02014R0717 — MT — 10.12.2020 — 001.002


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 717/2014

tas-27 ta' Ġunju 2014

dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura

(ĠU L 190 28.6.2014, p. 45)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2008 tat-8 ta’ Diċembru 2020

  L 414

15

9.12.2020


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 389, 4.11.2021, p.  23 (Nru 717/2014)




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 717/2014

tas-27 ta' Ġunju 2014

dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura



Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.  

Dan ir-Regolament japplika għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, bl-eċċezzjoni ta' dan li ġej:

(a) 

għajnuna li l-ammont tagħha jkun iffissat abbażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti mixtrija jew imqiegħda fis-suq;

(b) 

għajnuna għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, jiġifieri għajnuna marbuta direttament mal-kwantitajiet esportati, mat-twaqqif u t-tħaddim ta' netwerk ta' distribuzzjoni jew ma' nefqa oħra kurrenti marbuta mal-attività tal-esportazzjoni;

(c) 

għajnuna li tiddependi mill-użu ta' prodotti domestiċi minflok l-użu ta' dawk importati;

(d) 

għajnuna għax-xiri ta' bastimenti tas-sajd;

(e) 

għajnuna għall-immodernizzar jew is-sostituzzjoni tal-magna prinċipali jew anċillari tal-bastimenti tas-sajd;

(f) 

għajnuna għal operazzjonijiet li jżidu l-kapaċità għas-sajd ta' bastiment jew għal tagħmir li jżid il-kapaċità ta' bastiment li jsib il-ħut;

(g) 

għajnuna għall-bini ta' bastimenti ġodda tas-sajd jew għall-importazzjoni ta' bastimenti tas-sajd;

(h) 

għajnuna għall-waqfien temporanju jew permanenti tal-attivitajiet tas-sajd sakemm ma jkunx stabbilit b'mod speċifiku fir-Regolament (UE) Nru 508/2014;

(i) 

għajnuna għas-sajd esploratorju;

(j) 

għajnuna għat-trasferiment tas-sjieda ta' negozju;

(k) 

għajnuna għar-ripopolazzjoni diretta, sakemm ma tiġix stipulata b'mod espliċitu bħala miżura ta' konservazzjoni b'att legali tal-Unjoni jew fil-każ ta' ripopolazzjoni sperimentali.

2.  
Fejn impriża tkun attiva fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura u tkun attiva wkoll f'wieħed jew f'aktar mis-setturi jew ikollha attivitajiet oħra li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013, dak ir-Regolament għandu japplika għall-għajnuna mogħtija fir-rigward ta' dawn is-setturi jew l-attivitajiet tal-aħħar, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat jiżgura, b'mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-attivitajiet fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura ma jibbenefikawx mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dak ir-Regolament.
3.  
Meta impriża tkun attiva fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura kif ukoll fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 ( 1 ), dan ir-Regolament għandu japplika għall-għajnuna mogħtija fir-rigward tas-settur imsemmi qabel, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat jiżgura, b'mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.  

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

“impriżi fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura” tfisser impriżi attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

(b) 

“prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura” tfisser il-prodotti definiti fl-Artikolu 5(a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013;

(c) 

“ipproċessar u kummerċjalizzazzjoni” tfisser l-operazzjonijiet kollha, li jinkludu t-tqandil, it-trattament, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni li jsiru bejn il-ħin li fih jasal l-art il-prodott jew jinħasad u l-istadju finali.

2.  

“Impriża waħda” tinkludi, għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, l-intrapriżi kollha li jkollhom bejniethom mill-inqas waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin:

(a) 

intrapriża waħda jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f'intrapriża oħra;

(b) 

intrapriża waħda li jkollha d-dritt li taħtar jew li tneħħi l-maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, ta' ġestjoni jew regolatorju ta' intrapriża oħra;

(c) 

intrapriża waħda li jkollha d-dritt teżerċita influwenza dominanti fuq intrapriża oħra skont kuntratt li tkun daħlet fih flimkien ma' dik l-intrapriża jew skont dispożizzjoni fil-memorandum jew l-artikoli ta' assoċċjazzjoni tagħha;

(d) 

intrapriża waħda, li tkun azzjonista f'intrapriża oħra jew membru tagħha, tikkontrolla waħedha, skont ftehim ma' azzjonisti oħra f'dik l-intrapriża jew ma' membri tagħha, il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f'dik l-intrapriża.

