20.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/47


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/793

tas-16 ta’ Mejju 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Georgia min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia 2021-2027

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Georgia min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fis-27 ta’ Ġunju 2014 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016.

(2)

Skont l-Artikolu 406(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu s-setgħa li jadotta rakkomandazzjonijiet għall-finijiet tal-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim.

(3)

Sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-Ftehim, il-Partijiet qablu li jistabbilixxu Aġenda ta’ Assoċjazzjoni li telenka l-prijoritajiet għall-ħidma konġunta tagħhom imqassma skont is-settur li jkun.

(4)

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta rakkomandazzjoni dwar l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia 2021-2027 permezz ta’ proċedura bil-miktub.

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, peress li l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia 2021-2027 se tkun il-bażi għall-ipprogrammar skont l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(6)

Għalhekk il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz tar-Rakkomandazzjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Georgia min-naħa l-oħra, dwar l-adozzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia 2021-2027, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tarRakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali - Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1).


ABBOZZ

RAKKOMANDAZZJONI Nru 1/2022 TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-GEORGIA

ta’…

dwar l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia 2021-2027

IL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-GEORGIA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fis-27 ta’ Ġunju 2014 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016.

(2)

Skont l-Artikolu 406(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu s-setgħa li jadotta rakkomandazzjonijiet, bil-għan li jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim.

(3)

Skont l-Artikolu 420(1) tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim u għandhom jiżguraw li jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-Ftehim.

(4)

L-Artikolu 11 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jippevedi l-possibbiltà li jittieħdu deċiżjonijiet u jsiru rakkomandazzjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir dan.

(5)

L-Unjoni u l-Georgia qablu li jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom billi qablu fuq sett ta’ prijoritajiet għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027 (l-“Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia 2021-2027”) għall-ħidma konġunta lejn il-kisba tal-objettivi ta’ assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika kif stipulati fil-Ftehim.

(6)

Il-Partijiet għall-Ftehim qablu fuq it-test tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia 2021-2027, li se tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Ftehim, b’enfasi fuq il-kooperazzjoni f’interessi identifikati b’mod komuni bejniethom,

ADOTTA R-RAKKOMANDAZZJONI LI ĠEJJA:

Artikolu 1

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jirrakkomanda li l-Partijiet jimplimentaw l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia 2021-2027, kif tinsab fl-Anness (2).

Artikolu 2

L-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia 2021-2027, kif tinsab fl-Anness, għandha tissostitwixxi l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia li ġiet adottata fl-20 ta’ Novembru 2017.

Artikolu 3

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha ssir effettiva fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Tbilisi, [jum xahar sena].

Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

Il-President


(1)   ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.

(2)  Ara d-dokument ST 8327/22 ADD 2 fuq https://register.consilium.europa.eu.