European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2643

9.10.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/2643

tat-8 ta’ Ottubru 2024

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-2013, il-Kap tal-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa, Valery Gerasimov, irrakkomanda bidla fit-tipi ta’ operazzjonijiet tal-gwerra li jintużaw mill-Federazzjoni Russa u l-użu ta’ miżuri politiċi, diplomatiċi u oħrajn mhux militari flimkien mal-użu tal-forza militari. Gerasimov iddikjara li l-ispazju tal-informazzjoni jiftaħ possibbiltajiet asimmetriċi wiesgħa biex jitnaqqas il-potenzjal tal-ġlied tal-għadu.

(2)

Fil-21 ta’ Settembru 2021, fis-sentenza tagħha fil-kawża ta’ Carter v ir-Russja (20914/07), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonkludiet li Alexander Litvinenko ġie avvelenat minn żewġ individwi li kienu qed jaġixxu taħt id-direzzjoni jew il-kontroll tal-awtoritajiet Russi.

(3)

Fid-9 ta’ Marzu 2022, il-Parlament Ewropew, f’riżoluzzjoni tiegħu dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluż id-diżinformazzjoni, iddikjara li r-Russja kienet qed tinvolvi ruħha f’diżinformazzjoni ta’ malizzja u kobor bla preċedent kemm fost il-mezzi tal-media tradizzjonali kif ukoll fil-pjattaformi tal-media soċjali, sabiex tqarraq biċ-ċittadini tagħha f’pajjiżhom u bil-komunità internazzjonali lejliet u matul il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna. Il-Parlament Ewropew issottolinja li r-Russja hija wieħed mill-pajjiżi li kellhom fil-mira tagħhom ġurnalisti u avversarji fl-Unjoni.

(4)

Fl-10 ta’ Mejju 2022, l-Unjoni u s-sħab internazzjonali tagħha kkundannaw bil-qawwa l-attività ċibernetika malizzjuża mwettqa mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, li kellha fil-mira n-network satellitari KA-SAT, proprjetà ta’ Viasat. Dak l-attakk ċibernetiku seħħ siegħa qabel l-invażjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna mir-Russja fl-24 ta’ Frar 2022, u b’hekk iffaċilita l-aggressjoni militari, u kien eżempju ieħor tax-xejra ripetittiva tar-Russja ta’ mġiba irresponsabbli fiċ-ċiberspazju.

(5)

Fid-19 ta’ Lulju 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) ikkundanna l-attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi mwettqa fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u l-attakki distribwiti ta’ ċaħda ta’ servizz kontra diversi Stati Membri u sħab iddikjarati minn gruppi ta’ hackers favur ir-Russja.

(6)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea nnota li waqt li d-definizzjonijiet tat-theddidiet u l-kampanji ibridi jistgħu jvarjaw, jeħtieġ li jibqgħu flessibbli biex jippermettu reazzjonijiet xierqa għan-natura li qed tevolvi ta’ dawk it-theddid. F’dak il-kuntest, il-Kunsill ħa nota tal-kunċettwalizzazzjoni ta’ “theddid ibridu” u “kampanja ibrida” pprovduti mill-Kummissjoni u miċ-Ċentru Ewropew ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu fil-pubblikazzjoni “The landscape of Hybrid Threats: A Conceptual Model” (Ix-xenarju tat-Theddid Ibridu: Mudell Kunċettwali).

(7)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta’ Ġunju 2022, kif ukoll dawk tat-18 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill tenna l-appell lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni biex jippreżentaw għażliet, li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, għal miżuri definiti sew li jistgħu jittieħdu kontra atturi involuti fil-Manipulazzjoni tal-Informazzjoni u Interferenza minn Barranin (“FIMI”) meta jkun neċesssarju li jiġu protetti l-ordni pubbliku u s-sigurtà fl-Unjoni.

(8)

Fi Frar 2023, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ppubblika rapport dwar it-theddid tal-FIMI, fejn iddefinixxa l-FIMI bħala xejra ta’ mġiba fil-biċċa l-kbira mhux illegali li thedded jew li għandha l-potenzjal li tħalli impatt negattiv fuq il-valuri, il-proċeduri u l-proċessi politiċi. Tali attività hija ta’ natura manipulattiva u mwettqa b’mod intenzjonat u kkoordinat minn atturi statali jew mhux statali, inkluż il-forzi bi prokura tagħhom ġewwa u barra mit-territorju tagħhom stess.

