KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fil‑5 ta’ Settembru 2024 ( 1 )
Kawża C‑47/23
Il‑Kummissjoni Ewropea
vs
Ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – ‘Ksur sistematiku u persistenti’ – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni ta’ habitats naturali u ta’ fawna u flora selvaġġa – Ammissibbiltà tal-provi li jirrigwardaw sitwazzjonijiet individwali mhux diskussi fil-proċedura prekontenzjuża – Artikolu 6(2) – Miżuri xierqa biex, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, jiġi evitat id-deterjorament ta’ habitats naturali – Nuqqas li jittieħdu tali miżuri xierqa – Tipi ta’ habitat 6510 u 6520 – ‘Mergħat ta’ ħuxlief f’altitudni baxxa’ u ‘Mergħat ta’ ħuxlief fuq il-muntanji’ – Artikolu 4(1) – Obbligu għall-Istati Membri li jipproponu lista ta’ siti li għandhom tipi ta’ habitat naturali protett – Nuqqas li tiġi aġġornata regolarment l-informazzjoni li tirrigwarda dawn is-siti”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Habitats” ( 2 )) li, flimkien mad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi ( 3 ), hija l-pedament tal-politika tal-Unjoni dwar il-bijodiversità, il-parti l-kbira mill-obbligi imposti fuq l-Istati Membri jirrigwardaw il-protezzjoni jew il-konservazzjoni ta’ siti speċifiċi. Meta Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu għal dak li jirrigwarda sit wieħed, dak in-nuqqas jista’ jkun suffiċjenti għall-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 258 TFUE ( 4 ). Madankollu, meta l-istess nuqqas ikun jista’ jiġi osservat mhux biss fir-rigward ta’ sit wieħed, imma fir-rigward ta’ diversi siti, il-Kummissjoni tista’ ssibha kkumplikata wisq (jew anki impossibbli) biex tibda proċeduri paralleli għal kull istanza ta’ dak in-nuqqas. Minflok, hija tista’ tikkonkludi li dawn is-sitwazzjonijiet partikolari jixhdu politika jew prassi mifruxa tal-Istat Membru kkonċernat li, minnha nnifisha, tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Hija mbagħad tista’ tressaq sett wieħed ta’ proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fejn tallega “ksur sistematiku u persistenti” tad-dritt tal-Unjoni ( 5 ). |
|
2. |
F’dawn il-proċeduri, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset “ġeneralment u strutturalment” milli tipprevjeni, f’numru sinjifikattiv ta’ siti mifruxa fit-territorju tagħha, id-deterjorament ta’ żewġ tipi ta’ habitats naturali: it-tip ta’ habitat 6510 (mergħat ta’ ħuxlief f’altitudni baxxa) u t-tip ta’ habitat 6520 (mergħat ta’ ħuxlief fuq il-muntanji), li din id-Direttiva dwar il-Habitats hija intiża li tiżgura l-protezzjoni tagħhom. Barra minn hekk, hija ssostni li dan l-Istat Membru naqas, ukoll “ġeneralment u stutturalment”, milli jaġġorna regolarment id-data li tirrigwarda s-siti li għandhom dawn it-tipi ta’ habitats. |
|
3. |
Bl-użu tal-espressjoni “ġeneralment u stutturalment”, il-Kummissjoni għaldaqstant ssostni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija responsabbli għall-“ksur sistematiku u persistenti” ta’ żewġ dispożizzjonijiet ċentrali ta’ din id-direttiva. |
|
4. |
F’dan il-kuntest, il-każ preżenti jipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità biex telabora, l-ewwel, dwar l-ammissibbiltà tal-provi dwar siti li jitressqu mill-Kummissjoni għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li ma jkunux ġew diskussi matul il-proċedura prekontenzjuża u, it-tieni, dwar il-kriterji legali li għandhom jiggwidaw l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-Kummissjoni ħelsitx mill-oneru tal-prova tagħha u dwar jekk fil-fatt stabbilixxietx l-eżistenza ta’ “ksur sistematiku u persistenti”. |
|
5. |
Skont talba mill-Qorti tal-Ġustizzja, ser nillimita l-analiżi tiegħi biex neżamina dawn iż-żewġ kwistjonijiet. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea
|
6. |
Skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats, “miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità”. |
|
7. |
L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. […] Fejn jixraq, l-Istati Membri għandhom jipproponu l-adattament tal-lista in vista tar-riżultati tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11. Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit. Dik l-informazzjoni jrid ikun fiha mappa tas-sit, isimha, il-post, id-daqs u l-fatti magħrufa li jirriżultaw mill-applikar tal-kriterji speċifikati fl-Anness III (Stadju 1) mogħtija f’għamla stabbilita mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.” |
|
8. |
Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.” |
B. Id‑dritt Ġermaniż
|
9. |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti hija l-Gesetz über Naturschutz und Landschaftspflege (Bundesnaturschutzgesetz) (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura u l-Konservazzjoni Rurali) tad‑29 ta’ Lulju 2009 (BGBl. 2009 I, p. 2542) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tan-Natura”). |
|
10. |
L-Artikolu 30 ta’ din il-liġi jipprovdi: “[…] (2) Huma pprojbiti l-azzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-qirda jew id-deterjorament sinjifikattiv tal-habitats li ġejjin: […] 7. Mergħat ta’ ħuxlief f’altitudni baxxa u mergħat ta’ ħuxlief fuq il-muntanji fis-sens tal-Anness I għad-[Direttiva dwar il-Habitats] […] (3) Jekk issir talba, derogi mill-projbizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu jistgħu jingħataw meta jkun possibbli li d-deterjoramenti jiġu kkumpensati.” |
|
11. |
L-Artikolu 33(1) tal-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tan-Natura jipprovdi: “Kull tibdil jew disturbi tali li jwasslu għal effetti negattivi sinjifikattivi għal sit Natura 2000 fil-komponenti tiegħu li huma deċiżivi għall-għanijiet ta’ konservazzjoni jew l-iskop tal-protezzjoni huma pprojbiti. L-awtorità li hija kompetenti għal protezzjoni tan-natura u għal kwistjonijiet ta’ preservazzjoni rurali tista’, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34(3) sa (5), tippermetti derogi mill-projbizzjoni msemmija fl-ewwel sentenza […]” |
|
12. |
L-Artikolu 34 ta’ din il-liġi jipprovdi: “(1) Qabel ma jiġu approvati jew implimentati, il-proġetti għandhom jiġu evalwati għal dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet tagħhom fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ sit Natura 2000, meta, individwalment jew flimkien ma’ proġetti jew pjanijiet oħra, x’aktarx li jkollhom effett negattiv sinjifikattiv fuq is-sit u ma jintużawx direttament għall-immaniġġar tas-sit. […] (2) Jekk l-evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet turi li l-proġett jista’ jkollu effett negattiv sinjifikattiv fuq is-sit fil-komponenti tiegħu li huma deċiżivi għall-għanijiet ta’ konservazzjoni jew l-iskop tal-protezzjoni, il-proġett għandu jkun ipprojbit. (3) Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 2, proġett jista’ jkun approvat jew implimentat biss sakemm 1. huwa neċessarju għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku superjuri, inklużi dawk ta’ natura soċjali jew ekonomika, u 2. ma humiex disponibbli mezzi raġonevoli alternattivi biex jintlaħaq l-għan imfittex mill-proġett f’post differenti mingħajr ebda effetti negattivi jew b’inqas effetti negattivi. […]” |
III. Il‑proċedura prekontenzjuża
|
13. |
Fis‑7 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni, wara li nnotat deterjorament tas-siti ġeografiċi li fihom habitats tat-tip 6510 (Mergħat ta’ ħuxlief f’altitudni baxxa) u 6520 (Mergħat ta’ ħuxlief fuq il-muntanji) fit-territorju tal-Ġermanja, għamlet talba għal informazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
|
14. |
Fid-dawl tar-risposta tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tat‑12 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni li l-Istat Membru kien kiser l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats billi naqas sistematikament milli jadotta miżuri xierqa biex jevita d-deterjorament tal-habitats tat-tip 6510 u 6520 f’siti ġeografiċi identifikati għalihom. Fis‑26 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
|
15. |
Fl-ittra tagħha, il-Kummissjoni nnotat telf ta’ wiċċ ta’ żoni f’numru sinjifikattiv ta’ siti li għandhom habitats tat-tip 6510 u 6520 fil-Ġermanja. Hija nnotat ukoll li ebda miżuri legali vinkolanti ma kienu ġew adottati biex jiżguraw il-monitoraġġ adegwat ta’ dawn is-siti jew biex ikunu protetti kontra l-fertilizzazzjoni eċċessiva u l-ħsad bikri. |
|
16. |
Hija allegat ukoll li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet kisret sistematikament it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats, peress li naqset konsistentement milli taġġorna l-formoli standard tad-data (iktar ’il quddiem “FSD”) ippreżentati lill-Kummissjoni skont il-format preskritt fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Lulju 2011 dwar format ta’ informazzjoni għas-siti Natura 2000 ( 6 ) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-2011”). |