L-intrapriżi li jkollhom waħda mir-relazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu permezz ta' intrapriża waħda jew aktar, għandhom ukoll jitqiesu bħala impriża waħda.

Artikolu 3

Għajnuna de minimis

1.  
Il-miżuri ta' għajnuna jitqiesu bħala li ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għaldaqstant għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament.
2.  
L-ammont totali ta' għajnuna de minimis mogħtija għal kull Stat Membru lil impriża waħda fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura ma għandux jaqbeż EUR 30 000 tul kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali.
3.  
L-ammont kumulattiv ta' għajnuna de minimis mogħti għal kull Stat Membru lil impriżi fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura fuq kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali, ma għandux jaqbeż il-limitu massimu stipulat fl-Anness.
4.  
L-għajnuna de minimis għandha titqies li tkun ingħatat fil-mument li d-dritt legali biex tingħata l-għajnuna jkun konċess lill-impriża skont is-sistema legali nazzjonali applikabbli irrispettivament mid-data tal-pagament tal-għajnuna de minimis lill-impriża.
5.  
Il-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 2 u l-limitu nazzjonali msemmi fil-paragrafu 3 għandhom japplikaw irrispettivament mill-għamla ta' għajnuna de minimis jew mill-objettiv segwit u irrispettivament minn jekk l-għajnuna mogħtija mill-Istat Membru hijiex iffinanzjata kompletament jew parzjalment minn riżorsi li joriġinaw fl-Unjoni. Il-perjodu ta' tliet snin fiskali għandu jiġi ddeterminat b'referenza għas-snin fiskali użati mill-impriża fl-Istat Membru kkonċernat.
6.  
Għall-finijiet tal-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 2 u l-limitu nazzjonali msemmi fil-paragrafu 3, l-għajnuna għandha tkun espressa bħala għotja ta' flus kontanti. Iċ-ċifri kollha użati għandhom ikunu grossi, jiġifieri, qabel kwalunkwe tnaqqis ta' taxxa jew ta' xi tariffi oħra. Fejn għajnuna tingħata f'forma oħra differenti minn għotja, l-ammont ta' għajnuna għandu jkun l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-għajnuna.

Għajnuna pagabbli f'għadd ta' pagamenti għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata. Ir-rata tal-interessi li tintuża għal skopijiet ta' skont għandha tkun ir-rata ta' referenza applikabbli fil-mument tal-għotja.

7.  
Meta l-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 2 jew il-limitu nazzjonali msemmi fil-paragrafu 3, jinqabeż bl-għotja ta' għajnuna de minimis ġdida, dik l-għotja l-ġdida ma tkunx tista' tibbenefika minn dan ir-Regolament.
8.  
Fil-każ ta' fużjonijiet jew akkwisti, l-għajnuna de minimis kollha mogħtija qabel lil kwalunkwe waħda mill-impriżi għaddejjin minn fużjoni, għandha titqies biex jiġi ddeterminat jekk kwalunkwe għajnuna de minimis ġdida lill-impriża l-ġdida jew lill-impriża li takkwista taqbiżx il-limitu massimu jew il-limitu nazzjonali. Għajnuna de minimis li tkun ingħatat legalment qabel il-fużjoni jew l-akkwist għandha tibqa' legali.
9.  
Jekk impriża waħda tinqasam f'żewġ impriżi separati jew aktar, l-għajnuna de minimis mogħtija qabel il-qsim għandha tkun allokata lill-impriża li bbenefikat minnha, li fil-prinċipju hija l-impriża li tieħu ħsieb l-attivitajiet li għalihom intużat l-għajnuna de minimis. Jekk dik l-allokazzjoni ma tkunx possibbli, l-għajnuna de minimis għandha tiġi allokata proporzjonalment fuq il-bażi tal-valur skont il-valur kontabilistiku tal-kapital ta' ekwità tal-impriżi l-ġodda fid-data effettiva tal-qsim.