(9)

Fit-3 ta’ Frar 2023, f’dikjarazzjoni wara l-24 summit bejn l-UE u l-Ukrajna, l-Unjoni kkonfermat mill-ġdid is-solidarjetà tagħha mal-Ukrajna fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu u l-attakki ċibernetiċi u l-impenn tagħha li tkompli l-appoġġ tagħha f’dan ir-rigward. L-Unjoni u l-Ukrajna rrikonoxxew l-importanza tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-indirizzar tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza Russi kkontrollati mill-Istat, inkluż id-diżinformazzjoni, kif ukoll il-bini tar-reżiljenza fit-trasformazzjoni diġitali tal-Ukrajna.

(10)

Fl-1 ta’ Ġunju 2023, il-Parlament Ewropew f’riżoluzzjoni dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni, inkluż id-diżinformazzjoni, enfasizza li r-Russja tuża firxa ta’ metodi differenti ta’ interferenza, inkorporati fi strateġija akbar, biex tagħmel ħsara, tħawwad, taħbi, iddgħajjef u tifred lill-Istati Membri u l-viċinat tagħha.

(11)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill Ewropew ikkundanna l-attakki ibridi kollha, inkluż l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti minn pajjiżi terzi għal finijiet politiċi, u ddikjara li jibqa’ determinat li jiżgura kontroll effettiv tal-fruntieri esterni tal-Unjoni. Il-Kunsill Ewropew issottolinja li l-Unjoni tinsab determinata li tiġġieled fil-fruntieri esterni tagħha l-attakki ibridi li għaddejjin mnedija mill-Federazzjoni Russa.

(12)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 u t-18 ta’ April 2024, il-Kunsill Ewropew issottolinja, fil-kuntest tal-elezzjonijiet Ewropej, id-determinazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li jrażżnu kwalunkwe riskju li jirriżulta mill-FIMI fil-proċessi elettorali.

(13)

L-istrumentalizzazzjoni tal-migranti, kif imsemmi fl-Artikolu 1(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1359 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (1), tista’ tpoġġi f’riskju l-funzjonijiet essenzjali ta’ Stat Membru, inkluż iż-żamma tal-ordni pubbliku jew is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali tiegħu.

(14)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill irrikonoxxa li l-atturi statali u mhux statali qed jużaw dejjem aktar tattiċi ibridi, li joħolqu theddida dejjem akbar għas-sigurtà tal-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u s-sħab tagħha u appella lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-ħidma biex jimmonitorjaw it-tentattivi minn atturi barranin biex jinterferixxu fil-proċess demokratiku tal-Unjoni.

(15)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta’ Ġunju 2024, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bil-qawwa t-tipi kollha ta’ attivitajiet ibridi, li qed jiżdiedu u huma mmirati lejn l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u s-sħab tagħha, inkluż l-intimidazzjoni, is-sabotaġġ, is-sovverżjoni, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza minn barranin, id-diżinformazzjoni, l-attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi u l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti minn pajjiżi terzi, u enfasizza li r-Russja intensifikat il-kampanja tagħha b’operazzjonijiet attivi ġodda fit-territorju Ewropew. Il-Kunsill Ewropew appella, fost l-oħrajn, biex titmexxa ’l quddiem il-ħidma fil-Kunsill biex jiġi stabbilit reġim ġdid ta’ sanzjonijiet fid-dawl tat-theddid ibridu.

(16)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri restrittivi kontra persuni, entitajiet jew korpi responsabbli għall-implimentazzjoni jew l-appoġġ ta’ azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu l-valuri fundamentali tal-Unjoni u s-sigurtà, l-indipendenza u l-integrità tagħha, kif ukoll l-istabbiltà, is-sigurtà jew l-indipendenza tal-Istati Membri tagħha, ta’ organizzazzjoni internazzjonali jew ta’ pajjiżi terzi, jew is-sovranità tal-Istati Membri jew pajjiżi terzi. Tali miżuri restrittivi mmirati ser isegwu l-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u jikkontribwixxu għall-azzjonijiet tal-Unjoni biex tissalvagwardja l-valuri, l-interessi fundamentali, is-sigurtà, l-indipendenza u l-integrità tagħha, biex tikkonsolida u tappoġġa d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, u biex tipprevjeni l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali f’konformità mal-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 21(2) TUE.