|
17. |
Fis‑26 ta’ Novembru 2019, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tat tweġiba għall-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni, fejn ċaħdet l-allegazzjonijiet inklużi fl-istess ittra. |
|
18. |
Fit‑30 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fejn hija tenniet l-ilmenti tagħha. |
|
19. |
Fir-risposta tagħha tat‑30 ta’ Diċembru 2020, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja indikat li l-ilmenti tal-Kummissjoni kienu infondati. |
|
20. |
Fil‑31 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE. |
IV. Proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
21. |
Fir-rikors tagħha, ippreżentat fil‑31 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
|
|
22. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, wara li kienet debitament innotifikata bir-rikors promotur, ippreżentat id-difiża tagħha fis‑17 ta’ April 2023. Hija sostniet li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
|
|
23. |
Il-partijiet f’dan il-każ ġew mistiedna mill-Qorti tal-Ġustizzja jippreżentaw it-tieni sett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub. Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fit‑30 ta’ Mejju 2023 u fl‑10 ta’ Lulju 2023, rispettivament. |
|
24. |
Iż-żewġ partijiet kienu rrappreżentati waqt is-seduta, li nżammet fis‑6 ta’ Marzu 2024. |
V. Analiżi
|
25. |
Id-Direttiva dwar il-Habitats għandha l-għan li “tippromwovi l-manteniment ta’ biodiversità” ( 7 ) billi tiżgura li l-Istati Membri jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ network Natura 2000 (in-network fl-Unjoni kollha għaż-żoni ta’ konservazzjoni tan-natura) bi proporzjon għar-rappreżentazzjoni, fit-territorji rispettivi tagħhom, tat-tipi ta’ habitats naturali u l-habitats tal-ispeċi mniżżla fl-Anness I u l-Anness II ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri huma meħtieġa, skont l-Artikolu 4 ta’ dan l-istrument u fi tmiem il-proċedura stabbilita minnu ( 8 ), jidentifikaw is-siti li għandhom dawn il-habitats naturali u speċi bħala “żoni speċjali ta’ konservazzjoni” ( 9 ). |
|
26. |
Għal dak li jirrigwarda dawn iż-żoni, l-Istati Membri għandhom jadottaw tliet kategoriji ta’ miżuri, jiġifieri miżuri ta’ konservazzjoni, miżuri preventivi u miżuri kumpensatorji, kif ipprovdut fl-Artikolu 6(1), (2) u (4) ta’ din id-direttiva. Dan il-każ jikkonċerna t-tieni kategorija ta’ miżuri, jiġifieri l-miżuri preventivi (Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats). |
|
27. |
It-tipi ta’ habitat 6510 (mergħat ta’ ħuxlief f’altitudni baxxa) u 6520 (mergħat ta’ ħuxlief tal-muntanji), li huma kkonċernati f’dawn il-proċeduri, huma tnejn mit-tipi ta’ habitats naturali mniżżla fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-Habitats li jistgħu jkunu preżenti fiż-“żoni speċjali ta’ konservazzjoni” ( 10 ). It-tnejn li huma jinsabu deskritti bħala mergħat tal-ħuxlief rikki fl-ispeċi, li tista’ ssirilhom ħsara bil-prattiki ta’ ġestjoni intensiva (bħalma huma l-ħsad bikri jew l-applikazzjoni qawwija ta’ fertilizzanti) ( 11 ). |
|
28. |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats, nifhem li l-Istati Membri mhux biss għandhom jastjenu milli jieħdu azzjonijiet li jista’ jkollhom impatt ekoloġiku negattiv fuq iż-“żoni speċjali ta’ konservazzjoni” (obbligu negattiv), imma għandhom wkoll jadottaw miżuri xierqa biex jipprevjenu tfixkil naturali jew dak ikkawżat mill-bniedem tal-habitats jew disturbi sinjifikattivi tal-ispeċi li għalihom ġew identifikati dawk iż-żoni (obbligu pożittiv) ( 12 ). Fi kliem ieħor, l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni huwa, essenzjalment, biex tevita ħsara fil-futur lil dawn il-habitats jew speċi f’“żoni speċjali ta’ konservazzjoni”. Madankollu, hija ma tispeċifikax liema miżuri protettivi għandhom jiġu adottati f’dan ir-rigward. |
|
29. |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tikkjarifika li l-espressjoni “miżuri xierqa” fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats timplika li l-Istati Membri jgawdu minn diskrezzjoni meta jiġu biex japplikaw din id-dispożizzjoni ( 13 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dik id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu ta’ riżultat, li jikkorrispondi għall-għan, segwit fil-kuntest tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent taħt l-Artikolu 191(1) TFUE, intiż għall-preservazzjoni, għall-protezzjoni u għat-titjib tal-kwalità tal-ambjent, kif ukoll għall-prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 191(2) TFUE, li l-ħsara ambjentali għandha, bħala prijorità, tissewwa f’ras il-għajn ( 14 ). |
|
30. |
Wara dawn ir-rimarki preliminari, infakkar li, kif spjegajt fl-introduzzjoni iktar ’il fuq, bl-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli tieħu l-miżuri adegwati biex tipprevjeni d-deterjorament ta’ numru sinjifikattiv ta’ siti li għandhom it-tipi ta’ habitats 6510 u 6520 mifruxa fit-territorju tagħha (billi naqset milli tadotta miżuri preventivi), hija kisret l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats “ġeneralment u stutturalment”. Permezz tat-tieni lment, il-Kummissjoni targumenta li l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jaġġornaw regolarment id-data li tirrigwarda ż-“żoni speċjali ta’ konservazzjoni”, fil-FSD ppreparati skont id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-2011. Hija tikkunsidra li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret dan l-obbligu ukoll “ġeneralment u strutturalment” fir-rigward tas-siti li għandhom it-tipi ta’ habitats 6510 u 6520. |
|
31. |
Ser nibda billi nfakkar uħud mill-karatteristiċi speċifiċi tal-“ksur sistematiku u persistenti” (A). Imbagħad ser nispjega għaliex il-provi li jirrigwardaw is-siti imsemmija mill-Kummissjoni għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jkunu ammissibbli biex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ “ksur sistematiku u persistenti” (B). Finalment, ser niċċara l-kriterji legali li għandhom jiggwidaw l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-Kummissjoni eżawrietx l-oneru tal-prova tagħha f’tali kuntest, qabel ma evalwat iż-żewġ ilmenti fformulati f’dan il-każ kontra dawk il-kriterji (C). |
A. Rimarki preliminari dwar il‑kunċett ta’ “ksur sistematiku u persistenti”
|
32. |
Kif diġà spjegajt fl-introduzzjoni, il-kunċett ta’ “ksur sistematiku u persistenti” jidħol fix-xena meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq sitwazzjonijiet partikolari ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni bil-għan li tagħmel argument iktar wiesa’ li l-Istat Membru kkonċernat kiser dawn l-obbligi b’mod “ġenerali u persistenti”. Il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tagħmel tali argument tinvolvi benefiċċji prattiċi sinjifikattivi, peress li tippermetti lil din l-istituzzjoni tiffranka l-ħin u riżorsi billi tibda sett wieħed ta’ proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minflok tadotta approċċ “f’biċċiet” billi tittratta separatament kull parti iżolata tal-ksur. Kif argumentaw ċerti awturi, dan jippermetti infurzar iktar effettiv tad-dritt tal-Unjoni ( 15 ). |
|
33. |
Barra minn hekk, jekk Stat Membru wettaq tali “ksur sistematiku u persistenti” tad-dritt tal-Unjoni, tali Stat Membru għandu, fil-fehma tiegħi, mhux biss jirrimedja l-istanzi speċifiċi invokati mill-Kummissjoni, imma jagħmel ukoll tibdil ġenerali fil-prattika tiegħu. Fi kliem ieħor, għandu jidentifika s-sors u l-oriġini tal-“ksur sistematiku u persistenti”, bil-għan li “jirrimedja” mhux biss is-“sintomi” imma wkoll il-“marda” nnifisha ( 16 ). Jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċennat għal dak ir-rekwiżit meta qalet li “il-fatt li jkunu ġew irrimedjati n-nuqqasijiet irrilevati f’dan jew tali każ partikolari ma għandux neċessarjament bħala konsegwenza li l-atteġġjament ġenerali u kontinwu ta’ dawn l-awtoritajiet, li juru, jekk ikun il-każ, tali nuqqasijiet speċifiċi, intemm” ( 17 ). |
|
34. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja introduċiet il-kunċett ta “ksur sistematiku u persistenti” fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda ( 18 ). F’dik is-sentenza, hija insistiet fuq żewġ karatteristiċi partikolari. L-ewwel, sabiex tagħti evidenza ta’ tali ksur, hija indikat li huwa suffiċjenti għall-Kummissjoni li turi l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, is-sors tal-ksur mhux bilfors ikun att leġiżlattiv jew regolatorju adottat mill-Istat Membru kkonċernat. It-tieni, l-istanzi partikolari tal-ksur li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni ma għandhomx ikunu iżolati, imma għandhom jifformaw parti minn sistema ta’ nuqqas ta’ osservanza. |
