European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1813

28.7.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1813

tal-27 ta’ Lulju 2026

li jemenda l-Annessi XIV u XV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 fir-rigward tal-entrati għall-Arġentina fil-listi tal-pajjiżi terzi, tat-territorji jew taż-żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni tal-konsenji tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa u tal-prodotti tal-laħam tal-pollam

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 230(1) u l-Artikolu 232(3), il-punt (b) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li l-konsenji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi jew territorji jitħallew jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-pajjiżi terzi jew it-territorji kkonċernati jiġu elenkati f’konformità mal-Artikolu 230(1) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li l-konsenji ta’ ċerti speċijiet u kategoriji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali, li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi, territorji, jew żoni tagħhom, jew minn kompartimenti tagħhom fil-każ tal-annimali tal-akkwakultura, iridu jikkonformaw magħhom biex jidħlu fl-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (3) jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692. Dawk il-listi u ċerti regoli ġenerali li jikkonċernaw dawk il-listi huma stabbiliti fl-Annessi I sa XXII ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(4)

B’mod aktar partikolari, l-Annessi XIV u XV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxu l-listi tal-pajjiżi terzi, it-territorji, jew iż-żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni, b’mod rispettiv, tal-konsenji tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa, u tal-prodotti tal-laħam tal-ungulati, tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa.

(5)

Wara tifqigħa tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja (HPAI) fil-pollam fil-provinċja ta’ Buenos Aires, li ġiet ikkonfermata fit-23 ta’ Frar 2026, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/520 (4) emenda, fost l-oħrajn, l-entrati għall-Arġentina fit-tabella fit-Taqsima B tal-Parti 1 tal-Anness XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, billi ssospenda d-dħul fl-Unjoni tal-konsenji tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa minn dak il-pajjiż. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2026/520 inkluda wkoll, fl-entrati għall-Arġentina fit-tabella fit-Taqsima A tal-Parti 1 tal-Anness XV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, ir-rekwiżit li l-konsenji tal-prodotti tal-laħam tal-pollam iridu jitħallew jidħlu fl-Unjoni biss jekk dawk il-prodotti tal-laħam ikun sarilhom trattament speċifiku għall-mitigazzjoni tar-riskju “D” f’konformità mal-Anness XXVI tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692.

(6)

Fid-29 ta’ April 2026, fl-20 ta’ Mejju 2026 u fis-26 ta’ Mejju 2026, l-Arġentina ssottomettiet informazzjoni aġġornata lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika fit-territorju tagħha b’rabta mat-tifqigħa tal-HPAI fil-pollam ikkonfermata fit-23 ta’ Frar 2026 u tliet tifqigħat addizzjonali fit-territorju tagħha, u dwar il-miżuri li ħadet biex tipprevjeni aktar tixrid ta’ dik il-marda. B’mod partikolari, wara dawk it-tifqigħat tal-HPAI, l-Arġentina implimentat politika ta’ qerda biex tikkontrolla u tillimita t-tixrid ta’ dik il-marda, tindif u diżinfettar wara l-implimentazzjoni tal-politika ta’ qerda fl-istabbilimenti affettwati, u programm ta’ sorveljanza li juri n-nuqqas ta’ infezzjoni fil-popolazzjonijiet f’riskju.

(7)

Il-Kummissjoni evalwat l-informazzjoni li ssottomettiet l-Arġentina u kkonkludiet li din tat garanziji xierqa li s-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali li kienet wasslet għas-sospensjoni tad-dħul fl-Unjoni tal-konsenji tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa, kif stabbilit fit-tabella tat-Taqsima B tal-Part 1 tal-Anness XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, m’għadhiex theddida għas-saħħa tal-annimali jew għas-saħħa pubblika fl-Unjoni u li, għalhekk, jenħtieġ li jerġa’ jiġi awtorizzat id-dħul fl-Unjoni ta’ dawk il-konsenji mill-Arġentina. Barra minn hekk, id-dħul fl-Unjoni tal-konsenji tal-prodotti tal-laħam tal-pollam mill-Arġentina jenħtieġ li jkun soġġett għal trattament mhux speċifiku assenjat “A”, u dan ir-rekwiżit jenħtieġ li jiġi stabbilit fil-kolonna 10 tat-tabella fil-Parti 1, it-Taqsima A, tal-Anness XV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404.

(8)

Għalhekk, l-Annessi XIV u XV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi XIV u XV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-27 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/692/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/404/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/520 tal-4 ta’ Marzu 2026 li jemenda l-Annessi XIV u XV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 fir-rigward tal-entrati għall-Arġentina u għall-Bożnija-Ħerzegovina fil-listi tal-pajjiżi terzi, tat-territorji jew taż-żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni tal-konsenji tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa u tal-prodotti tal-laħam tal-pollam (ĠU L, 2026/520, 5.3.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/520/oj).


ANNESS

L-Annessi XIV u XV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huma emendati kif ġej:

(1)

fl-Anness XIV, il-Parti 1, it-Taqsima B, l-entrata għall-Arġentina hija sostitwita b’dan li ġej:

“AR

L-Arġentina

AR-0

POU, RAT, GBM

P1

 

23.2.2026

17.8.2026”;

(2)

fl-Anness XV, il-Parti 1, it-Taqsima A, l-entrata għall-Arġentina hija sostitwita b’dan li ġej:

“AR

L-Arġentina

AR-0

C

C

C

C

C

C

C

A

A

D

MPNT**

MPST

 

AR-1

C

C

C

C

C

C

C

A

A

D

MPNT**

MPST

 

AR-2

A

A

C

A

A

C

C

A

A

D

MPNT**

MPST”.

 


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1813/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)