|
2.9.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 286/5 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1243
tal-1 ta’ Settembru 2020
dwar l-estensjoni tad-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd mit-tartaruni għall-makku u l-makku ferreri (Aphia minuta u Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris) f’ċerti ilmijiet territorjali ta’ Spanja (il-Gżejjer Baleariċi)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi l-użu ta’ rkaptu rmunkat fl-inħawi ta’ tliet mili nawtiċi tal-kosta jew fl-isobath ta’ 50 metru fejn jintlaħaq dak il-fond f’distanza iqsar mill-kosta. |
|
(2) |
Fuq talba ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tippermetti deroga mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, dment li jiġu ssodisfati għadd ta’ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9). |
|
(3) |
Ingħatat deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) għas-sajd mit-tartaruni għall-makku u l-makku ferreri (Aphia minuta u Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris) fl-ibħra territorjali Spanjoli tal-Gżejjer Baleariċi għall-ewwel darba sal-31 ta’ Diċembru 2016 permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1233/2013 (2). Dik id-deroga kienet ibbażata fuq deroga addizzjonali mid-daqs minimu tal-malji adottata minn Spanja skont l-Artikolu 9(7) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 minħabba li mingħajrha, is-sajd rilevanti ma kienx isir u kien ikollu jieqaf. |
|
(4) |
Ingħatat estensjoni tad-deroga sal-31 ta’ Diċembru 2019 permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/662 (3), filwaqt li tqies il-pjan ta’ ġestjoni għas-sajd li għalih tapplika d-deroga stabbilit minn Spanja skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(5) |
Fit-3 ta’ Settembru 2019, l-awtoritajiet Spanjoli talbu lill-Kummissjoni biex testendi d-deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2019. Spanja pprovdiet abbozz tal-pjan ta’ ġestjoni l-ġdid għall-perjodu 2019-2022 li se jiġi rregolat mir-regoli nazzjonali eżistenti (4). Spanja pprovdiet informazzjoni aġġornata biex tiġġustifika t-tiġdid tad-deroga. |
|
(6) |
Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta l-abbozz tal-pjan ta’ ġestjoni f’Novembru 2019 (5) u t-talba għall-estensjoni tad-deroga f’Marzu 2020 (6). |
|
(7) |
L-STECF ikkonkluda li l-pjan ta’ ġestjoni għat-tartaruni fil-Gżejjer Baleariċi fil-perjodu 2016-2019 kien implimentat kif suppost u li l-kundizzjonijiet li fuqhom ingħatat id-deroga rigward id-distanza minima mill-kosta u l-fond fl-2016 baqgħu jiġu ssodisfati. L-STECF jinnota li l-irkaptu tas-sajd jidher li huwa selettiv ħafna. |
|
(8) |
L-STECF issuġġerixxa ċerti aġġustamenti, b’mod partikolari billi tiġi stabbilita TAC ġdida skont il-qabdiet reċenti u billi jiġi ċċarat it-trikkib possibbli f’żewġ bajjiet fis-sajd bil-Jonquiller li għandu fil-mira l-makku u l-qigħan tal-ħaxix tal-baħar. |
|
(9) |
Fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-STECF, il-Kummissjoni tinnota li f’ittra mibgħuta lill-Kummissjoni fl-4 ta’ Ġunju 2020 (7), l-awtoritajiet Spanjoli impenjaw ruħhom li jallinjaw il-Qabda Totali Permissibbli (TAC) staġonali mal-qabdiet medji osservati fis-snin reċenti u li jniedu studju xjentifiku biex jiċċaraw jekk is-sajd jinteraġixxix mal-qigħan tal-ħaxix tal-baħar fiż-żewġ bajjiet ikkonċernati. Spanja impenjat ruħha wkoll li tipprojbixxi s-sajd fiż-żewġ bajjiet ikkonċernati mill-inqas sakemm l-STECF ikun ivvaluta l-istudju xjentifiku u li tinforma lill-Kummissjoni dwar is-segwitu tal-impenji msemmijin hawn fuq. |
|
(10) |
Id-deroga li talbet Spanja tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(11) |
Jeżistu limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi meta wieħed iqis id-daqs limitat tal-blata kontinentali u d-distribuzzjoni spazjali tal-ispeċi fil-mira, li hija limitata esklużivament għal ċerti żoni fiż-żoni kostali f’fond li jkun anqas minn 50 metru. |