|
35. |
Is-sentenzi kollha mogħtija minn dakinhar kienu jikkonċernaw is-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni kienet qiegħda titlob, b’mod parallel, li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni ma kinux ġew osservati f’sitwazzjonijiet partikolari identifikati b’mod speċifiku u biex jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux ġew osservati minħabba prassi ġenerali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, li kienet murija b’dawk is-sitwazzjonijiet partikolari ( 19 ). |
|
36. |
Dan il-każ huwa differenti mill-ġurisprudenza preċedenti inkwantu l-Kummissjoni (sa fejn naf jien, għall-ewwel darba) qiegħda titlob dikjarazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja li kien hemm prassi ġenerali min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi li tmur kontra l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats. Din l-istituzzjoni invokat sitwazzjonijiet partikolari sempliċement biex turi tali nuqqas ġenerali, jiġifieri mhux bil-għan li tikseb dikjarazzjoni speċifika mill-Qorti tal-Ġustizzja li dawn id-dispożizzjonijiet ġew miksura f’kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet. Għalhekk, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet fil-fatt kisret “ġeneralment u strutturalment” l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ titlob sussegwentement li jiġu imposti sanzjonijiet fuq dak l-Istat Membru, jekk huwa naqas milli jirrimedja kull waħda minn dawk is-sitwazzjonijiet. Hija tkun tista’ tagħmel dan biss meta, kienet talbet li jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet ma ġewx osservati f’kull istanza tal-ksur. |
|
37. |
Jekk ninjora dik id-differenza, jiena tal-fehma li r-rekwiżiti li jiena spjegajt fil-punt 34 iktar ’il fuq għandhom jiġu applikati fil-każ preżenti bl-istess mod kif kienu applikati f’każijiet preċedenti. |
|
38. |
Wara li għamilt dawn ir-rimarki, issa ser nispjega għaliex, f’sitwazzjoni ta’ allegat “ksur sistematiku u persistenti”, il-Kummissjoni tista’, b’mod ġenerali, tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja eżempji addizzjonali tal-allegata prassi ta’ nuqqas ta’ osservanza, anki jekk dawn l-eżempji ma kinux ġew diskussi matul il-proċedura prekontenzjuża. |
B. Ammissibbiltà ta’ “eżempji addizzjonali” tal‑prassi ta’ nuqqas ta’ osservanza li ma kinux ġew diskussi matul il‑fażi prekontenzjuża
1. Argumenti tal‑partijiet
|
39. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinnota li, fir-rikors, il-Kummissjoni tallega telf ta’ wiċċ ta’ żoni f’596 sit li għandhom it-tip ta’ habitat 6510 u f’ 88 sit li għandhom it-tip ta’ habitat 6520. Madankollu, fl-opinjoni motivata tagħha, il-Kummissjoni ssemmi biss 497 u 86 sit rispettivament. Għaldaqstant, hija ssostni li l-azzjoni tal-Kummissjoni hija inammissibbli inkwantu tikkonċerna 101 sit li ma jissemmewx fl-opinjoni motivata (iktar ’il quddiem is-“siti kontenzjużi”). |
|
40. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li s-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġi stabbilit mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, tali azzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-istess motivi bħal dik l-opinjoni ( 20 ). Il-fatti jew l-ilmenti mhux innotifikati matul il-proċedura prekontenzjuża ma jistgħux jiġu invokati insostenn ta’ din l-azzjoni. |
|
41. |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija ssostni li l-provi li jirrigwardaw is-siti kontenzjużi huma komplementari għal dawk diġà mressqa matul il-fażi prekontenzjuża għal dak li jirrigwarda s-siti l-oħra u, għaldaqstant, ammissibbli. |
2. Evalwazzjoni
|
42. |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita dwar l-oneru tal-prova fi proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi, f’kull każ, li l-obbligu partikolari taħt id-dritt tal-Unjoni ma twettaqx. Dik l-istituzzjoni għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni neċessarja biex din tiddetermina jekk tali ksur jeżistix u ma tistax tbiddel is-suġġett tat-tilwima, li għandu jkun iddelimitat mill-ilmenti mressqa matul il-proċedura prekontenzjuża ( 21 ). Isegwi li l-Kummissjoni ma tistax titlob dikjarazzjoni ta’ ksur speċifiku tad-dritt tal-Unjoni dwar sitwazzjoni partikolari li ma tkunx issemmiet matul dik il-proċedura ( 22 ). Ilment speċifiku ta’ dan it-tip kien ikollu neċessarjament jitqajjem matul il-fażi prekontenzjuża, sabiex l-Istat Membru kkonċernat ikollu l-okkażjoni jirrimedja s-sitwazzjoni partikolari li dwarha lmenta jew juża d-dritt tiegħu li jiddefendi lilu nnifsu f’dan ir-rigward. |
|
43. |
Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni sostniet mill-ewwel, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li s-sitwazzjonijiet partikolari li ssir referenza għalihom fir-rikors jikkostitwixxu eżempji tal-“ksur sistematiku u persistenti” tal-Artikolu 6(2) u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
|
44. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara ħafna li, f’tali kuntest, il-produzzjoni ta’ provi addizzjonali intiżi biex isostnu din il-konstatazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fil-prinċipju, tiġi eskluża. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-Kummissjoni ma tbiddilx is-suġġett tat-tilwima, imma sempliċement tiċċara l-motivi inizjali tal-ilment billi tipproduċi provi addizzjonali intiżi li juru n-nuqqas ġenerali u persistenti li hija tallega ( 23 ). |
|
45. |
Dawn id-dikjarazzjonijiet imorru lura għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda ( 24 ), sentenza li diġà semmejt fil-punt 34 iktar ’il fuq fejn il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-Irlanda kienet naqset milli tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tiżgura implimentazzjoni korretta ta’ ċerti dispożizzjonijiet mid-“Direttiva dwar l-Iskart” fis-seħħ dak iż-żmien ( 25 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minkejja li ma ġewx imsemmija waqt il-proċedura prekontenzjuża, l-eżempji tat-tfigħ illegali ta’ kwantità kbira ta’ skart (kultant perikoluż) fil-Kontea ta’ Wicklow (l-Irlanda), li l-Kummissjoni saret taf bih wara l-ħruġ tal-opinjoni motivata, setgħu validament jiġu ċċitati minnha fir-rikors, għall-fini li turi n-nuqqasijiet ta’ natura ġenerali tal-Irlanda biex twettaq l-obbligi li hija għandha taħt id-direttiva ( 26 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżiġietx mill-Kummissjoni li tistabbilixxi li dawk l-eżempji seħħew biss wara l-adozzjoni tal-opinjoni motivata ( 27 ). Lanqas ma eżiġiet mill-Kummissjoni li tistabbilixxi li ma kienx hemm mod ieħor li bih hija setgħet tiskopri jew tkun taf b’dawk l-eżempji qabel ma tat l-opinjoni motivata tagħha ( 28 ). |
|
46. |
Meta din il-loġika tiġi applikata għal dan il-każ, jiena tal-fehma li l-provi li jirrigwardaw il-101 sit li l-Kummissjoni ma inkludietx fl-opinjoni motivata huma ammissibbli, anki meta dawn kienu diġà aċċessibbli għal din l-istituzzjoni matul il-fażi prekontenzjuża. Fil-fatt, huwa suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, li l-provi ġew għall-attenzjoni tal-Kummissjoni, b’bona fide, wara li hija tat l-opinjoni motivata u li dawn l-eżempji jiġu ppreżentati bħala eżempji ulterjuri tan-nuqqas “sistematiku u persistenti” allegat mill-istituzzjoni. |
|
47. |
Biex nikkonkludi dwar din il-kwistjoni, nixtieq madankollu nindika li l-possibbiltà li l-Kummissjoni għandha biex tintroduċi tali eżempji ġodda tan-nuqqas “sistematiku u persistenti” biex jitwettqu l-obbligi taħt id-dritt tal-Unjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-fatt, wiesgħa iżda mhux mingħajr limiti. Ikun abbuż ta’ proċedura kieku l-Kummissjoni tkun tista’ tibbaża ruħha biss fuq ftit eżempji matul il-proċedura prekontenzjuża, iżda mbagħad tibda proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar “basket” ta’ ksur, magħmul mhux biss minn dawk il-ftit eżempji imma wkoll minn diversi oħrajn, li tagħmilha eċċessivament diffiċli għall-Istat Membru kkonċernat biex jikkonfuta l-allegazzjonijiet tal-istituzzjoni ( 29 ). Fil-fehma tiegħi, għandha tinqata’ linja bejn “sempliċi kjarifika” tal-ilmenti inizjali, li, kif spjegajt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espressament bħala possibbiltà, u sitwazzjonijiet fejn il-produzzjoni ta’ eżempji addizzjonali tista’ tammonta, fil-fatt, għal abbuż mill-proċedura (sitwazzjoni li, fortunatament, ma tqumx f’dan il-każ). |
C. L‑oneru tal‑prova tal‑Kummissjoni meta hija tallega l‑eżistenza ta’ “ksur sistematiku u persistenti”
|
48. |