(17)

Tali miżuri huma konsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà, kif rikonoxxut fl-Artikoli 11, 16 u 17 tagħha. B’mod partikolari, tali l-miżuri ma jimmodifikawx l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6 TUE, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u fil-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom.

(18)

Sabiex tiżdied il-konsistenza bejn ir-reġimi ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni u ma’ dawk il-miżuri adottati mill-KSNU jew mill-Kumitati tas-Sanzjonijiet tiegħu, u biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem, huwa xieraq li tiġi introdotta eżenzjoni mill-miżuri ta’ ffriżar tal-assi applikabbli għal, u r-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni ta’, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati taħt din id-Deċiżjoni, għall-benefiċċju tal-atturi msemmija fil-UNSCR 2664 (2022), organizzazzjonijiet u aġenziji li lilhom l-Unjoni tkun tat iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja, organizzazzjonijiet u aġenziji li jkunu ġew iċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru, u l-aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li jiġi introdott mekkaniżmu ta’ deroga għal dawk l-organizzazzjonijiet u l-atturi involuti f’attivitajiet umanitarji li ma jistgħux jibbenefikaw minn dik l-eżenzjoni. Il-Kunsill iqis ukoll li jenħtieġ li jiġi applikat mekkaniżmu ta’ deroga, minflok l-eżenzjoni, f’każijiet fejn il-Kunsill ikun iddetermina li jkun meħtieġ skrutinju mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali minħabba riskju ogħla li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi pprovduti jintużaw ħażin għal finijiet oħra li ma jkunux ta’ assistenza umanitarja.

(19)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta’ persuni fiżiċi, kif elenkati fl-Anness, li:

(a)

huma responsabbli għal, li jimplimentaw, jappoġġaw, jew jibbenefikaw minn azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni jew f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, f’organizzazzjoni internazzjonali jew f’pajjiż terz, jew li jdgħajfu jew jheddu s-sovranità jew l-indipendenza ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, jew ta’ pajjiż terz, permezz ta’ kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment dirett jew indirett fi, jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor tat-tfixkil jew l-imminar tal-proċess politiku demokratiku, inkluż billi jostakolaw jew jimminaw l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet jew jippruvaw jiddestabbilizzaw jew iwaqqgħu l-ordni kostituzzjonali;

(ii)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment dirett jew indirett fi, l-appoġġ jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor ta’ dimostrazzjonijiet vjolenti;

(iii)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment dirett jew indirett fi, l-appoġġ jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor ta’ atti ta’ vjolenza, inkluż attivitajiet li jsikktu, jintimidaw, jisforzaw, jew iwasslu għal tpattija kontra persuni li jikkritikaw l-azzjonijiet jew il-politiki tal-Federazzjoni Russa;

(iv)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment dirett jew indirett fi, l-appoġġ jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor tal-użu ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza koordinati;

(v)

l-ippjanar ta’ kwalunkwe azzjoni mmirata kontra l-funzjonament ta’ istituzzjonijiet demokratiċi, attivitajiet ekonomiċi jew servizzi ta’ interess pubbliku, id-direzzjoni tagħha, l-involviment, dirett jew indirett fiha, jew l-appoġġ jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor tagħha, inkluż permezz ta’ dħul mhux awtorizzat fit-territorju ta’ Stat Membru, inkluż l-ispazju tal-ajru tiegħu, jew bl-għan li jinterferixxu ma’ infrastruttura kritika, inkluż l-infrastruttura sottomarina, jagħmlulha ħsara jew jeqirduha, inkluż permezz ta’ sabotaġġ jew attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi bħala parti minn attivitajiet ibridi;

(vi)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment dirett jew indirett fi, l-appoġġ jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor tal-istrumentalizzazzjoni ta’ migranti kif imsemmija fl-Artikolu 1(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1359;

(vii)

l-isfruttar ta’ kunflitt armat, instabbiltà jew insigurtà, inkluż permezz ta’ sfruttament jew kummerċ illeċitu ta’ riżorsi naturali u ħajja selvaġġa f’pajjiż terz;

(viii)

l-inċitament jew l-iffaċilitar ta’ kunflitt armat f’pajjiż terz;

(b)

huma assoċjati mal-persuni fiżiċi elenkati fil-punt (a);

(c)

jappoġġaw lill-persuni fiżiċi involuti f’attivitajiet imsemmija fil-punt (a).