Artikolu 4

Kalkolu tal-ekwivalenti tal-għotja gross

1.  
Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna li għaliha huwa possibbli li tista' tiġi kkalkulata b'mod preċiż l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-għajnuna ex ante mingħajr il-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”).
2.  
Għajnuna inkluża f'għotjiet jew sussidji fuq ir-rata tal-interessi titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti.
3.  

L-għajnuna inkluża f'self titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk:

(a) 

il-benefiċjarju ma jkunx suġġett għal proċeduri kollettivi ta' stralċ u lanqas ma jkun jissodisfa l-kriterji biex, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, jinbdew kontrieh proċeduri kollettivi ta' stralċ fuq talba tal-kredituri tiegħu. Fil-każ ta' impriżi kbar, il-benefiċjarju jkun f'sitwazzjoni paragunabbli ma' klassifikazzjoni ta' kreditu ta' mill-inqas B-; jew

(b) 

is-self ikun assigurat minn kollateral li jkopri mill-anqas 50 % tas-self u s-self jammonta jew għal EUR 150 000 fuq ħames snin jew għal EUR 75 000 fuq għaxar snin; jekk is-self jammonta għal inqas minn dawk l-ammonti u/jew jingħata għal perjodu ta' inqas minn ħames jew għaxar snin rispettivament, l-ekwivalenti tal-għotja gross ta' dak is-self għandu jiġi kkalkulat bħala proporzjon korrispondenti tal-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2); jew

(c) 

l-ekwivalenti tal-għotja gross ikun ġie kkalkulat fuq il-bażi tar-rata ta' referenza applikabbli fil-mument tal-għotja.

4.  
L-għajnuna li tikkonsisti f'injezzjonijiet ta' kapital għandha titqies biss bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk l-ammont totali ta' injezzjoni mill-fondi pubbliċi ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis stabbilit fl-Artikolu 3(2).
5.  
L-għajnuna li tikkonsisti f'miżuri ta' finanzjament tar-riskju li tieħu l-għamla ta' investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità għandha titqies biss bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk il-kapital ipprovdut għal impriża waħda ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis stabbilit fl-Artikolu 3(2).
6.  

L-għajnuna inkluża f'garanziji għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk:

(a) 

il-benefiċjarju ma jkunx suġġett għal proċeduri kollettivi ta' stralċ u lanqas ma jkun jissodisfa l-kriterji biex, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, għaliex jinbdew kontrieh proċeduri kollettivi ta' stralċ fuq talba tal-kredituri tiegħu. Fil-każ ta' impriżi kbar, il-benefiċjarju jkun f'sitwazzjoni paragunabbli ma' klassifikazzjoni ta' kreditu ta' mill-inqas B-; u

(b) 

il-garanzija ma taqbiżx 80 % tas-self sottostanti u jew l-ammont garantit ma jaqbiżx EUR 225 000 u t-tul tal-garanzija jkun ta' ħames snin jew l-ammont garantit ma jaqbiżx EUR 112 500 u t-tul tal-garanzija jkun ta' għaxar snin; jekk l-ammont garantit ikun inqas minn dawn l-ammonti u/jew il-garanzija tkun għal perjodu ta' inqas minn ħames jew għaxar snin rispettivament, l-ekwivalenti tal-għotja gross ta' dik il-garanzija għandu jiġi kkalkolat bħala proporzjon korrispondenti tal-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2); jew

(c) 

l-ekwivalenti tal-għotja gross ikun ġie kkalkulat fuq il-bażi ta' primjums eżentati stipulati f'avviż tal-Kummissjoni; jew

(d) 

qabel l-implimentazzjoni,

(i) 

il-metodoloġija użata biex jiġi kkalkolat l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-garanzija tkun ġiet innotifikata lill-Kummissjoni skont Regolament ieħor tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat applikabbli f'dak iż-żmien u aċċettata mill-Kummissjoni bħala konformi mal-Avviż ta' Garanzija, jew kull Avviż ulterjuri, u

(ii) 

li dik il-metodoloġija tindirizza b'mod espliċitu t-tip ta' garanziji u t-tip ta' tranżazzjoni sottostanti trattati fil-kuntest tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

7.  
L-għajnuna inkluża fi strumenti oħra għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti sakemm l-istrument jipprovdi għall-iffissar li jassigura li l-limitu rilevanti applikabbli ma jinqabiżx.