|
(12) |
Is-sajd ma għandu l-ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar, minħabba li t-tartaruni jinġibdu fil-kolonna tal-ilma. Minħabba l-użu tal-ekosondi, is-sajd huwa selettiv ħafna bi ftit qabdiet inċidentali. Barra minn hekk, il-qabda mhux mixtieqa jiġu rilaxxati immedjatament ħajjin b’sopravvivenza għolja ħafna. |
|
(13) |
Id-deroga li talbet Spanja taffettwa għadd limitat ta’ 55 bastiment. |
|
(14) |
Is-sajd ma jistax isir bi rkaptu ieħor, minħabba li t-tartaruni huma l-uniku rkaptu rregolat li huwa permess li jaqbad dawn it-tliet speċijiet fil-mira li jgħixu fi ġliba fl-ilmijiet kostali baxxi. |
|
(15) |
It-talba tkopri l-bastimenti rreġistrati f’ċensiment marittimu ġestit mid-Direttorat Ġenerali għas-Sajd u l-Ambjent tal-Baħar tal-Gżejjer Baleariċi li għandhom esperjenza vasta ta’ aktar minn ħames snin fis-sajd u jaħdmu skont il-pjan ta’ ġestjoni li jirregola s-sajd mit-tartaruni għall-makku u l-makku ferreri (Aphia minuta u Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris). Dawk il-bastimenti jinsabu f’lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(16) |
Il-pjan ta’ ġestjoni jiggarantixxi li fil-ġejjieni mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd, billi l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu biss lil 55 bastiment speċifikati, kull wieħed limitat għal 12 m fid-daqs u 198,5 kW fil-potenza. Barra minn hekk, huma stabbiliti tunnellaġġ u potenza akkumulati massimi, u s-sajd jieqaf sal-istaġun tas-sajd li jmiss jekk tintlaħaq it-TAC staġonali. |
|
(17) |
L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 li jippermetti s-sajd ’il fuq mill-ħabitats protetti jekk is-sajd isir mingħajr ma jintmess il-qiegħ tal-ħaxix tal-baħar b’ċerti kundizzjonijiet. |
|
(18) |
Barra minn hekk, is-sajd ikkonċernat ma kienx jista’ jsir mingħajr deroga mid-daqs applikabbli tal-malji. |
|
(19) |
Madankollu, minħabba li s-sajd ikkonċernati huwa selettiv ħafna, għandu effett negliġibbli fuq l-ambjent u mhuwiex affettwat mid-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, fil-passat Spanja awtorizzat id-deroga mid-daqs minimu tal-malji abbażi tal-Artikolu 9(7) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(20) |
L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 tħassar bir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Madankollu, skont il-punt 4 tal-parti B tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241, id-derogi mid-daqsijiet minimi tal-malji adottati abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, li kienu fis-seħħ fl-14 ta’ Awwissu 2019, jistgħu jkomplu japplikaw, dment li ma jwasslux għaż-żieda fil-qabdiet tal-ħut li għadu qed jikber. Din id-deroga estiża tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(5) u fil-punt 4 tal-Parti B tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241, peress li ma twassalx għal deterjorament tal-istandards ta’ selettività, b’mod partikolari f’termini ta’ żieda fil-qabdiet ta’ ħut li jkun għadu qed jikber, li kienu jeżistu fl-14 ta’ Awwissu 2019 u għandha l-għan li tikseb l-objettivi u l-miri stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dak ir-Regolament. |
|
(21) |
L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (9). |
|
(22) |
Is-sajd ikkonċernat isir f’distanza qasira ħafna mill-kosta u għaldaqstant ma jfixkilx l-attivitajiet tas-sajd ta’ bastimenti oħra. |
|
(23) |
Is-sajd ikkonċernat huwa rregolat fil-pjan ta’ ġestjoni Spanjol biex jiġi żgurat li l-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmija fl-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 ikun minimu. |
|
(24) |
It-tartaruni ma għandhomx fil-mira ċ-ċefalopodi. |
|
(25) |
Il-pjan ta’ ġestjoni Spanjol fih miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(26) |