Bħala regola, meta l-Kummissjoni tallega l-eżistenza ta’ nuqqas “sistematiku u persistenti” biex jiġu osservati d-dispożizzjonijiet ta’ xi direttiva, l-ewwel, hija għandha tistabbilixxi li l-Istat Membru inkwistjoni naqas milli jwettaq obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni f’numru ta’ sitwazzjonijiet partikolari identifikati b’mod speċifiku. It-tieni, il-Kummissjoni għandha turi, sal-grad legali meħtieġ, permezz ta’ argumenti u data suffiċjentement preċiżi, ċari u dettaljati, li dawn is-sitwazzjonijiet partikolari huma, fil-fatt, rappreżentattivi (jew illustrattivi) ta’ prassi ġenerali u persistenti li tmur kontra tali obbligu ( 30 ). |
|
49. |
Isegwi li l-istituzzjoni ma tistax, bl-iskuża li tgħid li Stat Membru naqas b’mod ġenerali u persistenti milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni, tevita milli tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha li tipprova n-nuqqas allegat fuq il-bażi ta’ provi konkreti u tistrieħ sempliċement fuq preżunzjonijiet jew kawżali skematiċi ( 31 ). Fl-istess ħin, kif qalet l-Avukata Ġenerali Ćapeta ( 32 ), ma huwiex neċessarju li l-Kummissjoni turi, u lanqas li l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa, l-eżistenza ta’ nuqqas fir-rigward ta’ kull sit ikkonċernat (fil-każ preżenti, kull wieħed mis-siti li għandhom it-tipi ta’ habitat 6510 u 6520 madwar it-territorju tal-Ġermanja). Kif diġà spjegajt, huwa biżżejjed għall-Kummissjoni li turi tendenza ta’ nuqqas ta’ konformità, li tirrikorri f’numru ta’ sitwazzjonijiet partikolari, identifikati b’mod speċifiku li huma rappreżentattivi (jew illustrattivi) tal-ksur allegat u li minnha l-konklużjoni tista’ tintlaħaq li dan il-ksur x’aktarx jeżisti fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet oħra mhux speċifikament eżaminati mill-Kummissjoni. |
|
50. |
B’paragun mal-allegazzjonijiet “klassiċi” ta’ ksur, l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kummissjoni meta hija tallega “ksur sistematiku u persistenti” huwa maqsum fi tnejn: hija għandha turi mhux biss li ma ġewx imwettqa ċerti obbligi taħt id-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet partikolari identifikati b’mod speċifiku, iżda hija għandha tistabbilixxi wkoll (bħala rekwiżit addizzjonali) li dawn is-sitwazzjonijiet partikolari huma, fil-fatt, rappreżentattivi (jew illustrattivi) ta’ prassi ġenerali u persistenti li tmur kontra tali obbligu. |
|
51. |
Fit-taqsimiet li ġejjin, ser nelabora u nikkunsidra dawn ir-rekwiżiti legali fir-rigward ta’ żewġ ilmenti mressqa mill-Kummissjoni. |
1. L‑ewwel ilment: ksur “sistematiku u persistenti” tal‑Artikolu 6(2) tad‑Direttiva dwar il‑Habitats
a) L‑argumenti tal‑partijiet
|
52. |
Permezz tal-ewwel ilment, il-Kummissjoni tieħu l-pożizzjoni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset “ġeneralment u strutturalment” milli tadotta miżuri xierqa biex tipprevjeni d-deterjorament tat-tipi ta’ habitat 6510 u 6520 f’“żoni speċjali ta’ konservazzjoni” madwar it-territorju tagħha, u għaldaqstant kisret l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats. |
|
53. |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel, li d-deterjorament ta’ dawn it-tipi ta’ habitats jista’ jiġi dedott mill-2014 Grünland-Report (ir-Rapport dwar il-Mergħat) tal-Bundesamt für Naturschutz (l-Aġenzija Federali għall-Konservazzjoni tan-Natura, il-Ġermanja) u mir-rapporti ppreżentati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Habitats, għall-perijodi 2001-2006, 2007-2012 u 2013-2018. Hija tinnota wkoll li l-wiċċ taż-“żoni speċjali ta’ konservazzjoni” li għandhom it-tipi ta’ habitat 6510 u 6520 fil-Ġermanja qiegħed jonqos. It-telf ta’ żona jikkwalifika bħala “deterjorament”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats. |
|
54. |
Il-Kummissjoni tispjega li hija għamlet analiżi komparattiva tad-data li tinsab fil-FSD ippreparata u ppreżentata lilha mill-Istat Membru skont il-format preskritt fid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-2011. Din l-analiżi turi li, bejn l-2006 u l-2017, intilef iktar minn 50 % mill-wiċċ ta’ żoni, mifrux fuq iktar minn 30 % mis-siti li għandhom it-tip ta’ habitat 6510 u 6520. Dan it-telf ta’ wiċċ ta’ żoni jaffettwa 596 minn 2027 sit li għandhom it-tip ta’ habitat 6510 u 88 minn 295 sit li għandhom it-tip ta’ habitat 6520. Dawn is-siti huma mifruxin fuq it-territorju Ġermaniż. |
|
55. |
Il-Kummissjoni żżid li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-evalwazzjoni globali tas-siti kollha li għandhom it-tipi ta’ habitat 6510 u 6520 ma kinitx neċessarja, peress li d-deterjorament f’ċerti żoni ma jistax jiġi kkumpensat b’titjib f’oħrajn. |
|
56. |
Barra minn hekk, hija tinnota l-fatt li, filwaqt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrikonoxxi ftit mit-telf ta’ żoni (977.44 ettari għat-tip ta’ habitat 6510 u 110.49 ettari għat-tip ta’ habitat 6520), dan l-Istat Membru jargumenta wkoll li (parti mit-)telf l-ieħor osservat mill-Kummissjoni ma huwiex “telf reali”, imma r-riżultat tal-korrezzjoni ta’ “żbalji xjentifiċi” jew żbalji li kienu dovuti minħabba (i) il-klassifikazzjoni żbaljata ta’ ċerti siti bħala “żoni speċjali ta’ konservazzjoni” u (ii) estimi li “vvizzjaw” il-kalkolu inizjali tal-perimetru tas-siti rilevanti fl-2006. Dawn l-iżbalji jammontaw għal 6 476.61 ettari mifruxa fuq 347 sit li għandhom it-tip ta’ habitat 6510 u 1 322.16 ettari mifruxa fuq 75 sit li għandhom it-tip ta’ habitat 6520. Il-Kummissjoni ma taċċettax dawn il-ġustifikazzjonijiet. Hija ssostni li hija kienet intitolata tistrieħ fuq id-data pprovduta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-FSD sottomessa fl-2006, kif ukoll matul is-snin sussegwenti, biex twettaq l-analiżi komparattiva tagħha. |
|
57. |
Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssostni li t-telf ta’ żoni li hija nnotat huwa wisq sinjifikattiv biex ikun ir-riżultat ta’ sempliċi korrezzjonijiet. Fil-fatt, għal iktar minn 50 % tas-siti eżaminati minn din l-istituzzjoni, madwar 60 sa 100 % tal-wiċċ ta’ żoni fl-2006 kien intilef sal-2017. |
|
58. |
It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li d-deterjorament tas-siti li għandhom it-tipi ta’ habitat 6510 u 6520 fil-Ġermanja huwa dovut għan-nuqqas sistematiku tal-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti biex iwettqu monitoraġġ adegwat u regolari ta’ dawn is-siti. Skont il-Kummissjoni, Stat Membru, li l-awtoritajiet tiegħu ma jwettqux monitoraġġ regolari u speċifiku taż-“żoni speċjali ta’ konservazzjoni”, neċessarjament jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats. Il-frekwenza li biha għandhom jitwettqu tali verifiki tiddependi fuq dak li hu meħtieġ biex jiġi evitat id-deterjorament. |
|
59. |
Il-Kummissjoni ssostni wkoll li d-deterjorament tat-tipi ta’ habitat 6510 u 6520 tul it-territorju Ġermaniż huwa kkawżat ukoll min-nuqqas tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tadotta miżuri legalment vinkolanti biex tipproteġi “żoni speċjali ta’ konservazzjoni”. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiffavorixxi approċċ kuntrattwali biex tiżgura l-protezzjoni tan-natura. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan l-approċċ ma jkunx suffiċjenti biex jipprevjeni l-ħsad bikri jew il-fertilizzazzjoni eċċessiva fis-siti li għandhom dawn it-tipi ta’ habitat. |
|
60. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni u ssostni li hija ma naqsitx milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats. |
|
61. |
L-ewwel, hija ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni globali tas-siti kkonċernati, li t-telf ta’ żoni mifrux fuq siti li għandhom tipi ta’ habitat 6510 u 6520 fil-Ġermanja huwa daqshekk sinjifikattiv li juri l-eżistenza ta’ nuqqas “sistematiku u persistenti” milli tiġi osservata din id-dispożizzjoni. Skont dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni ffokat l-analiżi komparattiva tagħha fuq numru limitat ta’ siti li l-wiċċ ta’ żoni tagħhom huwa relattivament żgħir. Kieku l-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni globali tas-siti kollha li għandhom dawn it-tipi ta’ habitat flok iffokat fuq parti minnhom biss, hija kienet tinnota biss telf ta’ żoni ta’ 4.27 % għas-siti li għandhom tip ta’ habitat 6520 u 5.22 % żieda fiż-żoni għal dak it-tip ta’ habitat 6510, fejn it-telf f’ċerti żoni ġie paċut b’żidiet f’żoni oħra. |
|
62. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li l-FSD tal-2006 fihom, fil-fatt, żbalji xjentifiċi u estimi, li ġew irranġati f’FSD sussegwenti. Din hija r-raġuni għaliex iż-żona irrekordjata għas-siti li għandhom it-tipi ta’ habitat 6510 u 6520 f’dawn il-FSD sussegwenti huwa ħafna iżgħar mill-FSD tal-2006. Skont dan l-Istat Membru, it-“telf reali” ta’ żona jammonta biss għal 977.44 ettari (mifrux fuq 81 sit li għandhom it-tip ta’ habitat 6510) u 110.49 ettari (mifrux fuq 15-il sit li għandhom it-tip ta’ habitat 6520). Dawn iċ-ċifri huma insuffiċjenti biex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ksur “sistematiku u persistenti”. |