Artikolu 5

Akkumulazzjoni

1.  
Meta impriża tkun attiva fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura u tkun attiva wkoll f'wieħed jew f'aktar mis-setturi jew ikollha attivitajiet oħra li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013, l-għajnuna de minimis mogħtija għall-attivitajiet fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura skont dan ir-Regolament tista' tiġi kkumulata mal-għajnuna de minimis mogħtija fir-rigward ta' dan is-settur jew dawn is-setturi tal-aħħar jew l-attivitajiet sal-limitu massimu rilevanti stabbilit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat jiżgura, b'mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-attivitajiet fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura ma jibbenefikawx mill-għajnuna de minimis mogħtija skont ir-Regolament (UE) Nru 1407/2013.
2.  
Meta impriża tkun attiva fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura kif ukoll fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli, l-għajnuna de minimis mogħtija skont ir-Regolament (UE) Nru 1408/2013 tista' tiġi kkumulata mal-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura b'konformità ma' dan ir-Regolament sal-limitu massimu stabbilit f'dan ir-Regolament, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat jiżgura b'mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax minn għajnuna de minimis mogħtija skont dan ir-Regolament.
3.  
L-għajnuna de minimis ma għandhiex tiġi kkumulata mal-għajnuna tal-Istat fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli jew mal-għajnuna tal-Istat għall-istess miżura ta' finanzjament tar-riskju, jekk din l-akkumulazzjoni tkun taqbeż l-ogħla intensità ta' għajnuna rilevanti jew l-ammont tal-għajnuna ffissat fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' kull każ permezz ta' regolament għall-eżenzjoni ta' kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni. L-għajnuna de minimis li ma tingħatax għal spejjeż eliġibbli speċifiċi jew li tkun attribwibbli għalihom tista' tiġi kumulata ma' għajnuna oħra mill-Istat mogħtija skont regolament ta' eżenzjoni ta' kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Monitoraġġ