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru li jirrifjuta d-dħul liċ-ċittadini tiegħu stess fit-territorju tiegħu.

3.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet li fihom Stat Membru jkun marbut minn obbligu taħt id-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(a)

bħala pajjiż ospitanti għal organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b)

bħala pajjiż ospitanti għal konferenza internazzjonali msejħa min-Nazzjonijiet Uniti (NU), jew taħt l-awspiċji tagħha;

(c)

bi ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet; jew

(d)

taħt it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni tal-1929 (il-Patt Lateran) konkluż mis-Santa Sede (Stat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

4.   Il-paragrafu 3 għandu japplika wkoll meta Stat Membru jkun pajjiż ospitanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

5.   Il-Kunsill għandu jkun infurmat debitament fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafi 3 jew 4.

6.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti skont il-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’ bżonn umanitarju urġenti, jew għal raġunijiet ta’ attendenza għal laqgħat intergovernattivi, jew dawk promossi jew ospitati mill-Unjoni jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza attwali tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament l-objettivi ta’ politika ta’ dawk il-miżuri.

7.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti skont il-paragrafu 1 fejn id-dħul jew it-tranżitu jkun neċessarju għall-fini ta’ proċess ġudizzjarju, inkluż il-proċeduri ta’ konsenja u estradizzjoni.

8.   Stat Membru li jixtieq jagħti l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 jew 7 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. Eżenzjoni għandha titqies li tkun ingħatat sakemm ma joġġezzjonax membru wieħed jew aktar tal-Kunsill bil-miktub fi żmien jumejn ta’ xogħol minn meta tasal in-notifika dwar l-eżenzjoni proposta. Jekk membru wieħed jew aktar tal-Kunsill iqajmu oġġezzjoni, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

9.   Fejn, skont il-paragrafu 3, 4, 6, 7 jew 8, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-tranżitu minnu, ta’ persuna elenkata fl-Anness, dik l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-fini li għalih hija ġiet mogħtija lill-persuna kkonċernata minnha.

Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma:

(a)

responsabbli għal, li jimplimentaw, jappoġġaw, jew jibbenefikaw minn azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni, jew f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, f’organizzazzjoni internazzjonali jew f’pajjiż terz, jew li jdgħajfu jew jheddu s-sovranità jew l-indipendenza ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, jew ta’ pajjiż terz, permezz ta’ kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment dirett jew indirett fi, jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor tat-tfixkil jew l-imminar tal-proċess politiku demokratiku, inkluż billi jostakolaw jew jimminaw l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet jew jippruvaw jiddestabbilizzaw jew iwaqqgħu l-ordni kostituzzjonali;

(ii)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment, dirett jew indirett fi, l-appoġġ jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor ta’ dimostrazzjonijiet vjolenti;

(iii)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment dirett jew indirett fi, l-appoġġ jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor ta’ atti ta’ vjolenza, inkluż attivitajiet li jsikktu, jintimidaw, jisforzaw, jew iwasslu għal tpattija kontra persuni li jikkritikaw l-azzjonijiet jew il-politiki tal-Federazzjoni Russa;

(iv)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment, dirett jew indirett fi, l-appoġġ jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor tal-użu ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza koordinati;

(v)

l-ippjanar ta’ kwalunkwe azzjoni mmirata kontra l-funzjonament ta’ istituzzjonijiet demokratiċi, attivitajiet ekonomiċi jew servizzi ta’ interess pubbliku, id-direzzjoni tagħha, l-involviment, dirett jew indirett fiha, jew l-appoġġ jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor tagħha, inkluż permezz ta’ dħul mhux awtorizzat fit-territorju ta’ Stat Membru, inkluż l-ispazju tal-ajru tiegħu, jew bl-għan li jinterferixxu ma’ infrastruttura kritika, inkluż l-infrastruttura sottomarina, jagħmlulha ħsara jew jeqirduha, inkluż permezz ta’ sabotaġġ jew attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi bħala parti minn attivitajiet ibridi;

(vi)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment dirett jew indirett fi, l-appoġġ jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor tal-istrumentalizzazzjoni ta’ migranti kif imsemmija fl-Artikolu 1(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1359;

(vii)

l-isfruttar ta’ kunflitt armat, instabbiltà jew insigurtà, inkluż permezz ta’ sfruttament jew kummerċ illeċitu ta’ riżorsi naturali u ħajja selvaġġa f’pajjiż terz;

(viii)

l-inċitament jew l-iffaċilitar ta’ kunflitt armat f’pajjiż terz;

(b)

assoċjati mal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fil-punt (a);

(c)

jappoġġaw lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti f’attivitajiet imsemmija fil-punt (a);

kif elenkat fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.