Għalhekk jenħtieġ li tingħata d-deroga mitluba. |
|
(27) |
Jenħtieġ li Spanja tirrapporta lill-Kummissjoni fi żmien xieraq u f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ previst fil-pjan ta’ ġestjoni Spanjol. |
|
(28) |
B’limitu fit-tul tad-deroga jkunu jistgħu jittieħdu miżuri ta’ ġestjoni korrettivi fil-pront, f’każ li l-monitoraġġ tal-pjan ta’ ġestjoni jkun juri status ta’ konservazzjoni dgħajjef għall-istokk sfruttat, filwaqt li jkun hemm lok li titjieb il-bażi xjentifika għal pjan ta’ ġestjoni aħjar. Jenħtieġ li t-tmiem tad-deroga tiġi ffissata fi tmiem l-istaġun tas-sajd. Għalhekk, jenħtieġ li d-deroga tapplika sat-30 ta’ April 2023. |
|
(29) |
Billi d-deroga li ngħatat permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/662 skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2019, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità legali, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2020. Għal raġunijiet ta’ ċertezza tad-dritt, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza. |
|
(30) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Deroga
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika fl-ibħra territorjali ta’ Spanja maġenb il-kosta tal-Gżejjer Baleariċi għas-sajd għall-makku u l-makku ferreri (Aphia minuta u Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris) mit-tartaruni li qed jintużaw minn bastimenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:
|
(a) |
huma rreġistrati fiċ-ċensiment marittimu ġestit mid-Direttorat Ġenerali għas-Sajd u l-Ambjent tal-Baħar tal-Gżejjer Baleariċi; |
|
(b) |
għandhom aktar minn ħames snin esperjenza f’dan it-tip ta’ sajd u mhux se jiżdidilhom l-isforz tas-sajd fil-ġejjieni; |
|
(c) |
għandhom awtorizzazzjoni għas-sajd u joperaw skont il-pjan ta’ ġestjoni li adottat Spanja f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
Artikolu 2
Pjan ta’ monitoraġġ u rappurtar
Spanja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni rapport imfassal f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta’ ġestjoni msemmi fl-Artikolu 1(c), għall-ewwel darba sat-30 ta’ Settembru 2020 u, imbagħad, kull 12-il xahar.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ April 2023.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Settembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1233/2013 tad-29 ta’ Novembru 2013 li jistabbilixxi deroga mir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd mit-tartaruni għall-makku u l-makku ferreri (Aphia minuta u Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris) f’ċerti ilmijiet territorjali ta’ Spanja (il-Gżejjer Baleariċi) (ĠU L 322, 3.12.2013, p. 17).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/662 tal-25 ta’ April 2019 li jestendi d-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd bit-tartaruni għall-makku (Aphia minuta), għall-makku ferreri (Pseudaphia ferreri) u għall-arżnell (Spicara smaris) f’ċerti ilmijiet territorjali ta’ Spanja (il-Gżejjer Baleariċi) (ĠU L 112, 26.4.2019, p. 16).
(4) Decreto 19/2019, de 15 de marzo, por el que se establece el Plan de Gestión Pluriinsular para la Pesca con Artes de Tiro Tradicionales en aguas de las Illes Balears (BOIB No 035, 16.3.2019, p. 9442).
(5) Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd – Ir-rapport tat-62 laqgħa plenarja (PLEN-19-03), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2019, ISBN 978-92-76-14169-3, doi:10.2760/1597, JRC118961.
(6) Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd – Ir-rapport tat-63 laqgħa plenarja (PLEN-20-01), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2020, ISBN 978-92-76-18117-0, doi:10.2760/465398, JRC120479.
(7) Ares(2020)2879866.
(8) Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2009, p. 105).
(9) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).