikun xieraq, fil-fehma tiegħi, li jiġi rrilevat li l-allowance tal-familja inkwistjoni f’dik il-kawża u f’dawn il-kawżi hija dovuta sax-xahar li fih il-wild jagħlaq 18-il sena. Madankollu, il-ħlas tal-allowance jista’ jkompli jsir sa ma l-wild jagħlaq 25 sena jekk dan tal-aħħar ikompli jistudja u jissodisfa l-kriterji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża rilevanti. Ara, f’dan ir-rigward, https://cae.public.lu/fr/allocations/majorite-de-l-enfant/que-devez-vous-savoir-/prolongement-jusqu-a-l-age-de-25-ans.html.
( 47 ) Ara s-sentenza Depesme et (punt 62).
( 48 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 67 u l-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 49 ) Ara s-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punti 50 u 71).
( 50 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 51 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 32 u 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 52 ) Ara s-sentenza Depesme et (punt 62).
( 53 ) Ara s-sentenza Depesme et (punti 59 u 60).
( 54 ) Sentenzi Depesme et (punt 64 u d-dispożittiv), kif ukoll Caisse pour l’avenir des enfants (punti 50 u 71).
( 55 ) F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 883/2004, li huwa li tiġi żgurata koordinazzjoni bejn is-sistemi nazzjonali distinti mingħajr ma titwaqqaf sistema komuni ta’ sigurtà soċjali, li għadilli huwa minnu li l-persuni li jkollhom dritt għall-benefiċċji tal-familja huma ddeterminati skont id-dritt nazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ id-dispożizzjonijiet relatati mal-moviment liberu tal-ħaddiema; ara s-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punti 68 u 69).
( 56 ) Ara, f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Huwa ovvju li, lil hinn minn din l-inkompatibbiltà, interpretazzjoni stretta tal-kunċett kontenzjuż toħloq sitwazzjonijiet li fihom, fl-istess dar, il-ħaddiem fruntalier, jiġifieri l-missier putattiv jew l-omm putattiva ta’ wild il-konjuġi tiegħu jew is-sieħeb irreġistrat/is-sieħba rreġistrata tiegħu, jibbenefika mill-allowances tal-familja fir-rigward tal-aħwa farsdieq ta’ dan il-wild iżda mhux ukoll fir-rigward tal-imsemmi wild. Dan l-aspett kien diġà tqajjem mill-Avukat Ġenerali Wathelet fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Depesme et (C‑401/15 sa C‑403/15, EU:C:2016:430, punti 59 sa 61).
( 57 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Hocinx.
( 58 ) Ara l-punti 27 sa 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 59 ) Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 60 ) Ara s-sentenza Lebon (punt 21).
( 61 ) Ara s-sentenzi Depesme et (punt 64 u d-dispożittiv), kif ukoll Caisse pour l’avenir des enfants (punti 50 u 71).
( 62 ) Ara s-sentenza Lebon (punt 21 sa 23) u Depesme et (punt 58).
( 63 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Depesme et (punt 51), kif ukoll Caisse pour l’avenir des enfants (punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 64 ) Ara s-sentenza Depesme et (punt 62).
( 65 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Depesme et (punti 59 u 60).
( 66 ) Sentenzi Depesme et (punt 64 u d-dispożittiv), kif ukoll Caisse pour l’avenir des enfants (punti 50 u 71).
( 67 ) Ma nipproponix lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi preżunzjoni bbażata fuq id-definizzjoni ta’ “membru tal-familja” prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, li tipprovdi li wlied il-konjuġi jew is-sieħeb irreġistrat/is-sieħba rreġistrata li jkollhom inqas minn 21 sena huma dipendenti mill-ħaddiem fruntalier, u dan għar-raġunijiet li ġejjin. Minn naħa, fil-fehma tiegħi, kif diġà semmejt fil-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet, minkejja li wild ikun, skont din id-dispożizzjoni, preżunt li huwa dipendenti sal-età ta’ 21 sena, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreferiet tuża, fil-ġurisprudenza tagħha, l-espressjoni usa’ “jmantni” (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 13, 28 sa 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Min-naħa l-oħra, għar-raġunijiet esposti fil-punti 62 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena tal-opinjoni li, għall-kuntrarju ta’ din il-preżunzjoni, dik ibbażata fuq id-dar komuni hija kompatibbli mar-regoli ta’ preċedenza fil-każ ta’ kumulu, previsti fir-Regolament Nru 883/2004.
( 68 ) Jiġifieri s-sitwazzjoni li fiha l-wild ikun jirrisjedi l-ħin kollu mal-ħaddiem fruntalier li miegħu ma jkollu ebda rabta ta’ filjazzjoni.
( 69 ) Dar parzjalment komuni teżisti, b’mod partikolari, fejn il-kustodja tkun maqsuma bejn il-ġenituri bijoloġiċi jew adottivi tal-wild. F’dawn il-każijiet, il-wild ikun jirrisjedi prinċipalment fid-dar magħmula mill-ħaddiem fruntalier u wieħed mill-ġenituri bijoloġiċi jew adottivi tiegħu, u jkun jirrisjedi perijodikament fid-dar tal-ġenitur bijoloġiku jew adottiv l-ieħor, għal perijodu iktar limitat jew għal residenza iqsar fil-kuntest ta’ dritt ta’ aċċess u akkomodazzjoni (bħall-weekends b’mod alternattiv jew xi vaganzi tal-iskola), ta’ kundizzjonijiet tal-ħajja alternattivi, jew ta’ kwalunkwe arranġament ieħor. Barra minn hekk, ċerti wlied jistgħu jkunu tilfu wieħed mill-ġenituri tagħhom, jew ma jkunu qatt saru jafuh.