3.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li jsiru disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont il-kundizzjonijiet li jqisu bħala xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

(a)

neċessarji biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness u l-membri tal-familji dipendenti tagħhom, inklużi pagamenti għal ikel, kera jew ipoteki, mediċini u kura medika, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta’ servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-pagament ta’ tariffi professjonali raġonevoli u għar-rimborż ta’ spejjeż imġarrba li huma assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

(c)

maħsuba esklużivament għall-pagament ta’ tariffi jew imposti ta’ servizzi ta’ kustodja jew ġestjoni normali ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d)

neċessarji għal spejjeż straordinarji, dment li l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, tal-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e)

iridu jitħallsu fi jew jinħarġu minn kont ta’ missjoni diplomatika jew uffiċċju konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet skont id-dritt internazzjonali, sa fejn tali pagamenti jkunu maħsuba biex jintużaw għall-finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew l-uffiċċju konsulari jew l-organizzazzjoni internazzjonali;

(f)

neċessarji għall-funzjonament tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-Unjoni u tal-Istati Membri jew pajjiżi sħab fir-Russja, inkluż delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, jew organizzazzjonijiet internazzjonali fir-Russja li jgawdu minn immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali; jew

(g)

neċessarji għall-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika minn operaturi tat-telekomunikazzjoni tal-Unjoni, u għall-forniment ta’ faċilitajiet u servizzi assoċjati neċessaarji għat-tħaddim, il-manutenzjoni u s-sigurtà ta’ tali servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika.

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 3 fi żmien ġimgħatejn minn dik l-awtorizzazzjoni.

5.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-soġġett ta’ deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu ġew elenkati fl-Anness, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jiġu ssodisfati pretensjonijiet iggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

6.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 5 fi żmien ġimagħtejn minn dik l-awtorizzazzjoni.

7.   Il-paragrafu 1 ma għandux iżomm lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati milli jagħmlu pagament dovut skont kuntratt li jkunu daħlu għalih qabel id-data li fiha t-tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikunu ġew elenkati fl-Anness, dment li l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermina li l-pagament ma jiġix riċevut direttament jew indirettament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-paragrafu 1.

8.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta’:

(a)

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2; jew

(c)

pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fl-Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat;

dment li kwalunkwe tali mgħax, dħul ieħor u pagament bħal dan jibqa’ soġġett għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

Artikolu 3

1.   L-Artikolu 2(1) u (2) ma għandux japplika għall-forniment, l-ipproċessar jew il-pagament ta’ fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra jew għall-forniment ta’ oġġetti u servizzi li jkunu neċessarji biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex jappoġġaw attivitajiet oħra li jappoġġaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem fejn tali assistenza u attivitajiet oħra jitwettqu minn:

(a)

in- NU, inkluż il-programmi, il-fondi u entitajiet u korpi oħra tagħha, kif ukoll l-aġenziji speċjalizzati u l-organizzazzjonijiet relatati tagħha;

(b)

organizzazzjonijiet internazzjonali;

(c)

organizzazzjonijiet umanitarji bi status ta’ osservatur mal-Assemblea Ġenerali tan-NU u membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet umanitarji;

(d)

organizzazzjonijiet mhux governattivi ffinanzjati bilateralment jew multilateralment li jipparteċipaw fil-Pjanijiet ta’ Rispons Umanitarju tan-NU, il-Pjanijiet ta’ Rispons għar-Refuġjati tan-NU, appelli oħra tan-NU jew raggruppamenti umanitarji koordinati mill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji;

(e)

organizzazzjonijiet u aġenziji li lilhom l-Unjoni tkun tat iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja jew li jkunu ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru f’konformità ma’ proċeduri nazzjonali;

(f)

aġenziji speċjalizzati tal-Istati Membri; jew

(g)

impjegati, benefiċjarji, sussidjarji jew sħab inkarigati mill-implimentazzjoni tal-entitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (f) waqt li u sakemm ikunu qed jaġixxu f’dawk il-kapaċitajiet.