|
63. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni wkoll li l-2014 Grünland-Report tal-Aġenzija Federali għall-Konservazzjoni tan-Natura) u r-rapporti sottomessi, skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Habitats, għall-perijodi 2001-2006, 2007-2012 u 2013-2018, sempliċement jikkonfermaw li kien hemm telf ta’ żona. Madankollu, ma jindikawx li tali telf huwa sinjifikattiv biżżejjed biex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ “ksur sistematiku u persistenti”. |
|
64. |
It-tieni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja taqbel mal-Kummissjoni li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats jimponi obbligu ta’ monitoraġġ fuq l-Istati Membri. Madankollu, hija ssostni li huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu kif għandu jitwettaq dak il-monitoraġġ. L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats jistabbilixxi obbligu ta’ riżultat biss (li huwa li jiġi evitat id-deterjorament ta’ ċerti habitats naturali u speċi) u ma jistipulax fid-dettall il-miżuri speċifiċi li għandhom jittieħdu f’dan ir-rigward. |
|
65. |
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Istati Membri huma liberi wkoll li jiddeċiedu x’miżuri preventivi huma jixtiequ jadottaw. Fil-Ġermanja, huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jiddeċiedu l-kontenut ta’ tali miżuri każ b’każ, billi jsegwu approċċ kuntrattwali flessibbli. Għalkemm tali approċċ ma jistax jiggarantixxi li deterjorament mhu se jseħħ qatt, huwa ġeneralment effettiv u jinvolvi monitoraġġ regolari. |
b) Evalwazzjoni
|
66. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni jaqblu li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats jeżiġi mill-Istati Membri li jilħqu ċertu riżultat (jiġifieri li jipprevjenu d-deterjorament tal-habitats elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva u d-disturb tal-ispeċi elenkati fl-Anness II tagħha) billi jieħdu l-“miżuri xierqa”. |
|
67. |
F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li, anki jekk dispożizzjoni ta’ direttiva ma tispeċifikax il-kontenut konkret tal-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jintlaħaq l-għan li hija għandha, hija xorta waħda vinkolanti fuq l-Istati Membri għal dak li hu l-għan ( 33 ). L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats huwa wieħed minn dawn id-dispożizzjonijiet. Huwa jimponi obbligu ċar dwar ir-riżultat li għandu jintlaħaq (biex jiġi evitat id-deterjorament) mingħajr ma jippreskrivi l-kontenut konkret tal-“miżuri xierqa” li għandhom jittieħdu f’dan ir-rigward. |
|
68. |
Fid-dawl taż-żewġ rekwiżiti li indikajt fil-punt 50 iktar ’il fuq, isegwi, fil-fehma tiegħi, li, biex jintwera li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja “ġeneralment u strutturalment” naqset milli tosserva din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni trid, l-ewwel, tistabbilixxi l-eżistenza ta’ nuqqas, min-naħa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanija, biex jiġi evitat id-deterjorament, bi ksur tal-għan imfittex mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats, f’numru ta’ sitwazzjonijiet partikolari identifikati b’mod speċifiku (jiġifieri, siti li għandhom it-tipi ta’ habitat 6510 u 6520 fil-Ġermanja). It-tieni, b’applikazzjoni ta’ dak li sejjaħt bħala “rekwiżit addizzjonali”, li huwa speċifiku għall-“ksur sistematiku u persistenti”, hija għandha turi li dawn is-sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità huma rappreżentattivi (jew illustrattivi) ta’ dak in-nuqqas “sistematiku u persistenti” biex tiġi osservata dik id-dispożizzjoni. |
1) L‑ewwel rekwiżit (nuqqas li jiġi evitat id‑deterjorament f’numru ta’ sitwazzjonijiet partikolari identifikati b’mod speċifiku)
|
69. |
Nibda biex ngħid li jiena tal-fehma li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni tista’ tissodisfa l-oneru tal-prova tagħha dwar l-ewwel rekwiżit mingħajr ma jkollha tiddetermina l-kawża eżatta tad-deterjorament li allegatament jaffettwa s-siti li għandhom it-tipi ta’ habitat 6510 u 6520 fil-Ġermanja. Fil-fatt, kif spjegajt iktar ’il fuq, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats jistabbilixxi obbligu biex jiġi evitat id-deterjorament, ikun xi jkun il-kaġun tiegħu (naturali jew magħmul mill-bniedem jew mit-tnejn). It-telf tal-bijodiversità mifrux fuq is-siti analizzati mill-Kummissjoni jista’ jkun marbut ma’ diversi fenomeni, li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tidentifika jew tikkwantifika. Dak li l-Kummissjoni għandha turi, madankollu, huwa, l-ewwel, li hemm deterjorament (ikun xi jkun ir-raġuni jew il-kaġun) u, it-tieni, li l-Istat Membru kkonċernat ħa azzjoni li kellha r-riskju li tikkawża tali deterjorament jew naqas milli jieħu miżuri biex jipprevjenih milli jseħħ. Fil-fatt, waqt li, pereżempju, l-okkorrenza sempliċi ta’ deterjorament ta’ “żoni speċjali ta’ konservazzjoni” marbut mal-bidla fil-klima ma huwiex suffiċjenti biex jistabbilixxi ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats, in-nuqqas ta’ Stat Membru milli jieħu miżuri biex jillimita l-effetti tal-bidla fil-klima jista’ jkun, fil-fatt, suffiċjenti. |
|
70. |
F’dan ir-rigward, inżid ngħid li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-approċċ tolleranti ta’ Stat Membru lejn sitwazzjonijiet fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva ma jkunux osservati jew il-persistenza ta’ sitwazzjoni ta’ deterjorament fl-ambjent fuq perijodu twil mingħajr ma tittieħed azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti jista’, minnu nnifsu, ikunu indikattivi ta’ problema amministrattiva, li, jekk ikunu suffiċjentement ġenerali u ta’ tul ta’ żmien, jistgħu jippermettu li jiġi konkluż li l-Istat Membru kkonċernat eċċeda d-diskrezzjoni mogħtija lilu biex jilħaq ir-riżultat preskritt ( 34 ). Bħala tali, kemm l-azzjonijiet pożittivi u l-ommissjonijiet (jew l-aġir li jagħti sostenn) ta’ Stat Membru huma rilevanti għall-iskop li jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats. |
|
71. |
Ninnota wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa suffiċjenti għall-Kummissjoni li turi li hemm probabbiltà jew riskju li l-azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni tal-Istat Membru kkonċernat setgħet ikkawżat (jew naqset milli tipprevjeni) deterjorament tal-habitats elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva jew disturb sinjifikattiv lill-ispeċi msemmija fl-Anness II tagħha. Fil-fatt, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kawża-effett bejn l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u d-deterjorament jew disturb tal-habitats jew speċi kkonċernata ( 35 ). |
|
72. |
Indur issa għas-sitwazzjoni fattwali involuta f’dan il-każ. Infakkar, l-ewwel, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-Istat Membru naqas, fuq livell nazzjonali, li jadotta miżuri ta’ konservazzjoni legalment vinkolanti biex jipprevjeni, fis-siti rilevanti, id-deterjorament tat-tipi ta’ habitat 6510 u 6520, u pprefera minflok approċċ kuntrattwali għall-“protezzjoni tan-natura”. |
|
73. |
It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li 596 sit li għandhom it-tip ta’ habitat 6510 u 89 sit li għandhom it-tip ta’ habitat 6520 mifruxin fil-Ġermanja huma affettwati minn telf ta’ żona li jammonta għal “deterjorament”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats. Ir-Repubblika tal-Ġermanja ma taqbilx ma’ dawn il-konstatazzjonijiet. Madankollu, hija tammetti li kien hemm telf ta’ żona f’89 sit li għandhom it-tip ta’ habitat 6510 (81 wara korrezzjoni ( 36 ) u kif ġie kkonfermat fis-seduta) u 15-il sit li għandhom it-tip ta’ habitat 6520 (16 wara korrezzjoni ( 37 ) u 15 kif ikkonfermat waqt is-seduta) mifruxin fuq it-territorju tagħha (“it-telf ammess”). B’żieda ma’ dan, l-Istat Membru jirrikonoxxi li huwa ma jista’ jipprovdi ebda ġustifikazzjoni valida jew spjegazzjoni għal xi telf (ieħor) ta’ żona nnotat mill-Kummissjoni fl-analiżi komparattiva tagħha (“it-telf bla spjegazzjoni”). Dan it-telf jirrappreżenta total ta’ 9 853.38 ettari mifruxin fuq 200 sit tat-tip ta’ habitat 6510 u 249.78 ettari mifruxin fuq 24 sit tat-tip ta’ habitat 6520 ( 38 ). |
|
74. |
It-tielet, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tressaq ebda argument konvinċenti jew provi suffiċjentement preċiżi biex tirribatti l-argument tal-Kummissjoni li hemm probabbiltà jew riskju li n-nuqqas tagħha li tadotta, fuq livell nazzjonali, miżuri ta’ konservazzjoni legalment vinkolanti seta’ kkawża t-telf ammess u li ma ngħatax spjegazzjoni għalih. |