1.  
►C1  Fejn Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jagħti għajnuna de minimis skont dan ir-Regolament lil impriża, għandu jinforma lil dik l-impriża bil-miktub dwar l-ammont tal-għajnuna espressa bħala ekwivalenti tal-għotja gross u dwar in-natura de minimis tagħha, billi ssir referenza diretta għal dan ir-Regolament, u billi jiġi kkwotat it-titolu tiegħu u r-referenza tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. ◄ Meta l-għajnuna de minimis tingħata skont dan ir-Regolament lil impriżi differenti fuq il-bażi ta' skema u ammonti differenti ta' għajnuna individwali jingħataw lil dawk l-impriżi skont dik l-iskema, l-Istat Membru kkonċernat jista' jagħżel li jissodisfa dak l-obbligu billi jinforma lill-impriżi dwar is-somma fissa li tikkorrispondi mal-ammont massimu ta' għajnuna li tkun se tingħata taħt dik l-iskema. F'tali każ, l-ammont fiss għandu jintuża biex jiġi ddeterminat jekk il-limitu stipulat fl-Artikolu 3(2) intlaħaqx, u jekk ikunx inqabeż il-limitu nazzjonali msemmi fl-Artikolu 3(3). Qabel jagħti l-għajnuna, l-Istat Membru għandu wkoll jikseb mingħand l-impriża konċernata dikjarazzjoni, bil-miktub jew f'forma elettronika, dwar kwalunkwe għajnuna de minimis oħra li tkun ingħatatilha skont dan ir-Regolament jew skont regolamenti de minimis oħrajn matul is-sentejn fiskali ta' qabel u fis-sena fiskali attwali.
2.  
Meta Stat Membru jkun ħejja reġistru ċentrali ta' għajnuna de minimis li jkun fih informazzjoni sħiħa dwar l-għajnuna kollha de minimis mogħtija minn kwalunkwe awtorità fi ħdan dak l-Istat Membru, il-paragrafu 1 ma jibqax japplika aktar mill-mument li r-reġistru jkun ikopri perjodu ta' tliet snin fiskali.
3.  
Stat Membru għandu jagħti l-għajnuna de minimis ġdida skont dan ir-Regolament biss wara li jkun ivverifika li dan ma jżidx l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lill-impriża kkonċernata għal livell ogħla mil-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2) u mil-limitu nazzjonali msemmi fl-Artikolu 3(3) u li jkunu tħarsu l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament.
4.  
L-Istati Membri għandhom iżommu rekord tal-informazzjoni kollha, u għandhom jiġbru l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dawk id-dokumenti għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jintwera li l-kundizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikunu ġew rispettati. Ir-rekords relatati ma' għajnuna de minimis individwali għandhom jinżammu għal perjodu ta' 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna. Ir-rekords li jkollhom x'jaqsmu ma' skema ta' għajnuna de minimis se jinżammu għal perjodu ta' 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-aħħar għajnuna individwali bit-tali skema.
5.  
Fuq talba bil-miktub, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, f'perjodu ta' 20 jum ta' xogħol jew f'perjodu itwal hekk kif jista' jiġi ffissat fit-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tqis li hi meħtieġa biex tanalizza jekk il-kundizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikunux ġew imħarsa, u b'mod partikolari l-ammont totali tal-għajnuna de minimis skont it-tifsira ta' dan ir-Regolament jew skont regolamenti de minimis oħrajn li tkun irċeviet xi impriża.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.  
Dan ir-Regolament għandu japplika għall-għajnuna mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu jekk l-għajnuna tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament. Kwalunkwe għajnuna li ma tissodisfax dawk il-kundizzjonijiet tiġi evalwata mill-Kummissjoni skont l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi rilevanti.
2.  
Kull għajnuna de minimis individwali li ngħatat bejn l-1 ta' Jannar 2005 u t-30 ta' Ġunju 2008, u li tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004 għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għalhekk għandha tiġi eżentata mir-rekwiżit ta' notifika fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.
3.  
Kull għajnuna de minimis individwali mogħtija bejn il-31 ta' Lulju 2007 u t-30 ta' Ġunju 2014, li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 875/2007, għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għandha għalhekk tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.
4.  
Fl-aħħar tal-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament, kwalunkwe skema ta' għajnuna de minimis li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' dan ir-Regolament tibqa' koperta minn dan ir-Regolament għal perjodu ulterjuri ta' sitt xhur.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u perjodu ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2014.

▼M1

Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2022.

▼B

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS



Limitu massimu nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 3(3)

(EUR)

Stat Membru

Ammont kumulattiv massimu ta' għajnuna de minimis għal kull Stat Membru fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura

Il-Belġju

11 240 000

Il-Bulgarija

1 270 000

Ir-Repubblika Ċeka

3 020 000

Id-Danimarka

51 720 000

Il-Ġermanja

55 520 000

L-Estonja

3 930 000

L-Irlanda

20 820 000

Il-Greċja

27 270 000

Spanja

165 840 000

Franza

112 550 000

Il-Kroazja

6 260 000

L-Italja

96 310 000

Ċipru

1 090 000

Il-Latvja

4 450 000

Il-Litwanja

8 320 000

Il-Lussemburgu

0

L-Ungerija

975 000

Malta

2 500 000

Il-Pajjiżi l-Baxxi

22 960 000

L-Awstrija

1 510 000

Il-Polonja

41 330 000

Il-Portugall

29 200 000

Ir-Rumanija

2 460 000

Is-Slovenja

990 000

Is-Slovakkja

860 000

Il-Finlandja

7 450 000

L-Isvezja

18 860 000

Ir-Renju Unit

114 780 000



( 1 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 9).