2.   L-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi identifikati b’asterisk fl-Anness.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, u b’deroga mill-Artikolu 2(1) u (2), l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew id-disponibbiltà ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont il-kundizzjonijiet li jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-forniment ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jkun neċessarju biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jsostnu l-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem.

4.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva, talba għall-informazzjoni jew notifika għal iktar żmien mill-awtorità kompetenti rilevanti fi żmien 5 ijiem tax-xogħol mid-data tal-wasla ta’ talba għall-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1, dik l-awtorizzazzjoni għandha titqies li ngħatat.

5.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu fi żmien 4 ġimgħat minn tali awtorizzazzjoni.

Artikolu 4

1.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’unanimità fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), għandu jiddeċiedi li jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni skont il-paragrafu 1, inkluż ir-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernati, kemm direttament jekk l-indirizz ikun magħruf, jew inkella permezz tal-pubblikazzjoni ta’ notifika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tipprovdi lil tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp b’opportunità li jippreżentaw xi osservazzjonijiet.

3.   Fejn jiġu ppreżentati xi osservazzjonijiet jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni skont il-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernati kif meħtieġ.

Artikolu 5

1.   L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikoli 1 u 2.

2.   L-Anness għandu jinkludi, fejn tkun disponibbli, l-informazzjoni neċessarja għall-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi kkonċernati. Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi: l-ismijiet u l-psewdonomi; id-data u l-post tat-twelid; in-nazzjonalità; in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità; il-ġeneru; l-indirizz, jekk ikun magħruf; u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, gruppi, entitajiet jew korpi, din l-informazzjoni tista’ tinkludi: l-ismijiet; il-post u d-data tar-reġistrazzjoni; in-numru tar-reġistrazzjoni; u l-post tan-negozju.

Artikolu 6

1.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari:

(a)

fir-rigward tal-Kunsill, għat-tħejjija u l-emendar tal-Anness;

(b)

fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, għat-tħejjija ta’ emendi għall-Anness.

2.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti relatata ma’ reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, ma’ kundanni kriminalita’ tali persuni jew ma’ miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw lil tali persuni, biss sa fejn dan l-ipproċessar ikun neċessarju għat-tħejjija tal-Anness.

3.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli huma maħtura bħala “kontrolluri” fis-sens tal-Artikolu 3, il-punt (8), tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), sabiex jiġi żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont dak ir-Regolament.

Artikolu 7

1.   L-ebda pretensjoni marbuta ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inkluż pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-pagament ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness;

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’ waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-punt (a), jew f’isimhom.

2.   Fi kwalunkwe proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ pretensjoni, l-oneru tal-prova li l-issodisfar tal-pretensjoni mhux ipprojbit bil-paragrafu 1 għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, il-grupp, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-eżekuzzjoni ta’ dik il-pretensjoni.

3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, il-gruppi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tan-noneżekuzzjoni ta’ obbligi kuntrattwali f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, bil-ħsieb jew intenzjonata, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun iċ-ċirkomvenzjoni tal-projbizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni, inkluż bil-parteċipazzjoni f’tali attivitajiet mingħajr it-tfittxija b’mod deliberat ta’ dak l-għan jew l-effett iżda bl-għarfien li l-parteċipazzjoni jista’ jkollha dak l-għan jew l-effett u l-aċċettazzjoni ta’ dik il-possibbiltà.

Artikolu 9

Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sad-9 ta’ Ottubru 2025.

Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li ma jkunux intlaħqu l-objettivi tagħha.

L-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3, fir-rigward tal-Artikolu 2(1) u (2), għandhom jiġu rieżaminati f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar jew fuq talba urġenti ta’ kwalunkwe Stat Membru, tar-Rappreżentant Għoli jew tal-Kummissjoni wara bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi.

Artikolu 11

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

VARGA M.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1359 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li tindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1147 (ĠU L, 2024/1359, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1359/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikoli 1(1) u 2(1)

(…)


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2643/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)