( 70 ) F’dan ir-rigward, huwa importanti, fil-fehma tiegħi, li jiġi rrilevat li, fil-każ partikolari ta’ żgħażagħ ta’ inqas minn 21 sena, din il-preżunzjoni ma tistax tbiddel il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-impjieg għall-għoti tal-allowances tal-familja. B’mod partikolari, l-allowance tal-familja inkwistjoni hija dovuta, bħala prinċipju, sal-età ta’ 18‑il sena tal-wild bil-possibbiltà li l-ħlas tal-allowance jkompli jsir sa ma l-wild jagħlaq 25 sena jekk dan tal-aħħar ikompli jistudja u dawk l-istudji jkunu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża rilevanti. Ara, f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk, fil-każ fejn il-wild maġġorenni ta’ inqas minn 21 sena kkonċernat ma jkunx għadu jgħix fl-istess dar mal-ħaddiem fruntalier minħabba l-“istudji sekondarji jew simili tiegħu” f’belt oħra, dan il-ħaddiem għandu jkun jista’ juri, abbażi ta’ elementi oġġettivi oħra, li minkejja li ma jkunx hemm dar komuni, huwa jkun għadu jmantni lill-wild.
( 71 ) Dan jista’ jkun il-każ eċċezzjonali fejn ikun jirriżulta b’mod ċar mill-fajl li, minkejja l-eżistenza ta’ dar komuni, il-wild ma jkunx jgħix f’komunità ta’ familja ma’ dan il-ħaddiem. Pereżempju, f’sitwazzjonijiet uniċi fejn 1) l-imsemmi ħaddiem ma jkunx jikkontribwixxi għall-ħlas tal-kera jew ma jkunx sid id-dar jew l-appartament li huwa jkun jaqsam mal-konjuġi tiegħu jew mas-sieħeb irreġistrat/mas-sieħba rreġistrata tiegħu u l-wild, u 2) ma jkun responsabbli għall-ebda spiża komuni tad-dar, jew għaliex ikun juża s-salarju tiegħu kollu għal finijiet privati, jew għax ikun jirriżulta minn ftehimiet bejn il-ġenituri bijoloġiċi jew adottivi tal-wild li l-bżonnijiet kollha tal-wild ikunu kompletament koperti.
( 72 ) Ara s-sentenza Caisse pour l’avenir des enfants (punt 41). Ara, wkoll, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 73 ) Infakkar li l-Artikolu 68(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004, relatat mar-regola ta’ preċedenza fil-każ ta’ kumulu, jipprovdi li “[m]eta, matul l-istess perjodu u għall-istess membri tal-familja, jingħataw benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, […] ir-regoli dwar preċedenza għandhom japplikaw”. Għalhekk, “fil-każ ta’ benefiċċji li għandhom jitħallsu minn aktar minn Stat Membru wieħed fuq l-istess bażi, l-ordni ta’ preċedenza għandha tkun stabbilita b’referenza għal kriterji sussidjarji li ġejjin: i) fil-każ ta’ drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha: il-post ta’ residenza tat-tfal, sakemm ikun hemm attività bħal din, u b’mod addizzjonali, fejn jixraq, l-akbar ammont ta’ benefiċċji mogħti mill-leġislazzjonijiet differenti.” Korsiv miżjud minni. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, kif tispjega l-Kummissjoni, li jekk ħaddiem fruntalier li jkun jaħdem il-Lussemburgu jkun jirrisjedi mal-konjuġi tiegħu u ma’ wild din tal-aħħar il-Belġju, l-awtorità kompetenti Belġjana għandha tagħti allowance tal-familja fir-rigward tal-wild lil omm dan tal-aħħar. F’din is-sitwazzjoni, il-Lussemburgu għandu jintervjeni biss jekk l-allowance tal-familja li huwa jkun ta tkun ogħla minn dik mogħtija mill-Belġju u dan fir-rigward tad-differenza biss.
( 74 ) Infakkar li l-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedi li, “[f]il-każ li jkun hemm overlapping bejn il-benefiċċji li għalihom hija intitolata persuna, benefiċċji marbutin mal-familja għandhom jingħataw skond il-leġislazzjoni indikata bħala l-leġislazzjoni li għandha preċedenza skond il-paragrafu 1. L-intitolar għal benefiċċji tal-familja taħt leġislazzjoni jew leġislazzjonijiet oħrajn li ma jaqblux għandu jkun sospiż sa’ l-ammont stabbilit mill-ewwel leġislazzjoni u għandu jingħata suppliment biex jagħmel tajjeb għad-differenza, jekk ikun meħtieġ, fis-somma li taqbeż dan l-ammont”. Ara, b’mod partikolari, Morsa, M., op. cit, p. 352 et seq.