|
75. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni biss it-telf ammess u li ma ngħatax spjegazzjoni għalih, u mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi kkunsidrat it-telf ta’ wiċċ li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li huwa r-riżultat ta’ żbalji xjentifiċi jew żbalji oħrajn, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà tista’ tasal għall-konklużjoni, mingħajr ħafna diffikultà, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli tikkonforma ruħha mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats f’minn tal-inqas 200 sit li għandhom it-tip ta’ habitat 6510 u 24 sit li għandhom it-tip ta’ habitat 6520. |
|
76. |
Wara li għamilt dawn ir-rimarki, ser neżamina issa jekk dawn l-eżempji humiex suffiċjentement rappreżentattivi (jew illustrattivi) tan-nuqqas “sistematiku u persistenti” tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tikkonforma ruħha ma’ din id-dispożizzjoni (it-tieni rekwiżit). |
2) It‑tieni rekwiżit (“rappreżentattività”)
|
77. |
Infakkar li, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda ( 39 ), l-Avukat Ġenerali Geelhoed qal li, biex jiġi kkonstatat li l-ksur mill-Istat Membru huwa “sistematiku u persistenti”, id-dimensjonijiet ta’ skala, żmien u gravità għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Id-dimensjoni ta’ skala tirreferi għan-numru ta’ istanzi fejn jiġi stabbilit li nkisru l-obbligi taħt id-dritt tal-Unjoni rilevanti, kif ukoll għall-indikazzjonijiet li l-ksur huwa mifrux u/jew x’aktarx li jibqa’ jirrepeti ruħu. Id-dimensjoni ta’ żmien (tul) tikkorrispondi għar-rekwiżit li s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza bilfors li eżistiet għal ċertu perijodu ta’ żmien li matulu l-obbligu kien effettiv. Id-dimensjoni tal-gravità tirreferi għall-grad li bih is-sitwazzjoni attwali fl-Istat Membru kkonċernat tiddevja mir-riżultat li għandu jintlaħaq bl-obbligu inkwistjoni. |
|
78. |
Dan il-qafas ta’ analiżi bbażat ruħha, inter alia, fuqu l-Avukata Ġenerali Cápeta f’kuntest fejn il-Kummissjoni kienet allegat li l-Irlanda kienet naqset “sistematikament u persistentement” milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats ( 40 ). L-Avukat Ġenerali Cápeta kkunsidrat li t-tliet dimensjonijiet huma rilevanti meta jiġi eżaminat jekk huwiex issodisfatt il-kriterju tar-“rappreżentattività”, jiġifieri jekk is-sitwazzjonijiet partikolari invokati mill-Kummissjoni humiex rappreżentattivi (jew illustrattivi ta’) “ksur sistematiku u persistenti”. Jiena naqbel. |
|
79. |
Fil-fatt, jidhirli li t-tliet dimensjonijiet (skala, tul ta’ żmien u gravità) għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala parti minn din l-evalwazzjoni, għalkemm ma għandhomx ikunu ssodisfatti fuq l-istess livell. Pereżempju, is-sitwazzjonijiet partikolari invokati mill-Kummissjoni jistgħu jkunu partikolarment gravi u numerużi, iżda jista’ jkun li ma jkunux damu ħafna; madankollu, dan ma jxekkilhomx milli jkunu “illustrattivi ta’ ksur sistematiku u persistenti”. Min-naħa l-oħra, jista’ jkun li dawn is-sitwazzjonijiet ma jkunux numerużi, iżda jistgħu jkunu ta’ tali gravità u tul ta’ żmien li huwa biss difett ta’ natura strutturali li seta’ jikkawżahom. Fi kliem ieħor, it-tliet dimensjonijiet jipprovdu “għodda” flessibli, iktar milli “lista ta’ verifika” indispensabbli. |
|
80. |
Għal dak li jirrigwarda l-ewwel dimensjoni (skala), ninnota li, f’dawn il-proċeduri, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tammetti, mingħajr ħabi, telf ta’ wiċċ ta’ żona f’96 minn 2322 sit li għandhom it-tipi ta’ habitat 6510 u 6520 mifruxa fuq it-territorju Ġermaniż. Globalment, dan l-Istat Membru jammetti għaldaqstant li 4.13 % mis-siti kollha li għandhom minn dawn it-tipi ta’ habitat fit-territorju tagħhom esperjenzaw telf ta’ wiċċ ta’ żona b’effett mill-2006. Jiena naqbel li din il-perċentwali ma hijiex għolja ħafna. Madankollu, l-ewwel nett, dawn is-siti huma mqassma madwar it-territorju Ġermaniż, peress li jinsabu f’10 Länder differenti ( 41 ) (għat-tip ta’ habitat 6510) u 5 Länder differenti (għat-tip ta’ habitat 6520). It-tieni, għal mill-inqas ħames siti li għandhom it-tip ta’ habitat 6520, it-telf ta’ wiċċ ta’ żona jeċċedi l-25 % mill-wiċċ ta’ żona rrekordjat fl-2006. Jista’ jiġi osservat ukoll telf sinjifikattiv (fir-rigward tal-wiċċ globali ta’ ċerti siti) f’numru sinjifikattiv ta’ siti li għandhom it-tip ta’ habitat 6510. |
|
81. |
It-tielet, filwaqt li huwa minnu li, għat-tip ta’ habitat 6510, it-telf ammess mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jirrappreżenta 957.75 ettari biss, jekk jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll it-telf li għalih l-Istat Membru jammetti li ma jistax jipprovdi ġustifikazzjoni jew spjegazzjoni valida, id-defiċit totali jsir 10 811.13 ettari (kważi 60 % ta’ dak allegat mill-Kummissjoni) ( 42 ). Similarment, għat-tip ta’ habitat 6520, it-telf espressament irrikonoxxut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jammonta għal 110.49 ettari biss. Madankollu, malli t-telf li għalih dan l-Istat Membru ma jista’ jipprovdi ebda ġustifikazzjoni jew spjegazzjoni valida jiġi inkluż fl-evalwazzjoni, id-defiċit totali jsir 360.27 ettari (madwar 20 % tad-defiċit allegat mill-Kummissjoni) ( 43 ). |
|
82. |
Fil-fehma tiegħi, dawn in-numri huma suffiċjenti biex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ nuqqas milli jiġi osservat l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats fuq siti multipli, li mhux biss huma mifruxa (f’termini tad-distribuzzjoni ġeografika tagħhom madwar it-territorju Ġermaniż) imma wkoll suffiċjentement numerużi biex jippermettu l-konklużjoni tista’ tintlaħaq li l-ksur x’aktarx li jkompli jseħħ u li l-prassi amministrattiva segwita mill-Ġermanja bil-għan li timplimenta din id-dispożizzjoni hija b’mod ġenerali problematika. |
|
83. |
Għandi nżid li, f’dan il-każ, l-azzjoni tal-Kummissjoni tikkonċerna biss żewġ tipi ta’ habitats naturali (jiġifieri it-tip ta’ habitat 6510 u t-tip ta’ habitat 6520) u li l-provi mressqa minn din l-istituzzjoni jirrigwardaw biss is-siti li għandhom minn dawn it-tipi ta’ habitats. Għaldaqstant, dan il-każ huwa differenti mill-każ li wassal għas-sentenza reċenti Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) ( 44 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argumenti tal-Kummissjoni fuq il-bażi li dawn l-eżempji ma kinux “rappreżentattivi” tas-siti kollha inkwistjoni ta’ importanza għall-Komunità. Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-kawża kienet tirrigwarda 423 sit ta’ importanza għall-Komunità fl-Irlanda, li għandhom varjetà kbira ta’ habitats u speċi, filwaqt li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha biss fuq tliet eżempji ta’ dawn il-habitats u speċi (laguni kostali, bogs għoljin u mussels tal-perli tal-ilma ħelu) biex turi li l-miżuri ta’ konservazzjoni adottati mill-Irlanda f’dawn is-siti kienu ġeneralment, sistematikament u persistentement ta’ kwalità insuffiċjenti. |
|
84. |
Dwar il-provi mressqa f’dan il-każ, nixtieq nenfasizza, l-ewwel, li ma huwiex attwalment meħtieġ, fil-fehma tiegħi, li l-Kummissjoni turi li s-sitwazzjonijiet partikolari li hija tibbaża ruħha fuqhom jirrappreżentaw il-parti “l-kbira” jew anki “sinjifikattiva” mis-siti kollha li għandhom it-tipi ta’ habitat 6510 u 6520. Kif għidt diġà, huwa suffiċjenti li dawn ikunu numerużi biżżejjed biex juru li l-ksur huwa mifrux u/jew x’aktarx li jkompli jseħħ minħabba difett fil-prassi amministrattiva adottata mill-Istat Membru li l-effetti tiegħu jistgħu jkomplu maż-żmien. |
|
85. |
It-tieni, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa twettaq evalwazzjoni globali u tanalizza jekk it-telf esperjenzat f’xi siti huwiex ikkumpensat bi gwadann f’oħrajn. F’dan ir-rigward, infakkar li, kif spjegajt diġà, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats jistabbilixxi obbligu għall-Istati Membri biex jipprevjenu d-deterjorament f’kull sit li huwa rrikonoxxut bħala “żona speċjali ta’ konservazzjoni”. Ma jirrikjedix li dawn jipprevjenu deterjorament ġenerali ta’ dawn is-siti kkunsidrati fit-totalità tagħhom. Kieku dan kien il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx tkun tista’ tinvoka ksur “sistematiku u persistenti” tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats. Hija kienet tkun tista’ sempliċement titlob biss dikjarazzjoni li kien hemm ksur ta’ din id-dispożizzjoni f’istanza waħda (jiġifieri, fir-rigward tas-siti kollha li għandhom it-tipi ta’ habitat 6510 u 6520, meħudin fit-totalità tagħhom). |
|
86. |
