17.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 97/17


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ April 2010

dwar miżuri ta’ emerġenza applikabbli għal kunsinni ta’ prodotti tas-sajd tal-akkwakultura importati mill-Indoneżja u li huma intenzjonati għall-konsum mill-bniedem

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 2358)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/220/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-riżultati ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni fl-Indoneżja f’Novembru 2009 żvelaw nuqqasijiet fir-rigward tas-sistema tal-kontroll tar-residwi fl-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tas-sajd tal-akkwakultura u nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ laboratorji xierqa għas-sejba ta’ residwi ta’ ċerti sustanzi farmakoloġikament attivi f’annimali tal-akkwakultura u prodotti tas-sajd tal-akkwakultura kif jirrikjedu d-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta’ April 1996 dwar miżuri għall-monitoraġġ ta’ ċerti sustanzi u residwi tagħhom f’annimali ħajjin u prodotti tal-annimali u li tħassar id-Direttivi 85/358/KEE u 86/469/KEE u d-Deċiżjonijiet 89/187/KEE u 91/664/KEE (2) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/657/KE tal-14 ta’ Awwissu 2002 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE dwar il-prestazzjoni tal-metodi analitiċi u l-interpretazzjoni tar-riżultati (3).

(2)

Minħabba f’hekk hemm riskju li l-prodotti tas-sajd tal-akkwakultura intiżi għall-konsum mill-bniedem importati mill-Indoneżja jkun fihom residwi ta’ ċerti sustanzi farmakoloġikament attivi li jintużaw biex jissieltu l-mard jew iqawwu l-produttività fl-annimali tal-akkwakultura li huma dannużi għalsaħħet il-bniedem. Dawn is-sustanzi huma, b’mod partikolari: il-chloramphenicol, in-nitrofurans, u t-tetracyclines. Għaldaqstant, għandhom jittieħdu miżuri biex dak ir-riskju jiġi mitigat. Il-miżuri għandhom ikunu proporzjonali bla ma jrażżnu l-kummerċ aktar milli hu meħtieġ biex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

(3)

Jekk porzjon sinifikanti tal-prodotti tal-akkwakultura importati mill-Indoneżja jiġi suġġett għal testijiet obbligatorji għar-residwi rilevanti qabel ma dawn il-prodotti jitqiegħdu fis-suq, ir-riskju li l-kunsinni li fihom ir-residwi jitqiegħdu fis-suq jitnaqqas, ikun hemm informazzjoni iktar preċiża dwar il-kontaminazzjoni attwali bir-residwi fil-prodotti tas-sajd Indoneżjani u l-produtturi fl-Indoneżja jitgerrxu milli jużaw ħażin is-sustanzi inkwistjoni.

(4)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti uniformi tal-ittestjar għall-importazzjoni tal-kunsinni tal-prodotti tas-sajd tal-akkwakultura fl-Indoneżja f’livell minimu definit peress li l-prodotti jistgħu jiġu importati minn għadd ta’ Stati Membri.

(5)

L-Istati Membri huma mitluba jirrapportaw lill-Kummissjoni s-sejba ta’ preżenza ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi mhux awtorizzati għall-użu fl-annimali li jipproduċu l-ikel permezz tar-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jew residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi f’livelli li jisbqu l-limiti massimi ta’ residwi stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 permezz tas-Sistema ta’ Twissija Rapida mwaqqfa permezz tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u jissottomettu regolarment rapporti tat-testijiet kollha biex jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni neċessarja ħalli tikkunsidra jekk hemmx il-ħtieġa li tinżamm jew tiġi modifikata din il-miżura interim fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta.

(6)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-importazzjoni ta’ kunsinni ta’ prodotti tas-sajd tal-akkwakultura mill-Indoneżja maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom, permezz ta’ pjanijiet xierqa dwar it-teħid tal-kampjuni, jiżguraw li l-kampjuni jittieħdu minn tal-anqas 20 % tal-kunsinni msemmija fl-Artikolu 1 ippreżentati għall-importazzjoni fil-Postazzjonijiet tal-Ispezzjoni fuq il-Fruntieri tat-territorju tagħhom.

2.   Il-kampjuni mittieħda skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu suġġetti għal testijiet analitiċi għas-sejba ta’ residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi mfissra fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 470/2009, u b’mod partikolari l-chloramphenicol, il-metaboliti tan-nitrofurans u t-tetracyclines (tal-anqas it-tetracycline, l-oxytetracycline u l-chlortetracycline).

Artikolu 3

Il-kunsinni li minnhom ikunu ttieħdu l-kampjuni skont l-Artikolu 2(1) għandhom jinżammu taħt detenzjoni uffiċjali mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm jitlestew it-testijiet analitiċi. Dawk il-kunsinni jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk ir-riżultati tat-testijiet analitiċi jikkonfermaw il-konformità tal-kunsinni mar-Regolament (KE) Nru 470/2009.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni bir-riżultati tat-testijiet analitiċi jew dawk it-testijiet jiżvelaw:

(a)

il-preżenza ta’ kwalunkwe sustanzi farmakoloġikament attivi klassifikati skont l-Artikolu 14(2)(a), (b) jew (c) tar-Regolament (KE) Nru 470/2009 f’livelli li jisbqu l-limitu massimu ta’ residwu stabbilit skont dak ir-Regolament; jew

(b)

il-preżenza ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi mhux klassifikati skont l-Artikolu 14(2)(a), (b) jew (c) tar-Regolament (KE) Nru 470/2009 ħlief fejn ġie ffissat punt ta’ referenza għal azzjoni għal dik is-sustanza skont dan ir-Regolament jew id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/657/KE tat-12 ta’ Awwissu 2002 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE dwar il-prestazzjoni tal-metodi analitiċi u l-interpretazzjoni tar-riżultati (5) u l-livell ta’ residwi ma jkunx ugwali għal dak il-punt ta’ referenza għal azzjoni jew jeċċedih.

Ir-riżultati ta’ dawk it-testijiet għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tas-sistema ta’ twissija rapida mwaqqfa permezz tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

2.   Kull tliet xhur, l-Istati Membri għandhom iħejju rapport li jagħti rendikont tar-riżultati kollha tat-testijiet analitiċi kollha mwettqa fit-tliet xhur ta’ qabel fuq kunsinni ta’ prodotti tas-sajd tal-akkwakultura mill-Indoneżja maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

Dawn ir-rapporti għandhom jitressqu lill-Kummissjoni matul ix-xahar ta’ wara kull perjodu, f’April, Lulju, Ottubru, u Jannar.

Artikolu 5

In-nefqa kollha li tkun saret biex tiġi applikata din id-Deċiżjoni għandha tiġi mħallsa mill-kunsinnatur, mid-destinatarju jew mill-aġent ta’ wieħed minnhom.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ April 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)   ĠU L 125, 23.5.1996, p. 10.

(3)   ĠU L 221, 17.8.2002, p. 8.

(4)   ĠU L 152, 16.6.2009, p. 11.

(5)   ĠU L 221, 17.8.2002, p. 8.