Għal dak li jirrigwarda t-tieni dimensjoni (it-tul ta’ żmien), ninnota li ċ-ċifri msemmija mill-Kummissjoni jikkorrispondu għat-telf għall-perijodu 2006-2017. Isegwi li d-defiċit muri minn din l-istituzzjoni ma huwiex temporanju, iżda eżista fuq perijodu twil sew. Ir-Rapport Grünland-Report tal-2014 tal-Aġenzija Federali għall-Konservazzjoni tan-Natura jikkonferma tnaqqis globali tal-istatus ta’ konservazzjoni ta’ mergħat tal-ħuxlief fil-Ġermanja b’effett mill-2007. Dan ir-rapport jindika li “mergħat […] ma għadhomx f’kundizzjoni tajba fil-Ġermanja. Ir-raġuni għal dan huwa telf sinjifikattiv ta’ wiċċ ta’ żona u ta’ kwalità. Meta mqabbla mal-[…]2007, is-sitwazzjoni f’[…] mergħat ta’ ħuxlief f’altitudni baxxa u l-mergħat ta’ ħuxlief fuq il-muntanji iddeterjoraw b’mod li jista’ jitkellel f’partijiet” ( 45 ). |
|
87. |
Għal dak li jirrigwarda t-tielet dimensjoni (il-gravità), li tikkorrispondi għal-livell li bih is-sitwazzjoni attwali fl-Istat Membru kkonċernat tiddevja mir-riżultat li għandu jintlaħaq mill-obbligu inkwistjoni, infakkar li, kif spjegajt fil-punt 28 iktar ’il fuq, l-għan tal-Artikolu 6(2) huwa li jipprevjeni l-ħsara lill-habitats ikkaġunata b’mod naturali jew mill-bniedem jew id-disturb sinjifikattiv tal-ispeċi li għalihom ġew identifikati ż-“żoni speċjali ta’ konservazzjoni”. Dan l-għan jiġi, fil-fehma tiegħi, ippreġudikat serjament jekk iż-żona tas-siti li għandhom dawn il-habitats u speċi tonqos maż-żmien. Iktar minn hekk, it-telf ta’ żona jidhirli li huwa forma partikolarment serja ta’ “deterjorament” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, fid-dawl tan-natura irriversibbli tiegħu. |
|
88. |
Fid-dawl ta’ dak li intqal qabel, jiena nqis li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ta’ tali skala, tul ta’ żmien u gravità li jista’ jitqies bħala “sistematiku u persistenti”. |
2. It‑tieni lment: “ksur sistematiku u persistenti” tal‑Artikolu 4(1) tad‑Direttiva dwar il‑Habitats
a) L‑argumenti tal‑partijiet
|
89. |
Permezz tat-tieni lment, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats billi naqset “ġeneralment u strutturalment” milli tipprovdi data aġġornata li tirrigwarda s-siti li għandhom mit-tipi ta’ habitat 6510 u 6520. Skont il-Kummissjoni, dan in-nuqqas jikkonċerna 202 mill-596 sit li għandhom mit-tip ta’ habitat 6510 u 14 mit‑88 sit li għandhom mit-tip ta’ habitat 6520, f’10 Länder. |
|
90. |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats jeżiġi li l-Istati Membri jipprovdu data aġġornata regolarment dwar, inter alia, il-wiċċ ta’ kull “żona speċjali ta’ konservazzjoni”. Tali obbligu ma huwiex imsemmi espressament f’din id-dispożizzjoni, imma jirriżulta minn interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tad-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha bżonn tkun fil-pussess ta’ informazzjoni u data preċiża għal dak li jirrigwarda ż-“żoni speċjali ta’ konservazzjoni” sabiex tiżgura konformità mal-għanijiet ta’ konservazzjoni elenkati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-Habitats. L-importanza li tiġi pprovduta data aġġornata regolarment hija magħmula ċara wkoll fl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, li jeżiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu rapport kull sitt snin, fejn huma għandhom jindikaw fid-detall il-miżuri meħuda u t-titjib magħmul lil kull sit. |
|
91. |
Il-Kummissjoni tinnota barra minn hekk li l-premessa 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-2011 tipprovdi li: “[i]l-kontenut tal-Formola Standard tad-Dejta tan-Natura 2000 għandu jiġi aġġornat b’mod regolari abbażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli għal kull sit tan-netwerk, biex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq ir-rwol tagħha bħala koordinatriċi […]”. |
|
92. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta dawn l-argumenti. Hija ssostni li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats jeżiġi li d-data li tirrigwarda s-siti rilevanti tintbagħat darba biss (jiġifieri, meta l-lista ta’ “żoni speċjali ta’ konservazzjoni” tiġi stabbilita mill-Kummissjoni). Id-dispożizzjoni ewlenija li tirrigwarda l-komunikazzjonijiet sussegwenti li għandhom iseħħu bejn din l-istituzzjoni u l-Istati Membri hija l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Habitats, mhux l-Artikolu 4(1) tagħha. |
|
93. |
Dan l-Istat Membru jżid li l-fatt li d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-2011 tirreferi għall-importanza ta’ aġġornamenti “regolari” mingħajr ma tispeċifika meta għandhom iseħħu dawn l-aġġornamenti jikkonferma li d-Direttiva dwar il-Habitats ma fiha ebda obbligu speċifiku f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, biex jiġu identifikati liema siti sofrew deterjorament, ma huwiex meħtieġ li tiġi aġġornata regolarment id-data li tinsab fil-FSD. Fi kwalunkwe każ, il-FSD kkomunikati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jiġu aġġornati sistematikament. Madankollu, il-Kummissjoni ċaħdet il-FSD tal‑2021 sottomessi mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
b) Evalwazzjoni
|
94. |
Il-punt ċentrali ta’ diverġenza bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal dak li jirrigwarda t-tieni lment huwa dwar jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats jinkludix obbligu għall-Istati Membri li jaġġornaw id-data li tirrigwarda ż-“żoni speċjali ta’ konservazzjoni”, fis-sens ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tammetti li din id-dispożizzjoni ma fihiex espressament tali obbligu. |
|
95. |
Fil-fatt, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats jipprovdi, f’termini mhux ambigwi, li l-lista ta’ siti rilevanti għandha tintbagħat lill-Kummissjoni “fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit” ( 46 ). Minn din id-dispożizzjoni nifhem li l-Istati Membri huma meħtieġa biss espressament, taħt din id-dispożizzjoni, li jikkomunikaw l-informazzjoni dwar is-siti rilevanti f’mument partikolari, jiġifieri, qabel dawn is-siti jiġu rrikonoxxuti formalment bħala “żoni speċjali ta’ konservazzjoni” u bħala parti mill-proċeduri biex dawn jiġu indikati bħala tali. Ma nara xejn fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats li minnu jirriżulta obbligu għall-Istati Membri li jaġġornaw regolarment id-data li tirrigwarda ż-“żoni speċjali ta’ konservazzjoni”, malli dawn iż-żoni jiġu formalment identifikati. Fil-fatt, l-unika skop ta’ din id-dispożizzjoni jidhirli li huwa biex tistabbilixxi l-proċedura li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jsegwu sabiex “żoni speċjali ta’ konservazzjoni” jkunu identifikati sew. |
|
96. |
Iktar minn hekk, ninnota li l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Habitats jipprovdi li l-Istati Membri għandhom iħejju rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda taħt din id-direttiva “kull 6 snin”. Għal darba oħra, f’din id-dispożizzjoni ma nara ebda indikazzjoni li l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-Istati Membri għandhom jipprovdu data aġġornata fuq iż-“żoni speċjali ta’ konservazzjoni” kull sena. |
|
97. |
Jiena naqbel mal-Kummissjoni li l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-Habitats jirrikjedi li din “tirrevedi minn żmien għall-żmien is-sehem li qed tagħti Natura 2000 biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 u 3” ta’ din id-direttiva. B’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-2011, li l-premessa 4 tagħha tipprovdi li “l-kontenut tal-Formola Standard tad-Dejta tan-Natura 2000 għandu jiġi aġġornat b’mod regolari abbażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli għal kull sit tan-netwerk, biex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq ir-rwol tagħha bħala koordinatriċi u biex, skont l-Artikolu 9 tad-[Direttiva dwar il-Habitats], minn żmien għal żmien tirrevedi s-sehem li n-Natura 2000 jagħti biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3” ta’ din id-Direttiva”. |
|
98. |
Madankollu, anki jekk wieħed jassumi li l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-Habitats jinkludi obbligu għall-Istati Membri biex jaġġornaw regolarment id-data għal kull sit ikklassifikat bħala “żona speċjali ta’ konservazzjoni”, dan ma jbiddilx il-fatt, fil-fehma tiegħi, li tali obbligu għadu ma jirriżultax mill-Artikolu 4(1) ta’ dan l-istrument. |
|
99. |
Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Kummissjoni naqset milli turi sal-istandard legali meħtieġ li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret din id-dispożizzjoni.Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud. |
VI. Konklużjoni
|
100. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/EU tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193).
( 3 ) Direttiva 2009/147/KE (ĠU 2010, L 20, p. 7), kif emendata permezz tar-Regolament (UE) 2019/1010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 (ĠU 2019, L 170, p. 115).
( 4 ) Fil-fatt, l-Artikolu 258 TFUE jippermetti lill-Kummissjoni tibda proċeduri għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kull darba li hija tkun tal-fehma li Stat Membru naqas milli jwettaq obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma tkun meħtieġa tagħmel distinzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-gravità tal-ksur (ara, għal dak l-għan, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑333/99, EU:C:2001:73, punt 33).
( 5 ) Ara, għal eżempji ta’ “ksur sistematiku u persistenti” tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Habitats, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524), u tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687).
( 6 ) Notifikata bid-dokument numru C(2011) 4892 (ĠU 2011, L 198, p. 39).
( 7 ) Ara l-preambolu ta’ din id-direttiva. Ara wkoll l-Artikolu 2(1) tiegħu.
( 8 ) Il-proċedura li tirregola l-identifikazzjoni ta’ siti bħala “żoni speċjali ta’ konservazzjoni”, kif ipprovdut għaliha fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, tikkonsisti f’diversi stadji. Skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, kull Stat Membru jipproponi lista ta’ siti li tindika t-tipi ta’ habitats naturali u speċi indiġeni li jinsabu fihom u dik il-lista tiġi trażmessa lill-Kummissjoni. Imbagħad, il-Kummissjoni tadotta, abbażi tal-listi sottomessi mill-Istati Membri, lista ta’ siti magħżula bħala “siti li huma ta’ importanza għall-Komunità”. Malli jiġi adottat sit ta’ importanza għall-Komunità, l-Istat Membru kkonċernat għandu jidentifika “żona speċjali ta’ konservazzjoni” kemm jista’ jkun malajr u mhux iktar tard minn żmien ta’ sitt snin.
( 9 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 44). Ara wkoll, id-definizzjoni ta’ “żona speċjali ta’ konservazzjoni” fl-Artikolu 1(l) tad-Direttiva dwar il-Habitats.
( 10 ) Ara l-Anness I tad-Direttiva dwar il-Habitats.
( 11 ) Ara Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali Ambjent (ENV B.3) “Interpretation Manual of European Union Habitats – EUR 28” (April 2013), p. 80 u 81 (disponibbli fis-sit internet: https://circabc.europa.eu/ui/group/3f466d71-92a7-49eb-9c63-6cb0fadf29dc/library/37d9e6d9-b7de-42ce-b789-622e9741b68f/details).
( 12 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524, punti 147 sa 149 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 204).
( 13 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et (C‑399/14, EU:C:2016:10, punti 36 u 40).
( 14 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Deterjorazzjoni taż-żona naturali ta’ Doñana) (C‑559/19, EU:C:2021:512, punti 152 sa 154).
( 15 ) Hamer, J. “General and persistent breach of EC Environmental Law”, European Law Reporter (2005) Nru 7-8, p. 324 sa 327. Ara wkoll, għal diskussjoni ġenerali dwar “ksur sistematiku u persistenti”, Prete, L., “The systemic criterion in the use of infringement proceedings”, German Law Journal, 2023, Vol. 24, p. 1011 sa 1022. Kif jispjega l-awtur, qabel ma kienet teżisti l-possibbiltà li jinbdew proċeduri għal “ksur sistematiku u persistenti”, il-Kummissjoni kien ikollha tibda proċeduri għal kull sitwazzjoni fattwali li kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, li kien eżerċizzju li jieħu ħafna żmien u ta’ effettività limitata.
( 16 ) Ara wkoll Prete, L., kif imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna ta’ qabel.
( 17 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Batterju Xylella fastidiosa) (C‑443/18, EU:C:2019:676, punt 75). Ara wkoll, insostenn ta’ din il-fehma, Prete, L. “The systemic criterion in the use of infringement proceedings”, German Law Journal, 2023, Vol. 24, p. 1011 sa 1022.
( 18 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2005 (C‑494/01, EU:C:2005:250).
( 19 ) Ara sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Batterju Xylella fastidiosa) (C‑443/18, EU:C:2019:676, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata) (enfasi miżjuda). Għal eżempji iktar reċenti fejn iż-żewġ konstatazzjonijiet ġew mitluba mill-Kummissjoni, ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524), u tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687).
( 20 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑127/17, EU:C:2019:236, punt 119).
( 21 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 37).
( 23 ) Ibid.
( 24 ) Sentenza tas‑26 ta’ April 2005 (C‑494/01, EU:C:2005:250).
( 25 ) Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23), kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tat‑18 ta’ Marzu 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 3).
( 26 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 39).
( 27 ) Fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet formalment li s-suġġett ta’ azzjoni għall-allegat nuqqas persistenti li jitwettqu l-obbligi jista’ jestendi għal ġrajjiet li seħħew wara l-opinjoni motivata, sakemm dawn ikunu tal-istess tip bħall-ġrajjiet li għalihom tirreferi l-opinjoni u jikkostitwixxi l-istess aġir (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Batterju Xylella fastidiosa) (C‑443/18, EU:C:2019:676, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
( 28 ) F’dan ir-rigward, inżid ngħid li, matul il-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni ma għandhiex setgħat investigattivi proprji u għal dak li jirrigwarda l-verifika dwar jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi li jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta’ direttiva humiex, fil-prattika, applikati b’mod korrett, tiddependi ħafna fuq l-informazzjoni prodotta mil-lanjanti kif ukoll mill-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata)).
( 29 ) Ara, b’analoġija, il-ġurisprudenza li tgħid li d-dewmien eċċessiv tal-proċedura prekontenzjuża jista’ jikkostitwixxi vizzju li jwassal għall-inammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fejn l-imġiba tal-Kummissjoni rrendiet iċ-ċaħda tal-argumenti tagħha diffiċli, u b’hekk kisret id-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑287/03, EU:C:2005:282, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑8 ta’ Diċembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑33/04, EU:C:2005:750, punt 76).
( 30 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524, punti 170 u 173).
( 31 ) Ibid., punt 167.
( 32 ) Ara l-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:90, punt 50).
( 33 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 168 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 34 ) Ibid., punt 133. Ara, ukoll, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (Batterju Xylella fastidiosa) (C‑443/18, EU:C:2019:676, punt 79).
( 35 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Deterjorazzjoni taż-żona naturali ta’ Doñana) (C‑559/19, EU:C:2021:512, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 36 ) Ara l-Kolonni J-1 u J-11 tal-Anness B.4 sottomessi mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
( 37 ) Ibid.
( 38 ) Ara l-Kolonni J-3 u J-31 tal-Anness B.4 sottomessi mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
( 39 ) C‑494/01, EU:C:2004:546, punti 43 sa 48.
( 40 ) Ara l-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:90, punt 106).
( 41 ) Dawn l-10 Länder huma: Brandenburg, Baden-Württemberg, Bremen, Hessen, Mecklenburg-Vorpommern, Niedersachsen, Nordrhein-Westfalen, Saarland, Sachsen-Anhalt u Thüringen (ara Kolonna C tat-tabella pprovduta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-Anness B.4).
( 42 ) Ara l-Kolonni I-1, J-11 u J-31 tat-tabella pprovduta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-Anness B.4.
( 43 ) Ibid.
( 44 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524, punti 168 sa 175). Ara, ukoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687, punti 122 sa 125).
( 45 ) Ara p. 13 tal-Grünland-Report tal-2014 tal-Aġenzija Federali għall-Konservazzjoni tan-Natura, sottomess mill-Kummissjoni bħala Anness A.2.
( 46 ) Enfasi miżjuda minni.